Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Novembru 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Telekomunikazzjoni – Miżuri maħsuba sabiex inaqqsu l-ispiża tal-installazzjoni ta’ networks ta’ komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja – Direttiva 2014/61/UE – Aċċess għall-infrastruttura fiżika eżistenti – Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ir-rimedju kontra rifjut ta’ aċċess għal din l-infrastruttura – Artikolu 3(5) – Dritt li titressaq azzjoni quddiem l-organu nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim jew quddiem qorti – Għeluq il-proċeduri quddiem l-organu nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim f’każ li tinfetaħ azzjoni ġudizzjarja – Prinċipju ta’ effettività – Dritt għal rimedju effettiv”

Fil-Kawża C‑164/25,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Jannar 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Frar 2025, fil-proċedura

T - 2 družba za ustvarjanje, razvoj in trženje elektronskih komunikacij in opreme d.o.o.

vs

TELEKOM SLOVENIJE, d.d.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, T. von Danwitz, Viċi President, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ħames Awla, B. Smulders, J. Passer (Relatur) u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑29 ta’ Jannar 2026,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal T – 2 družba za ustvarjanje, razvoj in trženje elektronskih komunikacij in opreme d.o.o., minn R. Jerovšek u P. Malis, odvetnika,

–        għal TELEKOM SLOVENIJE, d.d., minn K. Zdolšek u S. Zdolšek, odvetnika,

–        għall-Gvern Sloven, minn N. Pintar Gosenca, A. Vran u A. Žagar, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino, bħala aġent, assistit minn F. Subrani, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Conte, O. Gariazzo u A. Kraner, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ April 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja (ĠU 2014, L 155, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn T – 2 družba za ustvarjanje, razvoj in trženje elektronskih komunikacij in opreme d.o.o (iktar ’il quddiem “T‑2”), li hija fornitur ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni u operatur ta’ network, u TELEKOM SLOVENIJE, d.d. (iktar ’il quddiem “Telekom”), li hija fornitur ta’ servizzi ta’ teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni kif ukoll operatur ta’ network, dwar ir-rifjut ta’ T‑2 li tagħti lil Telekom l-aċċess għall-infrastruttura fiżika eżistenti tagħha li tinsab fiż-żoni ta’ Srednja vas pri Šenčurju (is-Slovenja), ta’ Šenčur (is-Slovenja) u ta’ Primskovo (is-Slovenja) (iktar ’il quddiem l-“infrastruttura inkwistjoni”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2002/21

3        Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 37, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 8) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/21”), tħassret bid-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU 2018, L 321, p. 36, rettifiki fil-ĠU 2019, L 334, p. 164 u fil-ĠU 2020, L 419, p. 36).

4        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/21, intitolat “Dritt ta’ appell”, kien jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mekkaniżmi effettivi jeżistu fil-livell nazzjonali li taħthom kull utent jew impriża li tipprovdi networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi li tkun milquta b’deċiżjoni ta’ l-awtorità nazzjonali regolatorja jkollha d-dritt ta’ appell kontra d-deċiżjoni lil korp ta' appell li jkun indipendenti mill-partijiet involuti. [...]

[...]

2.      Fejn il-korp ta’ l-appell imsemmi fil-paragrafu 1 ma jkunx ta, natura ġudizzjarja, [...] id-deċiżjoni [tiegħu] għandha tkun suġġetta għar-reviżjoni [minn] qorti jew tribunal [...]

[...]”

5        L-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, intitolat “Riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn impriżi”, kien jipprevedi:

“1.      Fil-każ ta’ tilwim li jinqala’ b’konnessjoni ma’ l-obbligazzjonijiet li joħorġu taħt din id-Direttiva [...], l-awtorità nazzjonali regolatorja għandha, fuq it-talba ta’ xi waħda mill-partijiet, [...] toħroġ deċiżjoni li torbot biex tirriżolvi t-tilwim f’perjodu ta’ żmien l-anqas possibbli u f’kull każ fi żmien erba’ xhur ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali. [...]

[...]

5.      Il-proċedura msemmija [fil-paragrafu 1] m’għandhiex tipprekludi lil xi waħda mill-partijiet milli ġġib azzjoni quddiem il-qrati.”

 Id-Direttiva 2014/61

6        Id-Direttiva 2014/61 tħassret bir-Regolament (UE) 2024/1309 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2024 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża tal-implimentazzjoni tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tal-gigabits, li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar id-Direttiva 2014/61/UE (ĠU L, 2024/1309, rettifika fil-ĠU L, 2024/90315), b’effett mit‑12 ta’ Novembru 2025.

7        Fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, tapplika għaliha d-Direttiva 2014/61.

8        Il-premessi 2, 3, 6, 9, 11, 13, 14, 18, 19, 23 u 39 ta’ din id-direttiva jiddikjaraw:

“(2)      Filwaqt li għarfu l-importanza tal-introduzzjoni tal-broadband b’veloċità għolja, l-Istati Membri approvaw il-miri ambizzjużi tal-broadband stabbiliti fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem ‘L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa — Nixprunaw it-tkabbir Ewropew b’mod diġitali’ (‘l-Aġenda Diġitali’), jiġifieri biex jiġi pprovdut broadband bażiku lill-Ewropej kollha sal‑2013, u biex jiġi żgurat li, sal‑2020, l-Ewropej kollha jkollhom aċċess għal veloċitajiet ferm ogħla tal-Internet ta’ aktar minn 30 Mbps u 50 % jew aktar tad- djar Ewropej jabbonaw għal konnessjonijiet tal-Internet ta’ ’l fuq minn 100 Mbps.

(3)      Fid-dawl tal-evoluzzjoni rapida tat-teknoloġiji, it-tkabbir esponenzjali fit-traffiku tal-broadband u d-domanda li qed tikber għas-servizzi elettroniċi, il-miri stabbiliti fl-Aġenda Diġitali għandhom jitqiesu bħala l-minimu assolut u l-Unjoni għandha timmira għal miri aktar ambizzjużi fir-rigward tal-broadband sabiex jinkiseb aktar tkabbir, kompetittività u produttività [...]

[...]

(6)      Filwaqt li tieħu kont tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex tingħata kopertura aħjar tal-broadband, [...] il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem ‘l-Att dwar is-Suq Uniku II’ tenfasizza l-ħtieġa għal aktar sforzi biex jinkisbu malajr l-objettivi stabbiliti fl-Aġenda Diġitali [...]

[...]

(9)      Miżuri bil-għan li jżidu l-effiċjenza fl-użu tal-infrastrutturi eżistenti u li jnaqqsu l-ispejjeż u x-xkiel biex isiru xogħlijiet ġodda tal-inġinerija ċivili, għandhom jagħtu kontribut sostanzjali biex tkun żgurata l-installazzjoni rapida u estensiva ta' netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja [...]

[...]

(11)      Din id-Direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi ċerti drittijiet u obbligi minimi applikabbli madwar l-Unjoni sabiex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja u l-koordinazzjoni bejn is-setturi. Filwaqt li jkunu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni minimi, dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-aqwa prattiki u miżuri eżistenti adottati fil-livell nazzjonali u f’dak lokali li jinvolvu aktar dispożizzjonijiet u kondizzjonijiet dettaljati kif ukoll miżuri addizzjonali li jikkumplementaw dawk id-drittijiet u l-obbligi, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

[...]

(13)      Jista’ jkun ħafna aktar effiċjenti għall-operaturi tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika, b’mod partikolari membri ġodda, biex jerġgħu jużaw l-infrastrutturi fiżiċi eżistenti, inklużi dawk ta’ utilitajiet oħra, sabiex jintroduċu netwerks tal-komunikazzjoni elettronika [...]

(14)      Bil-ħsieb li titjieb l-installazzjoni tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja fis-suq intern, din id-Direttiva għandha tistabbilixxi drittijiet għall-fornituri tan-netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni biex jaċċessaw l-infrastruttura fiżika irrispettivament mil-lokalità tagħha taħt termini ġusti u raġonevoli [...]

[...]

(18)      Fejn impriżi [ta’] netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni jitolbu aċċess f’żona speċifika, l-operaturi tan-netwerk għandhom jagħmlu offerta għall-użu komuni tal-faċilitajiet tagħhom skont termini u kondizzjonijiet ġusti u raġonevoli, [...] sakemm l-aċċess ma jkunx ġie rrifjutat għal raġunijiet oġġettivi. [...]

(19)      Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim [...], kull parti għandha tkun tista’ tappella lil korp għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-livell nazzjonali biex jimponi soluzzjoni fuq il-partijiet, sabiex jiġi evitat ir-rifjut mhux iġġustifikat li jsir qbil jew l-impożizzjoni ta’ kondizzjonijiet mhux raġonevoli. [...]

[...]

(23)      Meta jkun hemm tilwim dwar aċċess għall-informazzjoni dwar l-infrastrutturi fiżiċi fid-dawl tal-installazzjoni tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja, il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim għandu jkun jista’ jirriżolvi tilwim bħal dan billi jieħu deċiżjoni vinkolanti. Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjonijiet ta’ korp bħal dan għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li xi parti tirreferi l-każ lil qorti.

[...]

(39)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari fil- [Karta] u b’mod partikolari [...] d-dritt għal rimedju effettiv. [...]”

9        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“1.      Din id-Direttiva għandha l-għan li tiffaċilita u tinċentiva l-introduzzjoni ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja billi tippromovi l-użu konġunt ta’ infrastrutturi fiżiċi eżistenti u billi tippermetti installazzjoni aktar effiċjenti ta’ infrastrutturi fiżiċi ġodda sabiex tali netwerks ikunu jistgħu jinfirxu bi spiża aktar baxxa.

2.      Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi marbuta ma’ xogħlijiet ċivili u infrastruttura fiżika, bil-għan li tapprossimizza ċerti aspetti tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri f’dawk l-oqsma.

3.      L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu miżuri f’konformità mad-dritt tal-Unjoni li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi stabbiliti b’din id-Direttiva bil-għan li jintlaħaq aħjar l-għan imsemmi fil-paragrafu 1.

4.      Jekk xi dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva tkun f’konflitt ma xi dispożizzjoni tad-Direttiva 2002/21/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349)], id-Direttiva 2002/19/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta’ l-Aċċess) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323)], id-Direttiva 2002/20/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337)], id-Direttiva 2002/22/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta' Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367)] jew id-Direttiva 2002/77/KE [tal-Kummissjoni tas‑16 ta’ Settembru 2002 dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 178)], id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawk id-Direttivi għandhom ikunu prevalenti.”

10      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/61, intitolat “Aċċess għall-infrastruttura fiżika eżistenti”, jipprovdi:

“[...]

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta impriża awtorizzata biex tipprovdi netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni tagħmel talba bil-miktub, kwalunkwe operatur tan-netwerk ikollu l-obbligu li jwieġeb għat-talbiet raġonevoli kollha għal aċċess għall-infrastruttura fiżika tiegħu skont termini u kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli, inkluż il-prezz, bil-ħsieb li jiġu installati elementi ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja. [...]

[...]

4.      Meta l-aċċess jiġi miċħud jew ftehim dwar termini u kundizzjonijiet speċifiċi, fosthom il-prezz, ma jkunx intlaħaq fi żmien xahrejn mid-data tar-riċevuta tat-talba għal aċċess, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull parti tkun intitolata li tirreferi l-kwistjoni lill-korp nazzjonali kompetenti għas-soluzzjoni tat-tilwim.

5.      L-Istati Membri għandhom jitolbu lill-korp nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim imsemmi fil-paragrafu 4, biex joħroġ, filwaqt li jieħu kont tal-prinċipju tal-proporzjonalità, deċiżjoni vinkolanti biex isolvi t-tilwim mibdi skont il-paragrafu 4, inkluż l-istabbiliment ta’ termini u kundizzjonijiet, inklużi prezzijiet ġusti u raġonevoli fejn xieraq.

Il-korp nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim għandu jsolvi t-tilwim fl-iqsar żmien possibbli u fi kwalunkwe każ fi żmien erba’ xhur mid-data tar-riċevuta tat-talba kompluta għajr f'ċirkostanzi eċċezzjonali, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li xi parti tirreferi l-każ lil qorti.

[...]”

11      L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Korpi kompetenti”, jipprevedi, fil-paragrafi 1, 4 u 6 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull kompitu assenjat lill-korp nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim jitwettaq minn korp kompetenti wieħed jew aktar.

[...]

4.      L-Istati Membri għandhom jaħtru korp kompetenti wieħed jew aktar f’livell nazzjonali, reġjonali jew lokali biex iwettaq il-funzjonijiet tal-punt waħdieni ta’ informazzjoni msemmi fl-Artikoli 4, 6 u 7. Sabiex jiġu koperti l-ispejjeż għat-twettiq ta’ dawk il-funzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li jiġu imposti tariffi għall-użu ta’ punti waħdanin ta’ informazzjoni.

[...]

6.      Kull deċiżjoni li tkun ittieħdet minn xi wieħed mill-korpi kompetenti msemmija f’dan l-Artikolu għandha tkun soġġetta għal appell quddiem qorti skont il-liġi nazzjonali.”

 Id-Direttiva 2018/1972

12      L-Artikolu 26 tad-Direttiva 2018/1972, intitolat “Riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn impriżi”, jipprovdi:

“1.      Fil-każ ta’ tilwim li jinqala’ b’rabta mal-obbligi eżistenti skont din id-Direttiva bejn il-fornituri tan-netwerks jew is-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fi Stat Membru [...] u impriżi oħra fl-Istat Membru li jibbenefika mill-obbligi tal-aċċess jew tal-interkonnessjoni [...], l-awtorità regolatorja nazzjonali kkonċernata, meta titlobha xi waħda mill-partijiet [...], għandha toħroġ deċiżjoni vinkolanti biex issolvi t-tilwim fl-iqsar żmien possibbli [...], u f’kull każ fi żmien erba’ xhur għajr f’ċirkostanzi eċċezzjonali. L-Istat Membru konċernat għandu jitlob li l-partijiet kollha jikkooperaw bis-sħiħ mal-awtorità regolatorja nazzjonali.

5.      Il-proċedura msemmija fil-paragraf[u] 1 [...] ma għandhiex twaqqaf lil xi waħda mill-partijiet milli tressaq l-azzjoni quddiem il-qrati.”

13      L-Artikolu 31 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ appell”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu jeżistu mekkaniżmi effettivi fil-livell nazzjonali li bihom [...] [l-impriżi] li jipprovdu netwerks jew servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew faċilitajiet assoċjati li jkunu affettwati minn deċiżjoni tal-awtorità kompetenti jkollhom id-dritt li jappellaw kontra dik id-deċiżjoni quddiem korp tal-appell [...]. Dan il-korp, li jista’ jkun qorti, għandu jkollu l-kompetenza xierqa [...]

[...]

2.       Fejn il-korp tal-appell imsemmi fil-paragrafu 1 [...] ma jkunx ta’ natura ġudizzjarja, [...] id-deċiżjoni tiegħu għandha tkun soġġetta għar-rieżami minn qorti [...]

[...]”

 Ir‑Regolament 2024/1309

14      Il-premessi 63 u 65 tar-Regolament 2024/1309 jiddikjaraw:

“(63)      Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tekniċi u kummerċjali waqt in-negozjati kummerċjali dwar l-aċċess għall-infrastruttura fiżika [...], kull parti jenħtieġ li tkun tista’ titlob lil korp nazzjonali tas-soluzzjoni tat-tilwim biex jimponi soluzzjoni fuq il-partijiet ħalli jkunu evitati rifjuti mhux ġustifikati li tiġi ssodisfata t-talba jew l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet mhux raġonevoli. [...]

[...]

(65) Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjonijiet ta’ dan il-korp jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li xi parti tirreferi l-każ quddiem qorti jew twettaq mekkaniżmu ta’ konċiljazzjoni preċedenti jew paralleli għas-soluzzjoni formali tat-tilwim [...]”

15      L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Soluzzjoni tat-tilwim”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 5 tiegħu:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li każ jiġi riferut quddiem qorti, kull parti għandha tkun intitolata li tirreferi tilwima li tista’ tinqala’ quddiem il-korp nazzjonali kompetenti għas-soluzzjoni tat-tilwim stabbilit skont l-Artikolu 14:

(a)      meta l-aċċess għall-infrastruttura eżistenti jiġi rrifjutat jew ma jkunx intlaħaq qbil [...];

[...]

5.      Dan l-Artikolu jikkomplementa r-rimedji u l-proċeduri ġudizzjarji f’konformità mal-Artikolu 47 tal- [Karta] u huwa mingħajr preġudizzju għalihom.”

16      L-Artikolu 14(10) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Kull deċiżjoni meħuda minn korp kompetenti għandha tkun soġġetta għal appell, f’konformità mal-liġi nazzjonali, quddiem korp tal-appell indipendenti għalkollox, inkluż korp ta’ natura ġudizzjarja. L-Artikolu 31 tad-[Direttiva 2018/1972] għandu japplika mutatis mutandis għal kull appell skont dan il-paragrafu.

Id-dritt għal appell f’konformità mal-ewwel subparagrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-partijiet li jressqu t-tilwima quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti.”

17      L-Artikolu 19 tal-istess regolament jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.      Għandu japplika mit‑12 ta’ Novembru 2025.

3.      B’deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu:

(a)      l-Artikolu 5(6) u l-Artikolu 11(6) għandhom japplikaw mill‑11 ta’ Mejju 2024;

(b)      l-Artikolu 17 għandu japplika mill‑15 ta’ Mejju 2024.

(c)      l-Artikolu 10(1), (2) u (3) għandu japplika mit‑12 ta’ Frar 2026;

(d)      l-Artikolu 4(3), l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(2) u (3) u l-Artikolu 12(1), (2) u (3) għandhom japplikaw mit‑12 ta’ Mejju 2026;

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.”

18      L-Artikolu 31 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ appell”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu jeżistu mekkaniżmi effettivi fil-livell nazzjonali li bihom kull [...] impriża li [tipprovdi] netwerks jew servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew faċilitajiet assoċjati li [tkun] [affettwata] minn deċiżjoni tal-awtorità kompetenti [jkollha] []d-dritt li [tappella] kontra dik id-deċiżjoni quddiem korp tal-appell [...] Dan il-korp, li jista’ jkun qorti, għandu jkollu l-kompetenza xierqa [...]

[...]

2.      Fejn il-korp tal-appell imsemmi fil-paragrafu 1 [...] ma jkunx ta’ natura ġudizzjarja, [...] id-deċiżjoni tiegħu għandha tkun soġġetta għar-rieżami minn qorti jew tribunal

[...]”

 Id-dritt Sloven

19      Iż-zakon o elektronskih komunikacijah (il-Liġi dwar il-Komunikazzjoni Elettronika) (Uradni list RS, Nru 109/12), tal‑31 ta’ Diċembru 2012, kif emendata biż-Zakon o spremembah in dopolnitvah zakona o elektronskih telekomunikacijah (il-Liġi li temenda l-Liġi dwar il-Komunikazzjoni Elettronika) (Uradni list RS, Nru 40/17) tal‑21 ta’ Lulju 2017 (iktar ’il quddiem iż-“ZEKom‑1”), kienet tirregola, skont l-Artikolu 1 tagħha, b’mod partikolari, l-installazzjoni tan-networks ta’ komunikazzjoni elettronika, il-qsim tal-infrastruttura fiżika eżistenti, is-soluzzjoni tat-tilwim li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, kif ukoll is-setgħat u l-funzjonament tal-Agencija za komunikacijska omrežja in storitve Republike Slovenije (l-Aġenzija tan-Networks u tas-Servizzi ta’ Komunikazzjoni tar-Repubblika tas-Slovenja) (iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”), bħala awtorità regolatorja indipendenti.

20      L-Artikolu 93 ta’ din il-liġi, intitolat “Aċċess għall-infrastruttura eżistenti”, kien jipprovdi, fil-paragrafi 3 sa 5 u 7 tiegħu:

“(3)      Meta operatur ta’ network ta’ komunikazzjoni elettronika jitlob lil operatur ta’ infrastruttura l-aċċess għall-infrastruttura fiżika tiegħu sabiex jinstalla elementi ta’ networks ta’ komunikazzjoni elettronika, l-operatur tan-network għandu jispeċifika fit-talba tiegħu l-elementi tal-proġett li għalihom ikun qiegħed jitlob l-aċċess, inkluż skeda preċiża.

(4)      Fil-każ ta’ talba mressqa minn operatur ta’ network imsemmija fil-paragrafu ta’ qabel, l-operatur tal-infrastruttura għandu jagħmel offerta għall-użu konġunt tal-kapaċità taħt kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli.

(5)      Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu ta’ qabel, operatur tal-infrastruttura jista’ jirrifjuta l-aċċess għall-infrastruttura fiżika tiegħu għar-raġunijiet li ġejjin:

1.      inadegwatezzi tekniċi [...],

2.      nuqqas ta’ spazju adegwat jew pjanijiet li dan l-ispazju jintuża għal skopijiet oħra, [...];

3.      ħsara lis-sigurtà jew lis-saħħa pubblika,

4.      l-integrità u s-sigurtà tan-networks kollha [...],

5.      ir-riskju li s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika previsti jfixklu serjament il-provvista ta’ servizzi oħra pprovduti permezz tal-istess infrastruttura fiżika,

6.      id-disponibbiltà ta’ modi alternattivi li jistgħu jiġu implimentati għall-aċċess [...] kemm‑il darba tali aċċess jiġi offrut b’kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli.

[...]

(7)      Jekk ma jintlaħaq ebda ftehim dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess fi żmien xahrejn minn meta tasal it-talba għal aċċess [...] jew jekk l-operatur tal-infrastruttura jirrifjuta l-aċċess, l-Aġenzija għandha, għal talba ta’ waħda mill-partijiet, tiddeċiedi t-tilwima, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 220.a ta’ din il-liġi. [...]”

21      L-Artikolu 192(1) u (2) tal-imsemmija liġi, intitolat “Protezzjoni ġudizzjarja”, kien ifformulat kif ġej:

“(1)      Hija ggarantita protezzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjonijiet definittivi jew l-atti individwali l-oħra tal-Aġenzija skont il-liġi li tirregola l-kontenzjuż amministrattiv.

(2)      Ir-rikors amministrattiv kontenzjuż kontra l-atti adottati mill-Aġenzija skont din il-liġi għandu jiġi ppreżentat quddiem l-[Upravno sodišče (il-Qorti Amministrattiva, is-Slovenja)] f’Ljubljana. [...]”

22      L-Artikolu 217 tal-istess liġi, intitolat “Kompetenza fejn tidħol is-soluzzjoni tat-tilwim”, kien jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“(1)      L-Aġenzija għandha ssolvi t-tilwim bejn l-atturi tas-suq tal-komunikazzjoni elettronika tar-Repubblika tas-Slovenja, bħal:

–        it-tilwim bejn persuni fiżiċi u ġuridiċi li jipprovdu networks jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, jekk it-tilwim ikun jikkonċerna drittijiet u obbligi eżistenti, li jkunu jirriżultaw minn din il-liġi, minn regolamenti adottati abbażi tagħha, minn atti ġenerali u individwali (tilwim bejn l-operaturi); u

[...]

(3)      Is-soluzzjoni tat-tilwim imsemmi [fil-paragrafu] 1 [...] ta’ dan l-artikolu hija bla ħsara ta’ kwalunkwe ġuriżdizzjoni li tista’ teżisti.”

23      L-Artikolu 218 taż-ZEKom-1, intitolat “Proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim”, kien jipprovdi:

“(1)      L-Aġenzija għandha tagħmel ħilitha sabiex issolvi t-tilwima permezz tal-medjazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-proċedura prevista fl-Artikolu 220 ta’ din il-liġi.

(2)      Jekk waħda mill-partijiet toġġezzjona għall-intervent tal-Aġenzija jew jekk din tal-aħħar ma ssibx soluzzjoni jew ma tilħaqx ftehim bejn il-partijiet u jekk il-kwistjoni ma kienet is-suġġett ta’ ebda proċedura ġudizzjarja, l-Aġenzija għandha tkompli l-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwima u tiddeċiedi t-tilwima permezz ta’ deċiżjoni.

(3)      Fil-kuntest tal-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim, l-Aġenzija għandha tapplika d-dispożizzjonijiet tal-liġi li tirregola l-proċedura amministrattiva ġenerali, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’din il-liġi.

(4)      Jekk, matul il-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwima quddiem l-Aġenzija, waħda mill-partijiet tibda proċedura ġudizzjarja quddiem il-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni sa fejn għandha x’taqsam l-istess kwistjoni jew tirtira t-talba għas-soluzzjoni tat-tilwima, il-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwima quddiem l-Aġenzija għandha tingħalaq.

[...]

(6)      L-Aġenzija għandha tadotta deċiżjoni malajr kemm jista’ jkun, u mhux iktar tard minn erba’ xhur mill-bidu tal-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwima.

[...]”

24      L-Artikolu 220.a ta’ din il-liġi, intitolat “Soluzzjoni tat-tilwim li tfittex li tnaqqas l-ispiża tan-networks ta’ komunikazzjoni elettronika”, kien jipprevedi:

“(1)      Sabiex tippromwovi l-kostruzzjoni u l-installazzjoni iktar effiċjenti tan-networks ta’ komunikazzjoni elettronika u l-qsim tal-infrastruttura fiżika eżistenti fil-każijiet previsti fl-Artikolu [...] 93(7) ta’ din il-liġi (tilwim dwar it-tnaqqis fl-ispejjeż tan-networks ta’ komunikazzjoni elettronika), l-Aġenzija għandha, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, issolvi:

–        tilwim bejn l-operaturi tan-networks,

–        tilwim bejn l-operaturi tan-networks u operaturi oħra tal-infrastruttura; u

–        [...]

(2)      Is-soluzzjoni tat-tilwim imsemmija fil-paragrafu ta’ qabel hija bla ħsara ta’ kwalunkwe ġuriżdizzjoni li tista’ teżisti.

(3)      Jekk il-kwistjoni ma kienet is-suġġett ta’ ebda proċedura ġudizzjarja, l-Aġenzija għandha tiddeċiedi t-tilwima permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(3) sa (5) ta’ din il-liġi.

[...]

(5)      L-Aġenzija għandha tadotta deċiżjoni malajr kemm jista’ jkun, u mhux iktar tard minn erba’ xhur mill-ftuħ tal-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-każ ta’ tilwima taħt l-Artikolu 93(7) ta’ din il-liġi dwar l-aċċess għal infrastruttura fiżika eżistenti, u mhux iktar tard minn xahrejn mill-ftuħ tal-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 9.a(6), fl-Artikolu 10(2), fl-Artikolu 14.a(6) u fl-Artikolu 91.a(5).

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25      Fid‑19 ta’ Novembru 2020, Telekom talbet lil T‑2 l-aċċess għall-infrastruttura inkwistjoni, li T-2 irrifjutatulha b’ittra tal‑21 ta’ Jannar 2021.

26      Fid‑29 ta’ April 2021, Telekom ressqet talba għas-soluzzjoni tat-tilwima quddiem l-Aġenzija u talbet lil din tal-aħħar tordna lil T‑2 tagħtiha aċċess għall-infrastruttura tagħha.

27      Fis‑6 ta’ Settembru 2021, T‑2 ressqet azzjoni dikjaratorja quddiem l-Okrožno sodišče v Ljubljani (il-Qorti Reġjonali ta’ Ljubljana, is-Slovenja), qorti tal-ewwel istanza li għandha ġuriżdizzjoni sabiex, b’mod partikolari, tieħu konjizzjoni tat-tilwim kummerċjali, u sostniet li Telekom ma kellha ebda dritt li jingħatalha aċċess għall-infrastruttura inkwistjoni.

28      Telekom eċċepixxiet in-nuqqas ta’ ġuriżdizzjoni tal-Okrožno sodišče v Ljubljani (il-Qorti Reġjonali ta’ Ljubljana), billi, fil-fehma tagħha, it-tilwima kienet tikkonċerna qasam amministrattiv, li ma kienx jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qrati.

29      Fit‑2 ta’ Novembru 2021, l-Aġenzija għalqet il-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiemha, minħabba li din il-proċedura u r-rikors ippreżentat minn T‑2 quddiem l-Okrožno sodišče v Ljubljani (il-Qorti Reġjonali ta’ Ljubljana) kienu materjalment identiċi, kif ukoll minħabba l-fatt li s-soluzzjoni tat-tilwim mill-Aġenzija kien bla ħsara ta’ ġuriżdizzjoni tal-qrati.

30      Telekom ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Upravno sodišče (il-Qorti Amministrattiva).

31      Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2023, l-Upravno sodišče (il-Qorti Amministrattiva) ċaħdet dan ir-rikors. Hija qieset li l-kliem “mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li xi parti tirreferi l-każ lil qorti”, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/61, kien jipprekludi li d-dritt tal-partijiet li jadixxu qorti jinkiser b’xi mod.

32      Permezz ta’ digriet tal‑25 ta’ Frar 2022, l-Okrožno sodišče v Ljubljani (il-Qorti Reġjonali ta’ Ljubljana) ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġuriżdizzjoni mqajma minn Telekom, imsemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, minħabba li d-deċiżjoni fit-tilwima li hija kienet adita biha kellha effett fuq il-ħolqien ta’ relazzjoni legali bejn il-partijiet f’din it-tilwima u kienet taqa’, għalhekk, taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qrati ċivili.

33      Telekom appellat mid-digriet tal‑25 ta’ Frar 2022 quddiem il-Višje sodišče v Ljubljani (il-Qorti tal-Appell ta’ Ljubljana, is-Slovenja).

34      Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Ġunju 2022, il-Višje sodišče v Ljubljani (il-Qorti tal-Appell ta’ Ljubljana) laqgħet l-appell ta’ Telekom billi laqgħet din l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġuriżdizzjoni u billi ċaħdet ir-rikors ta’ T‑2. Dik il-qorti spjegat li interpretazzjoni teleoloġika u sistematika tad-Direttiva 2014/61 kienet turi l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jnaqqas l-ispejjeż tal-installazzjoni tan-networks ta’ komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja u li, sabiex titħaffef l-installazzjoni ta’ dawn in-networks, kien ġie introdott minn din id-direttiva d-dritt tal-fornituri tan-networks li jingħatalhom aċċess għall-infrastrutturi fiżiċi eżistenti. Sabiex jitħaffef dan l-aċċess, kien ġie previst organu nazzjonali speċjali għas-soluzzjoni tat-tilwim relatat mal-aċċess kif ukoll it-termini li fihom dan l-organu kellu jiddeċiedi. F’dan il-kuntest, interpretazzjoni letterali stretta li tiffavorixxi s-soluzzjoni tat-tilwim permezz ta’ rimedju ġudizzjarju u mingħajr ma jiġi ffissat terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni f’dawn it-tilwimiet tmur, fil-fehma tagħha, kontra l-intenzjoni ta’ dan il-leġiżlatur.  L-imsemmija qorti qieset li kellu jiġi ddeterminat, f’kull każ, jekk il-qorti adita kellhiex ġuriżdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talba partikolari. Fil-fehma tagħha, f’dan il-każ, l-Okrožno sodišče v Ljubljani (il-Qorti Reġjonali ta’ Ljubljana) żbaljat meta qieset li hija kienet adita b’tilwima li tirriżulta minn relazzjoni legali li ħadet dimensjoni ta’ dritt ċivili. Il-Višje sodišče v Ljubljani (il-Qorti tal-Appell ta’ Ljubljana) qieset li l-Aġenzija taġixxi bħala awtorità pubblika meta tiddeċiedi tilwima bejn l-operaturi dwar l-aċċess għal infrastruttura fiżika eżistenti u li t-tilwima kienet, għalhekk, tikkostitwixxi, f’dan il-każ, kwistjoni amministrattiva li ma taqax taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qorti ċivili.

35      T‑2 talbet l-awtorizzazzjoni sabiex tippreżenta appell għal reviżjoni mid-digriet tal-Višje sodišče v Ljubljani (il-Qorti tal-Appell ta’ Ljubljana) tad‑9 ta’ Ġunju 2022 quddiem il-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja), li hija l-qorti tar-rinviju. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Settembru 2022, din tal-aħħar laqgħet din it-talba sabiex, b’mod partikolari, tissolva kwistjoni legali, li, fil-fehma tagħha, kienet waħda importanti, dwar jekk il-Višje sodišče v Ljubljani (il-Qorti tal-Appell ta’ Ljubljana) kinitx ġustament iddeċidiet li l-kwistjoni li għaliha T-2 kienet ippreżentat rikors ma kinitx taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qrati.

36      Fil-kuntest tal-eżami tal-mertu tal-appell għal reviżjoni, Telekom ikkontestat l-argument ta’ T-2 li l-proċedura quddiem l-Aġenzija hija metodu alternattiv għas-soluzzjoni tat-tilwim.

37      Il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar kif għandu jiġi interpretat il-kliem “mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li xi parti tirreferi l-każ lil qorti”, li jinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/61. Hija tqis li, fid-dawl tal-għanijiet u tal-iskop ta’ din id-direttiva, dan il-kliem jista’ jiġi interpretat b’modi differenti.

38      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Id-Direttiva [2014/61], b’mod partikolari l-frażi ‘mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li xi parti tirreferi l-każ lil qorti’ fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) ta’ din id-direttiva, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li operatur ta’ network għandu d-dritt iressaq talba għar-riżoluzzjoni ta’ tilwima dwar l-aċċess għal infrastruttura fiżika eżistenti jew quddiem organu għar-riżoluzzjoni tat-tilwim jew quddiem qorti (ordinarja)?

[Jekk ir-risposta li tingħata għad-domanda ta’ qabel tkun fin-negattiv:]

(2)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva [2014/61] għandu, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-[Karta] jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola proċedurali nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-proċeduri għar-riżoluzzjoni ta’ tilwima quddiem organu nazzjonali għar-riżoluzzjoni tat-tilwim jiġu sospiżi fil-każ fejn waħda mill-partijiet, fil-mori tal-proċeduri għar-riżoluzzjoni tat-tilwima quddiem l-imsemmi organu, tiftaħ kawża li jkollha l-istess suġġett quddiem il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

39      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/61, inkwantu fih il-kliem “mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li xi parti tirreferi l-każ lil qorti”, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li operatur ta’ network għandu d-dritt iressaq talba għas-soluzzjoni ta’ tilwima dwar l-aċċess għal infrastruttura fiżika eżistenti jew quddiem l-organu nazzjonali responsabbli għas-soluzzjoni tat-tilwim, imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu 3 (iktar ’il quddiem l-“OST”) jew inkella quddiem qorti.

40      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, mhux biss għandu jittieħed inkunsiderazzjoni il-kliem użat fiha, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li tfittex li tilħaq il-leġiżlazzjoni li minnha tkun tagħmel parti (sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tal‑5 ta’ Marzu 2026, EM System, C‑828/24, EU:C:2026:181, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Fejn jidħol il-kliem użat fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/61 imsemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva jipprevedi li, fil-każ li jiġi rrifjutat l-aċċess jew jekk ma jkun intlaħaq ebda ftehim dwar l-arranġamenti u l-kundizzjonijiet speċifiċi, kull parti għandha tkun tista’ tressaq il-kwistjoni quddiem l-OST. It-tieni, l-Artikolu 3(5) tal-imsemmija direttiva jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jobbligaw lil dan l-organu jagħti deċiżjoni vinkolanti, filwaqt li jieħu debitament inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità, sabiex isolvi t-tilwima mressqa skont il-paragrafu 4. Fl-aħħar nett, dan l-Artikolu 3(5) jispjega, fit-tieni subparagrafu tiegħu, il-kriterji u l-prinċipji li l-imsemmi organu għandu josserva fil-qadi tal-kompitu tiegħu, u dan filwaqt li jippreċiża li dan huwa “mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li xi parti tirreferi l-każ lil qorti”.

42      Sa fejn għandha x’taqsam, fl-ewwel lok, l-interpretazzjoni letterali tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/61, għandu jiġi rrilevat li l-kliem “mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li xi parti tirreferi l-każ lil qorti” fl-aħħar ta’ din id-dispożizzjoni jista’, fid-dawl tal-vagezza u tal-indeterminatezza tiegħu, ikopri kemm id-dritt ta’ parti li tikkontesta quddiem qorti d-deċiżjoni vinkolanti tal-OST imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 3(5), kif ukoll id-dritt li titressaq azzjoni ġudizzjarja b’mod indipendenti minn proċedura li l-OST ikun diġà adit biha skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu 3 jew inkella flimkien magħha.

43      Sa fejn għandu x’jaqsam, fit-tieni lok, il-kuntest tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/61, din id-direttiva tipprovdi, essenzjalment, fl-Artikolu 10(1) u (6), li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull kompitu assenjat lill-OST isir minn organu jew organi kompetenti u li kull deċiżjoni meħuda minn wieħed jew l-ieħor minn dawn l-organi, u, għalhekk, b’mod partikolari, id-deċiżjoni vinkolanti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tal-imsemmija direttiva, tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors quddiem qorti skont id-dritt nazzjonali.

44      F’dan il-kuntest u kif isostnu, essenzjalment, il-Gvern Sloven u l-Gvern Taljan, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/61, moqri fid-dawl tal-premessi 19 u 23 tagħha, jippermetti lil parti, fil-każ ta’ tilwima dwar l-aċċess għal infrastruttura fiżika eżistenti, tressaq din it-tilwima quddiem qorti b’mod indipendenti minn kwalunkwe proċedura amministrattiva quddiem l-OST jew inkella flimkien magħha. Fil-fatt, li kellha din id-dispożizzjoni tiġi interpretata fis-sens li tikkonċerna biss id-dritt għal azzjoni legali kontra d-deċiżjoni adottata mill-OST, l-imsemmija dispożizzjoni titlef l-effett utli tagħha u dan billi l-Artikolu 10(6) ta’ din id-direttiva jipprevedi sewwasew tali dritt għal azzjoni legali.

45      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tkun tista’ tiġi interpretata b’modi differenti, għandha tingħata prijorità lil dik li tħares l-effett utli tagħha (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Falck Rettungsdienste u Falck, C‑465/17, EU:C:2019:234, punt 32, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħarsien tal-effett utli tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/61 jiffavorixxi, flimkien mal-interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni, id-dritt ta’ kull parti f’tilwima msemmija fl-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva li tippreżenta rikors ġudizzjarju b’mod indipendenti mill-proċedura quddiem l-OST prevista f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar jew inkella flimkien magħha.

47      Barra minn hekk, ir-raġuni għaliex l-Artikolu 3(5) u l-Artikolu 10(6) tad-Direttiva 2014/61 jipprevedu t-tnejn li huma l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors quddiem qorti hija d-differenza fl-iskop ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

48      B’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/61, flimkien mal-Artikoli 4 sa 6 u 9 tagħha, għandu l-għan li jiddetermina d-drittijiet konkreti tal-operaturi tan-networks fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom. Dawn huma d-drittijiet relatati mal-aċċess għall-infrastruttura fiżika eżistenti, mal-ksib ta’ informazzjoni minima dwar dawn l-infrastrutturi u max-xogħlijiet ċivili ppjanati, mal-koordinazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet u mal-aċċess ġewwa l-bini, kif ukoll l-arranġamenti għall-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet konkreti.

49      Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/61 huwa dispożizzjoni strutturali li tipprevedi t-twaqqif mill-Istati Membri ta’ “organi kompetenti” responsabbli sabiex jagħmlu x-xogħol assenjat lill-OST u li jkollhom setgħat deċiżjonali. Dawn l-organi jistgħu jkunu ġuridikament distinti mill-OST innifsu. Huwa sabiex jiġi ggarantit id-dritt għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjonijiet ta’ dawn id-diversi organi li l-Artikolu 10(6) ta’ din id-direttiva jipprovdi li d-deċiżjonijiet kollha tagħhom jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors quddiem qorti skont id-dritt nazzjonali.

50      B’mod iktar preċiż, kif essenzjalment enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 42, 43 u 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/61 jagħti lil kull parti d-dritt li tadixxi qorti sabiex tissolva tilwima dwar l-aċċess għal infrastruttura fiżika eżistenti, l-Artikolu 10(6) ta’ din id-direttiva jiggarantixxi dritt ta’ azzjoni legali kontra kull deċiżjoni mogħtija minn dan l-organu, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 3(4) u (5) tal-imsemmija direttiva.

51      Sa fejn għandhom x’jaqsmu, fit-tielet lok, l-għanijiet li tfittex li tilħaq il-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/61, u kif jirriżulta mill-premessi 2, 3, 6, 9, 13, 14, 18, 19 u 23 ta’ din id-direttiva, kif ukoll mill-Artikolu 1(1) tagħha, il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim jgħin sabiex jintlaħqu l-għanijiet li tiġi ffaċilitata u inkoraġġita l-installazzjoni tan-networks ta’ komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja fl-Unjoni billi jippromwovi l-qsim tal-infrastrutturi fiżiċi eżistenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambizzjużi stabbiliti mill-Kummissjoni fejn tidħol id-disponibbiltà fl-Unjoni ta’ konnessjonijiet internet rapidi.

52      Issa, l-interpretazzjoni fis-sens li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/61 jobbliga lill-Istati Membri jiggarantixxu l-libertà tal-partijiet li jadixxu kemm lill-OST kif ukoll lill-qrati nazzjonali li jkollhom ġuriżdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tat-tilwim tagħhom fejn jidħol l-aċċess għall-infrastrutturi fiżiċi eżistenti, ma tmurx, fiha nnifisha, kontra dan l-għan. Huma pjuttost ir-regoli previsti f’kull Stat Membru f’sitwazzjoni fejn kemm l-OST kif ukoll qorti nazzjonali jkunu t-tnejn ġew aditi li jistgħu possibbilment iżommu milli jintlaħaq l-imsemmi għan. Dan l-aspett jaqa’, madankollu, fl-iskop tal-eżami tat-tieni domanda.

53      Fir-raba’ lok, lil hinn mill-konstatazzjonijiet magħmula fejn jidħlu l-kliem użat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/61, il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għan tal-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti, numru ta’ kunsiderazzjonijiet isostnu interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni fis-sens li parti f’tilwima dwar l-aċċess għal infrastruttura fiżika eżistenti għandha tkun tista’ tadixxi qorti b’mod indipendenti minn kwalunkwe proċedura quddiem l-OST jew inkella flimkien magħha.

54      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2014/61 tħassret u ġiet issostitwita bir-Regolament 2024/1309, li jipprevedi b’mod ċar il-libertà tal-partijiet li jagħżlu r-rimedju proċedurali tagħhom.

55      B’hekk, l-Artikolu 13(1)(a) tar-Regolament 2024/1309, li jikkorrispondi għall-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2014/61, jipprovdi li “[m]ingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li każ jiġi riferut quddiem qorti, kull parti għandha tkun intitolata li tirreferi tilwima li tista’ tinqala’ quddiem [l-OST] [...] meta l-aċċess għall-infrastruttura eżistenti jiġi rrifjutat”. Barra minn hekk, il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu 13 jipprovdi li “[d]an l-Artikolu jikkomplementa r-rimedji u l-proċeduri ġudizzjarji f’konformità mal-Artikolu 47 tal-[Karta] u huwa mingħajr preġudizzju għalihom.” Barra minn hekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(10) tar-Regolament 2024/1309 jipprevedi li kull deċiżjoni meħuda minn organu kompetenti – fosthom, b’mod partikolari, id-deċiżjoni vinkolanti mogħtija sabiex jissolva t-tilwim imsemmi f’dan l-Artikolu 13(1)(a) – tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors, konformement mad-dritt nazzjonali, quddiem organu ta’ reviżjoni totalment indipendenti, inkluż organu ġudizzjarju. Issa, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(10) jippreċiża li dan id-dritt għal azzjoni legali huwa bla ħsara tad-dritt tal-partijiet li jressqu t-tilwima quddiem il-qorti nazzjonali li jkollha ġuriżdizzjoni.

56      Huwa minnu li r-Regolament 2024/1309 ma japplikax ratione temporis għall-kawża prinċipali. Madankollu, inkwantu mix-xogħol preparatorju ta’ dan ir-regolament ma jirriżultax li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried, din id-darba, jemenda r-regoli proċedurali għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-aċċess għall-infrastrutturi fiżiċi eżistenti, għandu jitqies li sa fejn għandhom x’jaqsmu, tal-inqas, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni f’din il-kawża, ir-Regolament 2024/1309 jibni fuq id-Direttiva 2014/61 u jgħin, għalhekk, sabiex jiċċara l-portata tagħha.

57      It-tieni, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2018/1972 tipprovdi, fil-paragrafu 5 tal-Artikolu 26 tagħha, intitolat “Riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn impriżi”, li l-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim quddiem l-awtorità regolatorja nazzjonali, kif stabbilita f’din id-dispożizzjoni, “ma għandhiex twaqqaf lil xi waħda mill-partijiet milli tressaq l-azzjoni quddiem il-qrati”.

58      Din id-direttiva tirriproduċi f’dan ir-rigward, kelma b’kelma, l-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2002/21.

59      B’hekk, f’qasam simili għal dak tad-Direttiva 2014/61, il-leġiżlatur tal-Unjoni talab lill-Istati Membri ma jċaħħdux, fil-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, lill-operaturi mill-għażla tar-rimedju proċedurali li jippermettilhom isolvu t-tilwim tagħhom, kemm quddiem l-organu amministrattiv speċjali, kif ukoll quddiem qorti.

60      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2014/61, fil-każ ta’ kunflitt bejn dispożizzjoni ta’ din id-direttiva u dispożizzjoni tad-Direttiva 2002/21, id-dispożizzjoni ta’ din id-direttiva tal-aħħar għandha tipprevali. Din il-kunsiderazzjoni ssostni interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/61 li hija kompatibbli mal-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2002/21 u, mindu tħassret din id-direttiva, mal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2018/1972.

61      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha premessi jirriżulta li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/61 għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri jagħtu l-għażla lil kull operatur, fil-każ ta’ tilwima dwar l-aċċess għal infrastruttura fiżika eżistenti, li jressaq din it-tilwima quddiem l-OST jew inkella li jadixxi qorti.

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/61, inkwantu fih il-kliem “mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li xi parti tirreferi l-każ lil qorti”, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li operatur ta’ network għandu d-dritt iressaq talba għas-soluzzjoni ta’ tilwima dwar l-aċċess għal infrastruttura fiżika eżistenti jew quddiem l-OST jew inkella quddiem qorti ordinarja.

 Fuq it-tieni domanda

63      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/61, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali li tipprevedi li l-proċedura quddiem l-OST għandha tingħalaq jekk waħda mill-partijiet tippreżenta rikors dwar l-istess kwistjoni quddiem qorti.

64      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ssemmi l-prinċipju ta’ ekwivalenza fid-domanda tagħha, il-prinċipju li r-regoli proċedurali tar-rimedji maħsuba sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk ta’ rimedji simili tad-dritt intern. Madankollu, hija ma tipproduċi ebda prova li jindikaw li l-Artikolu 218(4) taż-ZEKom‑1 jista’ jikser dan il-prinċipju, liema dispożizzjoni tipprovdi li l-proċedura quddiem l-OST għandha tingħalaq jekk waħda mill-partijiet tibda proċedura ġudizzjarja dwar l-istess kwistjoni.

65      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx bżonn, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/61 jiġi interpretat fid-dawl tal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

66      Kif jirriżulta mill-analiżi magħmula fil-punti 39 sa 59 ta’ din is-sentenza, fost id-drittijiet li l-partijiet igawdu taħt id-Direttiva 2014/61 hemm, skont l-Artikolu 3(4) u (5) ta’ din id-direttiva, minn naħa, id-dritt li tilwima dwar l-aċċess għall-infrastrutturi fiżiċi eżistenti titressaq quddiem l-OST sabiex tinkiseb, f’terminu limitat, deċiżjoni vinkolanti minn dan l-organu u, min-naħa l-oħra, id-dritt ta’ kull parti li tressaq l-istess tilwima quddiem qorti.

67      F’dan ir-rigward u kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2014/61 ma tipprevedi ebda kompetenza jew ġuriżdizzjoni prijoritarja jew esklużiva u lanqas ma tistabbilixxi regola ta’ prijorità bejn ir-rimedji proċedurali msemmija fil-punt 65 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2026, Datenschutzbehörde (Relazzjoni bejn ir-rimedji) C‑414/24, EU:C:2026:493, punt 36).

68      Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan ir-rigward, huwa kull Stat Membru li għandu, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, jipprevedi r-regoli li jirregolaw il-proċedura amministrattiva u l-proċedura ġudizzjarja maħsuba sabiex jiżguraw livell għoli ta’ ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 45).

69      Għaldaqstant, huwa abbażi tad-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali li l-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina kif ir-rimedji ġudizzjarji previsti fid-Direttiva 2014/61 għandhom jiġu implimentati f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 46).

70      Madankollu, ir-regoli tal-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rimedji proċedurali konkorrenti u indipendenti ma għandhomx iwaqqgħu dubju fuq l-effett utli u l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet iggarantiti f’din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 47).

71      Fil-fatt, lil hinn mill-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, li ma hijiex inkwistjoni f’din il-kawża, dawn ir-regoli ma għandhomx jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni impossibbli jew diffiċli żżejjed fil-prattika (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 48), b’mod iktar speċifiku, f’dan il-każ, l-eżerċizzju tad-dritt li wieħed jadixxi lill-OST sabiex tinkiseb deċiżjoni vinkolanti.

72      Barra minn hekk, dawn ir-regoli ma għandhomx jaffettwaw b’mod sproporzjonat id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti msemmi fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata), f’dan il-każ id-dritt ta’ kull parti li tadixxi qorti previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/61.

73      L-Artikolu 218(4) taż-ZEKom‑1 jipprovdi, essenzjalment, li jekk, matul il-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwima quddiem l-OST, waħda mill-partijiet tibda proċedura ġudizzjarja quddiem il-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-istess kwistjoni, il-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwima quddiem l-OST għandha tingħalaq.

74      Għandu jiġi kkonstatat li l-għeluq awtomatiku tal-proċedura quddiem l-OST li din id-dispożizzjoni tipprevedi fil-każ ta’ rikors ġudizzjarju konkorrenti jista’ jċaħħad mill-effett utli tiegħu d-dritt li wieħed jadixxi lill-OST li kull parti tgawdi taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2014/61, billi din il-parti ma tiksibx, minħabba l-għeluq imsemmi iktar ’il fuq, id-deċiżjoni vinkolanti msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu 3. Fin-nuqqas ta’ dan, din il-parti ma tkunx tista’ tinvoka din id-deċiżjoni fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja konkorrenti u l-qorti adita ma tkunx tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, sa fejn meħtieġ, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-korp speċjalizzat, l-OST. Għal dawn ir-raġunijiet, għandu jitqies li l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet li din il-parti tgawdi taħt din id-direttiva, f’dan il-każ id-dritt li tadixxi lill-OST sabiex tikseb deċiżjoni vinkolanti, ma hijiex żgurata b’mod suffiċjenti.

75      Barra minn hekk, dan l-għeluq awtomatiku għandu l-konsegwenza li l-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim minn organu speċjalizzat li jiddeċiedi f’termini qosra, stabbilit bid-Direttiva 2014/61, isir ineffettiv kemm‑il darba jiġi ppreżentat rikors ġudizzjarju konkorrenti.

76      Barra minn hekk, tali sitwazzjoni għandha wkoll il-konsegwenza li l-parti li tkun għażlet li taġixxi lill-OST tista’ tinżamm milli tinvoka kull pretensjoni quddiem dan l-organu, minħabba d-dritt tal-kontroparti li tibda, jekk ikun il-każ sa mill-bidu tal-proċedura quddiem dan l-organu nazzjonali, azzjoni li jkollha l-istess suġġett quddiem qorti ordinarja.

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, fid-dawl tan-neċessità li jitħarsu d-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni u li jiġi ppreżervat l-effett utli tal-mekkaniżmi stabbiliti minn dan id-dritt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/61, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività u li għandu effett dirett, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali li tipprevedi li l-proċedura quddiem l-OST għandha tingħalaq jekk waħda mill-partijiet fit-tilwima tippreżenta rikors dwar l-istess kwistjoni quddiem qorti.

78      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dmir, li jirriżulta mill-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li ma tiġix applikata leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun tmur kontra dan id-dritt ma huwiex biss tal-qrati nazzjonali, iżda wkoll tal-korpi kollha tal-Istat, inklużi l-awtoritajiet amministrattivi, inkarigati li japplikaw, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, l-imsemmi dritt (ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo, 103/88, EU:C:1989:256, punt 31, u tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána, C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 38, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

79      Issa, għandu jiġi osservat li l-preżentata ta’ rikors ġudizzjarju flimkien ma’ proċedura quddiem l-OST li ma tiġix konkluża għal din ir-raġuni tista’, fin-nuqqas ta’ regoli li jirregolaw ir-relazzjoni bejn ir-rimedji ġudizzjarji, toħloq riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji u, għalhekk, ta’ inċertezza legali.

80      F’dan il-kuntest, huma l-Istati Membri li għandhom, kif jitlob il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, jipprevedu r-regoli li jirregolaw ir-rimedji previsti fl-Artikolu 3(4) u (5) tad-Direttiva 2014/61 sabiex jiġu żgurati l-effettività tal-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti f’din id-direttiva, l-applikazzjoni konsistenti u omoġenja tad-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar, kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti, imsemmi fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fil-premessa 39 tal-imsemmija direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 57).

81       Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/61, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali li tipprevedi li l-proċedura quddiem l-OST għandha tingħalaq jekk waħda mill-partijiet fit-tilwima tippreżenta rikors dwar l-istess kwistjoni quddiem qorti.

 Fuq l-ispejjeż

82      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja, inkwantu fih il-kliem “mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li xi parti tirreferi l-każ lil qorti”,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li operatur ta’ network għandu d-dritt li jressaq talba għas-soluzzjoni ta’ tilwima dwar l-aċċess għal infrastruttura fiżika eżistenti quddiem l-organu għas-soluzzjoni tat-tilwim imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu 3, jew inkella quddiem qorti ordinarja.

2)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/61, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi regola nazzjonali li tipprevedi li l-proċedura quddiem l-organu għas-soluzzjoni tat-tilwim għandha tingħalaq jekk waħda mill-partijiet fil-tilwima tippreżenta rikors dwar l-istess kwistjoni quddiem qorti.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: Is-Sloven