KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
MEDINA
ippreżentati fis‑27 ta’ Marzu 2025 ( 1 )
Kawża C‑129/24
Coillte Cuideachta Ghníomhaíochta Ainmnithe
vs
Commissioner for Environmental Information,
partijiet oħra fil-kawża:
Persuna/i mhux magħrufa, magħrufa bħala John u/jew Jane Doe,
Ireland,
Advocate General,
Right to Know CLG
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda))
“Talba għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Direttiva 2003/4/KE – Aċċess tal-pubbliku għal informazzjoni ambjentali – Aċċess għal informazzjoni ambjentali fuq talba – Kunċetti ta’ ‘applikant’ u ‘talba’ – Talba anonima jew psewdonima – Rekwiżit li l-applikanti jipprovdu l-isem reali u l-indirizz postali attwali tagħhom – Invalidità tat-talba – Ċaħda tat-talba meta tkun manifestament irraġonevoli”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Id-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali huwa l-ewwel mit-tliet pilastri li fuqhom hija msejsa l-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 2 ), flimkien mad-dritt għall-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja ( 3 ). L-għan aħħari ta’ dawn id-drittijiet huwa li kull ċittadin ikun jista’ “jsostni” id-“dritt li jgħix f’ambjent adegwat sabiex jiġu żgurati s-saħħa u l-benesseri tiegħu, u [li josserva] d-dmir, kemm individwalment u kemm f’assoċjazzjoni ma’ oħrajn, li jipproteġi u li jtejjeb l-ambjent fl-interess tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 4 ). Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandha “identità doppja” ( 5 ), sa fejn tistabbilixxi rabta bejn id-drittijiet ambjentali mad-drittijiet tal-bniedem ( 6 ). Il-“pilastri” tagħha huma “ta’ appoġġ reċiproku” ( 7 ); id-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali huwa prekundizzjoni sabiex joperaw id-drittijiet l-oħra ( 8 ). |
|
2. |
Il-premessa 1 tad-Direttiva 2003/4 ( 9 ) tirrifletti l-importanza tad-dritt għal informazzjoni u tesprimi l-aspirazzjoni li “[l]-aċċess pubbliku miżjud għat-tagħrif ambjentali u t-tixrid ta’ dan it-tagħrif jikkontribwixxu għal konoxxenza ikbar dwar il-materji ambjentali […] u, eventwalment, ambjent aħjar.” |
|
3. |
Din il-kawża tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk l-aċċess għal informazzjoni ambjentali jistax, bħala regola ġenerali, ikun suġġett għar-rekwiżit li l-applikanti jipprovdu l-isem u l-indirizz postali tagħhom. Din il-kawża tqajjem ukoll il-kwistjoni tas-salvagwardji disponibbli lill-awtoritajiet pubbliċi meta jittrattaw talbiet li huma jqisu frivoli u vessatorji. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt Internazzjonali
|
4. |
L-Artikolu 4(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus huwa fformulat kif ġej: “(1) Kull Parti għandha tiżgura li, bla ħsara għall-paragrafi segwenti ta’ dan l-artikolu, l-awtoritajiet pubbliċi jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, l-informazzjoni dwar l-ambjent li tintalab mingħandhom, inkluż, fil-każ li ssirilhom talba f’dan is-sens u bla ħsara għall-punt (b) iktar ’il quddiem, kopji tad-dokumenti li fihom tkun effettivament tinstab din l-informazzjoni:
|
B. Id-dritt tal-Unjoni
|
5. |
Skont l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2003/4, “‘[a]pplikant’ għandu jfisser kull persuna naturali jew legali li titlob tagħrif dwar l-ambjent.” |
|
6. |
L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/4, intitolat “L-aċċess għat-tagħrif dwar l-ambjent fuq talba”, jgħid: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet pubbliċi huma meħtieġa li jagħmlu disponibbli t-tagħrif dwar l-ambjent li jkun għandhom jew miżmum għalihom lil kull applikant fuq it-talba tiegħu u mingħajr ma jkollu għalfejn jiddikjara l-interess tiegħu.” |
C. Id-dritt Irlandiż
|
7. |
L-Artikolu 6 tal-European Communities (Access to Information on the Environment) Regulations 2007 to 2014 (Regolamenti tal‑2007 sal‑2014 dwar il-Komunitajiet Ewropej (Aċċess għall-Informazzjoni Ambjentali) (ir-“Regolamenti AIE”) jgħid: “6. (1) Talba għal informazzjoni ambjentali għandha – […]
[…] (2) Applikant ma għandux ikun obbligat jindika l-interess li għandu fit-talba.” |
III. Preżentazzjoni fil-qosor tat‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
8. |
Bejn it‑13 ta’ Marzu u t‑30 ta’ Mejju 2022, applikant wieħed jew iktar (probabbilment wieħed iżda possibbilment iktar minn wieħed) bdew jiktbu kontinwament lil Coillte (kumpanija semi-statali Irlandiża tal-forestrija), fil-forma ta’ numru kbir ħafna ta’ talbiet probabbilment anonimi jew psewdonimi f’format identiku jew kważi identiku, intiżi sabiex jitolbu aċċess għal informazzjoni ambjentali. Ma pprovdew ebda indirizz postali. L-ismijiet kienu ispirati minn personaġġi tal-films. |
|
9. |
Talbiet preċedenti li kienu użaw uħud mill-ismijiet użati mill-applikanti f’dawn il-proċedimenti kienu ġew ipproċessati bil-mod normali minn Coillte minħabba li, f’dak l-istadju, huma dehru li kienu talbiet ta’ darba. Madankollu, meta mill‑20 ta’ Marzu 2022 Coillte bdiet tirċievi talbiet anonimi ta’ stil u tip simili u bi frażoloġija simili, hija indunat b’dak li jidher li kien parti minn kampanja organizzata u ħadet passi sabiex tivverifika l-identità tal-applikanti. |
|
10. |
Coillte iffurmat il-fehma, li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra raġonevoli, li dawk it-talbiet ma kinux maħsuba sabiex tinkiseb informazzjoni ambjentali u jidhru li kienu parti minn kampanja usa’ mmexxija minn persuni mhux magħrufa għal raġunijiet dubjużi. Il-kampanja kellha implikazzjonijiet ferm sinjifikattivi għall-operazzjonijiet ta’ Coillte u kellha l-effett li tiddevja ħin u riżorsi ’l bogħod minn talbiet ġenwini għal informazzjoni ambjentali b’dewmien u frustrazzjoni konsegwenti għal applikanti ġenwini għal informazzjoni ambjentali. |
|
11. |
Coillte rrispondiet għal dawk it-talbiet billi talbet lill-applikanti għal indirizz (kurrenti) u konferma li l-ismijiet tal-applikanti kienu l-ismijiet reali (legali) tagħhom. Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li Coillte iffurmat il-fehma, li kienet raġonevoli fiċ-ċirkustanzi, li kien hemm mistoqsija prima facie dwar l-awtentiċità tal-informazzjoni dwar l-identità pprovduta mill-applikanti. Il-qorti tar-rinviju tikkonstata ulterjorment li, fid-dawl tan-numru ta’ talbiet li rċeviet, l-awtorità pubblika aġixxiet b’mod raġonevoli għall-finijiet tad-determinazzjoni jekk it-talbiet kinux manifestament irraġonevoli b’riferiment għall-volum, in-natura u l-frekwenza tat-talbiet l-oħra magħmula mill-istess applikant. |
|
12. |
Il-qorti tar-rinviju kkonstatat li, fl-assenza ta’ evidenza għall-kuntrarju, il-konferma tal-isem reali u/jew l-indirizz postali attwali ta’ applikant, mitluba minn Coillte, kienu għall-finijiet tal-verifika tal-identità tal-applikant, iktar milli għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-interess tal-applikant. |
|
13. |
Peress li xejn mill-informazzjoni mitluba minn Coillte ma ġiet ipprovduta, hija ċaħdet it-talbiet bħala invalidi skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolamenti AIE. |
|
14. |
L-applikanti mbagħad talbu lil Coillte twettaq eżami mill-ġdid intern. Coillte talbet lill-applikanti jikkonfermaw l-ismijiet reali legali tagħhom u jiddikjaraw l-indirizzi kurrenti tagħhom. Peress li dawn it-talbiet għall-konfermi reġgħu ġew injorati, it-talbiet għal eżami mill-ġdid intern ġew miċħuda bħala invalidi. |
|
15. |
Diversi miċ-ċaħdiet varji għat-talbiet għal informazzjoni ġew appellati quddiem il-Kummissarju għall-Informazzjoni Ambjentali (l‑Irlanda) (il-“Kummissarju”). Il-Kummissarju ta deċiżjoni fid‑29 ta’ Awwissu 2022 (id-“deċiżjoni kkontestata”), fejn ikkonstata li kellu ġurisdizzjoni sabiex jikkunsidra l-appelli u li Coillte ma kinitx ġustifikata li titratta talbiet anonimi jew psewdonimi bħala invalidi taħt l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolamenti AIE. |
|
16. |
Coillte ppreżentat appell fuq kwistjoni ta’ liġi quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjoni kkontestata. |
|
17. |
L-Irlanda u l-Avukat Ġenerali ngħaqdu fil-kontenzjuż u r-Right to Know CLG (ir-“Right to Know”) ġiet miżjuda bħala amicus curiae. |
|
18. |
Il-qorti tar-rinviju qiegħda tfittex li kjarifika fl-interpretazzjoni tal-kelma “talba” fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/4 u tal-kelma “applikant” fl-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva. |
|
19. |
Fir-rigward tal-kelma “talba”, il-qorti tar-rinviju tirrileva li skont l-Artikolu 6 tar-Regolamenti AIE, talba għal informazzjoni ambjentali għandha tikkonforma ma’ ċerti rekwiżiti formali inkluż id-dikjarazzjoni ta’ isem u indirizz. Talba li ma tikkonformax ma’ dawn il-formalitajiet għandha tkun ikkunsidrata bħala invalida. Għaldaqstant il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-kelma “talba” tista’ tfisser biss talba valida li tikkonforma mad-Direttiva 2003/4 u mal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni. |
|
20. |
Fir-rigward tal-kelma “applikant”, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li tfisser persuna naturali jew ġuridika identifikata permezz tal-isem legali u l-indirizz postali attwali ta’ din il-persuna, għall-kuntrarju ta’ persuna anonima jew psewdonima. Hija tgħid li l-fatt li d-Direttiva 2003/4 tagħti drittijiet lil persuni naturali u ġuridiċi jimplika li l-applikant għandu jipprovdi isem reali u indirizz postali sabiex ikun jista’ jiġi ttrattat bħala applikant. L-assenza ta’ din l-informazzjoni tista’ wkoll twassal għal eżitu insodisfaċenti meta tilwima tasal quddiem qorti, bħalma ġara fil-każ tal-partijiet interessati, li ma humiex identifikabbli mill-informazzjoni minima mitluba għall-parteċipazzjoni fil-kawża. |
|
21. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li “applikant”, skont it-tifsira tad-Direttiva 2003/4, ma għandux bżonn ikun identifikat, din id-direttiva tipprekludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-applikanti jipprovdu l-ismijiet u/jew l-indirizz postali attwali tagħhom sabiex iressqu talba. Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali nazzjonali, Stat Membru jista’ jagħżel li jittrasponi d-Direttiva 2003/4 b’mod li jirrikjedi li l-applikanti jidentifikaw ruħhom sabiex l-awtorità pubblika tkun tista’ tivverifika li huma persuni naturali jew ġuridiċi li għandhom d-drittijiet ta’ applikanti. |
|
22. |
Il-qorti tar-rinviju tixtieq tivverifika jekk, fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-applikanti jkunu identifikati hija prekluża mid-Direttiva 2003/4, awtorità pubblika tistax xorta waħda titlob konferma tal-isem u/jew l-indirizz postali attwali tal-applikant fejn għandha raġunijiet raġonevoli li tissuspetta li l-informazzjoni pprovduta hija falza jew inkompleta. Il-fatt li tali informazzjoni tista’ konċepibbilment tirriżulta fi spekulazzjoni dwar l-interess tal-applikant ma għandux ikun rilevanti. |
|
23. |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta dwar jekk l-awtorità tistax titlob informazzjoni dwar l-identità tal-applikant għall-finijiet tad-determinazzjoni jekk talba partikolari hijiex manifestament irraġonevoli b’riferiment għall-volum, in-natura u l-frekwenza tat-talbiet l-oħra magħmulin mill-istess applikant. |
|
24. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
25. |
Coillte, il-Kummissarju, il-Gvern Ċek u dak Taljan, l-Irlanda u l-Kummissjoni Ewropea ressqu osservazzjonijiet bil-miktub. |
IV. Analiżi
A. Osservazzjonijiet preliminari
|
26. |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li, meta ffirmat il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, l-Unjoni impenjat ruħha li tiżgura, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, prinċipju ġenerali ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali miżmum mill-awtoritajiet pubbliċi ( 10 ). |
|
27. |
Kif tikkonferma l-premessa 5 tad-Direttiva 2003/4, billi adotta din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura l-kompatibbiltà tad-dritt tal-Unjoni ma’ dak tal-Konvenzjoni bl-għan tal-konklużjoni tagħha mill-Unjoni billi pprovda għal sistema ġenerali li biha jiġi żgurat li kull persuna naturali jew ġuridika ta’ Stat Membru jkollha dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi jew miżmuma għalihom mingħajr ma din il-persuna jkollha għalfejn tiddikjara interess ( 11 ). |
|
28. |
Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/4, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-test u l-għan tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li din id-direttiva hija mfassla sabiex timplimenta fid-dritt tal-Unjoni ( 12 ). |
|
29. |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gwida ta’ Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus tista’ tkun ikkunsidrata bħala dokument ta’ spjegazzjoni, kapaċi li jittieħed inkunsiderazzjoni jekk xieraq fost materjal ieħor rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dik il-konvenzjoni, anki jekk l-osservazzjonijiet fil-gwida ma għandhom l-ebda forza vinkolanti u ma għandhomx effett normattiv fuq id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni ( 13 ). |
B. Fuq l‑ewwel domanda
|
30. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kelma “talba” fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/4 moqrija fid-dawl tal-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, għandhiex tiġi interpretata li tfisser biss talba li hija valida b’riferiment għad-direttiva u b’riferiment għal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat. |
|
31. |
Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/4, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li “kull applikant li jikkunsidra illi t-talba tiegħu għat-tagħrif ġiet injorata, irrifjutata b’mod ħażin […] jew ma tiġix imwieġba b’mod adegwat, jew inkella mhux ittrattata skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 3, 4 jew 5, ikollu aċċess għal proċedura li fiha l-atti jew l-omissjonijiet ta’ l-awtorità pubblika interessata tista’ tiġi kkunsidrata mill-ġdid minn din l-awtorità pubblika jew minn awtorità pubblika oħra jew rivista amministrattivament minn korp indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi.” |
|
32. |
Kif osservat il-Kummissjoni, essenzjalment, mill-iskema tad-Direttiva 2003/4, huwa ċar li l-espressjoni “talba […] għat-tagħrif” fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva tikkonċerna “talba” mressqa taħt l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. |
|
33. |
Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/4, informazzjoni ambjentali miżmuma minn awtoritajiet pubbliċi għandha ssir disponibbli “lil kull applikant fuq it-talba tiegħu u mingħajr ma jkollu għalfejn jiddikjara l-interess tiegħu”. |
|
34. |
Id-Direttiva 2003/4 la tiddefinixxi l-kelma “talba” u lanqas ma timponi rekwiżiti ta’ validità speċifiċi fl-Artikolu 3 sabiex applikant iressaq talba. |
|
35. |
Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt ta’ aċċess iggarantit mid-Direttiva 2003/4 japplika biss sakemm l-informazzjoni mitluba tissodisfa r-rekwiżiti għall-aċċess pubbliku mniżżla f’din id-direttiva, li tippreżupponi, b’mod partikolari, li l-informazzjoni hija “tagħrif ambjentali” skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1) tad-direttiva ( 14 ). |
|
36. |
Għaldaqstant din it-talba għandha tissodisfa r-rekwiżiti ġenerali mniżżla fl-Artikolu 3 sabiex japplika d-dritt ta’ aċċess, li jippreżupponi li t-talba għandha titressaq minn “applikant”, lil “awtoritajiet pubbliċi” u għandha tfittex li tikseb “tagħrif dwar l-ambjent” li jkun “miżmum” għall-awtorità pubblika. It-tifsiriet ta’ dawn il-kliem huma ddefiniti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/4. |
|
37. |
Barra minn hekk, la l-Artikolu 2(5) u lanqas l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/4 ma jimponu kundizzjonijiet relatati ma’ forma jew validità sabiex titressaq talba. Il-kelma “talba” għandha tinftiehem b’mod wiesa’ bħala talba mressqa skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. |
|
38. |
Il-bżonn li l-kelma “talba” tinftiehem b’mod wiesa’ huwa kkonfermat bl-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus li tobbliga lill-partijiet jiżguraw li jagħmlu l-informazzjoni ambjentali disponibbli lill-pubbliku wara talba għal informazzjoni ambjentali fil-qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Skont il-Gwida ta’ Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, “‘talba’ tista’ tkun kwalunkwe komunikazzjoni minn membru tal-pubbliku lil awtorità pubblika fejn tintalab informazzjoni ambjentali.” ( 15 ) Din il-gwida tinnota wkoll li “l-konvenzjoni ma tispeċifika l-ebda forma ta’ talba, u għaldaqstant timplika li kwalunkwe talba li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 4, kemm jekk orali jew bil-miktub, tiġi kkunsidrata bħala tali taħt il-Konvenzjoni” ( 16 ). |
|
39. |
Il-kwistjonijiet imqajma mill-ewwel domanda huma dwar jekk l-Istati Membri jistgħux jimponu rekwiżiti ta’ validità sabiex titressaq talba u jekk jistgħux jimponu li d-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/4 jkun suġġett għal dawn ir-rekwiżiti. |
|
40. |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li skont l-Artikolu 3(5)(c) tad-Direttiva 2003/4, għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali fuq talba, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li “l-arranġamenti prattiċi jiġu ddefiniti” sabiex jiżguraw illi d-dritt ikun eżerċitat b’mod effettiv. Eżempji ta’ tali “arranġamenti prattiċi” jinkludu n-nomina tal-uffiċjali tal-informazzjoni, l-istabbiliment u ż-żamma tal-faċilitajiet għall-eżaminazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa u r-reġistri jew il-listi tal-informazzjoni dwar l-ambjent għand l-awtoritajiet pubbliċi jew il-punti tal-informazzjoni, b’indikazzjonijiet ċari dwar fejn tista’ tinstab din l-informazzjoni. Il-premessa 15 ta’ din id-direttiva tgħid li “[d]awn l-arranġamenti għandhom jiggarantixxu illi t-tagħrif ikun aċċessibbli b’mod effettiv u bla xkiel u jsir disponibbli […] għall-pubbliku”. Is-subparagrafi (a) u (b) tal-Artikolu 3(5) jirreferu għall-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li l-uffiċjali jappoġġjaw lill-pubbliku fit-tfittxija għall-aċċess għal informazzjoni u jiżguraw li listi tal-awtoritajiet pubbliċi jkunu aċċessibbli pubblikament. Barra minn hekk, skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 3(5), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet pubbliċi jinfurmaw lill-pubbliku b’mod adegwat bid-drittijiet li huma jgawdu minnhom u jipprovdu informazzjoni, gwida u pariri b’mod adegwat għal dawn il-finijiet. |
|
41. |
Fil-kuntest tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2003/4, l-obbligu tal-iżgurar li l-“arranġamenti prattiċi” għall-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali jifforma parti mill-obbligu tal-awtoritajiet pubbliċi li jiffaċilitaw l-użu mill-pubbliku tad-drittijiet tagħhom ( 17 ). |
|
42. |
Għaldaqstant, l-obbligu msemmi fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2003/4, għall-istabbiliment ta’ “arranġamenti prattiċi” għall-eżerċizzju tad-dritt li tintalab l-informazzjoni huwa differenti mill-istabbiliment tar-rekwiżiti ta’ validità. Fil-fatt, filwaqt li l-“arranġamenti prattiċi” huma maħsuba għall-iffaċilitar tal-aċċess għal informazzjoni, ir-rekwiżiti ta’ validità huma formalitajiet jew kundizzjonijiet neċessarji li l-applikant għandu jikkonforma magħhom sabiex jikseb aċċess għal informazzjoni rilevanti. |
|
43. |
Għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tfassal qafas għat-tressiq u l-ipproċessar ta’ talba, ir-regoli rilevanti ma jistgħux imorru lil hinn minn dak neċessarju sabiex jinkiseb l-għan tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2003/4, jiġifieri s-salvagwardja tal-aċċess faċli u effettiv għal informazzjoni dwar l-ambjent. |
|
44. |
Fit-tieni lok, mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/4 jsegwi li att jew ommissjoni tal-awtorità pubblika għandha tkun suġġetta għal stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju jekk “[i]t-talba […] għat-tagħrif ġiet injorata, irrifjutata b’mod ħażin (sewwa jekk fl-intier tagħha jew f’parti minnha), jew ma tiġix imwieġba b’mod adegwat, jew inkella mhux ittrattata skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 3, 4 jew 5”. |
|
45. |
Għaldaqstant, l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja ma jiddependix fuq jekk l-awtorità pubblika tikkunsidrax li t-talba hija valida jew li l-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tad-dritt għal informazzjoni ambjentali fil-liġi nazzjonali huma ssodisfatti. Jekk hemmx “talba” skont id-Direttiva 2003/4 jew le huwa – bħalma huwa l-każ sabiex jitqajmu l-kundizzjonijiet materjali l-oħra kollha għad-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali – kwistjoni li għandha tkun suġġetta għal stħarriġ amministrattiv jew ġudizzjarju skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. Huwa l-obbligu tal-korp responsabbli li jaċċerta jekk talba għal informazzjoni ambjentali tikkonformax mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. |
|
46. |
Li kieku ma kienx hekk, id-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja u l-ġurisdizzjoni mogħti mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/4 lill-korpi indipendenti u imparzjali stabbiliti mil-liġi u mill-qrati tal-ġustizzja kienu jkunu jiddependu mill-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-aċċess għal informazzjoni ambjentali segwita mill-awtoritajiet nazzjonali. Kif issottometta l-Kummissarju, il-mekkaniżmu għall-iżgurar tal-aċċess għall-ġustizzja jista’ jkun kompromess mis-sempliċi att ta’ awtorità pubblika li tqis talba invalida. |
|
47. |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nikkunsidra li l-kelma “talba” fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/4, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, għandha tiġi interpretata bħala li tfisser talba li hija mressqa skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. Il-kwistjoni dwar jekk talba taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għandha tkun suġġetta għal stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju minn korp indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi jew qorti tal-ġustizzja skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/4. |
C. Fuq it‑tieni domanda
|
48. |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kelma “applikant” fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2003/4 moqrija fid-dawl tal-Artikoli 2 u 4 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus tfissirx persuna naturali jew ġuridika identifikata bl-isem reali tagħha u/jew b’indirizz postali attwali, għall-kuntrarju ta’ persuna anonima jew psewdonima u/jew applikant li d-dettalji personali tiegħu huma identifikati biss permezz ta’ indirizz tal-posta elettronika. |
|
49. |
Skont l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2003/4, “applikant” huwa “kull persuna naturali jew legali li titlob tagħrif dwar l-ambjent”. |
|
50. |
Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/4, l-awtoritajiet pubbliċi huma meħtieġa li jagħmlu disponibbli l-informazzjoni ambjentali li tkun għandhom jew miżmuma f’isimhom lil “kull applikant fuq it-talba tiegħu u mingħajr ma jkollu għalfejn jiddikjara l-interess tiegħu”. |
|
51. |
Tqum il-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ “applikant” jinkludix l-identifikazzjoni tal-persuni naturali jew ġuridiċi permezz ta’ isimhom reali jew jekk jistax ikopri wkoll applikanti anonimi jew psewdonimi. |
|
52. |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-bżonn għall-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ ugwaljanza jirrikjedu li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel l-ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi madwar l-Unjoni ( 18 ). |
|
53. |
Huwa neċessarju, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jiġu kkunsidrati mhux biss il-formulazzjoni tagħha iżda wkoll il-kuntest u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha ( 19 ). |
|
54. |
Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 2(5), din id-dispożizzjoni tikklassifika “kull persuna naturali jew legali li titlob tagħrif dwar l-ambjent” bħala applikant. Ma tispeċifikax li tali persuna naturali jew ġuridika għandha tiġi identifikata permezz tal-isem reali u/jew l-indirizz postali attwali tagħha. |
|
55. |
Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-għoti tad-drittijiet lil persuni naturali u ġuridiċi jimplika li l-applikant għandu jipprovdi isem reali u indirizz postali sabiex ikun intitolat li jiġi ttrattat bħala applikant. |
|
56. |
Coillte, il-Gvern Ċek u dak Taljan kif ukoll l-Irlanda jaqblu ma’ din il-fehma. Huma jargumentaw li huma biss persuni identifikati bl-isem u l-indirizz tagħhom li jistgħu jressqu talba għal informazzjoni ambjentali. Dan għax l-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikunu jistgħu jikkonfermaw l-istatus tal-persuna li tressaq it-talba, u l-iktar mekkaniżmu faċli u ovvju għal dan huwa r-rekwiżit li jiġi pprovdut l-isem reali u/jew l-indirizz postali attwali. |
|
57. |
Għall-kuntrarju, il-Kummissarju u r-Right to Know isostnu li l-kelma “applikant”, fl-assenza ta’ kwalunkwe riferiment għall-identità tal-applikant, ma tirrikjedix identifikazzjoni. |
|
58. |
Il-Kummissjoni tissottometti li r-riferiment għal “persuna” fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2003/4 jippreżupponi li tali persuna teżisti realment u tipprekludi kull persuna fittizja milli tressaq talba taħt din id-direttiva u milli tibbenefika mid-dispożizzjonijiet tagħha. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawk il-modi li bihom l-informazzjoni ambjentali tista’ ssir disponibbli li mhux dejjem jirrikjedu l-identifikazzjoni tal-applikant. |
|
59. |
Fil-fehma tiegħi, ir-rekwiżit ta’ identifikazzjoni tal-applikant ma huwiex inerenti għall-kunċett ta’ “applikant”. Kif osservat il-Kummissjoni, essenzjalment, il-fatt li persuna tkun identifikabbli taħt l-Artikolu 2(5) ma jfissirx li l-identifikazzjoni hija meħtieġa taħt dik id-dispożizzjoni. Fil-fatt, mod li wieħed jaċċetta li applikant verament jeżisti, u ma huwiex robot awtomatizzat jew persuna fittizja. Mod ieħor li wieħed jassumi li l-applikanti għandhom, bħala ħaġa naturali, jipprovaw dettalji dwar l-identità sabiex jeżerċitaw id-dritt mogħti mill-Artikolu 3(1) u jkunu suġġetti sistematikament għall-verifika tal-identità tagħhom. |
|
60. |
Għaldaqstant, kif sostniet il-Kummissjoni, fir-rigward tad-definizzjoni ta’ “applikant” skont it-tifsira fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2003/4, is-sempliċi eżistenza ta’ persuna naturali jew ġuridika hija suffiċjenti sabiex dik il-persuna tgawdi mid-drittijiet taħt id-direttiva. |
|
61. |
Dak li ntqal iktar ’il fuq huwa mingħajr preġudizzju għall-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Istati Membri jgawdu minnu sabiex jipprovdu għal sitwazzjonijiet fejn huwa neċessarju li jiġi identifikat l-applikant, kif se jiġi diskuss f’iktar dettall iktar ’il quddiem fir-rigward tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames domanda. |
|
62. |
Bl-istess mod, il-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma tispeċifikax li l-applikanti għal informazzjoni ambjentali għandhom jiġu identifikati sabiex jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għal din l-informazzjoni. Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma tinkludix definizzjoni tal-kelma “applikant”. Skont l-Artikolu 4(1) ta’ din il-konvenzjoni, l-awtoritajiet pubbliċi jagħmlu l-informazzjoni ambjentali disponibbli “lill-pubbliku” bħala risposta għal talba għal informazzjoni ambjentali. Skont l-Artikolu 2(4), “pubbliku” tfisser “persuna fiżika jew ġuridika waħda jew iktar u, konformement mal-leġiżlazzjoni jew mal-użanza tal-pajjiż, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi mwaqqfa minn dawn il-persuni.” Din id-definizzjoni wiesgħa ta’ “pubbliku” hija interpretata fil-Gwida ta’ Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fis-sens li tapplika, fil-prinċipju, għal “kull persuna” ( 20 ). |
|
63. |
Kif ġie osservat fid-duttrina ( 21 ), l-assenza ta’ kwalunkwe rekwiżit fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus sabiex tiġi pprovduta informazzjoni ta’ identifikazzjoni meta ssir talba u l-assenza ta’ kwalunkwe rekwiżit ta’ dikjarazzjoni ta’ interess ifissru li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jadottaw approċċ “fl-għama”. Skont dan l-approċċ “ħadd – individwi, NGOs jew oħrajn – mill-applikanti għal informazzjoni ambjentali ma għandu bżonn jidentifika ruħu jew jiġġustifika t-talba tiegħu” ( 22 ). |
|
64. |
Waħda mir-raġunijiet għalfejn il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-identifikazzjoni tista’ tkun neċessarja hija li tippermetti li jiġi vverifikat li l-applikanti huma persuni naturali jew ġuridiċi li ngħataw d-drittijiet ta’ applikanti, u mhux, b’mod partikolari, minn entitajiet mingħajr personalità ġuridika. Coillte hija ta’ din il-fehma kif ukoll numru ta’ partijiet interessati, inkluż il-Gvern Ċek, li jissottometti li dik id-Direttiva 2003/4 u l-Konvenzjoni ta’ Aarhus jorbtu d-dritt għal informazzjoni ambjentali mal-personalità ġuridika tal-applikant. |
|
65. |
Fir-rigward ta’ dan, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 2 tad-Direttiva 2003/4 jirriżulta li hija “twessa’ l-aċċess eżistenti mogħti bid-Direttiva 90/313/KEE” ( 23 ). Taħt id-Direttiva 90/313, kien enfasizzat fid-duttrina li l-portata personali tad-dritt għal informazzjoni ambjentali hija wiesgħa u li għandha tinftiehem li tinkludi “prattikament lil kulħadd”, mingħajr ebda rekwiżit għal forma legali speċifika ( 24 ). Interpretazzjoni wiesgħa tal-portata personali tad-dritt għal informazzjoni hija sostnuta mill-għanijiet ta’ aċċess pubbliku għal informazzjoni ambjentali li huma, skont il-premessa 1 tad-Direttiva 2003/4 “jikkontribwixxu għal konoxxenza ikbar dwar il-materji ambjentali, skambju ħieles tal-veduti, parteċipazzjoni iktar effettiva mill-pubbliku fit-tiswir tad-deċiżjonijiet u, eventwalment, ambjent aħjar.” Kummentaturi osservaw li d-Direttiva 2003/4“kkwalifikat id-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali fil-kuntest ta’ dritt tal-bniedem” u li għalhekk “id-dritt ingħata mhux biss liċ-ċittadini tal-Unjoni, iżda lil kulħadd, inkluż l-assoċjazzjonijiet” ( 25 ). |
|
66. |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(5)(a) tad-Direttiva 2003/4, “l-uffiċjali [huma] meħtieġa li jgħinu lill-pubbliku li jkun qiegħed ifittex l-aċċess għat-tagħrif”. L-Artikolu 2(6) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi “pubbliku” bħala “persuna jew iktar naturali jew legali, u, skond il-leġislazzjoni jew il-prattika nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom.” Minn qari ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet flimkien isegwi li persuni naturali u ġuridiċi, u, skont il-leġiżlazzjoni jew il-prattika nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom għandhom ikunu jistgħu jfittxu aċċess għal informazzjoni ambjentali. |
|
67. |
Ir-rekwiżit taħt l-Artikolu 3(5)(a) tad-Direttiva 2003/4 li l-uffiċjali jgħinu “lill-pubbliku” li jkun qiegħed ifittex l-aċċess ikun inutli jekk ċertu kategoriji ta’ “pubbliku” u b’mod partikolari assoċjazzjonijiet mingħajr personalità ġuridika jiġu mċaħħda mid-dritt li jfittxu aċċess għal informazzjoni ambjentali fuq talba skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. |
|
68. |
Barra minn hekk, kif sostnut fl-osservazzjonijiet preliminari, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/4, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni u l-għan tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li din id-direttiva hija mfassla sabiex timplimentaha fid-dritt tal-Unjoni ( 26 ). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Konvenzjoni ta’ Aarhus issegwi l-prinċipju ta’ “kull persuna” fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali ( 27 ). “Il-pubbliku” taħt il-Konvenzjoni ta’ Aarhus ikopri, speċifikament, “l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi” tal-persuni naturali jew ġuridiċi “konformement mal-leġiżlazzjoni jew mal-użanza tal-pajjiż”. Kwalunkwe rekwiżit imfassal mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għandu jissodisfa l-għan tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus li jiġi żgurat “aċċess wiesa’” għad-drittjiet li tagħti ( 28 ). Interpretazzjoni li tippermetti lill-awtoritajiet jirrifjutaw id-dritt għal informazzjoni ambjentali purament abbażi tal-personalità ġuridika tal-applikanti tista’ tikkomprometti dan il-prinċipju. |
|
69. |
Fi kwalunkwe każ, persuni naturali individwali li huma membri ta’ assoċjazzjoni li ma hijiex (sa issa) inkorporata ovvjament għandhom id-dritt li jitolbu aċċess għal informazzjoni ( 29 ). |
|
70. |
Għaldaqstant, sa fejn kulħadd għandu d-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali, il-verifika tal-istatus ġuridiku tal-“applikant” biss tista’ ma tkunx raġuni sabiex tintalab identifikazzjoni tal-applikant. |
|
71. |
Fir-rigward tal-kuntest tal-kelma “applikant”, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/4 l-awtoritajiet pubbliċi huma meħtieġa, skont din id-direttiva, jagħmlu l-informazzjoni ambjentali disponibbli “lil kull applikant fuq it-talba tiegħu u mingħajr ma jkollu għalfejn jiddikjara l-interess tiegħu”. Mill-premessa 8 ta’ din id-direttiva jsegwi li kull persuna naturali jew ġuridika għandha d-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent mingħajr ma jkollha għalfejn tiddikjara l-interess tagħha. |
|
72. |
Id-dritt ta’ “kull” applikant li jitlob informazzjoni ambjentali u d-dritt korrispondenti tal-awtoritajiet li jipprovdu din l-informazzjoni jikkumplimenta l-obbligu proattiv tal-awtoritajiet li jipprovdu informazzjoni li joħroġ mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/4. Skont l-Artikolu 1(b) ta’ din id-direttiva, l-obbligu proattiv huwa maħsub sabiex jiġi żgurat illi “bħala ħaġa naturali, it-tagħrif dwar l-ambjent jiġi magħmul disponibbli u jixxerred b’mod progressiv fost il-pubbliku sabiex jinkisbu id-disponibbiltà u t-tixrid l-iktar wiesa’ possibbli tat-tagħrif dwar l-ambjent fost il-pubbliku. Għal dan il-fini, għandhom jiġu promossi b’mod partikolari l-użu tat-telekomunikazzjoni bil-kompjuter u/jew tat-teknoloġija elettronika, meta disponibbli.” Barra minn hekk, skont il-premessa 9 ta’ din id-direttiva, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jagħmlu disponibbli u jxerrdu l-informazzjoni ambjentali fost il-pubbliku ġenerali “kemm jista’ jkun fil-wisa’, b’mod partikolari bl-użu tat-teknoloġiji tat-tagħrif u tal-komunikazzjoni”. |
|
73. |
Mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/4 moqri flimkien mal-Artikolu 1(b) u fid-dawl tal-premessa 9 tagħha jsegwi li l-informazzjoni ambjentali għandha “[t]intgħamel [issir] disponibbli”“bħala ħaġa naturali” lill-pubbliku u “kemm jista’ jkun fil-wisa’”, bl-effett li l-pubbliku lanqas biss ma għandu bżonn jitlob din l-informazzjoni. L-espressjoni “[ssir] disponibbli” hija wiesgħa biżżejjed sabiex tinkludi varjetà ta’ metodi li bihom l-informazzjoni ssir disponibbli. Kif argumentat ir-Right to Know, l-informazzjoni ambjentali tista’ ssir disponibbli lil applikant fl-uffiċċji ta’ awtorità pubblika (jew permezz ta’ spezzjoni jew permezz ta’ ġbir), permezz ta’ sit internet jew billi ssir disponibbli għall-ġbir minn aġent. Fl-ebda waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet ma hemm raġunijiet ovvji għalfejn persuni naturali jew ġuridiċi li jixtiequ jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent għandhom l-ewwel jidentifikaw ruħhom. Barra minn hekk, id-Direttiva 2003/4 ma tispeċifikax kif l-informazzjoni għandha “ssir disponibbli”. Għaldaqstant, l-informazzjoni tista’ tintbagħat, pereżempju, lill-indirizz tal-posta elettronika tal-applikant jekk l-applikant ikkuntattja lill-amministrazzjoni b’dan il-mod. |
|
74. |
L-obbligu ġenerali tal-awtoritajiet pubbliċi li proattivament ixerrdu l-informazzjoni lill-pubbliku jappoġġja l-interpretazzjoni skont liema, meta membru tal-pubbliku jfittex aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent fuq talba, ma hemm l-ebda rekwiżit speċifiku li tiġi pprovduta informazzjoni dwar l-identità. |
|
75. |
Coillte, l-Irlanda u l-Gvern Ċek jargumentaw li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/4 jappoġġja l-konklużjoni li l-kelma “applikant” tirrikjedi l-identifikazzjoni tal-applikant. Fil-fehma tagħhom, sakemm applikant jista’ jfittex stħarriġ amministrattiv ta’ deċiżjoni li tirrifjuta t-talba għal informazzjoni, skont l-Artikolu 6(1), u stħarriġ quddiem qorti tal-ġustizzja, skont l-Artikolu 6(2), l-applikant għandu jiġi identifikat meta jitlob informazzjoni ambjentali. |
|
76. |
M’iniex konvinta bit-tixbiha bejn r-rekwiżiti għall-eżerċizzju tad-dritt għal informazzjoni ambjentali u l-proċedura li tirregola l-preżentazzjoni ta’ appell quddiem awtorità amministrattiva jew azzjoni għall-istħarriġ ġudizzjarju. Ir-rekwiżiti stabbiliti għall-eżerċizzju ta’ kull wieħed minn dawn id-drittijiet għandhom jiġu eżaminati b’mod separat. Madankollu, ir-rikonoxximent tal-possibbiltà li talba titressaq skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/4 b’mod anonimu jkun, madankollu, mingħajr preġudizzju għar-regoli li l-Istati Membri jistgħu jistipulaw għall-eżerċizzju tad-dritt għal stħarriġ amministrattiv jew ġudizzjarju. Ir-regoli stabbiliti mill-Istati Membri għall-infurzar tad-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali jaqgħu taħt il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, suġġett għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 30 ). |
|
77. |
Lanqas ma jien konvinta mit-tixbiha magħmula mill-Kummissjoni bejn l-iskema inkwistjoni u dik applikabbli għall-aċċess pubbliku għad-dokumenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ( 31 ). L-ewwel, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-benefiċjarji għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti taħt ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa iktar restrittiv mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-benefiċjarji għad-dritt għal informazzjoni ambjentali stabbilit fid-Direttiva 2003/4. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti japplika għal “[k]ull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru”. Ma hemm ebda kwalifiki tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-benefiċjarji bħal dawn għad-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali. It-tieni, l-aċċess pubbliku għal informazzjoni ambjentali miżmum mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni huwa rregolat mir-Regolament Nru 1367/2006 ( 32 ). Dan ir-regolament, kif osservat fil-letteratura akkademika ( 33 ), “jestendi l-benefiċjarji tad-dritt ta’ aċċess” taħt l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, billi jagħraf li applikant għandu d-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali “mingħajr diskriminazzjoni abbażi taċ-ċittadinanza, nazzjonalità jew domiċilju u, fil-każ ta’ persuna ġuridika, mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta’ fejn għandha s-sede tagħha jew iċ-ċentru effettiv tal-attivitajiet tagħha” ( 34 ). |
|
78. |
Għalhekk, fid-dawl tad-differenzi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-benefiċjarji, ma huwiex xieraq li jiġi impost rekwiżit li applikanti taħt id-Direttiva 2003/4 jkunu identifikati abbażi tar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament Nru 1049/2001. |
|
79. |
Fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttiva 2003/4, skont l-Artikolu 1(a) tagħha d-direttiva tfittex li tiggarantixxi d-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali li jkun għand jew miżmum f’isem l-awtoritajiet pubbliċi. Dan id-dritt, kif jirriżulta mill-premessa 1 ta’ dik id-direttiva u kif ġie rrilevat fil-punt 65 iktar ’il fuq, jikkontribwixxi għal “parteċipazzjoni iktar effettiva mill-pubbliku fit-tiswir tad-deċiżjonijiet u, eventwalment, ambjent aħjar”. Barra minn hekk, mill-premessa 2 ta’ din id-direttiva jirriżulta li d-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għal informazzjoni ambjentali huwa parti minn “proċess ta’ bidla” fir-rigward tal-“[ftuħ] u trasparenza” ( 35 ). Mill-premessa 16 ta’ din id-direttiva jsegwi wkoll li l-iżvelar tal-informazzjoni huwa fl-interess pubbliku. Konsegwentement, id-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni li twassal għal żvelar huwa fl-interess pubbliku u ma jiddependix mill-interess tal-individwu partikolari li jitlob id-divulgazzjoni. Għal din ir-raġuni, u kif huwa pprovdut speċifikament fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/4, l-applikanti ma għandhomx bżonn jiddikjaraw interess. |
|
80. |
Il-fatt li l-applikanti jistgħu jitolbu informazzjoni ambjentali mingħajr il-bżonn li jidentifikaw ruħhom jikkontribwixxi għall-għan ta’ aċċess usa’ għal informazzjoni ambjentali u trasparenza. Bħalma sostnew essenzjalment il-Kummissarju u r-Right to Know, iż-żamma tal-anonimità hija partikolarment importanti għal ċertu applikanti, fejn l-inklużjoni tal-isem legali u l-indirizz tagħhom jista’ indirettament jiżvela l-interess tagħhom f’li jagħmlu t-talba ( 36 ). L-assenza ta’ rekwiżit ta’ identifikazzjoni hija wkoll konsistenti mal-iskop ta’ interess pubbliku tad-dritt għal informazzjoni ( 37 ). |
|
81. |
Coillte u numru ta’ partijiet interessati wissew dwar ir-riskju li l-intelliġenza artifiċjali tiġġenera u tibgħat b’mod awtomatiku talbiet għall-aċċess. Tali riskju, serju kemm hu serju, ma jidhirx inerenti f’talbiet anonimi. Minflok, huwa jirrelata mal-użu tal-mezzi tas-soċjetà informatika għall-komunikazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi (għall-kuntrarju ta’ talbiet imressqa fiżikament). Sabiex dan ir-riskju jiġi evitat, huma l-Istati Membri li għandhom jimplimentaw is-salvagwardji tekniċi xierqa neċessarji sabiex jiżguraw li l-awtoritajiet jipproċessaw biss talbiet li joriġinaw minn persuna minflok minn robot awtomatizzat ( 38 ). |
|
82. |
Il-gvernijiet li ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub u l-Irlanda wissew ukoll dwar ir-riskju ta’ abbuż bħala riżultat tat-talbiet anonimi jew psewdonimi. Għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2003/4, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw talbiet għal informazzjoni ambjentali li huma “manifestament irraġonevoli”. Din ir-raġuni għal rifjut hija wiesgħa biżżejjed sabiex tippermetti lil awtorità pubblika tirrifjuta talba li hija vessatorja jew intiża sabiex tikkawża fastidju jew tfixkil. Kif se niddiskuti iktar ’il quddiem fir-rigward tal-ħames domanda, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jitolbu l-identifikazzjoni. |
|
83. |
Għaldaqstant, l-abbuż tad-dritt għal informazzjoni jista’ jwassal għar-rifjut tat-talba, iżda ma jiġġustifikax l-interpretazzjoni restrittiva tal-kelma “applikant”. |
|
84. |
Nikkonkludi li mill-kliem, mill-kuntest u mill-finijiet tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2003/4 jirriżulta li l-kunċett ta’ “applikant” ma jirrikjedix l-identifikazzjoni tal-persuna naturali jew ġuridika li titlob l-informazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. |
|
85. |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nikkunsidra li l-kelma “applikant” fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2003/4 moqrija fid-dawl tal-Artikoli 2 u 4 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma hijiex limitata għal persuna naturali jew ġuridika identifikata bl-isem reali tagħha u/jew b’indirizz postali attwali, iżda tinkludi wkoll persuna anonima jew psewdonima u/jew applikant li d-dettalji personali tiegħu huma identifikati biss permezz ta’ indirizz tal-posta elettronika. |
D. Fuq it‑tielet u r‑raba’ domanda
|
86. |
Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/4, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi li l-applikanti jipprovdu l-isem u l-indirizz postali tagħhom sabiex iressqu talba għal informazzjoni ambjentali u li jipprekludi awtorità pubblika milli tivverifika l-identità ta’ applikant, anki meta jkun hemm dubju dwar il-veraċità tal-informazzjoni ta’ identifikazzjoni pprovduta mill-applikant. |
|
87. |
Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi r-risposta li nipproponi għat-tieni domanda, ikun neċessarju li tingħata risposta għal din id-domanda wkoll. |
|
88. |
L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/4, li kif osservat iktar ’il fuq jimponi fuq l-awtoritajiet pubbliċi l-obbligu li “jagħmlu disponibbli t-tagħrif dwar l-ambjent li jkun għandhom jew miżmum għalihom lil kull applikant fuq it-talba tiegħu u mingħajr ma jkollu għalfejn jiddikjara l-interess tiegħu” jikkorrispondi għall-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tobbliga lil awtoritajiet pubbliċi jipprovdu informazzjoni ambjentali lill-pubbliku fir-rigward ta’ talba għal tali informazzjoni. |
|
89. |
Kif irrilevat iktar ’il fuq fir-risposta għat-tieni domanda, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/4 ma jirrikjedix b’mod inerenti li l-applikant jipprovdi dettalji ta’ identifikazzjoni. |
|
90. |
Il-kwistjoni mqajma hija dwar jekk l-Istati Membri jistgħux jistabbilixxu tali rekwiżit li tiġi pprovduta identifikazzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. |
|
91. |
Mill-Artikolu 288 TFUE jsegwi li l-Istati Membri, meta jittrasponu direttiva, iżommu diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tal-għażla tal-modi u l-mezzi sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tagħha. Din il-libertà ta’ għażla ma taffettwax l-obbligu impost fuq l-Istati Membri destinatarji li jadottaw il-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li d-direttiva kkonċernata tkun effettiva b’mod sħiħ b’konformità mal-għan li din id-direttiva tfittex li tilħaq ( 39 ). |
|
92. |
Fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali, l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2003/4 jipprovdi speċifikament li l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu “l-arranġamenti prattiċi” sabiex jiżguraw li dan id-dritt “ikun eżerċitat b’mod effettiv”. Kif irrilevat iktar ’il fuq ( 40 ), l-għan ta’ dawn l-arranġamenti prattiċi huwa l-iffaċilitar tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. |
|
93. |
Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus tipprovdi fl-Artikolu 4(1) li awtoritajiet pubbliċi għandhom jagħmlu l-informazzjoni ambjentali disponibbli “fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali”. Skont il-Gwida ta’ Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, dan ifisser li l-“leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tfassal qafas għall-proċess tar-risposta ta’ talbiet għal informazzjoni skont il-Konvenzjoni [ta’ Aarhus]” ( 41 ). Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tad-dritt għal informazzjoni ambjentali, id-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari, id-Direttiva 2003/4, huwa kkunsidrat bħala parti mid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri ( 42 ). |
|
94. |
Mill-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2003/4 u l-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus isegwi li fil-kuntest tad-definizzjoni tal-arranġamenti prattiċi għall-eżerċizzju effettiv tad-dritt għal informazzjoni ambjentali, l-Istati Membri għandhom id-diskrezzjoni li jiddeterminaw il-qafas għall-proċess sabiex jitressqu u jingħataw risposti għat-talbiet għal informazzjoni. |
|
95. |
F’dan il-kuntest, fl-ewwel lok, l-identifikazzjoni tal-applikant tista’ tkun neċessarja sabiex l-awtoritajiet jirrispondu għat-talba. L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu, pereżempju, jirrikjedu l-isem u l-indirizz postali tal-applikant jekk l-applikant ma jipprovdi l-ebda dettalji ta’ kuntatt ieħor. |
|
96. |
Id-dettalji tal-identità tal-applikant jistgħu jkunu neċessarji wkoll meta l-informazzjoni hija pprovduta fuq ħlas ta’ tariffa (raġonevoli), skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/4 ( 43 ). |
|
97. |
Fit-tieni lok, id-dettalji tal-identità jistgħu jkunu neċessarji meta talba għal informazzjoni taqa’ taħt waħda mill-eċċezzjonijiet taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4. |
|
98. |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva speċifikament jelenka l-eċċezzjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu għad-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali. Sa fejn l-eċċezzjonijiet fil-fatt ġew trasposti fid-dritt nazzjonali, huma l-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jinvokawhom sabiex jopponu talbiet għal informazzjoni li jirċievu ( 44 ). |
|
99. |
Dawn l-eċċezzjonijiet ikopru, b’mod partikolari, talba li hija manifestament mhux raġonevoli, talba li tikkonċerna materjal fil-proċess tat-tlestija, komunikazzjonijiet interni u sitwazzjonijiet fejn l-iżvelar ta’ informazzjoni jaffettwa b’mod negattiv il-kunfidenzjalità tal-proċedimenti tal-awtoritajiet pubbliċi, ir-relazzjonijiet internazzjonali, is-sigurtà pubblika jew id-difiża nazzjonali, il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali jew industrijali jew il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni personali. |
|
100. |
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 jgħid li f’kull każ partikolari, l-interess pubbliku servut permezz tal-iżvelar għandu jintiżen kontra l-interess servut mir-rifjut. B’dan il-mod, ir-rifjut tal-aċċess għal informazzjoni ambjentali għar-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 4 għandhom dejjem ikunu bbażati fuq il-kunsiderazzjoni tal-interessi involuti. |
|
101. |
Huwa ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-interessi għandhom jiġu kkunsidrati abbażi ta’ eżami proprju u speċifiku ta’ kull sitwazzjoni mressqa quddiem l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ talba ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali magħmula abbażi tad-Direttiva 2003/4 ( 45 ). |
|
102. |
Peress li l-eżami ta’ talba għal aċċess għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-interessi speċifiċi involuti f’kull każ partikolari, l-awtorità pubblika hija wkoll obbligata teżamina l-indikazzjonijiet eventwalment ipprovduti mill-applikant fir-rigward tar-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-iżvelar tal-informazzjoni meħtieġa ( 46 ). |
|
103. |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/4, rifjut li ssir disponibbli l-informazzjoni għandu jiġi “nnotifikat” lill-applikant bil-miktub jew b’mod elettroniku, jekk it-talba tkun saret bil-miktub jew jekk l-applikant jitlob dan. In-notifika għandha tiddikjara r-raġunijiet għar-rifjut. Fejn rifjut jiġi nnotifikat, l-awtorità pubblika ma tagħmilx l-informazzjoni disponibbli iktar. Minflok, hija tadotta deċiżjoni amministrattiva li tista’ tirrikjedi d-dettalji tal-identità tal-applikant ( 47 ). |
|
104. |
Huwa ċar li fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni, l-awtorità għandha tinvolvi ruħha mal-applikant b’mod li huwa differenti milli sempliċement tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli. F’tali sitwazzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li huwa neċessarju li tiġi pprovduta l-identifikazzjoni tal-applikant ( 48 ). |
|
105. |
Madankollu, fejn applikant jitlob informazzjoni ambjentali u jipprovdi dettalji ta’ kuntatt u l-awtorità tista’ tagħmel disponibbli l-informazzjoni mingħajr ma tinvolvi ruħha b’mod partikolari mal-applikant u mingħajr ma tapplika eċċezzjoni, l-identifikazzjoni tal-applikant ma tidhirx li hija rekwiżit neċessarju għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess. Ma hemm l-ebda raġuni evidenti għalfejn, pereżempju, persuna li tixtieq taċċedi għar-reġistri jew listi ta’ informazzjoni ambjentali stabbiliti u miżmuma taħt l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2003/4 jew li hija preżenti in situ f’faċilità għall-eżami ta’ informazzjoni ambjentali għandha l-ewwel tidentifika ruħha. L-istess japplika, pereżempju, għal persuna li tibgħat posta elettronika ffirmata bi psewdonimu, fejn titlob informazzjoni ambjentali ( 49 ). |
|
106. |
Bħalma l-Kummissarju u r-Right to Know argumentaw, essenzjalment, ir-rekwiżit sistematiku li l-applikanti għal informazzjoni ambjentali jidentifikaw ruħhom jista’ jiddisswadi ċerti persuni milli jfittxu l-informazzjoni. Kif irrilevat iktar ’il fuq fir-risposta għall-ewwel domanda, għal ċerti applikanti, isimhom jista’ jkun indikatur tal-interess tagħhom u jekk ikollhom jiżvelawh jista’ jammonta għal rekwiżit li jiddikjaraw l-interess tagħhom, għall-kuntrarju tad-Direttiva 2003/4 u tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Dawk il-partijiet interessati speċifikament enfasizzaw ir-riskju ta’ fastidju għal persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal informazzjoni ambjentali, riskju li ma huwiex teoretiku jew astratt partikolarment fejn huma involuti l-interessi ekonomiċi. L-approċċ “fl-għama” kemm fir-rigward tal-applikant kif ukoll fir-rigward tal-motiv tat-talba jista’ jipprevjeni r-riskju ta’ retribuzzjoni msemmija fl-Artikolu 3(8) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 50 ). |
|
107. |
Peress li l-identifikazzjoni tal-applikant ma tistax tintalab bħala rekwiżit ġenerali għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali, dubji dwar l-awtentiċità tal-informazzjoni dwar l-identità pprovduta mill-applikant ma hijiex motiv xieraq li jiġġustifika lill-amministrazzjoni tfittex konferma tal-identità tal-applikant. Dan huwa, madankollu, kif ser jiġi diskuss taħt il-ħames domanda iktar ’il quddiem, mingħajr preġudizzju għas-sitwazzjoni fejn tintalab konferma sabiex jiġi ddeterminat jekk talba hijiex manifestament mhux raġonevoli, skont l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2003/4. |
|
108. |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/4 moqri fid-dawl tal-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teħtieġ, bħala regola ġenerali, li l-applikanti jipprovdu isimhom u l-indirizz postali tagħhom sabiex iressqu talba għal informazzjoni ambjentali, anki meta jkun hemm dubju dwar l-awtentiċità tal-informazzjoni dwar l-identità pprovduta mill-applikant. Dan li ntqal japplika sakemm dik l-identifikazzjoni ma tkunx neċessarja għar-risposta tat-talba u li ma hemm l-ebda deroga applikabbli skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. |
E. Fuq il‑ħames domanda
|
109. |
Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2003/4 moqri fid-dawl tal-Artikolu 4(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandu jiġi interpretat li jfisser li awtorità pubblika ma hijiex prekluża milli tfittex konferma tal-isem reali tal-applikant u/jew tal-indirizz postali attwali tiegħu, għall-iskop tad-determinazzjoni ta’ jekk it-talba mressqa hijiex manifestament irraġonevoli b’riferiment għall-volum, in-natura u l-frekwenza tat-talbiet l-oħra magħmulin mill-istess applikant. |
|
110. |
Skont il-ġurisprudenza stabbilita, id-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali pprovdut taħt id-Direttiva 2003/4 jfisser li l-iżvelar ta’ tali informazzjoni għandu jkun ir-regola ġenerali u li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikunu jistgħu jirrifjutaw talba għal informazzjoni ambjentali biss f’każijiet speċifiċi u li huma ddefiniti b’mod ċar. Għaldaqstant, l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għandhom ikunu interpretati b’mod restrittiv, fejn l-interess pubbliku servut permezz tal-iżvelar għandu jiġi kkunsidrat flimkien mal-interess servut mir-rifjut ( 51 ). |
|
111. |
Kif irrilevat iktar ’il fuq ( 52 ), l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva speċifikament jistabbilixxi l-eċċezzjonijiet li jistgħu jistabbilixxu l-Istati Membri għad-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali. Sa fejn tali eċċezzjonijiet fil-fatt ġew trasposti fid-dritt nazzjonali, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jinvokawhom sabiex jopponu talbiet għal informazzjoni li jirċievu ( 53 ). |
|
112. |
Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu, skont l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2003/4, jipprovdu l-possibbiltà li talba għal informazzjoni ambjentali tiġi rrifjutata jekk it-talba tkun “manifestament irraġonevoli”. |
|
113. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi speċifikament jekk, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħux ifittxu konferma tal-identità tal-applikant u jekk, fid-determinazzjoni tar-raġonevolezza tat-talba jistgħux jieħdu inkunsiderazzjoni l-volum, in-natura u l-frekwenza tat-talbiet l-oħra magħmula mill-istess applikant. |
|
114. |
Għandu jiġi rrilevat mill-bidu li ċerti verżjonijiet lingwistiċi tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq jużaw il-kelma “irraġonevoli” ( 54 ) sabiex jiddeskrivu talba filwaqt li verżjonijiet tal-lingwa oħrajn jużaw il-kelma “abbużiv” ( 55 ). Madankollu, l-ebda waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ma jindikaw kriterji speċifiċi għall-evalwazzjoni tal-irraġonevolezza manifesta jew tan-natura abbużiva tat-talba. |
|
115. |
L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2003/4 jistabbilixxi li fejn Stat Membru jipprovdi għal eċċezzjonijiet, huwa jista’ jfassal lista aċċessibbli għall-pubbliku ta’ kriterji li abbażi tagħhom l-awtorità kkonċernata tista’ tiddeċiedi kif titratta t-talbiet ( 56 ). |
|
116. |
Għaldaqstant l-Istati Membri għandhom id-diskrezzjoni li jiddeterminaw il-fatturi għall-applikazzjoni ta’ din ir-raġuni għal rifjut. |
|
117. |
Madankollu, sa fejn tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali li l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta, ir-rifjut abbażi ta’ raġuni ta’ talba li hija manifestament irraġonevoli għandha tibqa’ eċċezzjonali. |
|
118. |
Għaldaqstant, l-istandard għall-klassifikazzjoni ta’ talba bħala manifestament irraġonevoli għandu jkun għoli. |
|
119. |
B’mod partikolari, fir-rigward tal-volum tal-informazzjoni mitluba, skont l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2003/4, dan il-fattur (kif ukoll il-kumplessità tal-informazzjoni mitluba) jiġġustifika l-estensjoni tat-terminu ta’ xahar li fih għandha tirrispondi l-amministrazzjoni. Minn qari tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2003/4 u tal-Artikolu 4(2)(b) ta’ din id-direttiva flimkien, isegwi li l-volum tal-informazzjoni mitluba waħdu ma jagħmilx talba manifestament irraġonevoli ( 57 ). |
|
120. |
Fir-rigward tal-frekwenza tat-talbiet, għandu jitfakkar li d-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali jservi l-għan ġenerali tal-kontribuzzjoni għal iktar sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali. Applikant għandu d-dritt jitlob informazzjoni ambjentali minn awtoritajiet differenti jew mill-istess awtorità mingħajr limitu dwar in-numru ta’ talbiet. L-iffissar ta’ limitu numeriku assolut, li ogħla minnu applikazzjoni tiġi kklassifikata bħala manifestament irraġonevoli, jista’ jippreġudika d-dritt għal informazzjoni ambjentali ( 58 ). |
|
121. |
Madankollu, skont il-ġurisprudenza stabbilita hemm, fid-dritt tal-Unjoni, prinċipju ġenerali li d-dritt tal-Unjoni ma jistax jintuża għal finijiet abbużivi jew frawdolenti ( 59 ). Dan il-prinċipju ġenerali għandu jiġi segwit mill-individwi ( 60 ), inkluż mill-applikanti li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal informazzjoni ambjentali. |
|
122. |
L-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2003/4 tirrifletti l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tikkonferma, bħalma ssottomettiet l-Irlanda, l-importanza li l-abbuż tad-drittijiet li tagħti din id-direttiva, jiġi evitat. |
|
123. |
Sabiex jiġi kkonstatat li talba hija manifestament irraġonevoli, l-awtorità inkwistjoni għandha tikkunsidra ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha ta’ kull każ inkluż in-natura tat-talba u s-sors tat-talba. Dan huwa l-każ b’mod partikolari, kif osserva l-Gvern Ċek essenzjalment, meta ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ juru li t-talba hija frivola jew vessatorja, meta tista’ twassal għal fastidju jew tfixkil jew meta turi intenzjoni min-naħa tal-applikant jew applikanti li jipparalizza/w il-funzjonament tal-awtorità pubblika billi jgħarrquha bit-talbiet ( 61 ). |
|
124. |
F’dan il-kuntest, konferma tal-isem u l-indirizz tal-applikant tista’ tkun neċessarja sabiex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jinnotifikaw lill-applikant ir-raġunijiet tar-rifjut li tipprovdi l-informazzjoni kollha mitluba jew parti minnha, kif previst fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/4. |
|
125. |
Isegwi li d-determinazzjoni ta’ jekk talba hijiex manifestament irraġonevoli tiddependi mhux min-numru, in-natura jew il-frekwenza tat-talbiet ikkunsidrati b’mod iżolat, iżda miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jinkludu l-użu ta’ psewdonimu li huwa manifestament vessatorju. |
|
126. |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nikkunsidra li l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2003/4 moqrija fid-dawl tal-Artikolu 4(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandu jiġi interpretat fis-sens li jfisser li awtorità pubblika ma hijiex prekluża milli tfittex konferma tal-isem reali tal-applikant u/jew tal-indirizz postali attwali tiegħu, għall-iskop tad-determinazzjoni ta’ jekk it-talba mressqa hijiex manifestament irraġonevoli b’riferiment għall-volum, in-natura u l-frekwenza tat-talbiet l-oħra magħmula mill-istess applikant sakemm dawn il-kriterji ma jittieħdux inkunsiderazzjoni b’mod iżolat iżda fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ. Dan huwa l-każ b’mod partikolari meta ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ juru li t-talba hija frivola jew vessatorja, meta tista’ twassal għal fastidju jew tfixkil jew meta turi intenzjoni tal-applikant jew applikanti li jipparalizza/w il-funzjonament tal-awtorità pubblika. |
V. Konklużjoni
|
127. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi magħmula mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) skont kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17; iktar ’il quddiem “il-Konvenzjoni ta’ Aarhus”).
( 3 ) Ara Ebbesson, J. et al., The Aarhus Convention: An Implementation Guide, it-tieni edizzjoni, Nazzjonijiet Uniti, Genève, 2014, p. 19 (iktar ’il quddiem il-“Gwida ta’ Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus”).
( 4 ) Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, preambolu, is-seba’ u t-tmien paragrafu.
( 5 ) Barritt, E., The Foundations of the Aarhus Convention, Londra, Hart Publishing, 2020, p. 5.
( 6 ) Gwida ta’ Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, p. 15.
( 7 ) Whittaker, S., Reid, C.T. u Mendel, J., Freedom of Environmental Information: Aspirations and Practice, Intersentia, Cambridge,, 2023, p. 38.
( 8 ) L-aċċess għal u l-għoti ta’ informazzjoni ambjentali jistgħu jiġu ġġustifikati ulterjorment għal raġunijiet bħall-bżonn ta’ appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli u t-titjib tal-infurzar tad-dritt ambjentali. Ara, Bell, S. et al., Environmental Law, id-disa’ edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2024, p. 248.
( 9 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU 2003, L 41, p. 26).
( 10 ) Sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Friends of the Irish Environment (C‑470/19, EU:C:2021:271, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 11 ) Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Fish Legal and Shirley (C-279/12, EU:C:2013:853, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 12 ) Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Fish Legal and Shirley (C-279/12, EU:C:2013:853, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Deutsche Umwelthilfe (Approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur) (C‑873/19, EU:C:2022:857, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 14 ) Sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Friends of the Irish Environment (C‑470/19, EU:C:2021:271, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 15 ) Gwida ta’ Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, p. 79 (enfasi miżjuda minni).
( 16 ) Gwida ta’ Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, p. 79.
( 17 ) Ara l-Gwida ta’ Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, p. 62.
( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Friends of the Irish Environment (C‑470/19, EU:C:2021:271, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 19 ) Sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2025, Banco de Santander (Rappreżentazzjoni ta’ konsumaturi individwali) (C‑346/23, EU:C:2025:13, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 20 ) Gwida ta’ Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, p. 55 (enfasi miżjuda minni).
( 21 ) Whittaker, S. et al., nota ta’ qiegħ il-paġna 7, op. cit., p. 49.
( 22 ) Ibid.
( 23 ) Direttiva tal-Kunsill tas-7 ta’ Ġunju 1990 dwar l-aċċess ħieles għall-informazzjoni dwar l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 1, p. 402).
( 24 ) Ara, Krämer, L., “La Directive 90/313/CEE sur l’accès à l’information en matière d’environement: genèse et perspectives d’application” f’Het recht op informatie inzake leefmilieu - Le droit à l’information en matière d’environnement - The right to environmental information, Pallemaerts, M. (editur), E. Story-Scientia, Brussell, 1991, p. 17 sa 39, fil-paġna 32 (enfasi miżjuda minni); Klein, D.R., “Kapitel 3 Reaktive Umweltinformationspflichten”, f’Umweltinformation im Völker- und Europarecht: Aktive Umweltaufklärung des Staates und Informationszugangsrechte des Bürgers, Mohr Siebeck, Tübingen, 2011, p. 320, b’riferiment għad-duttrina.
( 25 ) Krämer, L. u Badger, C., Krämer’s EU Environmental Law, id-disa’ edizzjoni, Hart Publishing, Oxford, 2024, p. 139 (enfasi miżjuda minni). Ara, b’mod ġenerali, Boer, B. (ed.), Environmental Law Dimensions of Human Rights, Oxford University Press, Oxford, 2015.
( 26 ) Ara l-punt 28 iktar ’il fuq. Dan jirrifletti, fil-qasam tad-dritt ambjentali, il-ġurisprudenza stabbilita li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha, sa fejn huwa possibbli, tiġi interpretata b’mod konsistenti mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari fejn id-dispożizzjonijiet tagħha huma maħsuba speċifikament sabiex jagħtu effett lil ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni. Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2023, EIB u Il-Kummissjoni vs ClientEarth (C‑212/21 P u C‑223/21 P, EU:C:2023:546, punt 66). Ara Krämer, L., “The Aarhus Convention and the European Union” f’Banner, C., (edituri), The Aarhus Convention, A Guide for UK Lawyers, Hart Publishing, Londra, 2015, Bloomsbury, p. 79.
( 27 ) Ara l-punt 62 iktar ’il fuq.
( 28 ) Ara l-Gwida ta’ Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, p. 55. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’Societatea Civilă Profesională de Avocaţi AB & CD (C‑252/22, EU:C:2023:592, punti 37 u 38).
( 29 ) Ara Klein, D.R., nota ta’ qiegħ il-paġna 24, op. cit., p. 321.
( 30 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, East Sussex County Council (C‑71/14, EU:C:2015:656, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 31 ) Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 2001, L 145, p. 43).
( 32 ) Regolament Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13).
( 33 ) Etemire, U., “Access to environmental information under EU Law” f’Research Handbook on EU Environmental Law, Peeters, M. u Eliantonio, M. (edituri), Edward Elgar Publishing, Cheltenham, 2020, p. 117 sa 132, f’p. 120.
( 34 ) Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1367/2006.
( 35 ) Dwar l-approċċ għat-trasparenza bbażat fuq id-drittijiet fil-qasam tad-dritt ambjentali, ara, fost l-oħrajn, Hunter, B. D., “The emerging norm of transparency in international environmental governance” f’Ala’i, P., u Vaughn, G. R., (edituri) Research Handbook on Transparency, Edward Elgar, Cheltenham, ir-Renju Unit, 2014.
( 36 ) Il-Kummissarju jagħti l-eżempju ta’ individwu li kien preċedentement oġġezzjona għall-awtorità pubblika fir-rigward tal-impatt ambjentali ta’ proġett jew individwu li qiegħed ifittex informazzjoni dwar miżura jew attività b’impatt ambjentali fil-lokalità tiegħu, jew fejn l-informazzjoni hija mitluba minn organizzazzjoni b’għanijiet ambjentali partikolari.
( 37 ) Ara, Whittaker, S. et al., nota ta’ qiegħ il-paġna 7, op. cit., p. 49, li tosserva li “ma huwiex importanti min jagħmel it-talba (jew talbiet) għal informazzjoni ambjentali, peress li kull min jagħmel dan għandu jagħmlu bl-għan ta’ protezzjoni u ta’ titjib tal-ambjent għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri”.
( 38 ) Eżempju wieħed jista’ jkun li talbiet elettroniċi huma sottomessi permezz tal-użu ta’ formola fejn dan huwa neċessarju, għas-sottomissjoni tal-formola, li l-applikant jiġi vverifikat li ma huwiex robot.
( 39 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Awtorità dwar is-sigurtà ferrovjarja) (C‑796/19, EU:C:2020:920, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 40 ) Ara l-punt 41 iktar ’il fuq.
( 41 ) Gwida ta’ Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, p. 79.
( 42 ) Ara l-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, Komunikazzjoni ACCC/C/2006/18, id-Danimarka.
( 43 ) Dwar it-tifsira ta’ tariffa “raġonevoli”, ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑217/97, EU:C:1999:395, punt 48).
( 44 ) Sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2023, Right to Know (C‑84/22, EU:C:2023:910, punt 35).
( 45 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden-Württemberg (Komunikazzjoni interna) (C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 59).
( 46 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Land Baden-Württemberg (Komunikazzjoni interna) (C‑619/19, EU:C:2021:35, punt 63).
( 47 ) Ara, Karg, M., “Informationszugang auf Antrag – §4 Antrag und Verfahren – B. Antragserfordernis (Abs. UIG § 4 Absatz 1)”, f’BeckOK, Informations- und Medienrecht, il-45 edizzjoni., Gersdorf, H. U Paal, B.P. (edituri), C.H. Beck, München, 2021, punt 5.
( 48 ) Pereżempju, skont il-liġi Svediża li tittrasponi d-Direttiva 2003/4 (Lag (2005:181) om miljöinformation hos vissa enskilda organ (il-Liġi (2005:181) dwar l-informazzjoni ambjentali ta’ ċerti organi individwali)), kulħadd jista’ jitlob aċċess għal informazzjoni ambjentali. Mill-Artikolu 3 ta’ dik il-liġi jsegwi li persuni li jitolbu informazzjoni ma għandhomx bżonn jiddikjaraw isimhom jew jiddikjaraw ir-raġunijiet għat-talba. Madankollu, identifikazzjoni tista’ tkun neċessarja sabiex l-amministrazzjoni teżamina jekk hemmx ostakoli għall-iżvelar tal-informazzjoni. L-ostakoli huma essenzjalment l-istess bħal dawk elenkati taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4. Fil-Finlandja, il-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2003/4 hija l-Laki vesihuoltolain 16 §:n muuttamisesta 28.01.2005/54 (il-Liġi 2005/54 li temenda l-Artikolu 16 tal-Liġi dwar il-provvista tal-ilma). Madankollu, il-liġi nazzjonali kienet diġà ssegwi effettivament ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/4 permezz tad-dispożizzjonijiet rilevanti fil-Laki viranomaisten toiminnan julkisuudesta 21.5.1999/621 (il-Liġi 1999/621 dwar l-aċċess għal informazzjoni). Skont l-Artikolu 13 ta’ din il-liġi tal-aħħar, il-persuni li jitolbu aċċess ma għandhomx bżonn jidentifikaw ruħhom jew jipprovdu raġunijiet għat-talba, sakemm ma huwiex neċessarju għall-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tal-awtorità jew għad-determinazzjoni ta’ jekk il-persuna li titlob aċċess għandhiex id-dritt ta’ aċċess għad-dokument. Il-liġi Griega li tittrasponi d-Direttiva 2003/4 (Ypourgiki apofasi HP 11764/653, Prosvasi toy koinou stis dimosies arches gia parochi pliroforion sxetika me to perivallon (Deċiżjoni Ministerjali HP 11764/653, Aċċess pubbliku għal informazzjoni ambjentali, FEK B’327/17.03.2006), kif ikkodifikata bil-Proedriko Diatagma 28/2015, Kodikopoiisi diataxeon gia tin prosvasi se dimosia eggrafa kai stoixeia (Digriet Presidenzjali 28/2015, Kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet għall-aċċess pubbliku għal dokumenti pubbliċi u elementi ta’ informazzjoni pubblika (FEK A’34/23.03.2015)), ma tispeċifikax jekk l-applikazzjoni tistax tkun anonima. Madankollu, ta’ min jinnota li mill‑1 ta’ Jannar 2025, il-Kodikas Dioikitikis Diadikasias (il-Kodiċi ta’ proċedura amministrattiva Grieg, il-Liġi 2690/1999, FEK A’45/9.3.1999), li japplika għall-awtoritajiet pubbliċi kollha sakemm ma huwiex ipprovdut mod ieħor, speċifikament jippermetti t-tressiq ta’ talbiet anonimi. Minkejja dan, l-awtorità ma għandha l-ebda obbligu li tirrispondi fil-każ tar-rifjut ta’ talba anonima jew ta’ talba li hija manifestament vaga jew ripetittiva.
( 49 ) Madankollu, jekk il-psewdonimu użat jiżvela intenzjoni abbużiva min-naħa tal-applikant, din it-talba tista’ taqa’ taħt l-eċċezzjoni mniżżla fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2003/4.
( 50 ) Ara l-Gwida ta’ Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, p. 71, li tgħid li: “peress illi ħafna sitwazzjonijiet li jinvolvu l-aċċess miftuħ u t-trasparenza u fejn l-interessi ekonomiċi huma nvoluti, jista’ jkun li persuni li jieħdu r-riskju li jinsistu li r-regoli u l-proċeduri proprji huma segwiti jkollhom bżonn jiġu protetti mir-retribuzzjoni”.
( 51 ) Sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2023, Right to Know (C‑84/22, EU:C:2023:910, punt 34).
( 52 ) Punt 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 53 ) Sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2023, Right to Know (C‑84/22, EU:C:2023:910, punt 35).
( 54 ) Dan huwa l-każ, bħala eżempju tal-verżjoni Bulgara (“неоснователно”), Ċeka (“nepřiměřená”), Latvjana (“nepamatots”), Spanjola (“irrazonable”), Olandiża (“onredeleijk”) u Griega (“παράλογη”).
( 55 ) Dan huwa l-każ, bħala eżempju tal-verżjoni Franċiża (“abusive”), Ġermaniża (“missbräuchlich”) u Portugiża (“abusivo”).
( 56 ) Gwida ta’ Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, p. 84, tgħid li meta Parti (għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus) tiddeċiedi li tipprovdi għal din l-eċċezzjoni, “għandha tiddefinixxi ‘manifestament irraġonevoli’ sabiex tassisti l-awtoritajiet pubbliċi fid-determinazzjoni ta’ meta talba hija tant irraġonevoli li tista’ tiġi rifjutata taħt din l-eċċezzjoni, u għall-protezzjoni tal-interess pubbliku li t-test ma jiġix applikat arbitrarjament”.
( 57 ) Gwida ta’ Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus tikkonferma dan l-approċċ, u tinnota, fil-paġna 84, li “għalkemm il-konvenzjoni ma tagħtix gwida diretta dwar kif għandhom jiġu ddefiniti l-kliem ‘manifestament irraġonevoli’, huwa ċar li d-definizzjoni għandha [tikkonċerna] iktar milli sempliċement il-volum u l-kumplessità tat-tagħrif rikjest”.
( 58 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tadt‑9 ta’ Jannar 2025, Österreichische Datenschutzbehörde (Excessive requests) (C‑416/23, EU:C:2025:3, punt 47).
( 59 ) Sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Matmut (C‑236/23, EU:C:2024:761, punt 51).
( 60 ) Ibid., punt 52.
( 61 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2025, Österreichische Datenschutzbehörde (Excessive requests) (C‑416/23, EU:C:2025:3, punt 57).