52011PC0869

/* KUMM/2011/0869 finali - 2011/0424 (NLE) */ Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lil Spanja u Franza biex idaħħlu miżura ta' deroga speċjali mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn ’il quddiem: 'id-Direttiva dwar il-VAT'), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru li japplika miżuri speċjali biex jidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) jew biex iwaqqaf milli jseħħu ċerti forom ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa.

B'ittri reġistrati mal-Kummissjoni rispettivament fil-5 ta' Settembru 2011 u fit-13 ta' Settembru 2011, Spanja u Franza talbu awtorizzazzjoni biex japplikaw miżura li tidderoga mill-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-VAT. Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva dwar il-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra b'ittra fil-25 ta' Ottubru 2011 bit-talbiet magħmula minn dawn l-Istati Membri. Permezz ta' ittri ddatati s-27 ta' Ottubru 2011, il-Kummissjoni nnotifikat lil Spanja u lil Franza li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

Kuntest ġenerali

Spanja u Franza ffirmaw ftehim ta' kooperazzjoni fis-27 ta' Ġunju 2008 għat-tqegħid ta' kejbil tal-elettriku taħt l-art bejn Baixas (Franza) u Santa Llogia (Spanja). Din il-kostruzzjoni se tkun twila madwar 60 km, li ftit anqas minn 60 % minnha se tkun fi Franza u ftit iktar minn 40% se tkun fi Spanja. Inkluża fil-kostruzzjoni hija mina twila 8 km fil-muntanji Alberes li minnha 87% se tkun f'territorju Franċiż u 13% fi Spanja.

Skont ir-regoli normali, il-prinċipju ta' territorjalità stipulat fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-VAT jirrekjedi li l-VAT Spanjola titħallas fuq il-kostruzzjoni mwettqa fi Spanja. Bl-istess mod, il-kostruzzjoni li saret fit-territorju Franċiż tkun soġġetta għall-VAT Franċiża. Meta wieħed japplika r-regoli normali, dan jimplika li jrid jiġi stabbilit il-post eżatt tat-tranżazzjonijiet taxxabbli skont it-territorju li fih tkun saret kull parti tax-xogħlijiet.

Spanja u Franza jikkunsidraw li l-applikazzjoni tar-regoli normali toħloq kumplikazzjonijiet, fejn tidħol it-taxxa, għan-negozji responsabbli għax-xogħol ta' kostruzzjoni kkonċernat. Biex tiġi simplifikata t-talba għall-VAT huma qed jitolbu li l-provvisti ta' oġġetti u servizzi, l-akkwisti intra-Komunitarji u l-importazzjonijiet jiġu fatturati mill-fornituri bħala li huma 50% fit-territorju ta' Spanja u 50% bħala li huma fit-territorju ta' Franza.

Wara l-kostruzzjoni tal-interkonnessjoni ta' taħt l-art tal-elettriku, japplikaw ir-regoli normali tal-VAT.

Il-Kummissjoni taċċetta li f’dawn il-każijiet, qsim indaqs fuq il-VAT mitlub bejn Franza u Spanja fuq ix-xogħol ta' kostruzzjoni tippreżenta simplifikazzjoni li għandha tippermetti lin-negozji kkonċernati japplikaw ir-regoli tat-taxxa b'mod aktar faċli milli kieku japplikaw ir-regoli normali tat-taxxa.

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

F’bosta okkażjonijiet, il-Kunsill awtorizza Stati Membri biex jidderogaw mill-prinċipju ta’ territorjalità fir-rigward ta’ proġetti f’żoni fuq il-fruntiera.

2. RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Mhux rilevanti.

Ġbir u użu tal-għarfien

Ma kien hemm ebda bżonn għal għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Id-Deċiżjoni proposta timmira li tissimplifika l-proċedura tal-ħlas tal-VAT fir-rigward tal-kostruzzjoni ta’ interkonnessjoni ta' taħt l-art tal-elettriku bejn Spanja u Franza u għalhekk għandha impatt ekonomiku potenzjalment pożittiv.

Madankollu, minħabba l-ambitu ristrett tad-deroga, l-impatt se jkun fi kwalunkwe każ limitat.

3. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Sommarju tal-azzjoni proposta

Awtorizzazzjoni għal Spanja u Franza biex jidderogaw mill-applikazzjoni territorjali tal-VAT fejn tidħol il-kostruzzjoni ta' interkonnessjoni ta' taħt l-art tal-elettriku bejn it-territorji rispettivi tagħhom.

Il-bażi legali

L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, Stat Membru li jixtieq idaħħal miżuri li jagħtu deroga mill-imsemmja Direttiva jrid jikseb awtorizzazzjoni mill-Kunsill, li tieħu l-forma ta' Deċiżjoni tal-Kunsill. Il-proposta għalhekk hija konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

Prinċipju ta’ proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità għar-raġuni(ijiet) li ġejjin.

Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stati Membri fuq it-talba tagħhom stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Minħabba l-ambitu ristrett ħafna tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq.

Għażla ta’ strumenti

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jkun qiegħed jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni. Barra hekk, Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-iktar strument adattat ladarba tista' tiġi indirizzata lill-Istati Membri individwali.

4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità.

5. INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

Il-proposta tiskadi mat-twettiq tal-kostruzzjoni tal-interkonnessjoni ta' taħt l-art tal-elettriku bejn Santa Llogia fi Spanja u Baixas fi Franza.

2011/0424 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lil Spanja u Franza biex idaħħlu miżura ta' deroga speċjali mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

1. Permezz ta' ittri reġistrati mal-Kummissjoni rispettivament fil-5 ta' Settembru 2011 u fit-13 ta' Settembru 2011, Spanja u Franza talbu awtorizzazzjoni biex idaħħlu miżura speċjali li tidderoga mid-dispożiżżjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE b'rabta mal-kostruzzjoni ta' interkonnessjoni ta' taħt l-art tal-elettriku bejn in-netwerks rispettivi tagħhom tal-elettriku.

2. Il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra permezz ta' ittri ddatati l-25 ta' Ottubru 2011 dwar it-talbiet li saru minn Spanja u Franza. Permezz ta' ittri ddatati s-27 ta' Ottubru 2011, il-Kummissjoni infurmat lil Spanja u Franza li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talbiet.

3. Fis-27 ta' Ġunju 2008 ġie iffirmat ftehim bejn Spanja u Franza għall-kostruzzjoni ta' interkonnessjoni ta' taħt l-art tal-elettriku bejn Santa Llogia fi Spanja u Baixas fi Franza.

4. Permezz tal-miżura, l-interkonnessjoni ta' taħt l-art tal-elettriku se tiġi kkunsidrata li tinsab 50 % fi Spanja u 50 % fi Franza għar-raġunijiet tal-provvista ta' oġġetti u servizzi, tal-akkwisti intra-Komunitarji ta’ oġġetti u tal-importazzjonijiet ta' oġġetti intenzjonati għall-kostruzzjoni tagħha.

5. Fin-nuqqas ta' din il-miżura, ikun neċessarju, skont il-prinċipju tat-territorjalità, li jiġi aċċertat għal kull provvista jekk il-post ta' tassazzjoni huwiex fi Spanja jew fi Franza.

6. L-għan ta’ din il-miżura huwa għalhekk li jissimplifika l-proċedura għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq il-kostruzzjoni tal-interkonnessjoni ta' taħt l-art tal-elettriku.

7. Id-deroga ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE, Spanja u Franza huwa awtorizzati li jikkunsidraw l-interkonnessjoni ta' taħt l-art tal-elettriku bejn Santa Llogia fi Spanja u Baixas fi Franza li tinsab 50 % fit-territorju ta' Spanja u 50 % fit-territorju ta' Franza għar-raġunijiet għall-provvista ta' oġġetti u servizzi, akkwisti intra-Komunitarji u importazzjonijiet ta' oġġetti intenzjonati għall-kostruzzjoni tagħha.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta' Spanja u lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 347, 11.12.2006, p.1