|
28.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 149/28 |
P9_TA(2022)0373
Konferenza tan-NU tal-2022 dwar it-Tibdil fil-Klima f'Sharm El-Sheikh, l-Eġittu (COP27)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Ottubru 2022 dwar il-Konferenza tan-NU tal-2022 dwar it-Tibdil fil-Klima f'Sharm El-Sheikh, l-Eġittu (COP27) (2022/2673(RSP))
(2023/C 149/05)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto tagħha, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP21) f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi), |
|
— |
wara li kkunsidra s-26 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP26), is-16-il sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP16), u t-tielet sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta' Pariġi (CMA3), li saret fi Glasgow, ir-Renju Unit, mill-31 ta' Ottubru sat-13 ta' Novembru 2021, u għall-Patt Klimatiku ta' Glasgow adottat fit-13 ta' Novembru 2021, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-21 ta' Ottubru 2021 dwar il-Konferenza tan-NU tal-2021 dwar it-Tibdil fil-Klima fi Glasgow, ir-Renju Unit (COP26) (1), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali (2), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Panel Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar it-tisħin globali ta' 1,5 oC, ir-rapport speċjali tiegħu dwar it-tibdil fil-klima u l-art, ir-rapport speċjali tiegħu dwar l-oċean u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel, u s-sitt rapport ta' valutazzjoni tiegħu (AR6), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima (3), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2022/591 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' April 2022 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030 (4), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar is-Sena Ewropea tal-Bliet Aktar Ekoloġiċi 2022 (5), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (6), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (COM(2019)0640), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (7), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2020 dwar ir-rwol tal-UE fil-protezzjoni u r-restawr tal-foresti tad-dinja (8), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport ta' sinteżi tal-UNFCCC dwar il-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali skont il-Ftehim ta' Pariġi tas-17 ta' Settembru 2021, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-2021 dwar id-diskrepanza fl-emissjonijiet tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) tas-26 ta' Ottubru 2021 bit-titolu “The Heat Is On” (Il-Pressjoni Ambjentali Qed Tiżdied), ir-rapport tiegħu tal-2021 dwar id-diskrepanza f'termini ta' adattament tal-1 ta' Novembru 2021 bit-titolu “The Gathering Storm” (Il-Maltemp Li Qed Jinħema) u r-rapport tiegħu dwar id-diskrepanza fil-produzzjoni tal-20 ta' Ottubru 2021, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport ewlieni ta' Marzu 2022 tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE) bit-titolu “Global Energy Review: CO2 Emissions in 2021” (Rieżami tal-Enerġija Globali: Emissjonijiet ta' CO2 fl-2021), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-AIE ta' Mejju 2021 bit-titolu “Net Zero by 2050 – A Roadmap for the Global Energy Sector' and its Energy Technology Perspectives report 2020” (Newtralità Karbonika sal-2050 – Pjan Direzzjonali għas-Settur tal-Enerġija Globali) u r-rapport tagħha tal-2020 dwar il-Perspettivi tat-Teknoloġija tal-Enerġija, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapport tal-Għanijiet Globali tal-Foresti 2021 tas-Segretarjat tal-Forum tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Foresti, |
|
— |
wara li kkunsidra n-Network ta' Santiago dwar it-Telf u l-Ħsara, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapporti tal-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija (WMO) ta' April 2021 dwar l-istat tal-klima globali fl-2020, u ta' Mejju 2022 dwar l-istat tal-klima globali fl-2021, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapport ta' Valutazzjoni Globali tal-2022 tal-Uffiċċju tan-NU għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri (UNDRR) dwar it-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri (GAR2022), |
|
— |
wara li kkunsidra l-ewwel rapport tal-Kumitat Permanenti dwar il-Finanzi tal-UNFCCC dwar id-determinazzjoni tal-ħtiġijiet tal-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw relatati mal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u l-Ftehim ta' Pariġi tal-2021 (NDR), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapport ta' Valutazzjoni Globali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi (IPBES) tal-31 ta' Mejju 2019, kif ukoll ir-rapport tal-laqgħat ta' ħidma tiegħu tad-29 ta' Ottubru 2020 dwar il-bijodiversità u l-pandemiji, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2022 dwar “Diplomazija tal-UE dwar il-Klima: naċċelleraw l-implimentazzjoni tal-eżiti ta' Glasgow”, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2021 dwar il-protezzjoni tal-ħamrija (9), |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet maqbula tal-UN Women – Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa 66 (CSW66) bit-titolu “Achieving gender equality and the empowerment of all women and girls in the context of climate change, environmental and disaster risk reduction policies and programmes 2022” (Il-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tal-bniet kollha fil-kuntest tal-politiki u l-programmi tal-2022 dwar it-tibdil fil-klima, l-ambjent u t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva” (COM(2020)0098), |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4 ta' Ottubru 2022 dwar il-finanzjament tal-klima fid-dawl tas-27 Konferenza tal-Partijiet (COP 27) tal-UNFCCC f'Sharm El-Sheikh li saret bejn is-6 u t-18 ta' Novembru 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2021 dwar l-ilma fl-azzjoni esterna tal-UE, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2021 bit-titolu “Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima – L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima” (COM(2021)0082), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-UNEP tat-18 ta' Frar 2021 bit-titolu “Making Peace with Nature: a scientific blueprint to tackle the climate, biodiversity and pollution emergencies” (Nagħmlu Paċi man-Natura: pjan ta' azzjoni xjentifiku biex jiġu indirizzati l-emerġenzi klimatiċi, tal-bijodiversità u tat-tniġġis), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-UNEP tas-6 ta' Mejju 2021 bit-titolu “Global Methane Assessment: Benefits and Costs of Mitigating Methane Emissions” (Valutazzjoni Globali tal-Metan: Il-Benefiċċji u l-Kostijiet tal-Mitigazzjoni tal-Emissjonijiet tal-Metan), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (10), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna (11), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2020 dwar strateġija tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan (COM(2020)0663), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport kosponsorjat tas-sessjoni ta' ħidma tal-IPBES-IPCC dwar il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima tal-10 ta' Ġunju 2021, |
|
— |
wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2022 f'Sharm El-Sheikh, l-Eġittu (COP27) (O-000041/2022 – B9-0027/2022 u O-000042/2022 – B9-0028/2022), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi l-Ftehim ta' Pariġi daħal fis-seħħ fl-4 ta' Novembru 2016; billi minn Settembru 2022, 193 mill-197 Parti għall-UNFCCC kienu ppreżentaw l-istrumenti tagħhom ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni man-NU; |
|
B. |
billi n-NU ddikjaraw emerġenza klimatika u ambjentali u impenjaw ruħhom li jieħdu b'mod urġenti l-azzjoni konkreta meħtieġa biex tiġi miġġielda u mrażżna din it-theddida qabel ma jkun tard wisq; billi t-telfien tal-bijodiversità u t-tibdil fil-klima huma interkonnessi u jaggravaw lil xulxin, filwaqt li jirrappreżentaw theddid ugwali għall-ħajja fuq il-pjaneta tagħna, u bħala tali, għandhom jiġu indirizzati flimkien b'mod urġenti; |
|
C. |
billi, fis-17 ta' Diċembru 2020, l-UE u l-Istati Membri tagħha ppreżentaw verżjoni aġġornata tal-kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali (NDC) tagħhom lill-UNFCCC, li jorbot lill-UE b'mira vinkolanti ta' tnaqqis domestiku nett mal-ekonomija kollha fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra (GHG) ta' mill-inqas 55 % sal-2030 meta mqabbel mal-livelli tal-1990 mingħajr kontribut minn krediti internazzjonali; billi din il-mira tnaqqxet fid-dritt tal-Unjoni bir-Regolament (UE) 2021/1119; |
|
D. |
billi, skont ir-rapport tal-UNEP dwar id-diskrepanza fl-emissjonijiet tal-2021, l-impenji li ħadu s'issa l-firmatarji tal-Ftehim ta' Pariġi mhux se jkunu biżżejjed biex jintlaħaq l-għan komuni tiegħu u se jirriżultaw f'tisħin globali ta' aktar minn 2,7 oC sa tmiem is-seklu, li jindika wkoll li d-dinja se tkun għadha, b'mod perikoluż, 'il bogħod mill-aspirazzjonijiet tal-Ftehim ta' Pariġi; billi ċirki vizzjużi naturali jistgħu jaggravaw it-tisħin globali saħansitra aktar minn hekk; billi mewġiet ta' sħana, nixfiet u għargħar aktar frekwenti diġà qed jaqbżu l-limiti ta' tolleranza tal-pjanti u tal-annimali, li jwasslu għal mortalità tal-massa, eż. ta' siġar u qroll; billi dawn l-estremitajiet tat-temp qed iseħħu fl-istess ħin, u dan qed jikkawża impatti kaskata li huma dejjem aktar diffiċli biex jiġu ġestiti (12); billi ħafna pjanijiet nazzjonali dwar il-klima jdewmu l-azzjoni sa wara l-2030 u ħafna Partijiet għall-UNFCCC għadhom ma ħadux azzjoni suffiċjenti biex saħansitra jkunu fit-triq biex jilħqu l-NDCs tagħhom; |
|
E. |
billi, skont is-Sitt Valutazzjoni tal-IPCC, il-limitazzjoni tat-tisħin għal madwar 1,5 oC mingħajr ebda eċċess tirrikjedi li l-emissjonijiet globali ta' gassijiet serra jilħqu l-quċċata tagħhom qabel l-2025, u jitnaqqsu bi 43 % inqas mil-livelli tal-2019 sal-2030, filwaqt li fl-istess ħin, il-metan għandu wkoll jitnaqqas b'madwar terz; billi anke x-xenarju ottimist tal-limitazzjoni tat-temperatura medja globali għal 1,5 oC ikollu impatti negattivi irriversibbli fuq is-sistemi tal-bniedem u l-ekosistemi u jaqbeż u jnaqqas b'mod sinifikanti l-kapaċitajiet adattivi tagħhom, u b'hekk iwassal għal telf u ħsarat; billi, skont l-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija, issa hemm kważi 50 % riskju li temporanjament jinqabeż il-1,5 oC fil-perjodu 2022-2026; billi skont l-AIE l-irkupru ekonomiku globali mill-kriżi tal-COVID-19 ma kienx l-irkupru sostenibbli mixtieq; billi ż-żieda fl-emissjonijiet globali tas-CO2 b'aktar minn żewġ biljun tunnellata fl-2021 kienet l-akbar żieda sena wara sena fl-istorja f'termini assoluti, aktar milli kkumpensat għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-sena preċedenti kkawżat mill-pandemija li rriżulta mit-tnaqqis fl-attivitajiet ekonomiċi; billi l-faħam ammonta għal aktar minn 40 % tat-tkabbir ġenerali fl-emissjonijiet globali tas-CO2 fl-2021; |
|
F. |
billi l-biċċa l-kbira tal-emissjonijiet mill-fertilizzanti sintetiċi tan-nitroġenu jseħħu wara li jiġu applikati fil-ħamrija u jidħlu fl-atmosfera bħala ossidu nitruż (N2O) – gass serra persistenti b'potenzjal ta' tisħin globali ta' 265 darba aktar mis-CO2, filwaqt li l-produzzjoni ta' fertilizzanti sintetiċi tan-nitroġenu kienet tirrappreżenta 35,2 % tat-total ta' emissjonijiet assoċjati ta' fertilizzanti sintetiċi tan-nitroġenu, filwaqt li l-emissjonijiet fuq il-post kienu jammontaw għal 62,4 % u t-trasport kien jirrappreżenta t-2,4 % li jifdal; billi l-ogħla erba' emittenti (iċ-Ċina, l-Indja, l-Istati Uniti u l-UE) flimkien ammontaw għal 63 % tal-emissjonijiet totali ġġenerati; |
|
G. |
billi skont ir-rapport dwar il-Perspettivi tat-Teknoloġija tal-Enerġija tal-AIE, il-kisba ta' emissjonijiet netti żero tirrikjedi aċċellerazzjoni kbira fl-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji nodfa (“teknoloġija nadifa”); billi nofs id-dekarbonizzazzjoni meħtieġa biex tinkiseb in-newtralità karbonika sal-2050 se tiġi minn teknoloġiji li bħalissa qed jiġu żviluppati fil-laboratorju jew fil-fażi ta' dimostrazzjoni; |
|
H. |
billi, il-kriżi tal-enerġija poġġiet l-enfasi fuq il-kwistjoni tas-sigurtà tal-enerġija u l-ħtieġa ta' tnaqqis fid-domanda tal-enerġija u sistema tal-enerġija diversifikata, u ħolqot domanda akbar għal soluzzjonijiet eżistenti u disponibbli dalwaqt ta' enerġija rinnovabbli u effiċjenza enerġetika; billi l-invażjoni militari illegali Russa fl-Ukrajna u l-impatti sussegwenti waslu għal urġenza akbar għall-ħtieġa li s-sistema globali tal-enerġija tiġi ttrasformata malajr; billi d-dipendenza żejda mill-fjuwils fossili u l-instabbiltà fis-swieq globali tal-enerġija jissottolinjaw il-ħtieġa li jiġu prijoritizzati l-investimenti, kemm fl-Ewropa kif ukoll madwar id-dinja, fl-effiċjenza u fis-suffiċjenza enerġetika, fid-dekarbonizzazzjoni, fil-ħżin tal-enerġija fit-tul, fl-użu innovattiv tat-teknoloġija nadifa, fl-enerġija rinnovabbli, fis-soluzzjonijiet tal-grilji intelliġenti, u li jiġi żviluppat mudell soċjoekonomiku li jkun kompatibbli ma' ambjent f'saħħtu għall-ġenerazzjonijiet futuri u fi ħdan il-limiti tal-pjaneta; billi r-riċerka biex jiġu appoġġjati l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' teknoloġiji ekoloġiċi ġodda għandha tkun appoġġjata, peress li dawn jista' jkollhom rwol fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima kif ukoll fit-tkabbir ekonomiku sostenibbli u fil-kompetittività tal-UE; |
|
I. |
billi l-IPCC ħeġġeġ lid-dinja biex iżżomm it-tisħin globali taħt il-1,5 oC, iżda fl-2020 it-tisħin kien diġà bejn wieħed u ieħor 1,2 oC 'il fuq mil-livelli preindustrijali; billi skont l-IPCC, l-influwenza tal-bniedem saħħnet mingħajr ebda dubju l-atmosfera, l-oċeani u l-art u l-impatti tat-tibdil fil-klima kkawżat mill-bniedem qed jinħassu fiż-żieda fil-frekwenza ta' avvenimenti estremi tat-temp inklużi mewġiet ta' sħana, nixfiet, għargħar, maltempati fix-xitwa, uragani u nirien fil-foresti; billi bejn l-2000 u l-2019, l-għargħar, in-nixfiet u l-maltempati waħedhom affettwaw kważi 4 biljun persuna madwar id-dinja, li jiswew aktar minn 300 000 ħajja; billi l-okkorrenza ta' dawn l-avvenimenti estremi tirrappreżenta bidla drastika mill-perjodu 1980-1999, bil-frekwenza tal-għargħar tiżdied b'134 %, il-maltempati b'40 %, u n-nixfiet b'29 % (13); |
|
J. |
billi jeżistu interkonnessjonijiet xjentifikament ippruvati bejn il-kriżijiet klimatiċi, ambjentali u tas-saħħa; billi l-avvenimenti estremi tat-temp, it-telfien tal-bijodiversità, id-degradazzjoni tal-art u l-iskarsezza tal-ilma qed jispustaw lin-nies u jkollhom impatt drammatiku fuq saħħithom; billi skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, it-tibdil fil-klima jirrappreżenta l-akbar theddida għas-saħħa li qed tiffaċċja l-umanità, u se jikkawża madwar 250 000 mewta addizzjonali fis-sena bejn l-2030 u l-2050 (14), billi madwar 7 miljun mewta prematura madwar id-dinja huma kkawżati mit-tniġġis tal-arja, u billi l-kostijiet tal-ħsara diretta għas-saħħa, inkluża s-saħħa mentali, huma stmati għal bejn USD 2 u 4 biljun kull sena sal-2030; |
|
K. |
billi r-Rapport ta' Valutazzjoni Globali (GAR 2022), jiżvela li bejn 350 u 500 diżastru fuq skala medja u kbira seħħew kull sena matul l-aħħar żewġ deċennji, bl-għadd ta' avvenimenti ta' diżastri mbassra li jilħaq il-560 fis-sena sal-2030 – jew diżastru u nofs kuljum; |
|
L. |
billi t-tibdil fil-klima huwa l-ixprunatur ewlieni tad-degradazzjoni ambjentali, u għandu impatt negattiv fuq is-sigurtà alimentari u tal-ilma, l-aċċess għar-riżorsi naturali u jagħmel ħsara lis-saħħa tal-bniedem; billi l-iskarsezza tal-ilma, l-għargħar u n-nixfiet huma riskji ewlenin fl-Ewropa u n-nuqqas ta' ilma jaffettwa diversi setturi madwar l-UE permezz ta' effetti kaskata u konsegwenzjali; billi l-azzjonijiet li jwasslu għal titjib fl-effiċjenza tal-ilma huma għażliet ewlenin ta' adattament; billi għandhom jintużaw soluzzjonijiet diġitali sabiex tiġi żgurata soċjetà reżiljenti u ekoloġika fl-Ewropa u lil hinn minnha; billi għandhom jiġu mmobilizzati l-partijiet ikkonċernati u s-setturi kollha biex tinkiseb soċjetà intelliġenti fl-ilma u fl-istess ħin jiġu indirizzati l-adattament għat-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-ikel u tal-ilma, il-protezzjoni tal-bijodiversità u ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva; billi l-UE u l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw ukoll dan l-approċċ permezz tal-politika Ewropea tal-viċinat, l-azzjoni esterna tal-UE u fl-aġendi tan-NU; |
|
M. |
billi r-riskji relatati mat-tibdil fil-klima għas-saħħa, għall-għajxien, għas-sigurtà tal-ikel, għall-provvista tal-ilma u għat-tkabbir ekonomiku huma mistennija jkunu ħafna ogħla b'tisħin globali ta' 2 oC; billi l-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 oC meta mqabbel ma' 2 oC hija mbassra li tnaqqas l-impatti fuq l-ekosistemi terrestri, tal-ilma ħelu u kostali u li żżomm aktar mis-servizzi tagħhom għall-bnedmin; billi huwa għalhekk fundamentali li jiġu segwiti sforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5 oC 'il fuq mil-livelli preindustrijali; |
|
N. |
billi l-preambolu għall-Ftehim ta' Pariġi jirrikonoxxi “l-importanza li tiġi żgurata l-integrità tal-ekosistemi kollha, inklużi l-oċeani”, u billi l-Artikolu 4(1)(d) tal-UNFCCC jisħaq li l-Partijiet għalih jeħtiġilhom jippromwovu l-ġestjoni sostenibbli, u l-konservazzjoni u t-titjib tal-bjar u tar-riżervi tal-gassijiet serra kollha, inklużi l-bijomassa, il-foresti u l-oċeani kif ukoll ekosistemi terrestri, kostali u marini oħra; billi r-rapport ta' valutazzjoni globali tal-IPBES dwar il-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi jissottolinja li l-użu sostenibbli tan-natura jkun essenzjali għall-mitigazzjoni ta' interferenza antropoġenika perikoluża mas-sistema klimatika u l-adattament għaliha; |
|
O. |
billi l-preżervazzjoni tal-oċeani hija kruċjali għar-rwol tagħhom fi ħdan is-sistema klimatika, bħall-adozzjoni u r-ridistribuzzjoni tas-CO2 naturali u antropoġeniku u s-sħana, kif ukoll l-appoġġ għall-ekosistemi; billi r-Rapport Speċjali tal-IPCC tal-2019 dwar l-Oċean u l-Krijosfera fi Klima li qed Tinbidel juri li mill-1970, l-oċeani ssaħħnu b'mod progressiv u assorbew aktar minn 90 % tas-sħana eċċessiva fis-sistema klimatika; billi t-tisħin tal-oċeani qed jaffettwa l-ekosistemi kostali, u qed iwassal għal mewġiet ta' sħana tal-baħar intensifikati, aċidifikazzjoni, telf ta' ossiġenu, intrużjoni tas-salinità u żieda fil-livell tal-baħar; |
|
P. |
billi l-Patt Klimatiku ta' Glasgow jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-partijiet ikkonċernati li mhumiex Parti, inklużi s-soċjetà ċivili, il-popli indiġeni, il-komunitajiet lokali, iż-żgħażagħ, it-tfal, il-gvernijiet lokali u reġjonali u partijiet ikkonċernati oħra, fil-kontribut għall-progress lejn l-objettiv tal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u jenfasizza l-“ħtieġa urġenti ta' azzjoni f'diversi livelli u kooperazzjoni”; |
|
Q. |
billi t-tibdil fil-klima qed jhedded direttament jew indirettament l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet għall-ħajja, l-ilma u s-sanità, l-ikel, is-saħħa u l-akkomodazzjoni; billi l-kapaċità tan-nies li jadattaw għat-tibdil fil-klima hija marbuta b'mod intrinsiku mal-aċċess tagħhom għad-drittijiet bażiċi tal-bniedem u għas-saħħa tal-ekosistemi li jiddependu minnhom għall-għajxien u l-benessri tagħhom; billi skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, aktar minn 200 miljun persuna jistgħu jiġu mġiegħla jemigraw minħabba l-impatt tat-tibdil fil-klima; billi l-iskala tal-migrazzjoni klimatika interna se tkun l-akbar fir-reġjuni l-aktar foqra u vulnerabbli għall-klima; billi l-azzjoni globali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tista' tnaqqas b'mod drammatiku ż-żieda fil-migranti klimatiċi interni sa 80 % inqas sal-2050 (15); |
|
R. |
billi dawn l-aħħar seba' snin (2015 u l-2021) kienu l-aktar snin sħan irreġistrati; billi l-livelli tal-baħar laħqu wkoll rekord għoli ġdid fl-2021; billi fuq livell globali, il-livell tal-baħar żdied b'medja ta' 4,5 mm fis-sena bejn l-2013 u l-2021, u f'diversi reġjuni, il-livell tal-baħar qed jiżdied “sostanzjalment aktar malajr” mill-medja globali, skont id-WMO; billi x-xita ġiet irreġistrata għall-ewwel darba fl-ogħla punt fuq il-folja tas-silġ ta' Greenland fl-2021; |
|
S. |
billi l-aktar 1 % tan-nies sinjuri tal-popolazzjoni globali huma mistennija li jiġġeneraw emissjonijiet tal-konsum per capita fl-2030 li għadhom 30 darba ogħla mil-livell globali per capita, filwaqt li l-impronti tal-ifqar nofs tal-popolazzjoni tad-dinja huma mistennija li jibqgħu diversi drabi taħt dak il-livell (16); |
|
T. |
billi l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw jikkontribwixxu b'mod minimu għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-atmosfera li jikkawżaw it-tibdil fil-klima; billi l-impatti tat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw żdiedu; billi r-riżorsi li jistgħu jimmobilizzaw għal azzjoni ta' adattament biex jiġu indirizzati l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima u tinkiseb ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli huma b'mod ċar insuffiċjenti; |
|
U. |
billi l-Ewwel Rapport tal-UNFCCC dwar id-Determinazzjoni tal-Ħtiġijiet ta' Pajjiżi Partijiet li qed Jiżviluppaw, jiddikjara li l-ħtiġijiet stmati tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-implimentazzjoni tal-NDCs jammontaw għal bejn USD 5,8 u USD 5,9 triljun, li minnhom USD 502 biljun huma identifikati bħala ħtiġijiet li jirrikjedu sorsi internazzjonali ta' finanzjament; |
|
V. |
billi fl-2020 Global Witness irreġistrat il-qtil ta' 227 difensur tal-art u tal-ambjent, li 71 % minnhom kienu qed jaħdmu biex jiddefendu l-foresti tad-dinja mid-deforestazzjoni u l-iżvilupp industrijali, filwaqt li oħrajn mietu minħabba xogħolhom li jipproteġu x-xmajjar, iż-żoni kostali u l-oċeani; billi fl-2020 il-vjolenza kontra d-difensuri tal-art u tal-ambjent kienet ikkonċentrata fil-biċċa l-kbira f'pajjiżi fin-Nofsinhar Globali u inqas minn 1 % tal-attakki letali rreġistrati kollha ġew iddokumentati fit-Tramuntana Globali; billi bejn l-2015 u l-2019 aktar minn terz tal-attakki fatali kollha kellhom fil-mira popli indiġeni, minkejja li l-komunitajiet indiġeni jirrappreżentaw biss 5 % tal-popolazzjoni tad-dinja (17); |
|
1. |
Ifakkar li l-kriżijiet klimatiċi u tal-bijodiversità huma fost l-aktar sfidi importanti li qed tiffaċċja l-umanità u li l-gvernijiet u l-atturi kollha madwar id-dinja jeħtiġilhom jagħmlu ħilithom biex jegħlbuhom b'mod urġenti, billi jindirizzaw iiż-żewġ kriżijiet bħala marbuta mill-qrib; jissottolinja li l-kooperazzjoni internazzjonali, l-involviment ta' gvernijiet reġjonali u lokali, negozji kif ukoll atturi mhux statali oħra, is-solidarjetà u tranżazzjoni ġusta, azzjoni koerenti sostnuta mix-xjenza u impenn bla waqfien biex tiżdied l-ambizzjoni u biex il-politiki jiġu allinjati ma' din l-ambizzjoni huma neċessarji biex inwettqu r-responsabbiltà kollettiva tagħna li nillimitaw it-tisħin globali u nipprevjenu t-telfien tal-bijodiversità, biex b'hekk tiġi mħarsa l-pjaneta kif ukoll il-benessri tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri; |
|
2. |
Jesprimi tħassib dwar is-sejbiet tar-rapport dwar id-diskrepanza fl-emissjonijiet tal-UNEP tal-2021 u tal-addendum tiegħu ppubblikat fl-4 ta' Novembru 2021, b'mod partikolari li, minkejja l-wegħdiet aktar ambizzjużi dwar il-klima mħabbra qabel u waqt il-COP26, l-emissjonijiet imbassra se jħallu lid-dinja f'direzzjoni lejn żieda ta' 2,7 oC fit-temperatura jekk il-miri klimatiċi nazzjonali mħabbra tal-2030 jiġu implimentati bis-sħiħ flimkien ma' miżuri ta' mitigazzjoni oħra, ferm lil hinn mill-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi li jillimitaw it-tisħin għal sew taħt iż-2 oC u jfittxu li jillimitawh għall- 1,5 oC; jinsab imħasseb li l-emissjonijiet għadhom qed jiżdiedu u d-distakk fl-emissjonijiet qed jikber; jisħaq li biex it-tisħin globali jiġi limitat għal 1,5 oC hemm bżonn ta' tnaqqis rapidu, profond u sostnut fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra globali, inkluż tnaqqis fl-emissjonijiet globali tas-CO2 bi 43 % sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-2019; ifakkar li bl-adozzjoni tal-Patt Klimatiku ta' Glasgow, il-Partijiet kollha rrikonoxxew li jekk iż-żieda fit-temperatura medja globali tiġi limitata għal 1,5 oC 'il fuq mil-livelli preindustrijali dan inaqqas b'mod sinifikanti r-riskji u l-impatti tat-tibdil fil-klima; |
|
3. |
Jissottolinja, li skont ir-rapport tal-UNEP dwar id-diskrepanza fl-emissjonijiet tal-2021, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan mis-setturi tal-fjuwil fossili, tal-iskart u tal-agrikoltura, jista' jgħin biex jitnaqqsu d-diskrepanzi fl-emissjonijiet u jitnaqqas it-tisħin fi żmien qasir, iżda jenfasizza li sabiex dan iseħħ hemm ħtieġa urġenti ta' regoli li jkunu definiti b'mod ċar u jkollhom l-għan li jiksbu tnaqqis effettiv fl-emissjonijiet, filwaqt li jiġu appoġġjati minn arranġamenti biex jiġi segwit il-progress u tiġi pprovduta trasparenza; |
|
4. |
Jissottolinja l-għadd dejjem jikber ta' pajjiżi li jimpenjaw ruħhom għal miri ta' emissjonijiet netti żero sa nofs is-seklu iżda jissottolinja li dawn l-impenji jridu jiġu tradotti b'mod urġenti f'miri, f'politiki u f'azzjonijiet appoġġjati minn riżorsi finanzjarji robusti għal żmien qasir u jiġu riflessi fl-NDCs fil-forma ta' miri klimatiċi aktar ambizzjużi għall-2030 sabiex l-emissjonijiet globali jilħqu l-ogħla livell kemm jista' jkun malajr; jaqbel mal-UNEP fil-valutazzjoni tagħha li ħafna pjanijiet nazzjonali dwar il-klima jdewmu l-azzjoni sa wara l-2030 u li ħafna mill-wegħdiet ta' emissjonijiet netti żero fit-tul fihom ambigwitajiet kbar u nuqqas ta' trasparenza; |
|
5. |
Jinnota bi tħassib kbir l-aħħar rapport dwar l-Istat tal-Klima tad-WMO, li juri li erba' indikaturi ewlenin tal-klima – iż-żieda fil-livell tal-baħar, is-sħana tal-oċeani, l-aċidifikazzjoni tal-oċeani u l-konċentrazzjonijiet tal-gassijiet serra – kisru rekords ġodda fl-2021; |
Il-Patt ta' Glasgow dwar il-Klima u l-COP27 f'Sharm El-Sheikh
|
6. |
Jieħu nota tal-progress li sar matul il-COP26 u l-Patt Klimatiku ta' Glasgow; jisħaq, madankollu, li l-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 oC tinkiseb biss jekk tittieħed azzjoni urġenti f'dan id-deċennju kritiku qabel l-2030; jissottolinja li l-COP26 talbet lill-Partijiet jirrevedu u jsaħħu l-miri tal-2030 fl-NDCs tagħhom peress li dan huwa meħtieġ biex jallinjaw ruħhom mal-għan tat-temperatura tal-Ftehim ta' Pariġi sa tmiem l-2022, filwaqt li jqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali differenti; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Partijiet kollha għall-UNFCCC biex iżidu l-NDCs tagħhom sal-COP27 sabiex inaqqsu d-distakk fl-ambizzjoni, u jallinjaw il-politiki tagħhom ma' perkors kompatibbli ma' din l-ambizzjoni; jistieden lill-UE u lin-nazzjonijiet kollha tal-G20 juru tmexxija globali f'dan ir-rigward; |
|
7. |
Jilqa' d-deċiżjoni tal-COP26 li jiġi prodott programm ta' ħidma biex tiżdied b'mod urġenti l-ambizzjoni ta' mitigazzjoni u l-implimentazzjoni f'dan id-deċennju kritiku, b'mod li jikkomplementa r-rendikont globali, jiġi aġġornat kull sena r-rapport ta' sinteżi dwar l-NDCs qabel kull COP, u titlaqqa' laqgħa ta' diskussjoni ministerjali annwali ta' livell għoli dwar l-ambizzjonijiet ta' qabel l-2030; iħeġġeġ lill-COP27 tadotta dan il-programm ta' ħidma u tiżgura rieżami annwali tal-ambizzjoni li jirrifletti l-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli u l-ogħla livell possibbli ta' ambizzjoni tal-Partijiet; jisħaq li l-Partijiet se jkollhom bżonn jirrevedu u jżidu l-NDCs tagħhom sakemm ikunu konformi ma' perkors kompatibbli mal-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 oC; |
|
8. |
Jilqa' t-tlestija tal-Ġabra ta' Regoli għall-Ftehim ta' Pariġi fi Glasgow, u jissottolinja li l-implimentazzjoni tal-ġabra ta' regoli trid tiżgura integrità ambjentali b'saħħitha u twassal l-ogħla livell ta' ambizzjoni; |
|
9. |
Jilqa' l-fatt li l-Patt Klimatiku ta' Glasgow jissottolinja l-importanza tal-adattament u l-ħtieġa li tiżdied l-azzjoni biex tissaħħaħ il-kapaċità ta' adattament, tissaħħaħ ir-reżiljenza u titnaqqas il-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima; jinnota f'dan ir-rigward li 47 pajjiż issottomettew Komunikazzjonijiet ta' Adattament jew Pjanijiet ta' Adattament Nazzjonali fl-aħħar sena, u jistenna li pajjiżi oħra jissottomettu l-Komunikazzjonijiet tagħhom f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi; jilqa' l-ħolqien ta' Djalogu ġdid ta' Glasgow dwar it-Telf u l-Ħsara li għandu jiffoka fuq l-arranġamenti ta' finanzjament biex jiġu evitati, minimizzati u indirizzati t-telf u l-ħsara assoċjati mal-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima; |
|
10. |
Jieħu nota tal-wegħdiet ta' finanzjament għall-klima li saru matul il-COP26, iżda jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Pjan ta' Finanzjament għall-Klima għall-2021 wera li l-għan globali attwali ta' USD 100 biljun x'aktarx li jintlaħaq biss fl-2023, tliet snin wara l-iskadenza oriġinali; jiġbed l-attenzjoni għad-diskrepanza finanzjarja li qed tikber, b'mod partikolari għall-adattament; iħeġġeġ lill-pajjiżi żviluppati, inklużi l-UE u l-Istati Membri tagħha, jiżguraw li l-għan ta' finanzjament għall-klima ta' USD 100 biljun ikun jista' jintlaħaq u jiġi żborżat diġà mill-2022 u bħala medja matul il-perjodu ta' żmien 2020-2025, u biex jagħtu aktar dettalji dwar it-triq 'il quddiem għall-għan il-ġdid ta' finanzjament għall-klima għal wara l-2025; jisħaq li l-finanzjament mill-pajjiżi żviluppati responsabbli għal sehem kbir tal-emissjonijiet storiċi se jkun kruċjali wkoll biex tinbena l-fiduċja għal djalogu aktar ambizzjuż dwar il-miri ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; |
|
11. |
Jenfasizza li l-pajjiż tal-COP27 jappartjeni għal wieħed mir-reġjuni fid-dinja l-aktar milquta mit-tibdil fil-klima; jinnota li l-baċir tal-Mediterran qed jisħon 20 % aktar malajr mill-medja globali, u li r-reġjun huwa wieħed mill-hotspots prinċipali tat-tibdil fil-klima fid-dinja, fejn 250 miljun persuna huma mistennija jiġu kkunsidrati bħala “fqar fir-riżorsi tal-ilma” fi żmien 20 sena (18); jissottolinja li l-Mediterran qed jinbidel fil-baħar li qed jisħon l-aktar malajr fid-dinja (19) b'konsegwenzi għal setturi ekonomiċi importanti u l-ekosistema kollha tal-baħar, u dan qed isofri tibdil irriversibbli għall-ekosistema u l-ispeċijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaġixxu b'urġenza u jikkooperaw mas-sħab Mediterranji tagħhom biex jaħdmu fuq miżuri ta' adattament ambizzjużi u jmexxu l-azzjoni ta' mitigazzjoni; |
|
12. |
Jappoġġja l-inizjattiva tal-Gvern Ukren biex tinħoloq pjattaforma globali għall-valutazzjoni tal-ħsara ambjentali kkawżata matul kunflitti armati; |
|
13. |
Ifakkar fl-importanza tal-involviment sħiħ tal-Partijiet kollha fil-proċessi ta' teħid tad-deċiżjonijiet tal-UNFCCC; jisħaq li l-proċess attwali tat-teħid tad-deċiżjonijiet skont l-UNFCCC jista' jittejjeb biex jippermetti aħjar il-parteċipazzjoni sħiħa tad-delegati tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDC) u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; iqis li huwa essenzjali li l-perspettivi tal-pajjiżi li qed ibatu l-aktar mit-tibdil fil-klima jinstemgħu u tittieħed azzjoni fir-rigward tagħhom; jistieden għalhekk lill-presidenza tal-COP27 u lill-Presidenzi futuri jesploraw modi addizzjonali biex jiżguraw parteċipazzjoni effettiva u sinifikattiva tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u biex jallokaw riżorsi addizzjonali għal dan; ifakkar fil-pożizzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu; jieħu nota ta' għadd ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li qajmu tħassib dwar il-marġinalizzazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-COP fl-Eġittu u l-ostakli għall-protesti u għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-UNFCCC u lill-awtoritajiet Eġizzjani jiżguraw aċċess ekwu u parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-COP27; |
|
14. |
Itenni t-talba tiegħu biex jiġu rilaxxati l-persuni kollha miżmuma f'detenzjoni arbitrarja fl-Eġittu, u jisħaq fuq il-każ partikolarment urġenti tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem, Alaa Abd El-Fattah; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jużaw il-momentum mill-COP27 biex itejbu s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż u biex jirrispettaw id-drittijiet fundamentali matul u wara l-COP27, b'mod partikolari b'rabta mal-libertà tal-espressjoni u l-għaqda paċifika; jappoġġja bil-qawwa t-talba tal-esperti tan-NU biex is-Segretarjat tal-UNFCCC ifassal kriterji għad-drittijiet tal-bniedem li l-pajjiżi li jospitaw COPs futuri jeħtiġilhom jirrispettaw bħala parti mill-ftehim tal-ospitant; |
|
15. |
Jilqa' l-fatt li l-Patt Klimatiku ta' Glasgow tar-rwol importanti tal-partijiet ikkonċernati li mhumiex Parti, inklużi s-soċjetà ċivili, il-popli indiġeni, il-komunitajiet lokali, iż-żgħażagħ, it-tfal, il-gvernijiet lokali u reġjonali u partijiet ikkonċernati oħrajn, fil-kontribut għall-progress lejn l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi; jirrikonoxxi r-rwol importanti taż-żgħażagħ fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Partijiet u lill-partijiet ikkonċernati biex jiżguraw parteċipazzjoni u rappreżentanza sinifikattiva taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet multilaterali, nazzjonali u lokali; ifakkar b'mod partikolari r-rwol ewlieni tal-bliet fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u jilqa' l-għadd dejjem jikber ta' bliet u reġjuni madwar id-dinja li jimpenjaw ruħhom għal għanijiet ta' emissjonijiet netti żero u, b'mod partikolari, l-impenji tal-100 belt Ewropea li jipparteċipaw fil-Missjoni tal-UE għal Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti li jsiru newtrali għall-klima sal-2030 u li jsiru ċentri ta' innovazzjoni li se jippermettu lill-bliet kollha tal-UE u lill-pari tal-viċinat tagħhom jagħmlu l-istess sal-2050; |
|
16. |
Jisħaq li, biex jintlaħaq l-għan li ż-żieda fit-temperatura medja globali tiġi limitata għal 1,5 oC, hemm bżonn ta' parteċipazzjoni effettiva min-naħa tal-Partijiet kollha, li tkun tirrikjedi l-indirizzar tal-kwistjoni dwar l-interessi akkwiżiti jew kunfliġġenti; jesprimi tħassib b'mod partikolari dwar il-fatt li xi pajjiżi li jniġġsu ħafna użaw il-preżenza tagħhom fil-COPs biex jimminaw l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi; jinsab serjament imħasseb dwar in-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-UNFCCC biex finalment tindirizza l-kwistjoni ta' kunflitti ta' interess fir-rigward tal-involviment mal-partijiet ikkonċernati li mhumiex Parti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu t-tmexxija f'dan il-proċess biex jipproteġu l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UNFCCC minn interessi li jmorru kontra l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi; |
|
17. |
Jilqa' t-titjib tas-Sħubija ta' Marrakech għal Azzjoni Klimatika Globali bħala spazju biex l-atturi mhux statali u l-gvernijiet sottonazzjonali jiġu mħeġġa jieħdu azzjoni klimatika immedjata, u jilqa' wkoll l-adozzjoni tal-programm ta' ħidma tagħha għall-2022; jirrikonoxxi l-inizjattivi “Race to Zero” u “Race to Resilience” bħala pjattaformi ewlenin biex jappoġġjaw il-governanza minn isfel għal fuq, filwaqt li jiffaċilitaw ir-rapportar u r-rendikont fil-livell sottonazzjonali; |
Politika ambizzjuża dwar il-Klima tal-UE
|
18. |
Jistenna li l-pakkett leġiżlattiv “Fit for 55” u l-politiki fl-ambitu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew iwasslu għall-miżuri biex tintlaħaq il-mira tal-UE għall-2030 u biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jitqiegħdu fi triq ħalli tinkiseb in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050 u jissottolinja l-pożizzjonijiet tal-Parlament dwar dawn; ifakkar li f'konformità kemm mal-Liġi tal-UE dwar il-Klima u l-Ftehim ta' Pariġi kif ukoll mal-aqwa xjenza disponibbli, l-Unjoni Ewropea għandha żżid l-azzjoni klimatika tagħha kemm dwar il-mitigazzjoni, biex trażżan it-tisħin globali għal 1,5 oC meta mqabbel mal-livelli preindustrijali, kif ukoll dwar l-adattament biex titrawwem ir-reżiljenza; jitlob lill-UE taġġorna l-NDC tagħha u żżid il-mira tagħha għat-tnaqqis tal-gassijiet serra mill-COP27 abbażi tal-aqwa xjenza disponibbli; jappella għall-ogħla livell ta' ambizzjoni fil-pakkett “Lesti għall-mira ta' 55 %” sabiex jintbagħat sinjal ċar lill-Partijiet l-oħra kollha li l-UE tinsab lesta li tikkontribwixxi biex titnaqqas id-diskrepanza meħtieġa biex it-tisħin globali jiġi limitat għal 1,5 oC, b'mod ġust, ibbilanċjat mill-aspett soċjali u kosteffettiv filwaqt li jitqiesu aspetti ta' ġustizzja u ekwità globali u r-responsabbiltà storika u attwali tal-UE għall-emissjonijiet li jikkawżaw il-kriżi klimatika; |
|
19. |
Jenfasizza l-fatt li l-mira ġenerali tal-emissjonijiet tal-UE għall-2030 stabbilita fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima u l-proposti leġiżlattivi “Lesti għall-mira ta' 55 %” se jnaqqsu l-emissjonijiet tal-UE b'aktar mill-NDC attwali tagħha ta' tnaqqis ta' 55 % fl-emissjonijiet netti; jissottolinja, barra minn hekk, li l-pożizzjonijiet tal-Parlament dwar dawn il-proposti u l-miri inklużi fil-Pjan REPowerEU se jkomplu jżidu l-ambizzjoni klimatika tal-UE lil hinn minn dak il-livell, u jistieden lill-Kunsill japprova l-pożizzjonijiet tal-Parlament f'dan ir-rigward; jistieden lill-UE taġġorna l-wegħdiet tagħha dwar l-emissjonijiet kif xieraq biex tirrifletti dan, fid-dawl tad-deċiżjoni fil-Patt Klimatiku ta' Glasgow biex il-miri tal-2030 jiġu riveduti; |
|
20. |
Jisħaq li s-sitwazzjoni ġeopolitika attwali tenfasizza l-urġenza li titnaqqas id-dipendenza mill-fjuwils fossili u l-ħtieġa li tingħata spinta lill-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, u toffri l-opportunità li tissaħħaħ it-tmexxija tal-UE f'dan ir-rigward; |
|
21. |
Itenni l-ħtieġa li l-ambizzjoni klimatika tiġi integrata fil-politiki kollha tal-UE u fil-miżuri li jittrasponuhom, u jissottolinja li l-Artikolu 6(4) tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima jobbliga lill-Kummissjoni tivvaluta l-konsistenza ta' kwalunkwe abbozz ta' miżura jew proposta leġiżlattiva, inklużi proposti baġitarji, mal-miri klimatiċi tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta bis-sħiħ din id-dispożizzjoni fil-mod kif twettaq valutazzjonijiet tal-impatt fl-oqsma kollha tal-politika tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li l-politiki eżistenti tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha jiġu evalwati mill-ġdid u allinjati ma' dawn l-objettivi, u jistenna li l-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima li għadu kif inħoloq jikkontribwixxi għal din il-valutazzjoni; jilqa' l-ħatra tal-15-il membru tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima li għadu kif ġie stabbilit; jistieden lill-Bord Konsultattiv jippubblika l-valutazzjoni tiegħu ta' baġit tal-UE dwar il-gassijiet serra kompatibbli mal-objettiv li t-tisħin globali jiġi limitat għal inqas minn 1,5 oC malajr kemm jista' jkun, u jistenna li l-Kummissjoni tqis bis-sħiħ il-parir tal-Bord Konsultattiv meta tibbaża fuq il-baġit indikattiv tal-Unjoni dwar il-gassijiet serra u l-miri klimatiċi tal-Unjoni għal wara l-2030; |
|
22. |
Ifakkar f'deċiżjoni reċenti tal-qorti kostituzzjonali ta' Stat Membru li l-protezzjoni tal-klima mhijiex kwistjoni ta' diskrezzjoni politika u li d-dispożizzjoni tal-kostituzzjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent timponi dmir kostituzzjonali fuq l-Istat li jikseb in-newtralità klimatika; |
|
23. |
Jenfasizza l-appoġġ qawwi taċ-ċittadini tal-UE għat-tisħiħ tal-azzjoni klimatika peress li, skont l-aħħar Ewrobarometru, kważi kull Ewropew minn tnejn (49 %) iqis it-tibdil fil-klima bħala l-isfida globali ewlenija għall-futur tal-UE; |
|
24. |
Jenfasizza li l-politiki kollha dwar il-klima għandhom jiġu segwiti f'konformità mal-prinċipju ta' tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika u f'kooperazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali u ekonomiċi; iqis, għalhekk, li aktar trasparenza u l-involviment tas-soċjetà ċivili u sħubijiet soċjali msaħħa, fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali kif ukoll tal-UE, huma fundamentali biex tinkiseb in-newtralità klimatika fis-setturi kollha tas-soċjetà b'mod ġust, inklużiv u sostenibbli mil-lat soċjali; |
Adattament u telf u ħsara
|
25. |
Jilqa' l-wegħdiet finanzjarji l-ġodda li saru fi Glasgow għall-Fond ta' Adattament u għall-Fond għall-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCF); jinnota madankollu li l-appoġġ għall-mitigazzjoni jibqa' akbar mill-appoġġ għall-adattament, u jappoġġja bil-qawwa s-sejħa għan-nazzjonijiet żviluppati biex tal-inqas jirduppjaw il-provvista kollettiva tagħhom ta' finanzjament għall-adattament mil-livelli tal-2019 sal-2025, f'konformità mal-Patt Klimatiku ta' Glasgow, sabiex jinkiseb bilanċ aħjar; jilqa' l-programm ta' ħidma ta' Sharm el-Sheikh dwar l-għan globali dwar l-adattament, stabbilit u mniedi fil-COP26; jilqa' l-programm ta' ħidma ta' Sharm el-Sheikh dwar l-għan globali dwar l-adattament, adottat u mniedi fil-COP26; jissottolinja l-importanza ta' finanzjament ta' adattament ibbażat fuq l-għotjiet; iħeġġeġ lill-UE żżid il-proporzjon ta' finanzjament għall-adattament ipprovdut permezz tal-Istrument Ewropa Globali sena b'sena mill-2021 sal-2027; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi biex l-għan globali dwar l-adattament jissarraf f'eżiti li jistgħu jitkejlu li għandhom, fost l-oħrajn, jipprovdu fehim komprensiv tar-riskji marbuta mal-klima u mad-diżastri u l-ħtiġijiet u l-ispejjeż ta' adattament assoċjati f'diversi livelli, iżidu d-disponibbiltà ta' data konsistenti u komparabbli, jiddeterminaw u jtejbu l-forniment u l-aċċessibbiltà tal-mezzi ta' implimentazzjoni, inklużi appoġġ finanzjarju u teknoloġiku, u jfasslu sett komuni ta' metriċi, metodoloġiji u approċċi kwantitattivi u kwalitattivi biex jiġi segwit il-progress lejn l-ilħuq tal-għan maż-żmien; jenfasizza f'dan il-kuntest il-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri u s-sistema ta' monitoraġġ u rapportar tiegħu; |
|
26. |
Itenni li azzjoni ta' adattament fuq terminu qasir, medju u twil, hija ħtieġa inevitabbli għall-pajjiżi kollha jekk iridu jimminimizzaw l-effetti negattivi tal-kriżijiet klimatiċi u tal-bijodiversità u jiksbu reżiljenza għat-tibdil fil-klima u żvilupp sostenibbli, filwaqt li jiġu nnotati l-vulnerabbiltajiet partikolari għall-impatti tat-tibdil fil-klima tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment il-pajjiżi l-anqas żviluppati u l-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw; jenfasizza li l-azzjoni ta' adattament tista' tiġġenera diversi benefiċċji bħat-titjib tal-produttività agrikola, l-innovazzjoni, is-saħħa u l-benessri, is-sigurtà tal-ikel, il-mezzi ta' għajxien, u l-konservazzjoni tal-bijodiversità, kif ukoll it-tnaqqis tar-riskji u tal-ħsarat; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-azzjoni ta' adattament permezz ta' pjanijiet ta' adattament, valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà klimatika u testijiet tal-istress klimatiku obbligatorji fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali u permezz ta' appoġġ għal approċċi mmexxija fil-livell lokali u ħidma mal-awtoritajiet lokali u mas-soċjetà ċivili lokali sabiex jirrispettaw bis-sħiħ l-għan ta' adattament tal-Ftehim ta' Pariġi u jiżguraw li l-politiki ta' adattament tal-UE jipproteġu biżżejjed lill-komunitajiet u l-ekosistemi fl-UE mill-effetti tat-tibdil fil-klima; jappella għal aktar progress fl-Istrateġija l-ġdida ta' Adattament tal-UE u jisħaq fuq l-importanza tar-rabtiet tagħha mal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità u l-qafas regolatorju l-ġdid dwar l-adattament li jirriżulta mil-Liġi Ewropea dwar il-Klima; itenni l-appelli għall-implimentazzjoni ambizzjuża tagħhom, inkluż tal-komponenti internazzjonali tagħhom; |
|
27. |
Jissottolinja li, filwaqt li t-tibdil fil-klima huwa problema globali, kull reġjun diġà qed jiġi affettwat b'mod differenti, u li l-gvernijiet lokali, peress li huma eqreb tal-popolazzjonijiet, huma atturi ewlenin għall-faċilitazzjoni tal-adattament għat-tibdil fil-klima; jissottolinja li jeħtieġ li r-riżorsi finanzjarji jiġu diretti aħjar lejn il-livell lokali biex ikun hemm soluzzjonijiet effiċjenti u mmirati u, f'dan is-sens, jilqa' l-Missjoni dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, li se tappoġġja mill-inqas 150 reġjun u komunità Ewropej lejn ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima sal-2030; jappella għal appoġġ biex ikun hemm approċċ reġjonali u deċentralizzat fir-rispons għall-effetti tat-tibdil fil-klima u fl-aċċess għall-finanzjament għall-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex l-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjonijiet lokali tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tal-ambjent jingħataw rwol akbar fl-indirizzar tal-effetti tat-tibdil fil-klima u biex jilħqu lil dawk l-aktar vulnerabbli; |
|
28. |
Jisħaq li l-Istrateġija tal-UE għall-Adattament adottata mill-Kummissjoni fl-24 ta' Frar 2021 tesprimi l-għan tal-Kummissjoni li żżid ir-riżorsi u tkompli timmobilizza finanzjament għall-adattament fuq skala kbira, u li tinħtieġ attenzjoni partikolari biex ikun żgurat li r-riżorsi finanzjarji jilħqu l-komunitajiet l-aktar vulnerabbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; |
|
29. |
Jisħaq li s-sistemi ta' twissija bikrija huma kritiċi għal adattament effettiv iżda huma disponibbli biss għal inqas minn nofs il-membri tad-WMO; jappoġġja l-proposta tad-WMO li għandha tiġi approvata fil-COP27 biex is-sistemi ta' twissija bikrija jilħqu lil kulħadd fil-ħames snin li ġejjin; jixtieq li din l-inizjattiva dwar is-Servizzi ta' Twissija Bikrija tiġi implimentata malajr b'mod partikolari bl-għan li jiġu salvati kemm jista' jkun ħajjiet malajr; |
|
30. |
Jenfasizza li l-infrastruttura ekoloġika tikkontribwixxi għall-adattament għat-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri permezz tal-protezzjoni tan-natura u tal-ekosistemi, il-konservazzjoni u r-restawr tal-ħabitats naturali u l-ispeċijiet, l-istat ekoloġiku tajjeb, il-ġestjoni tal-ilma u s-sigurtà tal-ikel; jinnota li l-iżvilupp tal-infrastruttura ekoloġika huwa fost l-aktar miżuri effettivi għall-adattament għat-tibdil fil-klima li jistgħu jiġu implimentati fi bliet, billi jimmitiga l-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima u l-fenomeni meteoroloġiċi dejjem aktar estremi, bħal perjodi ta' sħana kbira, nirien fil-foresti, ammonti estremi ta' xita, għargħar u nixfa, u r-regolazzjoni tat-temperaturi estremi biex b'hekk titjieb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti li jgħixu f'żoni urbani, inkluża s-saħħa mentali u fiżika tagħhom; |
|
31. |
Jenfasizza l-impatti devastanti ambjentali, soċjali u ekonomiċi tad-deżertifikazzjoni fuq żmien medju u fit-tul, u d-depopolazzjoni li rriżultat minħabba fiha f'xi nħawi, u l-ħtieġa ta' approċċi komuni biex jipprevjenu u jadattaw b'mod xieraq għal dan il-fenomenu u jegħlbuh; ifakkar għalhekk fl-importanza kruċjali tal-ġestjoni tal-ilma għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, iżda wkoll biex tiġi protetta s-sigurtà tal-ilma u tal-ikel, tiġi protetta l-bijodiversità u tiġi appoġġjata ħamrija f'saħħitha; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa ta' implimentazzjoni rapida u sħiħa tad-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Ilma sabiex jintlaħqu l-objettivi tagħha u biex ir-riżorsi tal-ilma tal-Ewropa jiġu ġestiti aħjar; jenfasizza li l-użu mill-ġdid tal-ilma u l-effiċjenza tal-ilma permezz ta' proċessi ċirkolari jridu jiġu implimentati bis-sħiħ fl-ekonomija u s-soċjetà kollha sabiex isir użu mill-valur fl-ilma u tiġi żgurata s-sigurtà tal-ilma f'termini ta' kwantità u kwalità; jenfasizza li s-soluzzjonijiet diġitali jistgħu jikkontribwixxu għall-adattament għat-tibdil fil-klima billi jtejbu l-kapaċità li wieħed jipprevedi l-iskarsezza tal-ilma, l-għargħar u t-tniġġis tal-ilma u jappoġġjaw l-użu ta' dawn l-għodod; |
|
32. |
Jisħaq li t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali huma muturi ewlenin tal-ispostament tal-bniedem u multiplikaturi tat-theddidiet u dawn jaffettwaw is-sigurtà tal-bniedem u l-istabbiltà soċjopolitika; jisħaq li l-kapaċitajiet ta' mitigazzjoni u adattament insuffiċjenti jistgħu jwasslu għal kunflitti armati, skarsezzi tal-ikel, katastrofi naturali u spostament ikkawżat mill-klima; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-ħtiġijiet u l-vulnerabbiltà tal-persuni affettwati mill-ispostament ikkawżat mill-klima u jappella għal tisħiħ tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE u tal-politiki umanitarji u tal-istrumenti finanzjarji rispettivi tagħhom biex jappoġġjaw l-adattament għat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jibnu r-reżiljenza, isaħħu t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri u r-rispons għal emerġenzi umanitarji fi żminijiet ta' ħtiġijiet dejjem akbar; |
|
33. |
Jinnota li l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Pariġi (dwar it-telf u l-ħsara) jiddikjara li l-Partijiet għandhom jieħdu approċċ kooperattiv għat-telf u l-ħsara assoċjati mal-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza ta' azzjoni ta' appoġġ globali f'oqsma speċjalment vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima, bħal żoni kostali u gżejjer, u fejn il-kapaċità ta' adattament hija limitata; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibnu rabtiet bejn il-pajjiżi żviluppati, dawk li qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati, u jimmiraw li jżidu l-ħidma tal-Koalizzjoni ta' Ambizzjoni Kbira fir-rigward tal-finanzjament għall-mitigazzjoni kif ukoll għall-adattament tat-telf u l-ħsara; jirrikonoxxi li dawn huma komponenti essenzjali tal-ġustizzja klimatika globali; |
|
34. |
Jesprimi l-gratitudni tiegħu lejn l-IPCC u japprezza ħafna l-ħidma mwettqa fuq is-Sitt Rapport ta' Valutazzjoni tiegħu; jilqa' l-valutazzjoni robusta tat-telf u l-ħsara li dehru fir-rapport reċenti tal-Grupp ta' Ħidma II tal-IPCC u jindika kif dan jirrikonoxxi t-telf u l-ħsara bħala qasam ta' importanza dejjem akbar kemm fil-politika internazzjonali dwar il-klima kif ukoll fix-xjenza klimatika; jistieden lill-IPCC jibni fuq din il-ħidma u jipproduċi rapport speċjali li jittratta speċifikament it-telf u l-ħsara; |
|
35. |
Itenni li l-istituzzjonijiet internazzjonali jeħtieġ li jsaħħu l-organizzazzjonijiet, il-kooperazzjoni u l-immaniġġjar ta' kriżijiet tagħhom, biex ikunu mħejjija aħjar għat-tibdil fil-klima fuq livell lokali u globali, bħala l-pass li jmiss lejn l-adattament istituzzjonali għall-klima; |
Il-kriżijiet tal-klima u tal-bijodiversità
|
36. |
Jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni, il-konservazzjoni u r-restawr tan-natura u l-ekosistemi sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi; ifakkar, barra minn hekk, fir-rwol kruċjali li għandha l-bijodiversità li permezz tagħha l-bnedmin jistgħu jiġġieldu u jadattaw għat-tisħin globali u jżidu l-livell ta' reżiljenza tagħhom; jemmen li s-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u l-approċċi bbażati fuq l-ekosistema huma għodod ewlenin biex jiġu appoġġjati l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, kif ukoll il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u tal-foresti u t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri; jisħaq li bir-restawr tal-ekosistemi degradati malajr kemm jista' jkun u l-konservazzjoni effettiva u ġusta ta' 30 sa 50 % tal-ħabitats tal-art, tal-ilma ħelu u tal-oċeani tad-dinja, filwaqt li jiġu ssalvagwardjati u msaħħa d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-popli indiġeni, is-soċjetà tista' tibbenefika mill-kapaċità tan-natura li tassorbi u taħżen il-karbonju; jisħaq fuq il-ħtieġa li jitħaffef il-progress lejn l-iżvilupp sostenibbli, iżda biex dan iseħħ, huma essenzjali finanzi adegwati u appoġġ politiku; |
|
37. |
Jenfasizza r-rwoli kritiċi u interdipendenti tal-foresti, il-bijodiversità u l-użu sostenibbli tal-art biex id-dinja tkun tista' tilħaq l-SDGs; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa urġenti li jitwaqqfu u jitreġġgħu lura d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-art bħala mod kif jingħata kontribut għat-tnaqqis tal-emissjonijiet netti annwali tal-gassijiet serra; |
|
38. |
Itenni l-wegħda mill-gvernijiet ta' 141 pajjiż b'aktar minn 3,6 biljun ettaru ta' foresta biex itemmu u jreġġgħu lura d-deforestazzjoni sal-2030; |
|
39. |
Itenni li l-konservazzjoni u r-restawr stretti ta' ekosistemi b'livell għoli ta' emissjonijiet tal-karbonju huma għażla ta' rispons b'impatt immedjat u firxa wiesgħa ta' benefiċċji ta' mitigazzjoni u adattament; jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-foresti fil-protezzjoni tal-klima u l-bijodiversità; jenfasizza li l-foresti jikkontribwixxu għall-isforzi ta' mitigazzjoni u adattament għall-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima; |
|
40. |
Jisħaq li l-politiki settorjali u l-politika dwar il-klima għas-settur tal-użu tal-art, inkluż għal attivitajiet ta' produzzjoni primarja importanti fl-agrikoltura u l-forestrija jeħtieġ li jaħdmu b'mod adegwat f'sinerġija mal-kapaċitajiet ta' adattament naturali tal-ekosistemi naturali u seminaturali, u jtejbu kemm jista' jkun il-kapaċità ta' adattament tal-pajsaġġi predominantement kulturali; jenfasizza s-sentenza reċenti tal-qorti f'każ li fih l-atturi kienu forestiera li ressqu kawża kontra l-Istat għall-politika nazzjonali tiegħu dwar il-foresti, li b'mod effettiv ma tħallihomx itejbu r-reżiljenza tal-foresti ġestiti, inkluż billi jiddiżinċentivaw ir-riġenerazzjoni naturali (20); |
|
41. |
Ifakkar li, skont il-ħames rapport ta' valutazzjoni tal-IPCC, il-forom indiġeni, lokali u tradizzjonali ta' għarfien huma riżorsa ewlenija għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, il-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-adattament għat-tibdil fil-klima; jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu d-drittijiet tal-komunità tagħhom fuq l-art u r-riżorsi sabiex jiġi mmitigat it-tibdil fil-klima, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni u l-Konvenzjoni 169 tal-ILO, u jkun hemm konformità mal-prinċipju ta' kunsens liberu, minn qabel u infurmat; |
|
42. |
Jenfasizza fil-kuntest tan-negozju l-ħtieġa li jiġu protetti d-difensuri tal-art u tal-ambjent billi tiġi żgurata protezzjoni regolatorja effettiva u robusta tal-ambjent, tad-drittijiet tax-xogħol, tad-drittijiet tal-art, tad-drittijiet tal-popli indiġeni, tal-għajxien u tal-kulturi, inkluż il-prinċipju għall-kunsens liberu, minn qabel u infurmat; jilqa' f'dan ir-rigward l-inizjattivi tal-UE dwar diliġenza dovuta korporattiva fil-qasam tas-sostenibbiltà u r-regolament propost dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni kif ukoll l-esportazzjoni min-naħa tal-Unjoni ta' ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti; jistieden lill-Partijiet jiżguraw li l-impenji li saru fil-COP27 biex jimplimentaw il-Ftehim ta' Pariġi jallinjaw mal-obbligi u l-istandards internazzjonali eżistenti tad-drittijiet tal-bniedem applikabbli għall-operazzjonijiet kummerċjali; |
|
43. |
Ifakkar li t-tibdil fil-klima huwa wieħed mill-instigaturi diretti ewlenin tat-telfien tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-art; jissottolinja li l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima fuq in-natura u l-bijodiversità, l-ekosistemi, l-oċeani, is-saħħa, u s-sigurtà tal-ikel huma mistennija jsiru kritiċi fid-deċennji li ġejjin; jissottolinja li hemm bżonn ta' qafas internazzjonali aktar b'saħħtu, vinkolanti u aktar ambizzjuż sabiex tiġi protetta l-bijodiversità globali, biex jitwaqqaf it-tnaqqis attwali tagħha u biex kemm jista' jkun tiġi restawrata; jirrikonoxxi f'dan il-kuntest l-importanza tal-Konferenza dwar il-Bijodiversità f'Montreal, il-Kanada, li se ssir f'Diċembru 2022; jistieden lill-IPCC u lill-IPBES ikomplu u jsaħħu l-kooperazzjoni u l-ħidma konġunta tagħhom biex jipprovdu lil dawk li jfasslu l-politika bl-aħħar xjenza dwar il-kriżijiet doppji tal-klima u tal-bijodiversità u kif għandhom jindirizzawhom; jistieden ukoll lill-UNFCCC taħdem fi sħubija mal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB) tan-NU u l-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) lejn qafas konsistenti għan-newtralità u r-reżiljenza klimatika, il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-iżvilupp sostenibbli; |
|
44. |
Iħeġġeġ lill-Partijiet, f'konformità mal-Patt Klimatiku ta' Glasgow, jieħdu approċċ integrat biex jindirizzaw il-bijodiversità f'politiki u deċiżjonijiet ta' ppjanar nazzjonali, reġjonali u lokali; jistieden lill-UNFCCC, f'dan ir-rigward, taħdem fi sħubija mal-KDB u l-UNDP lejn qafas konsistenti għan-newtralità u r-reżiljenza klimatika, il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-iżvilupp sostenibbli; jilqa' d-Dikjarazzjoni ta' Edinburgu dwar il-qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020 li tipprovdi eżempju ta' approċċ inklużiv ta' “gvern sħiħ”; |
|
45. |
Jistieden lill-Partijiet ikomplu l-ħidma fuq id-Djalogu dwar l-Oċeani u t-Tibdil fil-Klima billi jistabbilixxu għanijiet konkreti u orjentati lejn l-azzjoni, jindirizzaw il-kwistjonijiet l-aktar rilevanti u urġenti tar-rabta bejn l-oċean u l-klima u jinkoraġġixxu lill-pajjiżi, speċjalment il-pajjiżi kostali, biex jinkludu impenji korrispondenti fis-sottomissjonijiet tal-NDCs, tal-Pjanijiet ta' Adattament Nazzjonali (NAPs), tal-Istrateġiji fit-Tul (LTEs) u tar-Rendikont Globali (GST) aġġornati tagħhom, fost azzjonijiet oħra; |
Finanzjament għall-klima sostenibbli
|
46. |
Jissottolinja li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-akbar fornituri ta' finanzjament pubbliku għall-klima; jirrikonoxxi l-importanza tal-finanzjament għall-klima għall-azzjonijiet klimatiċi ta' suċċess, b'mod partikolari minħabba li ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom NDCs kundizzjonali, li l-kisba tagħhom tiddependi minn appoġġ finanzjarju suffiċjenti; jilqa', għalhekk, li sal-2025, se tiġi stabbilita mira kollettiva ġdida kwantifikata dwar il-finanzjament għall-klima li għandha tmur lil hinn mill-mira annwali tal-2020 ta' USD 100 biljun u jitqiesu l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għal finanzjament addizzjonali u adegwat għall-klima; huwa tal-fehma li għandhom jiġu esplorati miri awtonomi għall-mitigazzjoni, l-adattament u t-telf u l-ħsara bħala parti minn dan l-għan kwantifikat kollettiv ġdid dwar il-finanzjament għall-klima; jissottolinja li l-għanijiet ta' finanzjament futuri għall-klima għandhom iqisu l-ħtiġijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif ukoll il-prinċipju ta' ekwità tal-Ftehim ta' Pariġi, fl-istabbiliment tal-kontributi tal-Partijiet; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jiġi pprijoritizzat b'mod ċar il-finanzjament għall-klima bbażat fuq l-għotjiet biex jiġi żgurat li l-finanzjament għall-klima ma jkunx jikkontribwixxi għal livelli ta' dejn mhux sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; itenni l-appell tiegħu għal mekkaniżmu ta' finanzi pubbliċi tal-UE ddedikat li jipprovdi appoġġ addizzjonali u adegwat lejn it-twettiq tas-sehem ġust tal-UE tal-għanijiet ta' finanzjament internazzjonali għall-klima; ifakkar ukoll fil-pożizzjoni tat-22 ta’ Ġunju 2022 tiegħu dwar il-mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (CBAM) (21), li skontu l-Unjoni għandha tiffinanzja l-isforzi tal-pajjiżi l-anqas żviluppati lejn id-dekarbonizzazzjoni tal-industriji tal-manifattura tagħhom b'ammont annwali li jikkorrispondi mill-inqas għal-livell ta' dħul iġġenerat mill-bejgħ taċ-ċertifikati CBAM; |
|
47. |
Jisħaq fuq l-importanza li jiġi operazzjonalizzat l-għan globali dwar l-adattament u li jiġu mmobilizzati fondi ġodda ewlenin għall-adattament fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinnota bi tħassib li l-ispejjeż u l-ħtiġijiet tal-adattament qed jiżdiedu, u li huma minn ħames sa għaxar darbiet akbar mill-flussi ta' finanzjament għall-adattament pubbliku internazzjonali attwali, li jwasslu għal diskrepanza li qed tikber fil-finanzjament għall-adattament; jinnota d-diffikultajiet inerenti biex il-finanzjament privat jiġi dirett lejn l-adattament; jenfasizza li l-flussi finanzjarji globali attwali mhumiex biżżejjed għall-implimentazzjoni tal-azzjoni ta' adattament meħtieġa, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inkluż minħabba li parti sostanzjali tal-finanzjament għall-adattament huwa pprovdut fil-forma ta' self; jinnota li 50 % tal-finanzjament totali tal-UE għall-klima fl-2020 ġie pprovdut fil-forma ta' għotjiet u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri kollha jżidu l-finanzjament ibbażat fuq l-għotjiet, b'mod partikolari għall-adattament u speċjalment għall-pajjiżi l-anqas żviluppati u l-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom għal żieda sinifikanti fil-finanzjament għall-adattament li jipprovdu u li jressqu għall-COP27 pjan ċar dwar kif jista' jintlaħaq l-għan maqbul fil-Patt Klimatiku ta' Glasgow biex sal-2025 jiġi rduppjat il-finanzjament għall-adattament meta mqabbel mal-livelli tal-2019; |
|
48. |
Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' progress dwar il-kwistjoni tal-finanzjament biex jiġu indirizzati t-telf u l-ħsara; jistieden lill-Partijiet jaqblu dwar sorsi ġodda, adegwati u addizzjonali ta' finanzjament pubbliku li jagħtu prijorità ċara lill-għotjiet sabiex jiġu indirizzati t-telf u l-ħsara assoċjati mal-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima; jinnota d-diffikultajiet inerenti biex il-finanzjament privat jiġi dirett lejn it-telf u l-ħsara; iħeġġeġ lill-UE timpenja ruħha b'mod kostruttiv qabel il-COP27, inkluż billi teżamina l-modalitajiet għal faċilità bħal din, filwaqt li tqis l-arranġamenti istituzzjonali eżistenti fil-proposti tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tiġi stabbilita faċilità għall-finanzjament tat-telf u l-ħsara fil-COP27; jitlob li t-telf u l-ħsara jkunu punt permanenti fl-aġenda għall-COPs futuri, sabiex ikun hemm spazju ċar ta' negozjar ħalli jiġi mmonitorjat u jsir progress f'din il-kwistjoni, u għall-operazzjonalizzazzjoni sħiħa tan-Network ta' Santiago sabiex tiġi kkatalizzata b'mod effettiv l-assistenza teknika ħalli jiġu indirizzati b'mod adegwat it-telf u l-ħsara; |
|
49. |
Ifakkar li l-Partijiet kollha jeħtiġilhom jagħmlu l-flussi finanzjarji – pubbliċi u privati, domestiċi u internazzjonali – kompatibbli mat-triq lejn il-mira ta' 1,5 oC fil-Ftehim ta' Pariġi; itenni l-ħtieġa li jintemmu b'mod urġenti s-sussidji għall-fjuwils fossili u sussidji oħra ta' ħsara għall-ambjent fl-UE u madwar id-dinja; jenfasizza l-impenn tal-Patt Klimatiku ta' Glasgow biex jiġu aċċellerati l-isforzi għall-eliminazzjoni gradwali tal-enerġija mill-faħam b'emissjonijiet mhux imnaqqsa u s-sussidji ineffiċjenti għall-fjuwils fossili, huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' definizzjoni ta' x'inhu “sussidju ineffiċjenti għall-fjuwils fossili” u li jipperikola serjament il-kredibbiltà ta' tali impenji; jinnota li s-sussidji għall-fjuwils fossili fl-UE għadhom jammontaw għal madwar EUR 55-58 biljun fis-sena; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-obbligi tagħhom fl-ambitu tat-8 Programm ta' Azzjoni Ambjentali li jistabbilixxu skadenza għall-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili konsistenti mal-ambizzjoni li t-tisħin globali jiġi limitat għal 1,5 oC kif ukoll jiżviluppaw qafas vinkolanti tal-Unjoni għall-monitoraġġ u r-rapportar dwar il-progress tal-Istati Membri lejn l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili, abbażi ta' metodoloġija maqbula; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha jimplimentaw politiki, skedi ta' żmien u miżuri konkreti biex jeliminaw gradwalment is-sussidji diretti u indiretti kollha għall-fjuwils fossili malajr kemm jista' jkun, u sa mhux aktar tard mill-2025; iħeġġeġ lil Partijiet oħra jieħdu miżuri simili u jaħdmu fuq l-iżvilupp ta' trattat dwar in-nonproliferazzjoni tal-fjuwils fossili; jilqa' l-impenn tal-G7 li jieqaf jiffinanzja l-iżvilupp tal-fjuwils fossili fuq livell internazzjonali sa tmiem l-2022, filwaqt li jisħaq li dan l-impenn għandu japplika wkoll fuq livell domestiku; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-qafas tal-UE dwar l-ipprezzar tal-karbonju ma jinċentivitax it-tniġġis industrijali; jenfasizza r-rwol tal-Fond għall-Innovazzjoni; |
|
50. |
Iqis li huwa essenzjali għall-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali ewlenin li jadottaw u jiżviluppaw malajr finanzjament ekoloġiku sabiex ikun hemm dekarbonizzazzjoni ta' suċċess tal-ekonomija globali; ifakkar fir-rwol tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) bħala l-bank tal-UE għall-klima u l-Pjan Direzzjonali tiegħu tal-Bank Klimatiku adottat reċentement u l-Politika dwar is-Self fis-Settur tal-Enerġija aġġornata u l-isforzi oħra tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) biex imexxi l-investimenti klimatiċi; jilqa' l-fatt li l-Bank Ċentrali Ewropew impenja ruħu li jintegra l-kunsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima fil-qafas tal-politika monetarja tiegħu; iħeġġeġ lill-banek tal-iżvilupp multilaterali, inkluż il-BEI, u lill-istituzzjonijiet finanzjarji tal-iżvilupp, li tipikament jipprovdu appoġġ finanzjarju fil-forma ta' strumenti li jiġġeneraw id-dejn, jimplimentaw il-prinċipji ta' għoti u teħid responsabbli ta' self, u jallinjaw il-portafolli tagħhom mal-Ftehim ta' Pariġi, u jiġbru u jużaw data ta' kwalità għolja dwar ir-riskji, il-vulnerabbiltajiet u l-impatti klimatiċi biex jiggwidaw id-direzzjoni tal-investimenti lejn investimenti allinjati ma' 1,5 C; jirrikonoxxi l-importanza tal-istabbiliment tal-Alleanza Finanzjarja ta' Glasgow għan-Newtralità Klimatika u l-impenn tagħha li tappoġġja l-ekonomiji emerġenti fit-tranżizzjoni lejn żero netti; jilqa' f'dan il-kuntest il-ftehim tal-UE dwar ir-Rapportar ta' Sostenibbiltà Korporattiva, li huwa kruċjali għall-bini ta' appoġġ finanzjarju; |
|
51. |
Jappoġġja l-ħidma tal-Koalizzjoni tal-Ministri tal-Finanzi għall-Azzjoni dwar il-Klima u jinkoraġġixxi lill-gvernijiet kollha jadottaw l-impenji tal-koalizzjoni biex il-politiki u l-prattiki kollha fil-mandat tal-ministeri tal-finanzi jiġu allinjati mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi, u jadottaw ipprezzar effettiv tal-karbonju, kif stabbilit fil-Prinċipji ta' Helsinki; |
|
52. |
Jilqa' l-ħidma tal-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tas-Sostenibbiltà biex jiżviluppa linja bażi globali ta' divulgazzjonijiet dwar is-sostenibbiltà għas-swieq kapitali sabiex aktar kapital jiġi dirett lejn teknoloġiji nodfa u investimenti klimatiċi; |
Sforzi fis-setturi kollha
|
53. |
Ifakkar li l-Liġi Ewropea dwar il-Klima tinkludi impenn biex jiġu ffaċilitati djalogi u s-sħubijiet dwar il-klima speċifiċi għas-settur billi tlaqqa' flimkien lill-partijiet ikkonċernati ewlenin b'mod inklużiv u rappreżentattiv sabiex tħeġġeġ lis-setturi nfushom ifasslu pjanijiet direzzjonali volontarji indikattivi u jippjanaw it-tranżizzjoni tagħhom lejn il-kisba tal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni sal-2050; jenfasizza li dawn il-pjanijiet direzzjonali jistgħu jagħtu kontribut siewi biex is-setturi jiġu assistiti fl-ippjanar tal-investimenti meħtieġa fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u jistgħu jservu wkoll biex jissaħħaħ l-impenn settorjali fit-tfittxija għal soluzzjonijiet newtrali għall-klima; |
|
54. |
Jistieden lill-Partijiet kollha biex b'mod urġenti jieħdu azzjoni kontra l-emissjonijiet tal-metan; jilqa' l-Wegħda Globali dwar il-Metan li l-UE, l-Istati Uniti u għadd ta' pajjiżi oħra ffirmaw fil-COP26, li għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet kollha tal-metan ikkawżati minn azzjoni umana bi 30 % sal-2030 meta mqabbel mal-livelli tal-2020, li huwa l-ewwel pass lejn it-tnaqqis ta' 45 % irrakkomandat mill-UNEP (22); iħeġġeġ lill-firmatarji kollha biex jiżguraw li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan fit-territorji tagħhom b'mill-inqas 30 % sal-2030 u jadottaw miżuri nazzjonali biex jintlaħaq dan l-għan; jinnota li madwar 60 % tal-metan globali huwa rilaxxat minn sorsi bħall-agrikoltura, mis-siti tal-landfills, mill-faċilitajiet tal-ilma mormi, u mill-produzzjoni u t-trasport bil-pipeline tal-fjuwils fossili; ifakkar li l-metan huwa gass serra qawwi li huwa 28 darba aktar qawwi mis-CO2 f'termini tal-impatt tiegħu fuq il-klima fuq perjodu ta' 100 sena, u 80 darba aktar qawwi fuq perjodu ta' 20 sena; jenfasizza f'dan ir-rigward li azzjoni aktar b'saħħitha biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan hija waħda mill-aktar miżuri kosteffettivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fuq medda qasira ta' żmien; jinnota li bosta teknoloġiji u prattiki diġà huma disponibbli għall-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan b'mod kosteffettiv, bi spiża baxxa jew bi spiża negattiva; jinnota li l-emissjonijiet tal-metan fl-agrikoltura huma primarjament immexxija minn żieda fl-għadd ta' bhejjem u li l-emissjonijiet tal-bhejjem mid-demel u mill-fermentazzjoni enterika jammontaw għal madwar 32 % tal-emissjonijiet antropoġeniċi tal-metan; jieħu nota, f'dan il-kuntest, tal-proposta biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija ppreżentata mill-Kummissjoni f'Diċembru 2021; jappella għall-adozzjoni ta' miżuri leġiżlattivi vinkolanti addizzjonali biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet f'setturi emittenti oħra, għal miri tal-Unjoni vinkolanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan kif ukoll għall-inklużjoni tal-metan fost is-sustanzi niġġiesa rregolati fid-Direttiva dwar l-Impenji Nazzjonali għat-Tnaqqis tal-Emissjonijiet; itenni l-appell tiegħu biex jiġu indirizzati d-densitajiet tal-bhejjem fl-UE biex jiġi żgurat tnaqqis ambizzjuż tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra f'dan is-settur; itenni l-pożizzjoni tiegħu li hija meħtieġa bidla fil-mudelli ta' konsum lejn ikel, dieti u stili ta' ħajja aktar tajbin għas-saħħa, inkluż konsum akbar ta' pjanti u ikel ibbażat fuq il-pjanti prodotti b'mod sostenibbli u fuq livell reġjonali, u li jeħtieġ li jiġi indirizzat il-konsum eċċessiv ta' laħam u prodotti ultraproċessati; |
|
55. |
Iqis li l-mudelli ta' produzzjoni agrikola sostenibbli jirrikjedu l-istabbiliment ta' standards globali bl-użu ta' approċċ transsettorjali u multidixxiplinari “Saħħa Waħda” (23) biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel sostenibbli kif ukoll biex jiġu ssodisfati l-impenji tal-Ftehim ta' Pariġi u tal-Patt Klimatiku ta' Glasgow; |
|
56. |
Jirrikonoxxi li t-tibdil fil-klima se jikkontribwixxi għal żieda fir-reżistenza għall-antibijotiċi u għalhekk jappella għal ftehim globali mill-Partijiet biex jitnaqqas l-użu tal-antimikrobiċi u jiġi miġġieled ir-riskju ta' reżistenza; |
|
57. |
Jissottolinja li s-settur tat-trasport huwa l-uniku settur li fih l-emissjonijiet żdiedu fil-livell tal-UE mill-1990 'l hawn u li dan mhux kompatibbli mal-għanijiet klimatiċi tal-UE, li jirrikjedu tnaqqis akbar u aktar mgħaġġel fl-emissjonijiet mis-setturi kollha tas-soċjetà, inklużi l-avjazzjoni u setturi marittimi; iqis li sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-NDCs mal-impenji għall-ekonomija kollha meħtieġa mill-Ftehim ta' Pariġi, il-Partijiet għandhom jiġu mħeġġa bil-qawwa jinkludu l-emissjonijiet mit-tbaħħir u l-avjazzjoni internazzjonali fl-NDCs tagħhom u jaqblu dwar il-miżuri u jimplimentawhom fil-livell internazzjonali, reġjonali u fil-livell nazzjonali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet minn dawn is-setturi, inklużi l-impatti mhux tas-CO2 mill-avjazzjoni; ifakkar, barra minn hekk, li skont l-AEI, il-karozzi l-ġodda kollha tal-passiġġieri li jitqiegħdu fis-suq fuq livell globali jeħtieġ li jkollhom emissjonijiet żero sal-2035 sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050; |
|
58. |
Jenfasizza l-inklużjoni tal-emissjonijiet marittimi u tal-avjazzjoni fis-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS), li tista' sservi wkoll bħala mudell għal pajjiżi oħra u li se tappoġġja ambizzjoni akbar fil-livell internazzjonali, inkluż fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) u fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO); jinsab imħasseb dwar il-progress kajman miksub fl-OMI u l-ICAO biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet mit-trasport internazzjonali bil-baħar u bl-ajru; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex isaħħu l-iskema ta' kumpens u tnaqqis tal-karbonju għall-avjazzjoni internazzjonali (CORSIA) filwaqt li tiġi ssalvagwardjata l-awtonomija leġiżlattiva tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Direttiva dwar l-ETS; jilqa' l-ħidma li għaddejja tal-OMI biex taġġorna l-istrateġija tagħha dwar il-gassijiet serra u l-mira tagħha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, u biex tadotta miżuri konkreti; iħeġġeġ, lill-OMI, madankollu, biex timxi 'l quddiem b'mod rapidu fl-adozzjoni ta' miri u miżuri fuq terminu qasir u medju li huma allinjati mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi; |
|
59. |
Jindika l-impatt enormi fuq il-klima tal-użu ta' ġettijiet privati, peress li ġett privat wieħed kapaċi jarmi żewġ tunnellati metriċi ta' CO2 f'siegħa biss (24); jissottolinja l-importanza li l-mexxejja jmexxu bl-eżempju, u għalhekk jiddispjaċih li xi mexxejja u delegati dinjija vvjaġġaw lejn il-COP26 permezz ta' ġett privat; iħeġġeġ lill-parteċipanti kollha tal-COP27 biex jagħżlu l-mod ta' trasport li jniġġes l-inqas biex jaslu fid-destinazzjoni tagħhom; jinnota bi tħassib li l-użu tal-ġettijiet privati fl-Ewropa huwa stmat li żdied bi 30 % meta mqabbel mal-livelli ta' qabel il-pandemija (25), u għalhekk jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex inaqqsu l-użu ta' ġettijiet privati fit-territorji tagħhom mingħajr dewmien; |
|
60. |
Jilqa' t-tnedija tal-Beyond Oil and Gas Alliance (Alleanza lil hinn miż-Żejt u l-Gass) (BOGA) fil-COP26 u jisħaq fuq l-imperattiv tal-objettiv tagħha li tillimita l-provvista tal-fjuwils fossili u tistabbilixxi tmiem għall-produzzjoni taż-żejt u tal-gass; ifakkar li l-fjuwils fossili huma l-akbar kontributur għat-tibdil fil-klima, responsabbli għal aktar minn 75 % tal-gassijiet serra kollha u li l-pjanijiet attwali jwasslu għall-produzzjoni ta' madwar 240 % aktar faħam, 57 % aktar żejt, u 71 % aktar gass milli jkun konsistenti mal-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 oC; jappoġġja tranżizzjoni globali soċjalment ġusta u ekwa biex il-produzzjoni taż-żejt u tal-gass tiġi allinjata mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi; jistieden lill-Istati Membri kollha u lil Partijiet oħra għall-Ftehim ta' Pariġi biex jingħaqdu f'din l-inizjattiva; |
|
61. |
Jesprimi tħassib dwar l-investituri tal-fjuwils fossili li jfittxu lill-gvernijiet quddiem it-tribunali tal-investiment, fil-kuntest tal-ftehimiet ta' investiment, talli jsegwu politiki dwar il-klima, l-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili jew it-tranżizzjoni ġusta; jitlob li jkun hemm konsistenza bejn il-ftehimiet bilaterali u multilaterali ta' investiment u l-objettivi klimatiċi maqbula internazzjonalment billi tiġi eskluża l-protezzjoni tal-investimenti fil-fjuwils fossili; |
|
62. |
Ifakkar li skont l-AR6 tal-IPCC, l-għażliet ta' mitigazzjoni li jiswew USD 100 għal kull tunnellata ta' CO2 jew inqas jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra b'mill-inqas nofs il-livell tal-2019 sal-2030; jisħaq, għalhekk, li l-istabbiliment ta' prezz effettiv tal-karbonju, bħala parti minn taħlita ta' politika usa', jista' jikkontribwixxi għat-tnaqqis sinifikanti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra u għall-istimular tal-innovazzjoni fit-teknoloġiji nodfa; iħeġġeġ lill-UE tieħu rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-ipprezzar tal-karbonju flimkien ma' użu effettiv u soċjalment inklużiv tad-dħul biex tippromwovi tranżizzjoni aktar rapida u ġusta; iħeġġeġ ukoll lill-UE tesplora rabtiet u forom oħra ta' kooperazzjoni ma' mekkaniżmi eżistenti ta' pprezzar tal-karbonju f'pajjiżi u reġjuni terzi, biex taċċellera t-tnaqqis kosteffiċjenti u soċjalment ġust fl-emissjonijiet madwar id-dinja u biex fl-istess ħin tnaqqas ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, li kollha kemm huma għandhom jikkontribwixxu biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi globali; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi salvagwardji li jiżguraw li kwalunkwe rabta mal-EU ETS se tkompli twassal għal kontributi ta' mitigazzjoni addizzjonali u permanenti, li ma jimminawx l-impenji tal-UE relatati mal-emissjonijiet domestiċi ta' gassijiet serra; |
|
63. |
Jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha ma' emittenti kbar oħra tas-CO2 biex toħloq klabb internazzjonali dwar il-klima miftuħ għall-pajjiżi kollha impenjati li jwittu t-triq għal ambizzjoni klimatika għolja u pprezzar effettiv tal-karbonju, b'għanijiet komuni dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-kisba tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050; |
It-tibdil fil-klima u l-ġeneru
|
64. |
Iwissi li n-nies huma affettwati mit-tibdil fil-klima b'modi differenti skont fatturi bħall-ġeneru, l-età, id-diżabilità, l-etniċità u l-faqar; jemmen li t-tranżizzjoni għal soċjetà sostenibbli għandha ssir b'mod inklużiv, ġust u ugwali, u li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija essenzjali għal dik it-tranżizzjoni; jilqa', għalhekk, l-adozzjoni fil-COP26 tad-deċiżjoni rakkomandata mill-Korp Sussidjarju għall-Implimentazzjoni dwar il-ġeneru u t-tibdil fil-klima biex id-dimensjoni tal-ġeneru tiġi integrata aħjar fl-NDCs u li l-finanzjament għall-klima għandu jkun reattiv għal kwistjonijiet ta' ġeneru; jesprimi, madankollu, dispjaċir għall-fatt li madwar nofs il-Partijiet għad iridu jaħtru u jipprovdu appoġġ għal punt fokali nazzjonali dwar il-ġeneru u t-tibdil fil-klima għan-negozjati, l-implimentazzjonijiet u l-monitoraġġ dwar il-klima; |
|
65. |
Jenfasizza l-Programm ta' Ħidma msaħħaħ ta' Lima tal-UNFCCC dwar il-Ġeneru u l-Pjan ta' Azzjoni tiegħu dwar il-Ġeneru, li jirrikonoxxi l-ħtieġa kontinwa li tiġi promossa u avvanzata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala prijorità trażversali fit-tibdil fil-klima; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tfassal pjan ta' azzjoni konkret biex jitwettqu l-impenji tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Ġeneru mġedded u jinħoloq punt fokali permanenti tal-UE dwar il-ġeneru u t-tibdil fil-klima, b'riżorsi baġitarji suffiċjenti biex tiġi implimentata u mmonitorjata l-azzjoni dwar il-klima responsabbli għall-ġeneri fl-UE u fuq livell globali (26); jitlob lill-UE tintegra l-ġeneru fit-tfassil kollu tal-politika dwar il-klima u l-ambjent; itenni l-appell tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jiżguraw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali dwar il-klima li jkunu ġusti għall-ġeneru u l-involviment sinifikattiv tal-ġeneri kollha fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll biex jissaħħaħ ir-rwol tan-nisa u tal-organizzazzjonijiet tan-nisa fil-governanza u fit-teħid tad-deċiżjonijiet, l-aċċess tagħhom għall-finanzjamenti u għal programmi li jappoġġjaw ir-rwol tan-nisa fil-governanza klimatika; |
|
66. |
Jisħaq li, skont il-Ftehim ta' Pariġi, il-pajjiżi żviluppati huma mistennija jirrapportaw dwar kif il-finanzjament huwa reattiv għal kwistjonijiet ta' ġeneru u jekk il-finanzjament ipprovdut iqisx il-kunsiderazzjonijiet tal-ġeneru; jesprimi tħassib li t-tikkettar tal-ġeneri tal-proġetti għadu b'mod ċar insuffiċjenti u jistieden lill-UE żżid l-isforzi f'dan ir-rigward; jirrakkomanda l-użu ta' analiżijiet tal-ġeneru biex jgħinu fid-determinazzjoni tal-ħtiġijiet u l-interessi differenti fis-soċjetà, kif ukoll il-livelli differenti ta' aċċess għall-mekkaniżmi ta' finanzjament fi ħdan is-soċjetajiet; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tfassal pjan ta' azzjoni konkret biex jitwettqu l-impenji tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Ġeneru mġedded li ntlaħaq qbil dwarhom fil-COP25, b'riżorsi baġitarji suffiċjenti biex tiġi implimentata u mmonitorjata l-azzjoni dwar il-klima reattiva għal kwistjonijiet ta' ġeneru fl-UE u fuq livell globali; jemmen li dan jista' jkun ta' eżempju għal Partijiet oħra biex jadottaw miżuri simili; |
L-industrija, l-SMEs u l-kompetittività
|
67. |
Iqis li l-COP27 hija pass importanti ħafna mill-iffirmar tal-Ftehim ta' Pariġi fl-2015, peress li l-Unjoni nediet il-pakkett tagħha “Lesti għall-mira ta' 55 %”, il-pakkett RePowerEU u miżuri oħra, sabiex mhux biss jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra u tinkiseb in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050 iżda wkoll sabiex tiġi ttrasformata s-sistema tal-enerġija tagħha; jemmen li l-prosperità ekonomika, il-koeżjoni soċjali, il-ħolqien tal-impjiegi, l-iżvilupp industrijali sostenibbli u l-politika dwar il-klima għandhom isaħħu lil xulxin b'mod reċiproku; jenfasizza li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għandu jkollha l-għan li tnaqqas il-faqar enerġetiku, iżżid ir-reżiljenza u l-kompetittività, u tipprovdi opportunitajiet għall-industrija u l-SMEs tal-UE li jistgħu jiġu adottati jekk il-leġiżlaturi jimpenjaw ruħhom għal rispons politiku f'waqtu, imfassal apposta, ibbażat fuq is-solidarjetà u adegwat; iqis li huwa ta' importanza kbira għall-Unjoni li tiżgura li tikseb vantaġġ ta' min jidħol l-ewwel u li tmexxi bl-eżempju filwaqt li tipproteġi s-suq intern minn kompetizzjoni inġusta minn pajjiżi terzi u tiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-industriji Ewropej fuq livell globali; |
|
68. |
Jisħaq li l-Unjoni għandha tagħmel ħilitha biex iżżomm il-pożizzjoni ewlenija u l-kompetittività globali tal-industriji tagħha fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet ta' gassijiet serra żero netti; jindika li għandhom jintużaw għodod ta' politika disponibbli u innovattivi biex jinżammu u jiġu estiżi l-oqsma tat-tmexxija tal-UE; jissottolinja l-ħtieġa li l-industrija Ewropea tiġi dekarbonizzata malajr aktar u li jitkompla l-appoġġ tal-Unjoni għal dan l-isforz, b'mod partikolari għal soluzzjonijiet proporzjonati mal-adozzjoni mill-SMEs; jilqa' l-inizjattivi meħuda għall-ktajjen ta' valur strateġiċi; jirrikonoxxi l-effetti pożittivi fuq l-industriji Ewropej, inklużi l-SMEs, li jirriżultaw mill-adozzjoni ta' strateġiji bikrija għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, kif ukoll mill-għoti ta' eżempju mill-Kummissjoni fil-kisba tan-newtralità klimatika, li twitti t-triq għal pajjiżi inqas avvanzati jew ambizzjużi u tista' tissalvagwardja vantaġġ kompetittiv ta' benefiċċju kbir għall-industriji tal-UE u l-SMEs; jisħaq fuq il-ħtieġa li jitfasslu ftehimiet multilaterali u bilaterali infurzabbli bejn l-UE u s-sħab tagħha mmirati lejn l-esportazzjoni tal-istandards ambjentali tal-Unjoni u l-iżgurar ta' kundizzjonijiet ekwi fil-kummerċ u l-investimenti; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi prevenuta r-rilokazzjoni tal-produzzjoni u tal-investimenti tal-industriji Ewropej u tal-SMEs minħabba miżuri klimatiċi inqas ambizzjużi barra mill-Unjoni, u b'hekk jinkoraġġixxi lis-sħab internazzjonali jallinjaw l-isforzi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; iqis, min-naħa l-oħra, li l-produzzjoni u l-investimenti fl-Ewropa jsaħħu l-katina tal-valur industrijali u l-awtonomija strateġika tal-UE f'kuntest globali instabbli; |
|
69. |
Jirrikonoxxi r-rwol essenzjali tal-SMEs, b'mod partikolari l-mikrointrapriżi u n-negozji ġodda, fl-ixprunar u t-twettiq tal-impjiegi u t-tkabbir kif ukoll biex iwittu t-triq lejn it-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi; ifakkar li l-SMEs huma parti essenzjali min-nisġa ekonomika u soċjali Ewropea u jeħtiġilhom jiġu appoġġjati u inċentivati f'din it-tranżizzjoni mil-leġiżlaturi, b'mod partikolari billi jiġi żgurat l-aċċess għall-finanzi għal teknoloġiji, servizzi u proċessi sostenibbli, u jiġu ssimplifikati l-proċeduri amministrattivi; jinsab imħasseb li l-opportunitajiet u l-vulnerabbiltajiet tal-SMEs mhumiex meqjusa biżżejjed fil-politiki kollha tal-UE fir-rigward tas-suq uniku, inkluż fl-isforz biex jiġu promossi d-diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika; |
|
70. |
Jilqa' l-impenn, l-isforzi u l-progress li saru s'issa miċ-ċittadini, il-komunitajiet, il-muniċipalitajiet, il-bliet, ir-reġjuni, l-industriji u l-istituzzjonijiet Ewropej biex jiġu ssodisfati l-obbligi tal-Ftehim ta' Pariġi; |
|
71. |
Jilqa' l-fatt li diversi sħab kummerċjali tal-UE introduċew kummerċ tal-karbonju jew mekkaniżmi oħra tal-ipprezzar tal-karbonju u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi din il-politika u politiki simili fuq skala globali; jistenna bil-ħerqa ftehim rapidu mal-Kunsill dwar il-proposta għal mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri tal-UE soċjalment ġust li jinkludi mekkaniżmu effettiv għar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u għall-effett tiegħu li jgħolli l-prezz globali tal-karbonju, li se jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet globali tal-karbonju u għall-ilħuq tal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi; |
|
72. |
Iqis li t-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli jeħtieġ li tiġi kkombinata mal-preżervazzjoni tal-kompetittività tal-Ewropa u l-ħolqien tal-impjiegi, peress li huwa kruċjali għas-suċċess tal-Patt Ekoloġiku Ewropew li s-suq uniku jibqa' kosteffiċjenti meta jiġi aġġustat għal ambjent regolatorju ġdid; |
|
73. |
Jenfasizza l-ħtieġa tal-promozzjoni ta' swieq kompetittivi għall-komoditajiet u l-metalli rari li huma essenzjali għat-tranżizzjoni ekoloġika, peress li r-riżorsi tal-komoditajiet tad-dinja huma proprjetà ta' ftit pajjiżi; jenfasizza li d-dipendenza kontinwa minn ftit fornituri se tmur kontra xi miżuri ta' politika attwali, bħall-pjan RePowerEU, u s-sagrifiċċji li jagħmlu ċ-ċittadini tal-Unjoni; |
|
74. |
Jenfasizza l-ħtieġa li l-programmi ta' kwalifika jħarrġu mill-ġdid lill-forza tax-xogħol biex tiġi ssodisfata d-domanda dejjem akbar għax-xogħol fl-effiċjenza enerġetika, fl-enerġija rinnovabbli u f'soluzzjonijiet ta' teknoloġija ekoloġika; jistieden lill-Istati Membri kollha jieħdu passi biex jiżguraw li l-forza tax-xogħol Ewropea attwali u futura tikseb il-ħiliet kollha meħtieġa biex timmaniġġja, timplimenta u tinnova t-tranżizzjoni ekoloġika; |
Il-politika dwar l-enerġija
|
75. |
Jilqa' l-inizjattivi kollha biex titnaqqas id-dipendenza tal-UE mill-fjuwils fossili, inkluż biex titnaqqas u fl-aħħar mill-aħħar tiġi eliminata d-dipendenza mill-fjuwils fossili Russi kollha u mill-prodotti relatati, peress li r-Russja qed tuża r-riżorsi naturali tagħha bħala arma u minħabba l-invażjoni tagħha fl-Ukrajna; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, f'dan ir-rigward, jiżviluppaw pjan ta' investiment għall-miżuri tal-effiċjenza enerġetika u għall-enerġija rinnovabbli sabiex tissaħħaħ l-awtonomija enerġetika; ifakkar li l-Kummissjoni tistma li hemm bżonn ta' EUR 300 biljun biex sal-2030 titneħħa gradwalment id-dipendenza enerġetika tagħna mir-Russja; jinnota l-ħidma kontinwa tal-UE mas-sħab internazzjonali biex tiddiversifika l-provvisti tal-enerġija; jinnota li l-analiżi tal-Kummissjoni li tappoġġja l-previżjonijiet tar-RePowerEU li minħabba ċirkostanzi ġodda, xi kapaċitajiet ibbażati fuq il-fjuwils fossili sfortunatament jistgħu jintużaw aktar milli kien mistenni fil-bidu; |
|
76. |
Jissottolinja r-reviżjoni li għaddejja tal-leġiżlazzjoni dwar l-enerġija skont il-pakkett “Lesti għall-mira ta' 55 %” biex tiġi allinjata mal-mira akbar tal-Unjoni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet b'mill-inqas 55 % sal-2030 sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050; jitlob, madankollu, li titkompla l-ħidma fuq l-istabbiliment ta' miri aktar ambizzjużi, eż. għall-enerġiji rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, speċjalment minħabba li l-Unjoni għandha tkompli tmexxi bl-eżempju; |
|
77. |
Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima; ifakkar li l-enerġija l-aktar ekoloġika possibbli hija l-enerġija li ma nużawx, u speċjalment ir-rwol li l-għodod tal-effiċjenza enerġetika jista' jkollhom fil-promozzjoni ta' dan; jirrikonoxxi l-progress miksub fil-bini ġdid ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli; jitlob, fl-istess ħin, li jinbnew aktar azzjonijiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija bħall-integrazzjoni tas-settur u l-użu mill-ġdid ta' sħana żejda; jindika li t-tisħin ammonta għal 50 % tal-konsum globali tal-enerġija fl-2018 (27) u li, f'konformità mal-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel”, jista' jintuża mill-ġdid b'vantaġġ u jiġi integrat mill-ġdid bħala sors ta' tisħin sostenibbli li jkun ta' benefiċċju għall-pajjiżi kollha, peress li tiġi ġġenerata sħana żejda fil-pajjiżi kollha; jirrikonoxxi, madankollu, l-importanza tal-allinjament tal-miri tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika biex tinkiseb in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050 u biex ikun hemm konformità mal-Ftehim ta' Pariġi kif ukoll mal-objettivi tar-RepowerEU, filwaqt li tinħataf l-opportunità tat-tnaqqis attwali fil-kostijiet tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u tal-ħżin; jirrikonoxxi li ambizzjoni akbar fil-mira tal-effiċjenza enerġetika tal-Unjoni għall-2030 għandha tkun kompatibbli maż-żieda u l-użu tal-elettrifikazzjoni, l-idroġenu, il-fjuwils elettroniċi u teknoloġiji nodfa oħra meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika; |
|
78. |
Ifakkar fil-ħtieġa ta' żieda u aċċellerazzjoni enormi fil-proċeduri għall-għoti ta' permessi għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li titqies il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura, inkluż dwar il-bijodiversità, u billi jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fil-proċess tal-immappjar u tal-ippjanar; |
|
79. |
Ifakkar fl-impenn tal-Unjoni għall-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel”, li jqis il-kosteffiċjenza, l-effiċjenza tas-sistema, il-kapaċità tal-ħżin, il-flessibbiltà min-naħa tad-domanda u s-sigurtà tal-provvista; jissottolinja l-importanza tal-integrazzjoni u l-implimentazzjoni tal-prinċipju fil-leġiżlazzjoni u fl-inizjattivi rilevanti kollha u fis-setturi kollha, meta xieraq; jindika l-potenzjal mhux sfruttat tal-effiċjenza enerġetika f'setturi bħall-industrija (28), it-teknoloġija tal-informazzjoni, it-trasport u l-bini, inklużi t-tisħin u t-tkessiħ; jilqa' l-Istrateġija tal-Mewġa ta' Rinnovazzjoni u l-miżuri regolatorji, ta' finanzjament u ta' abilitazzjoni relatati u konkreti bl-objettiv li r-rata annwali ta' rinnovazzjoni tal-enerġija tal-bini tal-inqas tirdoppja sal-2030, trawwem rinnovazzjonijiet profondi u tiffaċilita l-elettromobbiltà, fil-pakkett “Lesti għall-mira ta' 55 %”, sabiex jittaffa l-faqar enerġetiku; ifakkar fir-rwol kruċjali li se jkollhom l-SMEs fis-settur tal-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni matul il-Mewġa ta' Rinnovazzjoni, li se tippermetti tnaqqis fl-impatt tal-enerġija u tal-klima tal-bini; |
|
80. |
Jilqa' l-istrateġija RePowerEU u jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE jikkunsidraw il-pjan ta' 10 punti tal-AIE, li jekk jiġi implimentat b'mod korrett għandu l-potenzjal li jnaqqas l-importazzjonijiet tal-gass mir-Russja b'aktar minn nofs, u b'hekk inaqqas id-dipendenza tal-Unjoni mill-gass naturali Russu; |
|
81. |
Jisħaq fuq l-importanza li l-fjuwils fossili jiġu eliminati gradwalment mill-aktar fis possibbli; jinnota li dan l-objettiv irid jintlaħaq filwaqt li jiġi mmassimizzat l-effett pożittiv tiegħu fuq is-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni, il-kompetittività industrijali u l-benesseri taċ-ċittadini; jistieden lill-pajjiżi tal-G7 imexxu bl-eżempju fir-rigward tat-tranżizzjoni tal-enerġija u jwaqqfu l-investimenti l-ġodda kollha fl-estrazzjoni tal-fjuwils fossili; jilqa' l-wegħda tal-pajjiżi tal-G7 li jiddekarbonizzaw is-setturi tal-enerġija tagħhom sal-2035 u li jtemmu l-finanzjament tal-biċċa l-kbira tal-proġetti tal-fjuwils fossili barra mill-pajjiż sal-aħħar ta' din is-sena; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali għall-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili, bħall-BOGA u Powering Past Coal Alliance; |
|
82. |
Jesprimi b'dispjaċir il-fatt li s-sussidji għall-enerġija fossili fl-Unjoni baqgħu stabbli mill-2008, b'total ta' madwar EUR 55-58 biljun fis-sena, li jikkorrispondu għal madwar terz tas-sussidji kollha għall-enerġija fl-Unjoni, u li bħalissa 15-il Stat Membru jissussidjaw il-fjuwils fossili aktar mill-enerġija rinnovabbli; jemmen li s-sussidji għall-fjuwils fossili jimminaw l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-obbligi tal-Ftehim ta' Pariġi; jemmen li huwa kritiku li jiġu pprovduti sinjali tal-prezzijiet aktar konsistenti fis-setturi tal-enerġija u fl-Istati Membri, u li tiġi evitata l-internalizzazzjoni tal-kostijiet esterni; jinnota l-adozzjoni reċenti minn xi Stati Membri ta' miżuri biex jipproteġu lill-konsumaturi mill-impatt dirett taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, b'mod partikolari fuq l-unitajiet domestiċi, u jisħaq li tali prattiki jridu jibqgħu eċċezzjonali u temporanji; jistieden lill-Istati Membri u lill-Partijiet l-oħra għall-COP26 biex jagħtu prijorità lill-investimenti fl-enerġija u l-infrastruttura ekoloġika u jeliminaw gradwalment is-sussidji diretti u indiretti għall-fjuwils fossili; |
|
83. |
Jemmen li sabiex l-Unjoni tikseb in-newtralità klimatika, is-sistema tal-enerġija tagħha għandha tiġi integrata u bbażata fuq sistema ta' prijorità kaskata li tibda mill-implimentazzjoni tal-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel”, abbażi tal-kosteffiċjenza, l-effiċjenza tas-sistema, il-kapaċità tal-ħżin, is-sigurtà tal-flessibbiltà min-naħa tal-provvista u tad-domanda li jwasslu għall-iffrankar tal-enerġija, segwit mill-elettrifikazzjoni diretta tas-setturi tal-użu aħħari minn sorsi rinnovabbli, l-użu ta' fjuwils rinnovabbli u bbażati fuq l-enerġija rinnovabbli, inkluż l-idroġenu, għal applikazzjonijiet tal-użu aħħari u, matul fażi tranżitorja, ta' fjuwils sostenibbli u sikuri b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju għal applikazzjonijiet li ma għandhomx alternattiva oħra, filwaqt li jinżammu l-aċċessibbiltà għall-enerġija, il-prezzijiet raġonevoli u s-sigurtà tal-provvista permezz tal-iżvilupp ta' sistema tal-enerġija ċirkolari, effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija, integrata, interkonnessa, reżiljenti u multimodali; |
|
84. |
Ifakkar fl-importanza li jitqiesu d-diversità tas-sistemi u l-isfidi nazzjonali fil-qasam tal-enerġija; jenfasizza l-ħtieġa ta' tranżizzjoni ġusta u jtenni l-wegħda deskritta fil-Patt Ekoloġiku l-ġdid li ħadd ma għandu jitħalla jibqa' lura; jinsab imħasseb mill-fatt li madwar 50 miljun unità domestika fl-Unjoni għadhom jgħixu f'kundizzjonijiet ta' faqar enerġetiku u jemmen li l-UE għandha żżid l-isforzi tagħha biex tipprevjeni u timminimizza dan; jisħaq fuq l-importanza tad-dimensjoni soċjali ta' ambizzjoni klimatika akbar; jissottolinja li r-rinnovazzjonijiet tal-bini huma essenzjali biex jitnaqqsu l-konsum tal-enerġija tal-bini, l-emissjonijiet u l-kontijiet tal-enerġija; jisħaq li l-politiki kollha dwar l-enerġija għandhom jiġu segwiti skont il-prinċipju ta' tranżizzjoni ġusta kif ukoll f'kooperazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali; iqis, għalhekk, li politiċi pubbliċi, involviment tas-soċjetà ċivili u sħubijiet soċjali msaħħa fil-livell lokali, nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, huma fundamentali biex tinkiseb in-newtralità klimatika fis-setturi kollha tas-soċjetà b'mod ġust, inklużiv u sostenibbli mil-lat soċjali; |
|
85. |
Jilqa' l-adozzjoni tal-Istrateġija Ewropea dwar l-Idroġenu li tirrikjedi l-installazzjoni ta' mill-inqas 6 GW ta' elettrolizzaturi tal-idroġenu rinnovabbli fl-Unjoni sal-2024 u 40 GW ta' elettrolizzaturi tal-idroġenu rinnovabbli sal-2030; jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, jiffaċilitaw l-integrazzjoni tal-idroġenu f'setturi diffiċli sabiex jitrażżnu; |
|
86. |
Jilqa' b'sodisfazzjon l-Istrateġija Offshore tal-UE u l-ambizzjoni tagħha ta' mill-inqas 60 GW sal-2030 u 340 GW sal-2050, li l-Parlament talab li tiżdied sa 450 GW ta' kapaċità (29), kif ukoll l-Istrateġija għall-Enerġija Solari bl-għan li jiġu installati 320 GW ta' fotovoltajċi solari sal-2025 u 600 GW sal-2030; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-istrateġija tkun ta' benefiċċju għall-Unjoni kollha, inklużi l-Istati Membri mingħajr kosta; jenfasizza li l-kumpaniji Ewropej huma mexxejja dinjija fl-enerġija rinnovabbli offshore u dawk li jagħmlu l-ewwel passi fl-industrija, u li s-settur għandu potenzjal mhux sfruttat għal aktar ħolqien tal-impjiegi (kemm direttament kif ukoll indirettament), tkabbir u esportazzjonijiet; jitlob li t-tmexxija Ewropea fl-industrija tal-enerġija rinnovabbli u l-ktajjen tal-provvista tagħha bħala parti mill-politika industrijali tal-UE; jinnota b'sodisfazzjon kbir id-dikjarazzjoni konġunta ffirmata f'Mejju 2022 mill-Belġju, mid-Danimarka, mill-Ġermanja u min-Netherlands fis-Summit tal-Baħar tat-Tramuntana f'Esbjerg (id-Danimarka), li se tagħmel lill-Baħar tat-Tramuntana mutur ekoloġiku għall-Ewropa; |
|
87. |
Jinsab konvint mill-ħtieġa li jinħolqu l-kundizzjonijiet biex il-konsumaturi jiksbu aktar għarfien u jkollhom aktar inċentivi biex jagħżlu forom ta' enerġija aktar sostenibbli u jkunu aktar attivi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-kapaċità tal-grilja meħtieġa għall-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u tas-soluzzjonijiet tat-tisħin elettriku u tidentifika l-ostakli li fadal biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-komunitajiet tal-awtokonsum ta' sorsi rinnovabbli u tal-enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari għall-unitajiet domestiċi b'introjtu baxx jew vulnerabbli; |
|
88. |
Iħeġġeġ il-ħidma li għaddejja biex tiġi riveduta d-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija bl-għan li l-politiki tat-tassazzjoni jiġu allinjati mal-miri tal-enerġija u tal-klima għall-2030 u l-2050, filwaqt li jiġu vvalutati l-impatti tagħha, inkluż fuq il-konsumaturi, il-faqar enerġetiku u l-faqar tat-trasport; |
|
89. |
Jisħaq li għalkemm l-Ewropa qed taħdem biex tissodisfa l-għanijiet ambizzjużi tagħha, il-kisba ta' emissjonijiet globali żero netti sa mhux aktar tard mill-2050 se tkun tirrikjedi azzjoni globali kkoordinata; jenfasizza li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw se jirrikjedu assistenza internazzjonali sabiex jiksbu t-tranżizzjoni ekoloġika tagħhom; jisħaq fuq l-importanza li tissaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera mill-qrib u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki ma' sħab internazzjonali fl-oqsma tat-tfassil tal-politika u x-xjenza, inkluż it-trasferiment tat-teknoloġija, sabiex jiġu promossi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-investimenti f'teknoloġiji u infrastruttura tal-enerġija sostenibbli; jinnota l-adozzjoni reċenti tal-Kummissjoni tal-komunikazzjoni tagħha dwar l-impenn estern tal-enerġija tal-UE, li tinkludi d-determinazzjoni tagħha li tinvolvi ruħha ma' pajjiżi terzi madwar id-dinja u “[li] tħeġġeġ lill-pajjiżi sħab itejbu l-ambizzjoni klimatika tagħhom u jiddefinixxu l-mogħdijiet tagħhom għan-newtralità klimatika, iżda wkoll sabiex jistabbilixxu relazzjonijiet fit-tul li huma ta' benefiċċju reċiproku, b'mod partikolari fil-qasam tal-enerġija”; |
|
90. |
Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tadotta pjan ta' azzjoni fl-2022 għad-diġitalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija sabiex l-UE titpoġġa fil-pożizzjoni ta' mexxejja teknoloġika u tkun permessa sistema tal-enerġija aktar integrata b'soluzzjonijiet intelliġenti f'setturi speċifiċi u b'finanzjament imtejjeb għall-perjodu 2021-2027; ifakkar fl-importanza li jiġu indirizzati r-riskji taċ-ċibersigurtà fis-settur tal-enerġija sabiex tiġi żgurata r-reżiljenza tas-sistemi tal-enerġija; |
Riċerka, innovazzjoni, teknoloġiji diġitali u politika spazjali
|
91. |
Jilqa' r-rwol tal-programm Orizzont Ewropa u l-kontribut tiegħu għan-newtralità klimatika; huwa tal-fehma li s-sħubijiet fl-ambitu ta' Orizzont Ewropa, inklużi l-Impriżi Konġunti, se jrawmu l-kollaborazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati bl-għan li jikkontribwixxu għall-kisba tat-tranżizzjoni ekoloġika, filwaqt li jiżguraw li l-innovazzjonijiet ikunu sostenibbli, disponibbli, aċċessibbli u bi prezz raġonevoli; jissottolinja l-importanza li jittejbu l-aċċess u l-parteċipazzjoni tal-SMEs għas-sejħiet ta' Orizzont Ewropa u ta' komunikazzjoni aħjar għaċ-ċittadini u l-involviment tagħhom fejn jidħlu r-riżultati tal-proġetti Ewropej tar-riċerka u l-iżvilupp u tat-teknoloġiji l-ġodda, inklużi l-proġetti fanal, sabiex tiżdied l-adozzjoni pubblika u r-rwol tal-Unjoni jsir aktar viżibbli għaċ-ċittadini tagħha; |
|
92. |
Jilqa' r-rwol tal-programm Copernicus u taċ-Ċentru ta' Għarfien il-ġdid tal-UE dwar l-Osservazzjoni tad-Dinja għas-Servizz ta' monitoraġġ tal-art, tal-atmosfera u tal-ambjent tal-baħar; jissottolinja l-importanza tal-kapaċitajiet ta' osservazzjoni bis-satellita għall-monitoraġġ, l-immudellar, it-tbassir u l-appoġġ tat-tfassil tal-politika dwar it-tibdil fil-klima; |
|
93. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi attirat aktar investiment, kemm pubbliku kif ukoll privat, fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-użu ta' teknoloġiji sostenibbli ġodda, inkluż f'industriji li jirrikjedu ħafna ħaddiema, f'networks infrastrutturali ġodda meħtieġa u fi proġetti li jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tal-Ftehim ta' Pariġi; jisħaq li r-riċerka u t-teknoloġija futuri għandhom iqisu s-sostenibbiltà u ċ-ċirkolarità; jenfasizza fl-istess ħin l-importanza tar-riċerka bażika, kif ukoll tal-approċċi kollaborattivi u transdixxiplinari fir-riċerka u l-innovazzjoni, fl-indirizzar tal-isfidi klimatiċi; jindika, minbarra l-ħtieġa li tiġi appoġġjata l-innovazzjoni soċjali li hija essenzjali biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u l-isfidi tas-soċjetà mhux issodisfati filwaqt li n-nies jingħataw is-setgħa matul it-tranżizzjoni ekoloġika; |
|
94. |
Jissottolinja l-importanza li jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza f'inċentivi biex jitrawmu teknoloġiji innovattivi biex jintlaħqu l-miri tal-2030 u tal-2050 u li jiġi indirizzat l-użu ta' teknoloġiji diġà maturi kif ukoll ta' investimenti f'teknoloġiji ġodda li jeħtieġ li jiġu żviluppati biex jintlaħaq l-għan tal-Unjoni tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050; |
|
95. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' tranżizzjoni doppja, li fiha t-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi jimxu id f'id; jissottolinja r-rwol fundamentali li jista' jkollhom it-teknoloġiji diġitali fit-tranżizzjoni ekoloġika tal-Unjoni; ifakkar li l-irkupru tal-Unjoni jirrikjedi l-ħolqien ta' qafas regolatorju stabbli li jwassal għall-progress, inkluż il-progress xprunat mis-suq, fir-riċerka, fl-innovazzjoni u fl-iżvilupp ta' teknoloġiji sostenibbli, u l-kundizzjonijiet xierqa għall-finanzjament tagħhom; |
|
96. |
Jissottolinja li d-diġitalizzazzjoni hija waħda mill-fatturi ewlenin li tixpruna l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija billi tista' tippermetti flussi dinamiċi u interkonnessi tal-vetturi tal-enerġija, tippermetti li swieq aktar diversi jkunu interkonnessi, u tipprovdi d-data meħtieġa biex jitqabblu l-provvista u d-domanda; jenfasizza l-potenzjal tat-teknoloġiji diġitali biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u b'hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet globali ta' gassijiet serra; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat qafas regolatorju sikur bi proċeduri mhux diskriminatorji u trasparenti għall-aċċess u għat-trażmissjoni tad-data dwar l-enerġija; ifakkar li l-Kummissjoni tistma li l-impronta ambjentali tal-ICT tammonta għal bejn 5 % u 9 % tal-użu globali tal-elettriku u aktar minn 2 % tal-emissjonijiet globali ta' gassijiet serra; jisħaq li, skont studju tal-2018 dwar l-intelliġenza artifiċjali miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, iċ-ċentri tad-data u t-trażmissjoni tad-data jistgħu jirrappreżentaw bejn 3 % u 4 % tal-konsum totali tal-elettriku tal-Unjoni; jenfasizza li l-Kummissjoni tistenna żieda ta' 28 % fil-konsum taċ-ċentri tad-data bejn l-2018 u l-2030; jissottolinja li 47 % tal-emissjonijiet tal-karbonju diġitali huma dovuti għal tagħmir tal-konsumaturi bħal kompjuters, smartphones, tablets u oġġetti oħra konnessi; jappella għalhekk għal miżuri biex titnaqqas l-impronta tal-karbonju tas-settur tal-ICT billi tiġi żgurata l-effiċjenza enerġetika u fir-riżorsi fil-livell tan-network, taċ-ċentru tad-data u tal-apparat tal-konsumatur, u jtenni l-għan li ċ-ċentri tad-data jsiru newtrali għall-klima u effiċjenti ħafna fl-enerġija sa mhux aktar tard mill-2030, kif iddikjarat fl-istrateġija diġitali; |
|
97. |
Ifakkar fl-importanza tal-kontribut tar-riċerka u l-innovazzjoni biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-Ftehim ta' Pariġi u l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni u żieda ġenerali fil-baġits tal-UE u dawk nazzjonali ddedikati għar-riċerka u l-innovazzjoni f'teknoloġiji tal-enerġija sostenibbli u sikuri u fl-innovazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tkompli tappoġġja t-teknoloġiji u s-soluzzjonijiet innovattivi li jikkontribwixxu għal sistema tal-enerġija reżistenti għall-klima u integrata, inkluż fejn l-Ewropa għandha tmexxija globali u ktajjen tal-valur nazzjonali; iqis li huwa essenzjali li jkun hemm segmenti ewlenin tal-ktajjen tal-valur tal-enerġija rinnovabbli fl-Unjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi u sabiex jitwasslu benefiċċji ekonomiċi sinifikanti lill-Ewropej, u jappella għal miżuri adegwati biex jiġi appoġġjat ir-rwol tal-kontenut ibbażat fl-Ewropa fil-katina tal-provvista tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-leġiżlazzjoni relatata; |
It-tibdil fil-klima u l-iżvilupp
|
98. |
Jafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE f'dik li hija l-implimentazzjoni tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, speċjalment fil-politiki industrijali, agrikoli, tas-sajd, tal-kummerċ u tal-investiment; jinsisti fuq approċċ koerenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli kemm fil-politiki interni kif ukoll f'dawk esterni; |
|
99. |
Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lil pajjiżi oħra tal-G7 jiżviluppaw u jadottaw Sħubijiet għal Tranżizzjoni Enerġetika Ġusta mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jwettqu investimenti ġodda u addizzjonali biex jiżguraw tranżizzjoni ġusta fl-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jemmen li dawn is-sħubijiet għandhom jiddependu l-aktar minn strumenti ta' finanzjament li ma jiġġenerawx id-dejn; |
|
100. |
Jisħaq fuq l-importanza ta' approċċ tad-drittijiet tal-bniedem fl-azzjoni dwar il-klima biex jiġi żgurat li l-miżuri kollha jirrispettaw u jappoġġjaw id-drittijiet tal-bniedem tal-popli kollha; iħeġġeġ lill-Partijiet għall-UNFCCC jintegraw id-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-NDCs, fil-Komunikazzjoni ta' Adattament u fl-NAPs tagħhom; |
|
101. |
Jitlob li l-politika dwar l-iżvilupp u l-klima tindirizza l-inugwaljanza, l-isfidi ta' dejn li diġà jeżistu u l-faqar, li huma aggravati mill-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima; |
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
|
102. |
Jemmen, peress li jrid jagħti l-kunsens tiegħu għal ftehimiet internazzjonali u għandu rwol ċentrali fl-implimentazzjoni domestika tal-Ftehim ta' Pariġi bħala koleġiżlatur, li għandu jkun parti integrali mid-delegazzjoni tal-UE; jistenna, għalhekk, li jitħalla jattendi laqgħat ta' koordinazzjoni tal-UE fil-COP27 f'Sharm El-Sheikh u li jkun iggarantit aċċess għad-dokumenti preparatorji kollha mill-mument li jibdew in-negozjati; |
o
o o
|
103. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarjat tal-UNFCCC, u jitlob li r-riżoluzzjoni tiġi ċċirkolata lill-Partijiet kollha għall-Konvenzjoni li mhumiex membri tal-UE. |
(1) ĠU C 184, 5.5.2022, p. 118.
(2) ĠU C 232, 16.6.2021, p. 28.
(3) ĠU C 445, 29.10.2021, p. 156.
(4) ĠU L 114, 12.4.2022, p. 22.
(5) ĠU C 385, 22.9.2021, p. 167.
(8) ĠU C 385, 22.9.2021, p. 10.
(9) ĠU C 506, 15.12.2021, p. 38.
(10) Testi adottati, P9_TA(2022)0263.
(11) ĠU C 67, 8.2.2022, p. 25.
(12) Rapport ta' adattament tal-IPCC, 2022.
(13) L-Uffiċċju tan-NU għat-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri, “The human costs of disasters: an overview of the last 20 years 2000–2019” (It-telf f'termini ta' ħajjiet umani minħabba d-diżastri: ħarsa ġenerali lejn l-aħħar 20 sena 2000–2019), https://www.undrr.org/media/48008/download
(14) https://www.who.int/news-room/fact-sheets/detail/climate-change-and-health#:~:text=Climate%20change%20affects%20the%20social,malaria%2C%20diarrhoea%20and%20heat%20stress
(15) Il-Bank Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-Bank Dinji, “Groundswell, Acting on Internal Climate Migration, Part II” (Groundswell, Azzjoni fuq il-Migrazzjoni Klimatika Interna), 2021 – https://openknowledge.worldbank.org/handle/10986/36248
(16) Istitut għall-Politika Ambjentali Ewropea (IEEP) u Oxfam, “Carbon Inequality in 2030” (Inugwaljanza fil-Karbonju fl-2030), Novembru 2021 https://oxfamilibrary.openrepository.com/bitstream/handle/10546/621305/bn-carbon-inequality-2030-051121-en.pdf
(17) Global Witness, “Last Line of Defence, The industries causing the climate crisis and attacks against land and environmental defenders” (L-Aħħar Linja ta' Difiża – L-industriji li jikkawżaw il-kriżi klimatika u l-attakki kontra d-difensuri tal-art u tal-ambjent), Settembru 2021 https://www.globalwitness.org/en/campaigns/environmental-activists/last-line-defence/
(18) Mediterranean experts on climate and environmental change, “Risks associated to climate and environmental changes in the Mediterranean region” (Riskji assoċjati mat-tibdil fil-klima u fl-ambjent fir-reġjun tal-Mediterran), 2019, https://ufmsecretariat.org/wp-content/uploads/2019/10/MedECC-Booklet_EN_WEB.pdf
(19) WWF Mediterranean Marine Initiative, “The Climate Change Effect in the Mediterranean — Six stories from an Overheating Sea” (L-Effett tat-Tibdil fil-Klima fil-Mediterran — Sitt stejjer minn Baħar li qed Jisħon Iżżejjed), Ruma, l-Italja, 2021.
(20) https://www.klimazaloba.cz/wp-content/uploads/2021/04/Klimaticka%CC%81-z%CC%8Caloba.pdf
(21) Testi adottati, P9_TA(2022)0248.
(22) Valutazzjoni Globali tal-Metan tal-UNEP 2021.
(23) https://www.who.int/health-topics/one-health#tab=tab_1
(24) Transport & Environment, Private jets: can the super rich supercharge zero-emission aviation?, April 2021.
(25) Idem.
(26) Ir-riżoluzzjoni tal-21 ta' Jannar 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (ĠU C 456, 10.11.2021, p. 208).
(27) AIE, “Market analysis and forecast from 2019 to 2024” (Analiżi u previżjoni tas-suq mill-2019 sal-2024), https://www.iea.org/reports/renewables-2019/power
(28) Ifakkar li huwa stmat li l-potenzjal ekonomiku tat-tnaqqis tal-konsum finali tal-enerġija għall-industrija sal-2030 huwa ta' 23,5 % meta mqabbel max-xenarju ta' żamma tal-istatus quo.
(29) Ir-riżoluzzjoni tas-16 ta' Frar 2022 dwar strateġija Ewropea għall-enerġija rinnovabbli offshore (ĠU C 342, 6.9.2022, p. 66).