Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - PARTI III - POLITIKA U FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI - TITOLU V - AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI - KAPITOLU VI - FTEHIM INTERNAZZJONALI - Artikolu III-325
Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0146 - 0148
Artikolu III-325 1. Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli III-315, ftehim bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jiġu nnegozjati u konklużi skond il-proċedura li ġejja. 2. Il-Kunsill għandu jawtorizza l-ftuħ tan-negozjati, jadotta direttivi ta' negozjati, jawtorizza l-iffirmar ta' ftehim u jikkonkludihom. 3. Il-Kummissjoni, jew il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni meta l-ftehim maħsub għandu x'jaqsam esklużivament jew prinċipalment mal-politika estera u ta' sigurtà komuni, għandhom jissottomettu rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni Ewropea li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati u, skond is-suġġett tal-ftehim maħsub, li jinnominaw in-negozjatur ta' l-Unjoni jew il-kap tal-grupp ta' negozjaturi ta' l-Unjoni. 4. Il-Kunsill jista' jindirizza direttivi lin-negozjatur u jaħtar kumitat speċjali li f'konsultazzjoni miegħu għandhom isiru n-negozjati. 5. Il-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni Ewropea li tawtorizza l-iffirmar tal-ftehim u, jekk meħtieġ, l-applikazzjoni proviżorja tiegħu qabel il-bidu fis-seħħ. 6. Il-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni Ewropea li tikkonkludi l-ftehim. Ħlief meta ftehim għandu x'jaqsam esklussivament mal-politika estera u ta' sigurtà komuni, l-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni Ewropea li tikkonkludi l-ftehim: a) i) ftehim ta' assoċjazzjoni; ii) adeżjoni ta' l-Unjoni għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali; iii) ftehim li jistabbilixxi qafas istituzzjonali speċifiku permezz ta' l-organizzazzjoni ta' proċeduri ta' koperazzjoni; iv) ftehim b'implikazzjonijiet importanti għall-budget għall-Unjoni; v) ftehim li jkopri l-oqsma li għalihom tapplika jew il-proċedura leġislattiva ordinarja, jew il-proċedura leġislattiva speċjali meta jkun meħtieġ il-kunsens tal-Parlament Ewropew. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu, f'sitwazzjoni urġenti, jiftehmu fuq limitu ta' żmien għal kunsens. b) wara l-konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew f'każijiet oħra. Il-Parlament Ewropew għandu jagħti l-opinjoni tiegħu f'terminu li l-Kunsill jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-kwistjoni. Fl-assenza ta' opinjoni f'dak it-terminu, l-Kunsill jista' jaġixxi. 7. Meta jikkonkludi ftehim, il-Kunsill jista', b'deroga mill-paragrafi 5, 6 u 9, jawtorizza lin-negozjatur biex japprova għan-nom ta' l-Unjoni modifiki għall-ftehim meta dawn jipprovdu li dawn il-modifiki għandhom jiġu adottati skond proċedura simplifikata jew minn grupp stabbilit mill-ftehim. Il-Kunsill jista' jehmeż kondizzjonijiet speċifiċi ma' awtorizzazzjoni bħal din. 8. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġgoranza kwalifikata tul il-proċedura. Mandankollu, għandu jaġixxi b'mod unanimu meta l-ftehim ikopri qasam li għalih hija meħtieġa l-unamità għall-adozzjoni ta' att ta' l-Unjoni kif ukoll għal ftehim ta' assoċjazzjoni u l-ftehim previsti fl-Artikolu III-319 ma' l-Istati li huma kandidati għall-adeżjoni. 9. Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni jew mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni għandu jadotta deċiżjoni Ewropea li tissospendi l-applikazzjoni ta' ftehim u li tistabbilixxi l-posizzjonijiet li għandhom jiġu adottati għan-nom ta' l-Unjoni minn grupp stabbilit bi ftehim, meta dak il-grupp jissejjaħ biex jadotta atti li jkollhom effetti legali, ħlief atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim. 10. Il-Parlament Ewropew għandu jkun infurmat immedjatament u għal kollox fl-istadji kollha tal-proċedura. 11. Stat Membru, l-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni, jistgħu jiksbu l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk il-ftehim maħsub huwiex kompatibbli mal-Kostituzzjoni. Meta l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija kuntrarja, l-ftehim maħsub ma jistax jidħol fis-seħħ sakemm ma jiġix emendat jew il-Kostituzzjoni ma tiġix riveduta. --------------------------------------------------