12006E225

Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea (Verżjoni konsolidata) - Il-Hames parti - Istituzzjonijiet tal-Komunita' . - TITOLU 1 - Disposizzjonijiet li jirregolaw l-Istituzzjonijiet - Kapitolu 1 - L-Istituzzjonijiet - Sezzjoni 4 - Il-Qorti tal-Ġustizzja - Artikolu 225

Official Journal C 321 E , 29/12/2006 P. 0143 - 0144
Official Journal C 325 , 24/12/2002 P. 0124 - Consolidated version
Official Journal C 340 , 10/11/1997 P. 0270 - Consolidated version
Official Journal C 224 , 31/08/1992 P. 0061 - Consolidated version


Artikolu 225

1. Il-Qorti ta' Prim' Istanza hija kompetenti biex tieħu konjizzjoni fl-ewwel istanza tar-rikorsi msemmija fl-Artikoli 230, 232, 235, 236 u 238, bl-eċċezzjoni ta’ dawk assenjati lil xi awla ġurisdizzjonali u ta’ dawk li l-Istatut jirriserva għall-Qorti tal-Ġustizzja. L-Istatut jista’ jipprovdi li Qorti ta’ Prim' Istanza tkun kompetenti għal kategoriji oħra ta’ rikorsi.

Id-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti ta’ Prim' Istanza skond dan il-paragrafu jistgħu ikunu suġġetti għall-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja limitatament għal punti ta’ dritt, skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti previsti fl-Istatut.

2. Il-Qorti ta' Prim' Istanza hija kompetenti tieħu konjizzjoni ta’ rikorsi magħmula kontra d-deċiżjonijiet ta’ l-awli ġurisdizzjonali stabbiliti bl-Artikolu 225a.

Id-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti ta' Prim' Istanza skond dan il-paragrafu jistgħu eċċezzjonalment ikunu suġġetti għal eżami mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja, skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti stabbiliti mill-Istatut, fejn ikun hemm periklu serju li l-unità jew il-koerenza tal-liġi tal-Komunità tiġi mittiefsa.

3. Il-Qorti ta' Prim' Istanza hija kompetenti biex tieħu konjizzjoni tal-kwistjonijiet imressqa għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234, f’oqsma speċifiċi stabbiliti fl-Istatut.

Meta l-Qorti ta’ Prim' Istanza ikun jidhrilha li l-kawża teħtieg deċiżjoni li tista’ tikkomprometti l-unità jew il-koerenza tal-liġi tal-Komunità, tista’ tibgħat il-kawza għal deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Id-deċiżjonijiet tal-Qorti ta' Prim' Istanza dwar kwistjonijiet imressqa għal deċiżjoni preliminari jistgħu eċċezzjonalment ikunu suġġetti għal eżami mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja, skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti stabbiliti fl-Istatut, fejn hemm periklu serju għall-unita jew għall-koerenza tal-liġi tal-Komunità.

--------------------------------------------------