European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/75

14.1.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/75

tat-13 ta’ Jannar 2025

dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-proġett PESCO Mobbiltà Militari

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 46(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li tistabbilixxi kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista tal-Istati Membri parteċipanti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tagħha,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1639 tal-5 ta’ Novembru 2020 li tistabbilixxi kondizzjonijiet ġenerali li skonthom Stati terzi jkunu jistgħu b’mod eċċezzjonali jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fi proġetti individwali tal-PESCO (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(4) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

L-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 jipprovdi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi, f’konformità mal-Artikolu 46(6) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), jekk Stat terz, li l-Istati Membri parteċipanti li jkunu qed jieħdu sehem fi proġett f’kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) jixtiequ jistiednu biex jieħu sehem f’dak il-proġett, jissodisfax ir-rekwiżiti li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill.

(2)

Fis-6 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/340 (3), listabbilixxiet il-lista ta’ proġetti li għandhom jiġu żviluppati fil-PESCO. L-Artikolu 1 ta’ dik id-Deċiżjoni jipprevedi proġett intitolat “Mobbiltà Militari” li għandu 25 membru fil-proġett, inkluż in-Netherlands bħala koordinatur tal-proġett.

(3)

Fil-5 ta’ Novembru 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, li stabbilixxiet il-kondizzjonijiet ġenerali li skonthom Stati terzi jkunu jistgħu b’mod eċċezzjonali jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fi proġetti individwali tal-PESCO. L-Artikolu 2(4) ta’ dik id-Deċiżjoni jipprovdi li, abbażi ta’ notifika mill-koordinatur jew il-koordinaturi ta’ proġettPESCO, u wara opinjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS), il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 46(6) TUE u l-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 dwar jekk il-parteċipazzjoni tal-Istat terz f’dak il-proġett tissodisfax il-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639.

(4)

Fis-26 ta’ Settembru 2024, l-Iżvizzera bagħtet lill-koordinatur tal-proġett PESCO Mobbiltà Militari t-talba tagħha għall-parteċipazzjoni f’dak il-proġett PESCO, f’konformità mal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639. Il-membri tal-proġett imbagħad ivvalutaw, abbażi tal-informazzjoni provduta mill-Iżvizzera jekk din tikkonformax mal-kondizzjonijiet ġenerali, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639.

(5)

Fil-25 ta’ Ottubru 2024, il-koordinatur tal-proġett PESCO Mobbiltà Militari nnotifika lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, f’konformità mal-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, li l-membri ta’ dak il-proġett PESCO qablu unanimament; li jixtiequ jistiednu lill-Iżvizzera biex tipparteċipa f’dak il-proġett; dwar l-ambitu, il-forma u l-istadji rilevanti tal-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera f’dak il-proġett; u li l-Iżvizzera tikkonforma mal-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639.

(6)

Fit-12 ta’ Novembru 2024, il-KPS qabel dwar opinjoni dwar in-notifika mill-koordinatur tal-proġett PESCO Mobilità Militari rigward it-talba mill-Iżvizzera biex tipparteċipa f’dak il-proġett(“in-notifika”). B’mod partikolari, il-KPS ħa nota tad-deskrizzjoni tal-proġett tal-PESCO Mobbiltà Militari kif ipprovduta fin-notifika, inkluż l-objettivi, l-organizzazzjoni, it-teħid ta’ deċiżjonijiet tiegħu kif ukoll l-oqsma ta’ prijorità tal-ħidma tiegħu. Innota wkoll li l-ebda informazzjoni klassifikata jew sensittiva tal-UE ma tinqasam f’dak il-proġett u li l-proġett mhuwiex implimentat bl-appoġġ tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (g), tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639. Barra minn hekk, innota li l-proġett PESCO Mobilità Militari ma jinvolvix l-akkwist ta’ armamenti, ir-riċerka, jew l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, jew l-użu u l-esportazzjoni ta’ armi jew kapaċitajiet jew teknoloġija. Innota wkoll li ma jinvolvix entitajiet, investimenti, jew finanzjament mill-Istati Membri li jipparteċipaw fil--PESCO jew talbiet għal finanzjament mill-Unjoni għal attivitajiet tal-proġett.

(7)

Il-KPS qabel mal-ambitu, il-forma u l-livell proposti tal-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-proġett PESCO Mobilità Militari kif deskritti fin-notifika. Għaraf li l-Iżvizzera kienet esprimiet li hija tappoġġa bis-sħiħ l-ambitu ta’ dak il-proġett kif definit fin-notifika.

(8)

Fl-istess opinjoni, il-KPS ikkonferma l-fehma maqbula b’mod unanimu mill-membri tal-proġett li l-Iżvizzera tikkonforma mal-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, kif ġej:

—

L-Iżvizzera tissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3, il-punt (a), tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, li jeħtieġ il-kondiviżjoni tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, kif stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, u l-prinċipji msemmija fl-Artikolu 21(1) TUE, kif ukoll l-objettivi tal- politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PESK) kif stabbilit fl-Artikolu 21(2),l-il-punti (a), (b), (c) u (h) TUE; li ma tmurx kontra l-interessi ta’ sigurtà u ta’ difiża tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, inkluż ir-rispett għall-prinċipju ta’ relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat mal-Istati Membri, u li jkollha djalogu politiku mal-Unjoni, li għandu jkopri wkoll l-aspetti ta’ sigurtà u ta’ difiża meta jipparteċipa f’proġett PESCO;

—

fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3, il-punt (b), tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, dwar il-valur miżjud sostanzjali tal-Iżvizzera għall-proġett PESCO Mobbiltà Militari, in-notifika tipprovdi deskrizzjoni dettaljata tal-kontribut tal-Iżvizzera, inkluż dwar l-ambitu, il-forma u l-livell tal-parteċipazzjoni tagħha fil-proġett, li tissostanzja l-issodisfar ta’ dik il-kundizzjoni;

—

fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3, il-punt (c), tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-proġett PESCO “Mobbiltà Militari” ser tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-politika ta’ sigurtà u difiża komuni (PSDK) u l-livell ta’ ambizzjoni tal-Unjoni inkluż b’appoġġ għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, kif speċifikat ukoll fin-notifika;

—

fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3, il-punt (d), tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, il-proġett PESCO Mobbiltà Militari ma jinvolvix l-akkwist ta’ armamenti, ir-riċerka u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, jew l-użu u l-esportazzjoni ta’ armi jew kapaċitajiet u teknoloġija; ma jiżviluppa l-ebda kapaċità jew teknoloġija. Konsegwentement, il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera f’ dan il-proġett mhux ser twassal għal dipendenzi fuqha jew għal restrizzjonijiet imposti minnha kontra xi Stat Membru tal-Unjoni;

—

il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3, il-punt (e), tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639 fir-rigward tal-konsistenza tal-parteċipazzjoni tan-Iżvizzera mal-impenji aktar vinkolanti rilevanti tal-PESCO, kif speċifikat fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, hija ssodisfata wkoll, kif spjegat aktar fid-dettall fin-notifika. Peress li l-proġett PESCO Mobbiltà Militari mhuwiex proġett orjentat lejn il-kapaċitajiet, il-kondizzjoni dwar il-kontribut tal-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera biex jiġu segwiti l-prijoritajiet li ġejjin mill-Pjan tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet u r-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD) jew għal impatt pożittiv fuq il-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) mhijiex applikabbli f’dan il-kuntest;

—

ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 3, il-punt (f), tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639 huwa ssodisfat peress li l-Ftehim bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Unjoni Ewropea dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata (4) ilu fis-seħħ mill-1 ta’ Ġunju 2008;

—

il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3, il-punt (g), tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639 mhijiex applikabbli f’dan il-każ, peress li l-proġett PESCO Mobbiltà Militari mhuwiex implimentat bl-appoġġ tal-EDA u għalhekk arranġament amministrattiv li jkun daħal fis-seħħ mal-EDA mhuwiex meħtieġ

—

fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3, il-punt (h), tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, l-Iżvizzera ħadet l-impenn li tfittex li tikkonkludi arranġament amministrattiv speċifiku għall-proġett u kwalunkwe dokumentazzjoni neċessarja oħra tal-proġett f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/909 (5) dwar regoli ta’ governanza tal-PESCO.

(9)

Fl-aħħar nett, fl-opinjoni tiegħu, il-KPS irrakkomanda li l-Kunsill jieħu deċiżjoni pożittiva dwar jekk il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-proġett PESCO Mobbilità Militari tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639.

(10)

Il-Kunsill jenħtieġ għalhekk jiddeċiedi li l-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-proġett PESCO Mobbiltà Militari tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639. L-Iżvizzera ser tingħaqad ma’ dak il-proġett fid-data speċifikata fl-arranġament amministrattiv li għandhom jidħlu fih l-Iżvizzera u l-membri tal-proġett, skont l-Artikolu 2(7) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639. Il-Kunsill ser jeżerċita s-sorveljanza tiegħu f’konformità mal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639 u jkun jista’ jieħu aktar deċiżjonijiet f’konformità mal-Artikolu 6(2) u (3) tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-proġett PESCO Mobbiltà Militari tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. SZŁAPKA


(1)   ĠU L 331, 14.12.2017, p. 57, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/2315/oj.

(2)   ĠU L 371, 6.11.2020, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1639/oj.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/340 tas-6 ta’ Marzu 2018 li tistabbilixxi l-lista ta’ proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt il-PESCO (ĠU L 65, 8.3.2018, p. 24, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/340/oj).

(4)  Il-Ftehim bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Unjoni Ewropea dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 58, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2008/568/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/909 tal-25 ta’ Ġunju 2018 li tistabbilixxi sett komuni ta’ regoli ta’ governanza għall-proġetti PESCO (ĠU L 161, 26.6.2018, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/909/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/75/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)