5.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/11


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/745

tal-4 ta’ Ġunju 2020

li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1042 fir-rigward tal-posponiment tad-dati ta’ applikazzjoni ta’ ċerti miżuri fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23, l-Artikolu 31 u l-Artikolu 62(15) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-miżuri li ddaħħlu biex titrażżan il-pandemija tal-COVID-19 ixekklu serjament il-kapaċità tal-Istati Membri u tal-industrija tal-avjazzjoni biex iħejju għall-applikazzjoni ta’ għadd ta’ Regolamenti ta’ Implimentazzjoni li ġew adottati dan l-aħħar fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni.

(2)

Il-konfinament u t-tibdil li seħħ fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-disponibbiltà tal-impjegati, flimkien mal-ammont ta’ xogħol addizzjonali meħtieġ biex jiġu ġestiti l-konsegwenzi negattivi sinifikanti tal-pandemija tal-COVID-19 għall-partijiet ikkonċernati kollha, qegħdin iżommu lura t-tħejjijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni.

(3)

Ir-rekwiżiti ġodda għall-ittestjar għall-alkoħol, għal programmi ta’ appoġġ mill-pari, u għall-valutazzjonijiet psikoloġiċi tal-bdoti kif introdotti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/1042 (2) ma jistgħux jiġu applikati mill-Istati Membri fiż-żmien stipulat f’dak ir-Regolament, jiġifieri sal-14 ta’ Awwissu 2020, minħabba li l-Istati Membri adottaw diversi miżuri ta’ konfinament. L-Istati Membri mhumiex f’pożizzjoni li jiżguraw li l-ekwipaġġi se jkollhom il-possibbiltà li jikkonformaw mal-obbligi l-ġodda introdotti bir-Regolament (UE) 2018/1042, għaliex dan jista’ jfixkel id-disponibbiltà tal-ekwipaġġi meta t-titjiriet jerġgħu jibdew fil-kuntest tal-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19. Jenħtieġ għalhekk li d-data tal-applikazzjoni ta’ dawk ir-rekwiżiti tiġi posposta b’sitt xhur biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jpattu għall-impatt negattiv tal-ittardjar fl-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

(4)

L-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea ikkonfermat lill-Kummissjoni li l-posponiment tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-premessa 3 ikun possibbli mingħajr effett negattiv fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni, peress li se jkun għal perjodu limitat ħafna u fil-kuntest tal-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19, it-traffiku tal-ajru x’aktarx jerġa’ jibda bil-mod u gradwalment, b’esponiment aktar baxx għar-riskji identifikati fil-qasam tal-ittestjar għas-sustanzi psikoattivi u tal-programmi ta’ appoġġ psikoloġiku.

(5)

Biex l-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati kollha jingħataw l-eżenzjoni immedjata li jeħtieġu matul il-pandemija tal-COVID-19 u jkunu jistgħu jadattaw l-pjanijiet tagħhom biex iħejju għall-applikazzjoni posposta tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) 2018/1139,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2018/1042, it-tielet paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Madankollu, il-punti 1 u 3 tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill-14 ta’ Frar 2021 u l-punti 3(f) u 6(b) tal-Anness għandhom japplikaw mill-14 ta’ Awwissu 2018.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/1042 tat-23 ta’ Lulju 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012, fir-rigward tar-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri amministrattivi relatati mal-introduzzjoni ta’ programmi ta’ appoġġ, mal-valutazzjoni psikoloġika tal-ekwipaġġ tat-titjira, kif ukoll mal-ittestjar aleatorju u sistematiku għas-sustanzi psikoattivi sabiex tiġi żgurata l-idoneità medika tal-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina u tat-titjira, u fir-rigward tat-tgħammir tal-ajruplani ġodda li jaħdmu b’magna b’turbina b’massa massima ta’ tlugħ iċċertifikata ta’ 5 700 kg jew inqas approvati biex iġorru minn sitta sa disa’ passiġġieri b’sistema ta’ twissija u ta’ għarfien tat-terren, (ĠU L 188, 25.7.2018, p. 3).