18.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 293/21


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Politika tal-UE dwar iċ-Ċiberdifiża

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2023/C 293/04)

Relatur:

Anastasis YIAPANIS

Korelatur:

Alberto MAZZOLA

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

20.9.2022

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Adozzjoni fis-sezzjoni

27.3.2023

Adozzjoni fil-plenarja

14.6.2023

Sessjoni plenarja Nru

579

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

208/1/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-politika tal-UE dwar iċ-ċiberdifiża proposta, iżda kien jistenna li s-soċjetà ċivili organizzata tingħata rwol aktar prominenti fl-iżvilupp ta’ dawn il-proposti. Il-Kumitat isibha diffiċli biex jivvaluta f’dan l-istadju jekk l-inizjattivi futuri deskritti fil-Komunikazzjoni Konġunta humiex se jiġu implimentati u jekk humiex se jiksbu r-riżultati intenzjonati tagħhom. Huwa jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jipprijoritizzaw u javvanzaw malajr l-inizjattivi mħabbra.

1.2.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal miżuri addizzjonali biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tidentifika t-theddid ċibernetiku, u jitlob li l-finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp jiġi dirett lejn l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet mill-aktar avvanzati tal-UE. Il-kooperazzjoni bejn is-settur privat u dak pubbliku hija essenzjali u m’għandhiex tkun unidirezzjonali. Il-KESE jqis li l-koordinazzjoni tal-UE hija meħtieġa biex tiġi indirizzata l-frammentazzjoni u jiġu żgurati l-kooperazzjoni u l-investiment konġunt fost l-Istati Membri.

1.3.

Il-KESE jappoġġja l-ħolqien taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tal-UE għaċ-Ċiberdifiża, u jirrakkomanda li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom għal rispons rapidu 24/7, jevalwaw it-tħejjija ċibernetika u l-prestazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ rispons tal-UE għall-kriżijiet ċibernetiċi, b’enfasi kemm fuq il-kapaċitajiet militari kif ukoll fuq is-setturi kritiċi kif identifikati mid-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva NIS 2) (1). Il-Kumitat japprova l-espansjoni tal-mandat taċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà (ECCC) biex jassisti l-ħidma taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tal-UE għaċ-Ċiberdifiża.

1.4.

Sabiex jissaħħu l-awtonomija strateġika u s-sovranità taċ-ċibersigurtà tal-Unjoni, il-KESE jemmen li għandha tiġi żviluppata, jew adottata, pjattaforma dinamika u f’ħin reali ta’ ttestjar u kondiviżjoni tal-informazzjoni mis-settur privat sabiex jiġu identifikati l-lakuni attwali fil-kapaċitajiet eżistenti. Din tista’ tintuża wkoll għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, ir-rappurtar ta’ inċidenti ċibernetiċi u l-ħolqien ta’ lista tal-UE tal-kriminali ċibernetiċi kollha.

1.5.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal tħejjija aħjar kontra l-attakki ċibernetiċi bħal dawk Russi fl-Ukrajna, li huma mmirati b’mod partikolari lejn l-infrastruttura kritika. Il-kooperazzjoni bejn l-ekosistemi ċivili u militari hija kruċjali għall-ġestjoni effiċjenti tal-kriżijiet, l-interoperabbiltà u l-evitar tad-duplikazzjoni tal-isforzi u tal-investimenti, inkluż permezz ta’ testijiet simulati ta’ attakki ċibernetiċi.

1.6.

Il-KESE jemmen li l-investimenti fiċ-ċiberdifiża għandhom jipprijoritizzaw lill-protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE u lill-infrastruttura kritika, inkluż billi jintużaw fornituri ta’ hardware u software ta’ fiduċja. Huwa jinsisti fuq il-ħtieġa li jkun hemm aġġornamenti f’waqthom għall-prijoritajiet u l-investiment, li għandhom jiġu miftiehma mill-UE u l-Istati Membri, bil-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati privati rilevanti.

1.7.

L-UE jeħtiġilha żżomm u tiżviluppa l-kapaċitajiet meħtieġa biex tiżgura l-ekonomija diġitali, is-soċjetà, id-demokrazija u t-teknoloġiji kritiċi tagħha, u biex tipprovdi servizzi taċ-ċibersigurtà ewlenin. Biex tiġi żgurata l-awtonomija strateġika tal-UE, it-tnaqqis tad-dipendenzi minn pajjiżi terzi huwa vitali. Il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-UE tadotta approċċ fuq perjodu medju lejn l-awtonomija fir-rigward tat-teknoloġiji ewlenin, u jirrakkomanda bil-qawwa li jiġu stabbiliti faċilitajiet ta’ riċerka u produzzjoni minn kumpaniji bbażati fl-UE, b’politika industrijali Ewropea adatta ffukata fuq ekosistema ċibernetika awtonoma.

1.8.

Jeħtieġ li l-SMEs jirċievu appoġġ immirat u jkollhom aċċess għal programmi ta’ finanzjament li jżidu r-reżiljenza tagħhom għall-attakki ċibernetiċi, kif ukoll opportunitajiet ta’ assistenza, taħriġ u edukazzjoni dwar ir-riskji ċibernetiċi u kif jissalvagwardjaw kontrihom. L-UE għandha tipprovdi mekkaniżmu ta’ inċentivi li jrawwem il-familjarizzazzjoni progressiva għall-SMEs u l-iżvilupp ta’ SMEs innovattivi.

1.9.

Il-KESE jappoġġja l-pjan li tiġi stabbilita Akkademja għall-Ħiliet Ċibernetiċi, u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tikkoordina u tiffinanzja programmi ta’ taħriġ u edukazzjoni vokazzjonali fuq skala kbira li jinvolvu lill-Istati Membri kollha u li għandhom l-għan li joħolqu forza tax-xogħol b’ħiliet għall-aġenziji u l-organizzazzjonijiet kollha involuti fiċ-ċiberdifiża, kif ukoll għan-networks ċivili privati.

1.10.

Il-Kumitat iqis li s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar iċ-ċibersigurtà hija kruċjali biex jitnaqqas l-esponiment għall-attakki ċibernetiċi, u jappella għal kurrikuli tal-edukazzjoni u programmi ta’ taħriġ tul il-ħajja dwar iċ-ċibersigurtà li jiffukaw fuq it-titjib tal-ħiliet u l-għarfien ċibernetiċi. Il-KESE jappoġġja l-integrazzjoni taċ-ċibersigurtà fil-politiki pubbliċi futuri kollha tal-UE, u li l-pubbliku inġenerali jiġi infurmat dwar it-theddid ċibernetiku.

1.11.

Il-KESE jemmen li kooperazzjoni b’saħħitha mal-alleati tan-NATO f’oqsma militari għandha tiffoka fuq koordinazzjoni u reċiproċità sħiħa, proġetti konġunti ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni, kondiviżjoni tal-aħjar prattika, programmi kbar ta’ taħriġ u simulazzjonijiet ta’ attakki ċibernetiċi, li l-objettiv ewlieni jkun li tiġi estiża l-kapaċità ta’ rispons komuni.

1.12.

Il-Kumitat jistieden lir-Rappreżentant Għoli jeżamina d-djalogi ċibernetiċi bilaterali attwali u jinvolvi ruħu f’diskussjonijiet addizzjonali ma’ pajjiżi oħra u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti biex jiġi stabbilit qafas dinji għall-aderenza mad-dritt internazzjonali fiċ-ċiberspazju, b’enfasi qawwija fuq ir-reċiproċità. Il-Kumitat iqis li l-UE hija adatta ferm biex tkun minn ta’ quddiem fid-diskussjonijiet internazzjonali dwar il-futur taċ-ċibersigurtà, b’mod partikolari fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti, peress li għandha pedament sod fil-libertajiet demokratiċi fundamentali.

1.13.

L-UE għandha tieħu pożizzjoni b’saħħitha kontra kwalunkwe tip ta’ sistema ta’ punteġġ soċjali kontra ċ-ċittadini. Il-KESE jagħmilha ċara li d-demokrazija vera ma tistax teżisti mingħajr protezzjoni effettiva tad-data personali u jemmen li l-ġestjoni responsabbli u effiċjenti tad-data hija essenzjali biex l-iperkonnettività tinbidel f’vantaġġ kompetittiv.

2.   Introduzzjoni u kummenti ġenerali

2.1.

L-espansjoni diġitali tas-soċjetajiet iġġib magħha għadd kbir ta’ theddid għaċ-ċibersigurtà ġġenerat minn aġġornament teknoloġiku. L-attakki ċibernetiċi żdiedu b’mod sinifikanti fl-għadd u fis-sofistikazzjoni f’dawn l-aħħar ftit snin, u dan idgħajjef is-sigurtà kemm tal-entitajiet pubbliċi kif ukoll ta’ dawk privati. Kemm jekk qed nitkellmu dwar ransomware, malware, attakki bl-email, ksur tad-data, diżinformazzjoni, attakki distribwiti li jwaqqfu s-servizz (DDoS) jew forom oħra ta’ attakki, dawn kollha joħolqu theddida konsistenti u kontinwa għas-sigurtà tal-UE kollha kemm hi.

2.2.

Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni Konġunta dwar il-Politika tal-UE dwar iċ-Ċiberdifiża (2), u jqis li issa huwa ż-żmien li tittieħed azzjoni, b’urġenza u b’mod koordinat fil-livell tal-UE, li jinvolvi kemm l-ekosistemi taċ-ċiberspazju ċivili kif ukoll militari u li jiżgura l-qafas ta’ investiment adatt għall-kapaċitajiet taċ-ċiberdifiża. Madankollu, il-Kumitat jinnota li l-Komunikazzjoni hija biss dikjarazzjoni ta’ determinazzjoni li tittieħed azzjoni u lista ta’ inizjattivi futuri tal-UE li għandhom jitwettqu, u jsibha impossibbli li jiġi vvalutat jekk dawn l-impenji futuri humiex se jiġu implimentati, peress li n-negozjati futuri bejn il-koleġislaturi naturalment se jinfluwenzaw l-eżitu finali tal-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà.

2.3.

L-attakk Russu fuq in-network satellitari KA-SAT, li fixkel il-komunikazzjoni bejn il-forzi militari Ukreni, u l-iskandlu reċenti li involva lil Éric Léandri li ġie kkuntrattat minn xi kumpaniji tad-difiża biex iwettaq attivitajiet ta’ spjunaġġ ċibernetiku f’isimhom, qed ipoġġu ċ-ċibersigurtà fuq nett tal-lista ta’ theddid għas-sigurtà fl-UE. Għalkemm il-GDPR huwa leġiżlazzjoni soda tal-UE u ilu fis-seħħ għal diversi snin, huwa ċar li l-ammont dejjem jikber ta’ data disponibbli huwa vulnerabbli, u r-riskju li partijiet terzi jaqsmu l-konfini tal-legalità qed jiżdied kuljum.

2.4.

Minħabba n-natura transnazzjonali tal-attakki ċibernetiċi, il-koordinazzjoni tal-UE hija meħtieġa biex titnaqqas il-frammentazzjoni attwali u jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu lesti jikkooperaw u jinvestu b’mod konġunt. Dan huwa partikolarment importanti għal każijiet futuri fejn Stat Membru wieħed jista’ jkun fil-mira ta’ attakk u l-Istati Membri l-oħra kollha għandu jkollhom l-opportunità li jipprovdu appoġġ immedjat.

3.   Naġixxu flimkien għal ċiberdifiża aktar b’saħħitha

3.1.

Il-Kumitat jieħu nota tal-inizjattivi ambizzjużi mħabbra biex jiġi stabbilit Ċentru ta’ Koordinazzjoni tal-UE għaċ-Ċiberdifiża, biex jiġi żviluppat il-proġett CyDEf-X, biex jinħolqu timijiet ta’ reazzjoni rapida ċibernetika, biex tiġi żviluppata Inizjattiva tal-UE għaċ-Ċibersolidarjetà u biex jiġi esplorat l-iżvilupp ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà għall-prodotti, is-servizzi u l-proċessi tal-ICT. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri kollha għandhom jimpenjaw ruħhom li jkunu lesti jipprovdu rispons rapidu 24/7, biċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tal-UE involut fil-valutazzjoni u l-iżvilupp ta’ rapporti regolari dwar l-istat ta’ tħejjija ċibernetika tal-Istati Membri u l-effettività tal-mekkaniżmu Ewropew ta’ rispons għall-kriżijiet ċibernetiċi, b’enfasi kemm fuq il-kapaċitajiet militari kif ukoll fuq setturi kritiċi identifikati mid-Direttiva NIS 2. Kull Stat Membru għandu jkollu speċjalisti mħarrġa speċifikament biex jintervjenu f’każ ta’ inċidenti ċibernetiċi, u għandu jittestja b’mod regolari l-kapaċità ta’ intervent tiegħu fi Stati Membri oħra.

3.2.

Għalkemm il-Komunikazzjoni tipprovdi lista twila ta’ titjib pass pass, il-KESE kien qed jittama li jara pjan direzzjonali espliċitu dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn l-inizjattivi, b’governanza ċara u skadenzi għas-sottomissjoni u l-adozzjoni. Barra minn hekk, il-Kumitat kien qed jistenna li s-soċjetà ċivili organizzata tingħata rwol aktar prominenti fl-iżvilupp ta’ dawn il-proposti.

3.3.

Il-KESE jqis li l-Istati Membri jeħtieġ li jsaħħu l-kapaċità interna tagħhom biex jiġġieldu t-theddid ċibernetiku, u li jinvolvu ruħhom fi proġetti ta’ kooperazzjoni u jikkondividu l-informazzjoni u l-aħjar prattiki mal-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħra. Hemm bżonn ta’ investiment rapidu fil-kapaċitajiet taċ-ċiberdifiża u fl-użu aċċellerat tat-teknoloġija (3) fl-Istati Membri kollha, kif ukoll fi tħejjija komuni biex jiġu identifikati ċ-ċiberattakki, u jkun hemm irkupru minnhom u difiża kontra ċ-ċiberattakki. Sabiex tiġi appoġġjata l-awtonomija taċ-ċibersigurtà tal-Unjoni, il-Kumitat iqis li trid tiġi żviluppata pjattaforma dinamika ta’ ttestjar f’ħin reali u ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni, jew tiġi adottata mis-settur privat, iffukata fuq l-identifikazzjoni tal-kapaċitajiet neqsin attwali.

3.4.

Il-KESE jaqbel mal-fehma li, f’dan l-istadju, l-operazzjonijiet militari taċ-ċiberspazju għandhom jibqgħu strettament kompetenza tal-Istati Membri; il-Kumitat jappoġġja l-kooperazzjoni mħabbra bejn l-Iskwadri Militari ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters (milCERTs), l-Iskwadri ta’ Rispons għal Inċidenti relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters (CSIRTs) u l-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji Ewropej (CERT-UE).

3.5.

Id-Direttiva NIS 2 adottata reċentement u d-Direttiva dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi (4) diġà stabbilixxew obbligi nazzjonali u settorjali speċifiċi għall-qafas taċ-ċiberdifiża tal-UE. Hija meħtieġa aktar azzjoni biex tittejjeb il-kapaċità ta’ detezzjoni kollettiva tal-UE, u l-KESE jappella għal investiment fir-riċerka u l-iżvilupp għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet tal-UE mill-aktar avvanzati.

4.   Tiġi żgurata l-ekosistema tad-difiża tal-UE

4.1.

Il-KESE jemmen li l-kumplessitajiet inerenti u l-isfidi teknoloġiċi li qed jevolvu malajr biddlu l-ekosistema tad-difiża, u li ċ-ċibersigurtà saret suġġett komuni kemm għas-setturi militari u ċivili, kif ukoll għaċ-ċittadini tal-UE. Il-kooperazzjoni bejn l-ekosistemi ċivili u militari issa hija aktar importanti minn qatt qabel u għandha ġġib benefiċċji f’termini ta’ maniġġar ta’ kriżijiet aktar effettiv, kif ukoll progress kontinwu u interoperabbiltà, filwaqt li jiġu evitati d-duplikazzjoni jew il-multiplikazzjoni tal-istess sforzi u investimenti. L-Istati Membri għandhom ikunu lesti li jwettqu testijiet tal-istress tal-infrastruttura kritika nazzjonali sabiex jivvalutaw u jżidu r-reżiljenza għal attakki ċibernetiċi futuri.

4.2.

Il-KESE jqis li l-investimenti fiċ-ċiberdifiża għandhom, bħala prijorità, ikunu mmirati lejn il-protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE u l-infrastruttura kritika. Minħabba l-pass mgħaġġel tat-trasformazzjoni diġitali u l-evoluzzjoni rapida tax-xenarju tat-theddid, il-Kumitat iħeġġeġ bil-qawwa li għandhom jiġu miftiehma aġġornamenti f’waqthom għall-prijoritajiet u l-investiment bejn l-UE u l-Istati Membri, b’konsultazzjoni bir-reqqa mal-partijiet ikkonċernati privati rilevanti. Ħafna drabi l-apparati tal-Internet tal-oġġetti (IoT) ma jkunux protetti daqs apparati tradizzjonali, u l-KESE jitlob li jiġi żgurat livell minimu ta’ sigurtà permezz tal-pjattaformi tal-IDAM (Immaniġġjar tal-Identità u tal-Aċċess). Barra minn hekk, peress li ċ-ċertifikazzjoni hija metodu ewlieni biex jiġi pprovdut livell ogħla ta’ sigurtà, il-Kumitat jitlob li l-approċċ il-ġdid ta’ ċertifikazzjoni tal-UE jpoġġi aktar enfasi fuq is-sigurtà tal-IoT.

4.3.

L-UE jeħtiġilha tibni reżiljenza għall-attakki ċibernetiċi u toħloq deterrenza ċibernetika effettiva. L-infrastruttura kritika trid tiġi protetta kontra attakki ċibernetiċi ta’ kull tip, inkluż mis-sistemi ta’ difiża tal-UE. Il-Kumitat iqis li huwa fl-interess strateġiku tal-UE li tiżgura li l-Unjoni żżomm u tiżviluppa l-kapaċitajiet essenzjali biex tiggarantixxi l-ekonomija diġitali, is-soċjetà u d-demokrazija tagħha, biex tikseb sovranità diġitali sħiħa bħala l-uniku mod biex tipproteġi t-teknoloġiji kritiċi u biex tipprovdi servizzi taċ-ċibersigurtà ewlenin effettivi. It-tnaqqis tad-dipendenzi minn pajjiżi terzi huwa vitali wkoll għall-awtonomija strateġika tal-UE. Il-KESE jemmen li l-aġenziji settorjali tal-UE (ENISA, EASA, ERA, EMA, EBA, ESA, HADEA eċċ.) għandhom ikunu involuti fil-proċess u jipprovdu gwida fl-iżvilupp ta’ skemi taċ-ċibersigurtà.

4.4.

Il-pandemija tal-COVID-19 aċċellerat it-tranżizzjoni diġitali u ttrasformat ix-xogħol tradizzjonali f’xogħol ibridu u/jew mill-bogħod, u ħolqot relazzjonijiet u aspettattivi tax-xogħol ġodda kif ukoll klassi ġdida ta’ nomadi diġitali, li qed jiżdiedu fl-għadd. Il-KESE jinnota l-bidliet rapidi fis-suq tax-xogħol, li ġġeneraw l-adozzjoni tal-arkitettura b’fiduċja żero mill-kumpaniji, permezz ta’ soluzzjonijiet IAM (Ġestjoni tal-Identitajiet u l-Aċċessi) u PAM (Ġestjoni ta’ Aċċess Privileġġat). Il-Kumitat iqis li dan it-tip ta’ ġestjoni tar-riżorsi tal-kumpaniji joffri soluzzjonijiet ġodda relatati mat-theddid ċibernetiku, u jqis li s-settur privat għandu jiġi appoġġjat fit-tisħiħ tal-livell ta’ sigurtà tas-soluzzjonijiet diġitali innovattivi tagħhom.

4.5.

Il-KESE huwa pjuttost diżappuntat bid-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li “jista’ jiġi stabbilit pjan ta’ implimentazzjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri”, u jqis li tali pjan ta’ implimentazzjoni huwa obbligatorju. Jemmen li dan għandu jiġi abbozzat b’mod konġunt mal-Istati Membri u implimentat malajr kemm jista’ jkun. Il-Kumitat huwa mħasseb dwar il-pożizzjoni ħafifa adottata mill-Kummissjoni, u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw progress rapidu fl-inizjattivi mħabbra.

5.   Investiment fil-kapaċitajiet taċ-ċiberdifiża

5.1.

Hekk kif l-iżvilupp teknoloġiku qed javvanza b’mod rapidu, iċ-ċiberspazju sar l-aktar qasam ġdid tal-gwerra, wara l-art, il-baħar, l-ajru u l-ispazju. Dan iġġenera wkoll opportunitajiet kbar ta’ kriminalità għal atturi ċibernetiċi malizzjużi li jvarjaw minn hackers indipendenti għal kriminali professjonali u anke atturi statali.

5.2.

L-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp huwa vitali u l-KESE jilqa’ l-fondi ddedikati eżistenti fi ħdan il-Programm Ewropa Diġitali, il-Fond Ewropew għad-Difiża, Orizzont Ewropa u l-programmi nazzjonali għall-irkupru. Madankollu, il-Kumitat japprezza aktar proġetti transnazzjonali li jiffukaw fuq il-kooperazzjoni u l-interoperabbiltà bejn is-sistemi taċ-ċiberdifiża fl-Istati Membri kollha, kif ukoll aktar sinerġiji bejn l-istrumenti ta’ finanzjament, speċjalment dawk li jappoġġjaw lill-SMEs innovattivi.

5.3.

Kif imħabbar fl-Istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà fl-2020, il-Kumitat jinnota li l-iskadenza biex tinħoloq iċ-Ċiberunità Konġunta hija din is-sena, u qed jistenna aġġornamenti dwar il-finalizzazzjoni tal-proċess u t-tħejjija tal-UE biex tirrispondi għal inċidenti ċibernetiċi fuq skala kbira. Il-KESE jistenna li din ittejjeb l-għarfien tas-sitwazzjoni tal-UE u l-kapaċità ġenerali li tirrispondi u tirkupra.

5.4.

Il-KESE jappoġġja l-estensjoni tal-mandat tal-ECCC biex jappoġġja l-attività taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tal-UE għaċ-Ċiberdifiża. Barra minn hekk, dan in-network jista’ jappoġġja s-sovranità diġitali Ewropea billi jiżviluppa bażi industrijali Ewropea kompetittiva għal kapaċitajiet teknoloġiċi ewlenin, ibbażata parzjalment fuq xogħol żviluppat minn sħubijiet pubbliċi-privati kuntrattwali. Is-sħubijiet pubbliċi-privati wrew li huma l-aktar approċċ effettiv għat-titjib taċ-ċibersigurtà tal-ekosistema diġitali kollha, iżda dan ma jistax ikun unidirezzjonali: l-istituzzjonijiet pubbliċi għandhom jikkondividu wkoll l-intelligence tagħhom mas-settur privat.

5.5.

Il-KESE jinnota li, sabiex jiġu indirizzati t-tentattivi futuri ta’ hacking mill-kompjuters kwantistiċi, l-UE jeħtiġilha tinvesti minnufih f’teknoloġiji mill-aktar avvanzati bħall-kriptografija postkwantistika. Jemmen li huwa indispensabbli għall-Ewropa li tadotta approċċ fuq perjodu medju fir-rigward tal-awtonomija, u jirrakkomanda bil-qawwa li jiġu żviluppati faċilitajiet ta’ riċerka u produzzjoni minn kumpaniji bbażati fl-UE. Il-KESE jqis li huwa importanti li jiżdiedu r-riżorsi tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni diġitali u li jiġi appoġġjat l-investiment tal-operaturi u tal-fornituri f’funzjonalitajiet tekniċi ġodda tas-sigurtà, relatati wkoll ma’ xejriet ġodda bħar-realtà awmentata u l-metavers. B’mod partikolari, huwa essenzjali li tinbena infrastruttura tal-cloud distribwita fl-Ewropa bbażata fuq regoli Ewropej dwar suġġetti bħall-ħżin u l-ipproċessar tad-data (5).

5.6.

Jeħtieġ li l-SMEs jingħataw attenzjoni speċifika u jkollhom aċċess għal programmi ta’ finanzjament li jżidu t-tħejjija tagħhom għal kontra l-attakki ċibernetiċi, kif ukoll għal programmi ta’ assistenza, taħriġ u edukazzjoni li jgħinuhom jifhmu r-riskji ċibernetiċi u kif jipproteġu lilhom infushom. L-UE għandha tipprovdi mekkaniżmu ta’ inċentivi li jrawwem il-familjarizzazzjoni progressiva għall-SMEs.

5.7.

Il-Kummissjoni tistma li n-nuqqas ta’ ħiliet eżistenti fiċ-ċibersigurtà huwa ta’ nofs miljun persuna, u l-KESE japprezza l-proposta li tinħoloq Akkademja għall-Ħiliet Ċibernetiċi. Huwa ċar li l-isforzi fil-livell tal-Istati Membri mhumiex biżżejjed biex titnaqqas id-diskrepanza fil-ħiliet, għalhekk il-Kumitat jissuġġerixxi li, flimkien mat-tnedija tal-Akkademja, il-Kummissjoni tuża l-momentum li qed toffri s-Sena Ewropea tal-Ħiliet u tikkoordina u tiffinanzja programmi ta’ taħriġ fuq skala kbira u programmi tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali fil-livell tal-UE li jinvolvu lill-Istati Membri kollha, u li jiffukaw fuq il-ħolqien ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati għall-aġenziji u l-korpi kollha involuti fiċ-ċiberdifiża, kif ukoll għan-networks ċivili privati. Għandha ssir enfasi partikolari fuq it-taħriġ tal-forza tax-xogħol, b’mod partikolari fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM).

5.8.

Barra minn hekk, il-KESE jqis li huwa essenzjali li tiżdied is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar iċ-ċibersigurtà sabiex jitnaqqas l-esponiment għall-attakki ċibernetiċi, speċjalment fir-rigward taċ-ċiberkriminalità bażika mmirata lejn il-popolazzjoni inġenerali. Il-Kumitat jappella għal kurrikuli tal-edukazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà u programmi ta’ taħriġ tul il-ħajja dwar iċ-ċibersigurtà li se jiffukaw fuq it-titjib tal-ħiliet ċibernetiċi u jagħmlu ċ-ċibersigurtà aktar familjari u attraenti għaċ-ċittadini, speċjalment għall-ġenerazzjoni żagħżugħa. Il-KESE huwa favur l-integrazzjoni tar-riflessjonijiet dwar iċ-ċibersigurtà fil-politiki pubbliċi futuri kollha tal-UE u li l-pubbliku inġenerali jiġi infurmat dwar it-theddid ċibernetiku, inkluż permezz ta’ programmi ta’ taħriġ mingħajr ħlas għall-popolazzjoni kollha, apps ta’ informazzjoni b’xejn għall-ismartphones, jew permezz ta’ komunikazzjoni fuq it-televixin matul il-ħinijiet l-aktar popolari mal-udjenzi. L-avvanz kulturali mifrux f’kull livell tas-soċjetà, lejn approċċ “orjentat lejn iċ-ċibersigurtà”, għandu jiġi promoss b’mod parallel ma’ dawn l-azzjonijiet.

5.9.

Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li jiġi vvalutat il-profil tar-riskju tal-fornituri u li jiġu applikati restrizzjonijiet rilevanti għal dawk li jitqiesu ta’ riskju għoli, inklużi projbizzjonijiet meħtieġa fuq assi u applikazzjonijiet ewlenin definiti bħala kritiċi u sensittivi fil-valutazzjoni tar-riskju kkoordinata fil-livell tal-UE, kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni ta’ fornituri ta’ hardware u software ta’ fiduċja.

6.   Nissieħbu biex nindirizzaw sfidi komuni

6.1.

Il-livell ta’ tħejjija għal attakki ċibernetiċi futuri jvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor. Il-KESE jqis li l-ewwel pass immedjat huwa li tiġi stabbilita pjattaforma ta’ komunikazzjoni tal-aħjar prattiki intra-UE, fejn l-aktar Stati Membri avvanzati fiċ-ċibernetika jistgħu jaqsmu l-għarfien tagħhom ma’ pajjiżi oħra u jiffaċilitaw l-adozzjoni immedjata tagħhom. Dan jgħin biex titjieb il-fiduċja reċiproka bejn l-entitajiet nazzjonali. It-tieni nett, il-Kumitat jemmen li tenħtieġ kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn l-atturi statali u mhux statali madwar l-UE sabiex tittejjeb iċ-ċibersigurtà tal-prodotti u s-servizzi fis-suq intern. Il-KESE jissuġġerixxi wkoll il-ħolqien ta’ pjattaforma komuni tal-UE għar-rappurtar ta’ inċidenti ċibernetiċi, inkluża lista sewda tal-UE tal-attivisti kollha taċ-ċiberkriminalità.

6.2.

Il-KESE huwa tal-fehma li kooperazzjoni b’saħħitha mal-alleati tagħna tan-NATO fil-qasam militari għandha tkun iffukata mhux biss fuq il-bini tal-kapaċitajiet u l-identifikazzjoni bikrija, iżda wkoll fuq proġetti konġunti ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-iskambji bejn esperti, programmi kbar ta’ taħriġ u simulazzjonijiet ta’ attakki ċibernetiċi. L-objettiv ewlieni għandu jkun li tiġi estiża l-kapaċità ta’ rispons komuni u jinħolqu sinerġiji għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu futur, wara d-Dikjarazzjonijiet Konġunti ta’ Varsavja tal-2016 u ta’ Brussell tal-2018. Il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO għad għandha għadd ta’ possibbiltajiet li jistgħu jiġu sfruttati, u l-progress immedjat jista’ jagħmel differenza reali f’termini tal-iżgurar tas-sigurtà għaċ-ċittadini u s-soċjetajiet tagħna.

6.3.

Il-Kumitat jemmen li d-diskussjonijiet fil-livell globali u mal-imsieħba internazzjonali tagħna għandhom iwittu t-triq għall-promozzjoni ta’ ċiberspazju globali u miftuħ li jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt, u jiffoka fuq l-iżvilupp ta’ standards internazzjonali vinkolanti f’setturi bi żvilupp diġitali rapidu. Il-KESE jagħti parir lir-Rappreżentant Għoli biex jirrevedi d-djalogi ċibernetiċi bilaterali eżistenti u jinvolvi ruħu f’aktar negozjati ma’ pajjiżi oħra u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti sabiex jippromovi qafas globali għall-applikazzjoni tad-dritt internazzjonali fiċ-ċiberspazju, abbażi ta’ kundizzjoni stretta ta’ reċiproċità.

6.4.

Fl-aħħar nett, il-Kumitat jemmen li l-UE tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tmexxi d-dibattiti internazzjonali dwar il-futur taċ-ċibersigurtà, speċjalment fi ħdan id-diskussjonijiet tan-NU, minħabba l-pedament sod tagħha dwar il-libertajiet demokratiċi ewlenin. L-UE jeħtiġilha timpenja ruħha wkoll fil-ġlieda kontra reġimi totalitarji li jeżerċitaw il-monitoraġġ tad-data taċ-ċittadini u jiksru d-drittijiet u l-libertajiet tagħhom, u għandha tieħu pożizzjoni b’saħħitha kontra kwalunkwe tip ta’ sistema ta’ punteġġ għaċ-ċittadini. Il-KESE jagħmel dikjarazzjoni ċara li ma jistax ikun hemm demokrazija reali mingħajr protezzjoni effettiva tad-data personali, u jqis li l-ġestjoni responsabbli u effiċjenti tad-data hija vitali sabiex l-iperkonnettività tinbidel f’assi.

Brussell, l-14 ta’ Ġunju 2023.

Oliver RÖPKE

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (Direttiva NIS 2) (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80).

(2)  Il-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-UE dwar iċ-Ċiberdifiża

(3)  Bħall-Aċċelleratur għall-Innovazzjoni tas-settur tad-Difiża tan-NATO għall-inizjattiva tal-Atlantiku tat-Tramuntana (DIANA)

(4)  Id-Direttiva dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi

(5)  Bħal Gaia-X, l-inizjattiva Franko-Ġermaniża