13.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 115/185


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/624

tat-12 ta’ April 2022

li ttemm ir-rieżami interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti rrumblati bis-sħana tal-ħadid, azzar mhux illigat jew azzar illigat ieħor li joriġinaw fir-Russja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1795 (2) (“ir-Regolament oriġinali”) il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid, azzar mhux illigat jew azzar illigat ieħor, f’koljaturi jew le (inklużi prodotti “maqtugħin għad-daqs” u “strixxi dojoq”), mhux maħdumin aktar ħlief illaminati bis-sħana, mhux miksijin, indurati jew mgħottijin (“HRF”) li joriġinaw, inter alia, mir-Russja (“il-prodott taħt rieżami”).

1.2.   Talba għal rieżami

(2)

Il-Kummissjoni rċeviet talba għal rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036 (“ir-Regolament bażiku”). It-talba għal rieżami tressqet minn Eurofer (“l-applikant”), f’isem il-produtturi tal-Unjoni u kienet limitata fl-ambitu għall-eżami tad-dumping sa fejn huwa kkonċernat produttur esportatur Russu wieħed, PAO Severstal (“Severstal”).

(3)

Id-dazju impost mir-Regolament oriġinali huwa dazju fiss li jvarja bejn EUR 17,6/tunnellata u EUR 96,5/tunnellata fuq importazzjonijiet minn produtturi esportaturi msemmija individwalment fir-Russja, b’rata ta’ dazju residwa ta’ EUR 96,5/tunnellata fuq importazzjonijiet mill-kumpaniji l-oħra kollha fir-Russja. Id-dazju antidumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet minn Severstal, huwa ta’ EUR 17,6/tunnellata.

1.3.   Bidu ta’ rieżami interim parzjali

(4)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti bidu għal rieżami interim parzjali f’konformità mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, limitat fl-ambitu tiegħu għall-eżaminar tad-dumping sa fejn jikkonċerna lil Severstal. Il-Kummissjoni ppubblikat, fit-18 ta’ Jannar 2021, notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3) (“Notifika ta’ Bidu”).

(5)

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kien mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2020.

1.4.   Partijiet interessati

(6)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni stiednet lil Severstal u lill-kumpaniji relatati tagħha biex jissottomettu tweġiba għall-Kwestjonarju fi żmien skadenza speċifikata. Hija speċifikament infurmat lill-applikant u lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur bil-bidu tal-investigazzjoni u stednithom jipparteċipaw. Il-Kummissjoni stiednet ukoll lil partijiet oħra biex jippreżentaw ruħhom u biex jesprimu l-fehmiet tagħhom sakemm ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.

2.   IRTIRAR TAT-TALBA U TERMINAZZJONI TAL-PROĊEDIMENT

(7)

Fit-18 ta’ Marzu 2022, l-applikant informa lill-Kummissjoni bl-irtirar tiegħu tat-talba għal rieżami interim parzjali.

(8)

Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, il-proċedimenti jistgħu jinġiebu fi tmiemhom meta jiġi irtirat l-ilment, sakemm it-tali terminazzjoni ma tkunx kontra l-interess tal-Unjoni.

(9)

L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda kunsiderazzjoni li turi li t-terminazzjoni tal-investigazzjoni ta’ rieżami ma tkunx fl-interess tal-Unjoni.

(10)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rieżami interim parzjali limitat fl-ambitu tiegħu għall-eżaminar tad-dumping sa fejn jikkonċerna lil Severstal, jenħtieġ li jiġi tterminat mingħajr emendar tal-miżuri fis-seħħ.

3.   DIVULGAZZJONI

(11)

Il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati bl-intenzjoni tagħha li ttemm l-investigazzjoni minħabba l-irtirar tat-talba u stiednet lill-partijiet interessati biex jikkummentaw. L-ebda parti interessata ma oġġezzjonat għat-terminazzjoni.

(12)

Din id-Deċiżjoni hija f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-rieżami interim parzjali tad-dazju ta’ dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid, azzar mhux illigat jew azzar illigat ieħor, kemm jekk f’koljaturi kif ukoll jekk le (inklużi prodotti “maqtugħin għad-daqs” u “strixxi dojoq”), mhux maħdumin aktar ħlief irrumblati bis-sħana, mhux miksijin, indurati jew mgħottijin, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7208 10 00, 7208 25 00, 7208 26 00, 7208 27 00, 7208 36 00, 7208 37 00, 7208 38 00, 7208 39 00, 7208 40 00, 7208 52 10, 7208 52 99, 7208 53 10, 7208 53 90, 7208 54 00, 7211 13 00, 7211 14 00, 7211 19 00, ex 7225 19 10 (kodiċi TARIC 7225191090), 7225 30 90, ex 7225 40 60 (kodiċi TARIC 7225406090), 7225 40 90, ex 7226 19 10 (kodiċijiet TARIC 7226191091 u 7226191095), 7226 91 91 u 7226 91 99, li joriġinaw mir-Russja, huwa tterminat.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ April 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1795 tal-5 ta’ Ottubru 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mill-Brażil, l-Iran, ir-Russja u l-Ukrajna u li jtemm l-investigazzjoni fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mis-Serbja, ĠU L 258, 6.10.2017, p. 24.

(3)   ĠU C 18, 18.1.2021, p. 36.