KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
ĆAPETA
ippreżentati fl‑14 ta’ Novembru 2024 ( 1 )
Kawża C‑530/23 [Barało] ( i )
K.P
parti oħra fil-kawża:
Prokurator Rejonowy we Włocławku
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Rejonowy we Włocławku (il-Qorti Distrettwali, Włocławk, il-Polonja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Garanziji proċedurali għal persuni vulnerabbli li huma persuni ssuspettati jew akkużati fi proċeduri kriminali – Dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat – Direttiva 2013/48/UE – Direttiva (UE) 2016/1919 – Ammissibbiltà ta’ evidenza”
I. Introduzzjoni
|
1. |
X’rekwiżiti speċifiċi jimponi d-dritt tal-Unjoni fuq l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli minn proċeduri kriminali li jinvolvu persuni vulnerabbli? Din hija t-tema komuni li tirfed il-ħmistax-il domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża. |
|
2. |
Dawn id-domandi jirrigwardaw id-Direttiva 2013/48 ( 2 ) dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat u d-Direttiva 2016/1919 ( 3 ), li ssaħħaħ l-effettività ta’ dan id-dritt billi tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw l-għajnuna legali. L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/48, kif ukoll l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/1919, jimponu obbligu fuq l-Istati Membri li jqisu l-bżonnijiet partikolari ta’ persuni vulnerabbli. |
|
3. |
Peress li l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali tbati minn mard mentali u għalhekk hija vulnerabbli, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi liema obbligi konkreti jirriżultaw għall-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-proċeduri kriminali f’dan il-kuntest. |
|
4. |
Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà indirizzat id-Direttiva 2013/48, hija għadha qatt ma interpretat id-Direttiva 2016/1919, ħlief għal aċċenn wieħed ( 4 ), u numru żgħir ta’ riferimenti oħra mill-Avukati Ġenerali ( 5 ). |
II. Il‑fatti, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
5. |
K.P. huwa persuna akkużat fi proċeduri kriminali, l-ewwel, li kellu fil-pussess tiegħu 8.50 gramma kannabis u 33.83 gramma amfetamina, u t-tieni, li saq taħt l-influwenza ta’ sustanza li għandha effett simili għall-alkoħol u li kellu l-amfetamina fid-demm tiegħu. L-akkużi seħħew b’dan il-mod. |
|
6. |
Skont il-qorti tar-rinviju, fil‑21 ta’ Lulju 2022, ftit qabel nofsillejl, l-uffiċjali tal-pulizija kienu nnutaw vettura li kienet qiegħda tinstaq b’mod stramb u li kienet qiegħda tagħmel ħsejjes strambi. Huma resqu lejn il-vettura misjuqa minn K.P. u, wara li kellmuh, telqu. |
|
7. |
Wara ftit mumenti, l-istess pulizija rċevew informazzjoni bir-radju dwar ħabta bejn żewġ vetturi, u, peress li ħasbu li l-vettura ta’ K.P. kienet taqbel mad-deskrizzjoni ta’ wieħed minn dawk implikati fil-ħabta, reġgħu lura għal fejn kienu rawh l-ewwel darba. K.P. kien barra l-vettura, deher nervuż, u tkellem b’mod konfuż. L-uffiċjali tal-pulizija kellmuh u talbuh biex jgħaddilhom xi oġġetti li setgħu kienu pprojbiti. |
|
8. |
K.P. iddikjara li ma kienx qiegħed isuq il-vettura, u għadda l-boroż tal-plastik fil-pussess tiegħu li kien fihom trab abjad u sustanza ħadra mnixxfa. Wara li ġie mmanettjat u arrestat (f’00.05 tat‑22 ta’ Lulju 2022), ittieħed l-isptar, fejn sarlu test tad-demm biex jaraw jekk kienx hemm preżenza ta’ drogi narkotiċi. |
|
9. |
Wara li s-sustanzi ġew ittestjati u ġie stabbilit li kienu kannabis u amfetamina, K.P. ġie mixli b’pussess ta’ sustanzi illegali (f’12.15 fit‑22 ta’ Lulju 2022). Huwa ġie informat bid-dritt tiegħu li jkun assistit minn avukat tal-għażla tiegħu u bil-possibbiltà li jitlob għajnuna legali f’każ li s-sitwazzjoni ekonomika tiegħu tkun tiġġustifika dan. Huwa ġie informat ukoll bid-dritt tiegħu li jinstema’ u li jibqa’ sieket. |
|
10. |
K.P ma rrinunzjax għad-dritt tiegħu li jkun assistit minn avukat, iżda lanqas ma talab li jinħatar wieħed għalih. Ma hemm ebda rekord li l-uffiċjal tal-pulizija għamel attentat waqt din l-interrogazzjoni, biex jeżamina jekk is-suspettat kienx taħt l-influwenza ta’ narkotiċi jew kienx jista’ jifhem u jiftakar l-avvenimenti li kienu seħħew. |
|
11. |
K.P. ċaħad li wettaq l-allegat reat, baqa’ sieket u rrifjuta li jiffirma r-rapport jew li jiffamiljarizza ruħu mal-fajl tal-każ fi tmiem l-investigazzjoni. L-interrogazzjoni ma ġietx irreġistrata f’forma awdjoviżiva. L-ebda avukat difensur ma pparteċipa fl-interrogazzjoni u l-awtorità investigattiva lanqas ma talbet lill-qorti biex taħtar avukat difensur. K.P. inħeles mid-detenzjoni f’12.31 fit‑22 ta’ Lulju 2022. |
|
12. |
Matul Awwissu u Settembru 2022, il-pulizija kkonsultat psikjatra dwar is-saħħa mentali ta’ K.P. u l-prosekutur pubbliku kiseb ir-rekords mediċi tiegħu mill-isptar psikjatriku fejn kien iddaħħal. |
|
13. |
Wara li ġew ippubblikati r-riżultati tat-test tad-demm tiegħu, fis‑7 ta’ Awwissu 2022, K.P. kien akkużat ukoll li saq taħt l-influwenza ta’ narkotiċi. Din l-informazzjoni ġiet ikkomunikata lil K.P. fl‑14 ta’ Ottubru 2022 waqt li kien pazjent fl-isptar psikjatriku, fejn sussegwentement ġie interrogat. |
|
14. |
L-istess bħal ma kien ġara waqt l-interrogazzjoni tat‑22 ta’ Lulju 2022, din it-tieni investigazzjoni saret mingħajr il-preżenza ta’ avukat, u l-prosekutur pubbliku lanqas ma talab li l-qorti taħtar avukat għal K.P., u ma kienx hemm reġistrazzjoni awdjoviżiva tal-interrogazzjoni. Bl-istess mod, K.P. ġie informat bid-dritt tiegħu li jkun assistit minn avukat, id-dritt li jitlob għajnuna legali f’każ li s-sitwazzjoni ekonomika tiegħu hekk tiġġustifika, bid-dritt tiegħu għal smigħ kif ukoll bid-dritt tiegħu li jibqa’ sieket, u li ma jirrispondix mistoqsijiet. K.P. talab aċċess għall-fajl tiegħu u r-raġunijiet għall-akkuża tiegħu, li kollha ngħataw bil-miktub lill-ommu fis‑27 ta’ Ottubru 2022. |
|
15. |
Fil‑15 ta’ Diċembru 2022, l-akkuża kontra K.P. ġiet ippreżentata mill-prosekutur pubbliku quddiem is-Sąd Rejonowy we Włocławku (il-Qorti Distrettwali ta’ Włocławek, il-Polonja). K.P. ħatar l-avukat privat tiegħu. |
|
16. |
B’digriet tat‑28 ta’ Frar 2023, il-qorti tar-rinviju ordnat lill-prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Distrettwali f’Włocławek biex jissupplimenta l-investigazzjoni billi jinterroga lil K.P. fil-preżenza ta’ avukat difensur u billi jinkisbu l-opinjonijiet ta’ psikjatri esperti dwar l-istat tas-saħħa mentali ta’ K.P. fil-ħin tar-reati u matul il-proċeduri. |
|
17. |
Fit‑3 ta’ Marzu 2023, il-prosekutur pubbliku appella minn dan id-digriet, billi sostna li l-provi ma kellhomx għalfejn jiġu ssupplimentati u li r-rekords mediċi diġà miksuba ma kinux jipprovdu raġunijiet biex K.P. jiġi eżaminat minn esperti biex jiddeterminaw l-istat tas-saħħa mentali tiegħu. Fid‑29 ta’ Marzu 2023, is-Sąd Okręgowy we Włocławku (il-Qorti Reġjonali ta’ Włocławek, il-Polonja) laqgħet l-appell tal-prosekutur pubbliku u rreferiet il-każ lura lill-qorti tar-rinviju. |
|
18. |
Il-qorti tar-rinviju tqis li d-Direttiva 2016/1919 u d-Direttiva 2013/48 ma ġewx implimentati b’mod korrett u komprensiv fl-ordinament ġuridiku Pollakk, u li b’hekk id-drittijiet mogħtija lil K.P. bħala persuna vulnerabbli mid-dritt tal-Unjoni Ewropea ġew miksura. |
|
19. |
Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, is-Sąd Rejonowy we Włocławku (il-Qorti Distrettwali ta’ Włocławek), il-qorti tar-rinviju, għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
20. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Distrettwali ta’ Wroclaw (il-Polonja), mill-Gvern Ċek u dak Pollakk u mill-Kummissjoni Ewropea. |
|
21. |
Ma sar l-ebda smigħ. |
III. Id‑dritt rilevanti
A. Id‑Direttiva 2013/48
|
22. |
L-Artikolu 3(1) sa (3) tad-Direttiva 2013/48 jistabbilixxi d-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċeduri kriminali kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat f’ħin u b’mod li l-persuni konċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw d-drittijiet tagħhom ta’ difiża b’mod prattiku u b’mod effettiv. 2. Il-persuni suspettati jew akkużati għandu jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ avukat mingħajr dewmien żejjed. Fi kwalunkwe każ, il-persuni suspettati jew akkużati għandu jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat mill-mument l-aktar qrib minn dawn li ġejjin:
3. Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat għandu jimplika dan li ġej:
|
|
23. |
L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2013/48, intitolat “Rimedji”, jipprovdi kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, kif ukoll persuni rikjesti fi proċedimenti relatati mal-mandat ta’ arrest Ewropew ikollhom rimedju effettiv skont il-liġi nazzjonali f’każ fejn ikun hemm ksur tad-drittijiet skont din id-Direttiva. 2. Mingħajr preġudizzju għar-regoli u s-sistemi nazzjonali dwar l-ammissibbiltà ta’ provi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi proċedimenti kriminali, fil-valutazzjoni ta’ stqarrijiet magħmulin minn persuni suspettati jew akkużati jew ta’ provi miksuba permezz ta’ ksur tad-dritt tagħhom għal avukat jew f’każijiet fejn tkun ġiet awtorizzata deroga għal dan id-dritt f’konformità mal-Artikolu 3(6), id-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-proċedimenti jiġu rispettati.” |
|
24. |
Fl-aħħar, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/48, intitolat “Persuni vulnerabbli”, jgħid: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jittieħed kont tal-bżonnijiet partikolari ta’ persuni suspettati u akkużati li huma vulnerabbli.” |
B. Id‑Direttiva 2016/1919
|
25. |
Id-Direttiva 2016/1919 tirregola l-għoti ta’ għajnuna legali lil persuni ssuspettati, akkużati jew persuni rikjesti f’mandat ta’ arrest Ewropew ( 6 ). L-Artikolu 2(1) tagħha jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kif ġej: “Din id-Direttiva tapplika għall-persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali li jkollhom dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat skont id-Direttiva 2013/48/UE u li:
|
|
26. |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/1919 jiddefinixxi l-għajnuna legali bħala “finanzjament minn Stat Membru tal-assistenza minn avukat, biex ikun possibbli l-eżerċitar tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat”. |
|
27. |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/1919 jirregola l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna legali fi proċeduri kriminali kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati u akkużati li ma jkollhomx biżżejjed riżorsi biex iħallsu għall-assistenza ta’ avukat ikollhom id-dritt għal għajnuna legali fejn l-interessi tal-ġustizzja jirrikjedu dan. 2. L-Istati Membri jistgħu japplikaw test tal-mezzi, test tal-mertu, jew it-tnejn li huma sabiex jiddeterminaw jekk l-għajnuna legali għandhiex tingħata skont il-paragrafu 1. 3. Fejn Stat Membru japplika test tal-mezzi, huwa għandu jqis il-fatturi rilevanti u oġġettivi kollha, bħad-dħul, il-kapital u s-sitwazzjoni tal-familja tal-persuna kkonċernata, kif ukoll l-ispejjeż tal-assistenza minn avukat, u l-istandard tal-għajxien f’dak l-Istat Membru, sabiex jiġi determinat jekk, f’konformità mal-kriterji applikabbli f’dak l-Istat Membru, persuna ssuspettata jew akkużata għandhiex biżżejjed riżorsi biex tħallas għall-assistenza minn avukat. 4. Fejn Stat Membru japplika test tal-mertu, huwa għandu jqis il-gravità tar-reat kriminali, il-kumplessità tal-każ u s-severità tas-sanzjoni li tista’ tiġi imposta, sabiex jiġi determinat jekk l-interessi tal-ġustizzja jirrikjedux l-għoti ta’ għajnuna legali. Fi kwalunkwe każ, għandu jitqies li t-test tal-mertu jkun ġie sodisfatt fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għajnuna legali tingħata mingħajr dewmien żejjed, u sa mhux aktar tard minn qabel l-interrogazzjoni mill-pulizija, minn awtorità oħra ta’ infurzar tal-liġi jew minn awtorità ġudizzjarja, jew qabel li l-atti investigattivi jew l-atti ta’ ġbir ta provi previsti fl-Artikolu 2(1)(c) jitwettqu. 6. L-għajnuna legali għandha tingħata għall-finijiet biss tal-proċedimenti kriminali fejn il-persuna kkonċernata tkun is-suspettata jew akkużata b’reat kriminali.” |
|
28. |
Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/1919, l-Istati Membri “għandhom jiżguraw li persuni ssuspettati jew akkużati u persuni rikjesti jkollhom rimedju effettiv taħt il-liġi nazzjonali f’każ ta’ ksur ta’ drittijiethom taħt din id-Direttiva”. |
|
29. |
Fl-aħħar, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/1919, intitolat “Persuni vulnerabbli”, jipprovdi li l-Istati Membri “għandhom jiżguraw li l-bżonnijiet partikolari ta’ persuni ssuspettati jew akkużati u persuni rikjesti vulnerabbli jitqiesu fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva”. |
IV. Analiżi
|
30. |
Il-ħmistax-il domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju jikkonċernaw diversi aspetti tal-proċeduri kriminali meta dawn jinvolvu persuna vulnerabbli. Sejjer inqasam l-analiżi tiegħi ta’ dawn id-domandi f’ħames suġġetti, waqt li fi ħdan kull wieħed minn dawn ser nanalizza mhux biss is-sustanza tad-domanda, iżda wkoll l-oġġezzjonijiet għall-inammissibbiltà mqajma minn xi wħud mill-parteċipanti fil-proċeduri. |
|
31. |
L-ewwel erbatax-il domanda jolqtu erba’ suġġetti rregolati mid-Direttivi 2013/48 u 2016/1919: il-vulnerabbiltà, ir-rimedji effettivi, it-trattament inuman jew degradanti, u l-effett dirett. Il-ħmistax-il domanda tirrigwarda l-indipendenza tal-prosekutur pubbliku, kwistjoni li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk iż-żewġ direttivi. Wara li nanalizza fil-qosor l-applikabbiltà taż-żewġ direttivi (Taqsima A), ser nindirizza kull wieħed mill-ħames suġġetti wara xulxin (Taqsimiet B sa F). |
A. Applikabbiltà taż‑żewġ direttivi inkwistjoni
|
32. |
Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2013/48, din id-direttiva tapplika “mill-mument meta [l-persuni ssuspettati jew akkużati] jiġu infurmati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, b’notifika uffiċjali jew b’mod ieħor, li huma suspettati jew akkużati li jkunu wettqu reat kriminali, u irrispettivament minn jekk ikunux miċħuda mil-libertà”. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat li dan jinkludi komunikazzjoni fi kwalunkwe forma; għalhekk, il-metodu li permezz tiegħu tali informazzjoni tasal għand il-persuna kkonċernata huwa irrilevanti ( 7 ). |
|
33. |
Meta jitqiesu l-fatti kif ippreżentati fil-punti 7 u 9 iktar ’il fuq, huwa ċar li d-Direttiva 2013/48 kienet tapplika għal K.P. mill-mument meta l-uffiċjali tal-pulizija talbuh jgħaddilhom kwalunkwe sustanza illegali, imbagħad immanettjawh, u arrestawh ( 8 ). |
|
34. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2016/1919 jippreċiża li din tapplika għal persuni li jkollhom dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat skont id-Direttiva 2013/48 u li jew jiġu mċaħħda mil-libertà tagħhom jew ikunu meħtieġa li jiġu assistiti minn avukat skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali. |
|
35. |
Jekk id-Direttiva 2016/1919 tapplikax għal K.P. għalhekk jiddependi fuq jekk għandux id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat skont id-Direttiva 2013/48. |
|
36. |
Skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2013/48, il-persuni ssuspettati jew akkużati “għandu jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ avukat mingħajr dewmien żejjed”. Skont l-Artikolu 3(2)(a), dan ikun il-każ fi kwalunkwe każ, tal-inqas “qabel ma jiġu interrogati mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja”. L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2016/1919 jippreċiża, b’mod parallel, li l-għajnuna legali għandha tingħata “mingħajr dewmien żejjed, u sa mhux aktar tard minn qabel l-interrogazzjoni mill-pulizija, minn awtorità oħra ta’ infurzar tal-liġi jew minn awtorità ġudizzjarja”. |
|
37. |
Għalhekk nikkonkludi li, skont id-Direttiva 2013/48, K.P. kellu jkun assistit minn avukat ( 9 ) u għalhekk jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/1919 ( 10 ). |
B. Vulnerabbiltà (l‑ewwel, it‑tieni, it‑tielet, is‑seba’, id‑disa’, u l-għaxar domanda)
|
38. |
Fl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-vulnerabbiltà ta’ persuna tipprojbixxix lill-awtoritajiet fi proċeduri kriminali milli jinterrogaw lil dik il-persuna mingħajr il-preżenza ta’ avukat difensur u mingħajr ma jaħtru għajnuna legali minkejja li l-kundizzjonijiet għaliha jiġu ssodisfatti. |
|
39. |
Fit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’każijiet fejn il-persuna kkonċernata tiġi mixlija b’att kriminali punibbli b’ċaħda tal-libertà, in-nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-vulnerabbiltà ta’ dik il-persuna għandux jiġi ddikjarat b’mod espliċitu f’deċiżjoni, li hija l-kundizzjoni biex l-interrogazzjoni ssir fl-assenza ta’ avukat difensur. |
|
40. |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 2016/1919 u d-Direttiva 2013/48 jintroduċux preżunzjoni ta’ vulnerabbiltà li l-awtoritajiet tal-Istati Membri huma obbligati li jirrispettaw matul il-proċeduri kriminali. |
|
41. |
Fis-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-obbligi li d-Direttiva 2013/48 u d-Direttiva 2016/1919 jimponu fuq l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiġi żgurat li l-vulnerabbiltà tiġi rrikonoxxuta kif ukoll dwar id-drittijiet fil-proċeduri kriminali li jinħolqu għall-persuna kkonċernata b’riżultat ta’ dan. |
|
42. |
Fid-disa’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-awtoritajiet kompetenti fil-proċeduri kriminali għandhomx l-obbligu li immedjatament jidentifikaw u jirrikonoxxu l-vulnerabbiltà ta’ persuna ssuspettata, jipprovdulha għajnuna legali, u joqgħodu lura milli jinterrogawha sakemm din l-għajnuna tiġi pprovduta. |
|
43. |
Fl-aħħar, fl-għaxar domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-disa’ domanda, l-Istati Membri għandhomx l-obbligu li jiddefinixxu b’mod ċar fid-dritt nazzjonali tagħhom ir-raġunijiet u l-kriterji għal derogi mill-identifikazzjoni u rikonoxximent immedjat tal-vulnerabbiltà ta’ persuna ssuspettata u li jiggarantixxu fil-konfront tagħha l-provvista ta’ għajnuna legali. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk tali deroga għandhiex tkun proporzjonali, limitata ratione temporis, u tirrispetta l-prinċipju ta’ ekwità proċedurali, li dwaru l-parti kkonċernata għandu jkollha d-dritt li titlob stħarriġ ġudizzjarju. |
|
44. |
Fattur komuni li jirfed dawn id-domandi jiddependi fuq il-kunċett ta’ vulnerabbiltà u l-obbligi tal-awtoritajiet nazzjonali li jidentifikawha fil-ħin u, konsegwentement, jipprovdu għal konsegwenzi xierqa. Fil-parti li jmiss, jien għalhekk ser nipprovdi gwida dwar min hija persuna vulnerabbli (subtaqsima 1)), segwita mill-interpretazzjoni taż-żewġ direttivi u l-obbligi li jimponu fuq l-awtoritajiet nazzjonali meta l-persuna ssuspettata jew akkużata tkun persuna vulnerabbli (subtaqsima 2)). |
1. Min jikkwalifika bħala persuna vulnerabbli?
|
45. |
Fl‑2009, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab għal approċċ gradwali fir-regolamentazzjoni tad-drittijiet proċedurali differenti fi proċeduri kriminali, inklużi salvagwardji speċjali għal persuni ssuspettati jew akkużati u li jkunu vulnerabbli ( 11 ). Madankollu, sa issa, din l-ambizzjoni leġiżlattiva, fir-rigward ta’ persuni vulnerabbli ( 12 ), intlaħqet biss fil-każ ta’ tfal li huma ssuspettati jew akkużati fil-proċeduri kriminali ( 13 ). |
|
46. |
Fl-assenza ta’ iktar leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tiddefinixxi l-vulnerabbiltà fil-proċeduri kriminali b’mod iktar wiesa’ ( 14 ), il-Kummissjoni ppubblikat Rakkomandazzjoni dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli ssuspettati jew akkużati fi proċeduri kriminali ( 15 ). |
|
47. |
Din tiddefinixxi persuni vulnerabbli bħala dawk li “mhumiex kapaċi jifhmu u jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċeduri kriminali minħabba l-età, il-kundizzjoni mentali jew fiżika tagħhom jew diżabbiltajiet” ( 16 ). |
|
48. |
Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tintroduċi l-preżunzjoni ta’ vulnerabbiltà, li tissuġġerixxi dan li ġej: “L-Istati Membri għandhom jipprevedu preżunzjoni tal-vulnerabbiltà b’mod partikolari għall-persuni b’diżabbiltajiet psikoloġiċi, intellettwali, fiżiċi jew sensorjali serji, jew mard mentali jew disturbi konjittivi, li jfixkluhom biex jifhmu u jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedimenti” ( 17 ). |
|
49. |
Il-mard mentali u d-disturbi mentali huma ġeneralment iktar diffiċli biex jiġu identifikati mill-vulnerabbiltà li tirriżulta minn età żgħira u l-letteratura hija kritika tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipproċedi b’direttiva għat-tfal biss, filwaqt li tillimita l-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli għal sempliċi rakkomandazzjoni ( 18 ). |
|
50. |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni hija att mhux vinkolanti li ma għandux il-forza legali meħtieġa biex jimponi obbligi definittivi fuq l-awtoritajiet nazzjonali fil-proċeduri kriminali. |
|
51. |
Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Grimaldi ( 19 ) li r-rakkomandazzjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qrati nazzjonali, din il-konstatazzjoni ma tfissirx li r-rakkomandazzjonijiet huma ta’ natura legalment vinkolanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement qieset li r-rakkomandazzjonijiet ma jistgħux jiġu injorati fl-interpretazzjoni ta’ normi oħra tad-dritt tal-Unjoni, iżda ma ssuġġerietx li dawn joħolqu xi obbligu fir-rigward tal-eżitu. Għalhekk ir-rakkomandazzjonijiet ma jimponux fuq il-qrati nazzjonali obbligu ta’ interpretazzjoni konformi. |
|
52. |
Il-fatt li l-Kunsill stieden lill-Istati Membri biex “iqisu” r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ( 20 ) lanqas ma jbiddel in-natura mhux vinkolanti tagħha. Fil-fatt, Stat Membru wieħed biss innotifika lill-Kummissjoni dwar il-miżuri neċessarji sabiex din ir-rakkomandazzjoni tingħata effett ( 21 ). |
|
53. |
Għalhekk, la d-definizzjoni ta’ persuna vulnerabbli u lanqas il-preżunzjoni ta’ vulnerabbiltà ta’ persuni b’ċerti diżabbiltajiet, mard jew disturbi, kif proposta mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (ara l-punti 47 u 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet), ma jorbtu lill-Istati Membri. |
|
54. |
Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet iktar speċifiċi fid-dritt tal-Unjoni lil hinn mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, nibqgħu bid-dispożizzjonijiet mera fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/48 ( 22 ) u fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/1919 ( 23 ), li jitolbu lill-Istati Membri biex jiżguraw li “jittieħed kont tal-bżonnijiet partikolari ta’ persuni ssuspettati u akkużati li huma vulnerabbli” ( 24 ). |
|
55. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/48, ikkonstatat li persuna li għandha mhux f’sensihom ( 25 ) għandha titqies bħala vulnerabbli. Dan huwa l-każ irrispettivament mill-fatt li d-direttiva inkwistjoni ma tispeċifikax b’mod espliċitu kategoriji ta’ persuni vulnerabbli ( 26 ). |
|
56. |
Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) tikkorrobora dan l-approċċ. Hija qieset li l-parteċipazzjoni fil-proċediment kriminali tkun effettiva jekk “l-akkużat jifhem sewwa n-natura tal-proċess u ta’ x’inhu ir-riskju għalih, inkluż is-sinifikat ta’ kwalunkwe piena li tista’ tiġi imposta” ( 27 ). |
|
57. |
Barra minn hekk, fl-evalwazzjoni tal-ġustizzja ġenerali tal-proċediment kriminali, il-Qorti EDB ġabret lista ta’ fatturi rilevanti, bl-ewwel fosthom tkun “jekk ir-rikorrent kienx partikolarment vulnerabbli, pereżempju, minħabba l-età jew il-kapaċità mentali tiegħu” ( 28 ). |
|
58. |
Fl-aħħar, il-Qorti EDB ikkonstatat ukoll li adult huwa partikolarment vulnerabbli f’każijiet ta’ alkoħoliżmu kroniku u/jew intossikazzjoni akuta bl-alkoħol, diżabilità fiżika jew kundizzjoni medika, appartenenza fi grupp soċjalment żvantaġġat, u disturb mentali ( 29 ). |
|
59. |
B’mod ġenerali, u mingħajr il-ħtieġa li tingħata definizzjoni eżawrjenti ta’ persuna vulnerabbli għall-finijiet tal-kawża preżenti, nistgħu nistabbilixxu b’ċertezza li persuni b’disturbi mentali, bħal K.P., huma meqjusa bħala persuni ssuspettati jew akkużati vulnerabbli skont id-dritt tal-Unjoni. |
|
60. |
Issa ser nirrikorri għall-obbligi li ż-żewġ direttivi inkwistjoni jimponu fuq l-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tat-trattament ta’ persuni vulnerabbli fl-istadju ta’ qabel il-proċess ta’ proċeduri kriminali u d-drittijiet korrelattivi li jgawdu l-persuni vulnerabbli. |
2. Obbligi għall‑awtoritajiet nazzjonali fil‑proċeduri kriminali meta l‑persuna ssuspettata jew akkużata tkun persuna vulnerabbli
|
61. |
Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/1919 għandu jinqara bħala li jintroduċi obbligu għall-awtoritajiet kompetenti li jagħmlu evalwazzjoni tal-vulnerabbiltà fil-każ fejn isiru konxji ta’ elementi li jissuġġerixxu ċertu disturb jew mard mentali. Skont il-Kummissjoni, interpretazzjoni differenti ċċaħħad lil din id-dispożizzjoni mill-effett utli tagħha. Din l-istituzzjoni testendi din l-interpretazzjoni wkoll biex tikkonstata li l-għajnuna legali ma tistax tiġi rrifjutata lil persuni vulnerabbli mingħajr ma l-ewwel ikun sar eżami tal-istat mentali tal-persuna kkonċernata. |
|
62. |
Il-Gvern Pollakk jargumenta bl-istess mod li d-dritt Pollakk jipprovdi wkoll li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu għajnuna legali kull meta jsiru jafu li l-persuna kkonċernata tista’ tkun vulnerabbli. Għall-kuntrarju tal-Kummissjoni, madankollu, dan il-gvern ma jirrikonoxxi l-ebda tip ta’ preżunzjoni ta’ vulnerabbiltà simili għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. |
|
63. |
Jiena naqbel mal-Gvern Pollakk li, kif diġà spjegajt ( 30 ), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, li skontha l-Istati Membri għandhom jipprevedu fis-sistema legali tagħhom preżunzjoni ta’ vulnerabbiltà f’ċerti sitwazzjonijiet, ma hijiex legalment vinkolanti. F’dan ir-rigward, inqis ukoll li l-modalitajiet ta’ determinazzjoni tal-vulnerabbiltà ta’ persuna, bħalissa, jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri. |
|
64. |
Madankollu, il-Kummissjoni għandha raġun targumenta li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/1919 – u, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/48 – jitlef kull utilità jekk ma jkunx hemm xi obbligu fuq l-awtoritajiet nazzjonali li jirrikonoxxu u jindirizzaw b’mod xieraq il-vulnerabbiltà ta’ persuna ssuspettata jew akkużata. Il-qrati nazzjonali għandhom jinterpretaw id-dritt nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u b’mod li dan tal-aħħar ma jitlifx l-effett tiegħu. |
|
65. |
L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/1919 u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/48 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirrikjedu li l-awtoritajiet kompetenti jkunu diliġenti fir-rigward tal-possibbiltà li persuna ssuspettata jew akkużata tkun vulnerabbli minħabba li jkollha diffikultajiet biex tifhem jew tipparteċipa fil-proċeduri ( 31 ). Dan l-obbligu għandu effett dirett. Jekk ikun hemm suspett ta’ vulnerabbiltà, l-awtoritajiet għandhom jieħdu miżuri speċjali biex jiżguraw li d-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 2013/48 u d-Direttiva 2016/1919 jiġu ssalvagwardati. |
|
66. |
Fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2013/48 jipprovdi li K.P., anki kieku ma kienx vulnerabbli, kellu jiġi assistit minn avukat waqt l-interrogazzjoni tal-pulizija u ċertament mingħajr dewmien żejjed wara ċ-ċaħda tal-libertà. Huwa iktar u iktar importanti li dan id-dritt jiġi rrispettat jekk il-persuna tkun vulnerabbli. |
|
67. |
Għalhekk nikkonkludi li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2013/48, moqri flimkien mal-Artikolu 13 tagħha, għandu effett dirett u għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti, li jkunu konxji mill-vulnerabilità potenzjali ta’ persuna ssuspettata jew akkużata, għandhom jiżguraw li dan tal-aħħar ikun assistit minn avukat. |
|
68. |
Fir-rigward tal-għoti tal-għajnuna legali, naqbel li jkun hemm interpretazzjoni analoga ( 32 ). |
|
69. |
F’sitwazzjonijiet li fihom tapplika d-Direttiva 2016/1919, l-għajnuna legali tista’ tingħata abbażi ta’ test tal-mezzi ( 33 ), jew ta’ test tal-mertu ( 34 ), jew tat-tnejn. B’mod ġenerali, l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li “l-persuni ssuspettati u akkużati li ma jkollhomx biżżejjed riżorsi biex iħallsu għall-assistenza ta’ avukat ikollhom id-dritt għal għajnuna legali fejn l-interessi tal-ġustizzja jirrikjedu dan”. |
|
70. |
Naqbel mal-parteċipanti kollha f’dan il-proċess li ladarba tiġi stabbilita l-vulnerabbiltà ta’ persuna ssuspettata jew akkużata, il-parteċipazzjoni effettiva tagħha fil-proċeduri tista’ tiġi ppreġudikata mingħajr l-għoti ta’ għajnuna legali. Dan huwa konformi mal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2016/1919, li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li l-għajnuna legali tingħata mingħajr dewmien żejjed u sa mhux iktar tard minn qabel l-ewwel interrogazzjoni mill-pulizija. |
|
71. |
Dan huwa iktar u iktar il-każ f’sitwazzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn is-sanzjoni preskritta hija ċ-ċaħda tal-libertà ( 35 ). |
|
72. |
Għalhekk nikkonkludi li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2016/1919, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) u (5) u l-Artikolu 9 tagħha għandhom effett dirett u għandhom jiġu interpretati li jfissru li l-awtoritajiet kompetenti li jkunu konxji mill-vulnerabbiltà potenzjali ta’ persuna ssuspettata jew akkużata għandhom jipprovdulha għajnuna legali. Dan huwa partikolarment importanti f’sitwazzjonijiet fejn l-allegat reat ikun punibbli biċ-ċaħda tal-libertà. |
3. Konklużjoni dwar il‑vulnerabbiltà
|
73. |
Id-dritt tal-Unjoni, fil-preżent, ma jimponix obbligu għall-Istati Membri li jintroduċu preżunzjoni ta’ vulnerabbiltà. Hija l-liġi nazzjonali li tistabbilixxi l-modalitajiet u l-proċeduri speċifiċi għad-determinazzjoni tal-vulnerabbiltà ta’ persuna. |
|
74. |
L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/1919 u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/48 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirrikjedu li l-awtoritajiet kompetenti jkunu diliġenti fir-rigward tal-possibbiltà li persuna ssuspettata jew akkużata tkun vulnerabbli minħabba li jkollha diffikultajiet biex tifhem jew tipparteċipa fil-proċeduri. Dan l-obbligu għandu effett dirett. Jekk ikun hemm suspett ta’ vulnerabbiltà, l-awtoritajiet għandhom jieħdu miżuri speċjali biex jiżguraw li d-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 2013/48 u d-Direttiva 2016/1919 jiġu ssalvagwardati. |
|
75. |
L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2013/48, moqri flimkien mal-Artikolu 13 tagħha, għandu effett dirett u għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti, li huma konxji mill-possibbiltà tal-vulnerabbiltà ta’ persuna ssuspettata jew akkużata, għandhom jiżguraw li dan tal-aħħar ikun assistit minn avukat. |
|
76. |
L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2016/1919, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) u (5) u l-Artikolu 9 tagħha, għandhom effett dirett u għandhom jiġu interpretati li jfissru li l-awtoritajiet kompetenti li jkunu konxji mill-vulnerabbiltà potenzjali ta’ persuna ssuspettata jew akkużata għandhom jipprovdulha għajnuna legali. Dan huwa partikolarment importanti f’sitwazzjonijiet fejn l-allegat reat ikun punibbli biċ-ċaħda tal-libertà. |
C. Rimedji (it‑tieni u l‑għaxar domanda)
|
77. |
Fit-tieni u fl-għaxar domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hemmx obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li kemm deċiżjoni li ssir l-interrogazzjoni ta’ persuna vulnerabbli mingħajr avukat, kif ukoll deċiżjoni li persuna vulnerabbli ma tiġix immedjatament identifikata u rrikonoxxuta, ikunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. |
|
78. |
L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2013/48 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/1919 it-tnejn jistipulaw li l-Istati Membri għandhom obbligu li jiżguraw li persuni ssuspettati jew akkużati jkollhom rimedju effettiv f’każ fejn ikun hemm ksur tad-drittijiet tagħhom taħt iż-żewġ direttivi. |
|
79. |
Id-dritt għal rimedju effettiv jinkludi d-dritt ta’ aċċess għall-qorti bis-setgħa li tevalwa u tirrimedja l-ksur tad-dritt abbażi d-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ilha li kkonfermat dan sa mis-sentenza tagħha fil-kawża Johnston ( 36 ) u l-istess rekwiżit illum jirriżulta mill-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
80. |
Madankollu, id-direttivi inkwistjoni ma jispeċifikawx il-konsegwenza li ssegwi jekk l-imħallef jikkonstata ksur tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat jew għall-għajnuna legali. Minflok, huma jħallu din l-għażla f’idejn l-Istati Membri, u jitolbu biss li r-rimedju magħżul ikun effettiv. |
|
81. |
B’mod iktar speċifiku, id-direttivi huma siekta fuq il-kwistjoni dwar jekk il-provi miġbura bi ksur ta’ tali dritt għandhomx jiġu mwarrba. Fil-fehma tiegħi dan huwa l-qofol tad-domanda tal-qorti tar-rinviju dwar jekk ċerti azzjonijiet tal-awtoritajiet imwettqa matul il-proċedura ta’ investigazzjoni humiex suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. |
|
82. |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-parteċipanti, b’mod partikolari l-Uffiċċju tal-Prosekutur Distrettwali, jagħmlu enfasi kbira fuq il-fatt li ż-żewġ dispożizzjonijiet ma fihomx regola li l-qorti tar-rinviju għandha tqis il-provi miġbura bi ksur tad-direttivi bħala inammissibbli, kwistjoni li ma hijiex irregolata mid-dritt tal-Unjoni. |
|
83. |
Bl-istess raġunament li użajt fil-kawża M.S. et ( 37 ), jiena naqbel mal-argument tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Distrettwali: il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni fil-preżent ma tirregolax l-ammissibbiltà tal-provi fi proċeduri kriminali nazzjonali. Il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-provi hija, sa issa, kwistjoni ta’ dritt nazzjonali ( 38 ). |
|
84. |
Madankollu, fejn japplika d-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti ma għandhomx jiksru l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta ( 39 ). |
|
85. |
Fil-fehma tiegħi, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, kif minquxa fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, jeħtieġ li l-imħallfin nazzjonali jkollhom il-flessibbiltà meħtieġa biex jevalwaw il-ġustizzja ġenerali tal-proċeduri. Jekk iqisu li parti mill-evidenza għandha titwarrab minħabba li tkun inġabret bi ksur tad-drittijiet tad-difiża, għandhom ikunu liberi li jwarrbuha. Fi kliem ieħor, id-dritt tal-Unjoni ma jirregolax l-ammissibbiltà tal-provi, iżda jipprevjeni lid-dritt nazzjonali milli jillimita s-setgħat tal-imħallfin tal-proċess biex jevalwaw il-provi b’mod liberu u jisiltu minn tali valutazzjoni kwalunkwe konsegwenza li jqisu meħtieġa ( 40 ). |
|
86. |
Approċċ simili huwa adottat ukoll mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li qieset li l-KEDB ma tirregolax l-ammissibbiltà tal-provi ( 41 ), peress li hija limitata għal evalwazzjoni ta’ jekk il-ġustizzja ġenerali tal-proċeduri ġietx ippreġudikata ( 42 ). |
|
87. |
Bħala konklużjoni, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeħtieġ li kull ksur ta’ dritt ibbażat fid-dritt tal-Unjoni jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju. L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2013/48 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/1919, madankollu, ma jispeċifikawx ir-rimedji xierqa, iżda minflok iħallu din l-għażla f’idejn l-Istati Membri, u jitolbu biss li r-rimedju magħżul ikun effettiv. Madankollu, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, kif minqux fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, jeħtieġ li l-imħallfin nazzjonali jkollhom il-flessibbiltà meħtieġa biex jevalwaw il-ġustizzja ġenerali tal-proċeduri. Jekk iqisu li xi evidenza għandha tiġi mwarrba minħabba li tkun inġabret bi ksur tad-drittijiet proċedurali li jammonta għal ksur tad-drittijiet tad-difiża, għandhom ikunu liberi li jwarrbuha. |
D. Trattament inuman jew degradanti (it‑tnax il‑domanda)
|
88. |
Fit-tnax-il domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-interrogazzjoni ta’ persuna ssuspettata minn uffiċjal tal-pulizija jew minn persuna oħra awtorizzata fi sptar psikjatriku, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni ta’ stat ta’ inċertezza, taħt kundizzjonijiet ta’ libertà partikolarment limitati li persuna tesprimi ruħha, b’vulnerabbiltà psikoloġika speċifika u fl-assenza ta’ avukat, tikkostitwixxix trattament inuman jew degradanti taħt l-Artikolu 4 tal-Karta. |
|
89. |
Skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, mill-inqas, tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi ( 43 ). |
|
90. |
Il-qorti tar-rinviju spjegat fid-deċiżjoni tar-rinviju li meta l-pulizija interrogat lil K.P. fl‑14 ta’ Ottubru 2022, huwa kien fi sptar psikjatriku. Madankollu, ma hemm l-ebda dettalji ulterjuri dwar din l-interrogazzjoni li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi gwida dwar il-potenzjal ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ trattament inuman u degradanti. |
|
91. |
Għal din ir-raġuni, minħabba l-assenza ta’ informazzjoni suffiċjenti, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara t-tnax-il domanda inammissibbli. |
|
92. |
Madankollu, għal finijiet ta’ kompletezza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lill-qorti nazzjonali bil-parametri rilevanti, li hija tkun tista’ mbagħad tuża meta tistabbilixxi l-fatti u tiddeċiedi dwar ksur potenzjali tal-projbizzjoni ta’ trattament inuman jew degradanti. |
|
93. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Jawo ( 44 ) li l-Artikolu 4 tal-Karta u l-Artikolu 3 tal-KEDB għandhom l-istess sens u ambitu. Huwa għalhekk utli li jsir riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 45 ). |
|
94. |
Fid-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ trattament inuman jew degradanti ta’ persuna vulnerabbli fil-proċeduri kriminali, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet fis-sentenza Khlaifia et vs L‑Italja li l-evalwazzjoni ta’ jekk trattament huwiex inuman jew degradanti hija “relattiva u tiddependi miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, prinċipalment it-tul tat-trattament, l-effetti fiżiċi jew mentali tiegħu u, f’xi każijiet, is-sess, l-età u l-istat tas-saħħa tal-vittma” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 46 ). |
|
95. |
Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ipprovdiet eżempji ta’ dak li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tas-severità tat-trattament fuq bażi ta’ każ b’każ. Dawn kienu jinkludu l-iskop li għalih sar it-trattament ħażin, flimkien mal-intenzjoni jew il-motivazzjoni warajh; il-kuntest li fih sar it-trattament ħażin, bħal atmosfera ta’ tensjoni u emozzjonijiet kbar; jekk il-vittma kinitx f’sitwazzjoni vulnerabbli, li normalment ikun il-każ għal persuni mċaħħda mil-libertà tagħhom ( 47 ). |
|
96. |
Li jista’ jiġi konkluż b’ċertezza huwa li s-sempliċi fatt li K.P. ġie interrogat fl-assenza ta’ avukat waqt li kien fi sptar psikjatriku ma jikkostitwixxix, bħala tali, trattament inuman jew degradanti, meta evalwat fil-kuntest tal-ġurisprudenza ċċitata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. |
|
97. |
Madankollu, l-evalwazzjoni tal-fatti, u kull konstatazzjoni ta’ ksur possibbli tal-Artikolu 4 tal-Karta, taqa’ fil-kompitu tal-qorti tar-rinviju. |
E. Effett dirett (ir‑raba’, il‑ħames, is‑sitt, it‑tmien, il‑ħdax, it‑tlettax u l‑erbatax‑il domanda)
|
98. |
Fir‑raba’, il‑ħames, is‑sitt, it‑tmien, il‑ħdax, it‑tlettax u l‑erbatax-il domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konsegwenzi li għandhom jinstiltu mill-effett dirett tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-direttivi inkwistjoni. |
|
99. |
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Distrettwali, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni jsostnu li l-erbatax-il domanda, dwar l-obbligi tal-prosekutur pubbliku matul l-istadju ta’ qabel il-proċess tal-proċeduri kriminali, hija irrilevanti għar-riżoluzzjoni tat-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju u għalhekk inammissibbli. |
|
100. |
Jiena ma naqbilx. Huwa ta’ rilevanza għall-qorti tar-rinviju jekk l-azzjonijiet tal-prosekutur pubbliku fl-istadju ta’ qabel il-proċess kinux konformi mad-dritt tal-Unjoni sabiex tkun tista’ tevalwa kif suppost, u possibbilment twarrab, il-provi quddiemha. Għalhekk jiena tal-fehma li l-erbatax-il domanda hija ammissibbli. |
|
101. |
Għandu jingħad ukoll li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Distrettwali jargumenta fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li ma hemm xejn problematiku fid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, iżda, pjuttost, li dawk involuti fil-proċeduri wettqu żbalji u ommissjonijiet fir-rigward ta’ K.P. |
|
102. |
Peress li fl-aħħar mill-aħħar din hija kwistjoni li taqa’ fil-kompitu tal-qorti tar-rinviju, jiena sejjer sempliċement niġbor fil-qosor il-konsegwenzi li jirriżultaw minn sitwazzjoni fejn id-dritt rilevanti tal-Unjoni, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa differenti mid-dritt nazzjonali kif interpretat mill-qorti tar-rinviju. |
|
103. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà spjegat f’diversi okkażjonijiet fil-ġurisprudenza tagħha l-konsegwenzi tal-effett dirett. Bl-istess mod kif għamilt fil-Kawża C‑603/22 M.S. et ( 48 ), għalhekk ser nillimita ruħi biex nirrepeti biss l-iktar konsegwenzi importanti li jikkonċernaw il-kawża preżenti. |
|
104. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja, bis-saħħa tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, għandha ġurisdizzjoni biex tinterpreta biss id-dritt tal-Unjoni, filwaqt li l-qrati nazzjonali għandhom is-setgħa esklużiva li jinterpretaw id-dritt nazzjonali ( 49 ). |
|
105. |
Skont din id-diviżjoni stretta tax-xogħol bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, din tal-ewwel ma għandhiex is-setgħa li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni ( 50 ). Hija l-qorti tar-rinviju, ladarba tkun irċeviet ir-risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tislet il-konsegwenzi meħtieġa għad-dritt nazzjonali applikabbli ( 51 ). |
|
106. |
Il-konsegwenzi ta’ konstatazzjoni potenzjali mill-qorti tar-rinviju ta’ inkompatibbiltà bejn id-dritt nazzjonali u tal-Unjoni huma dawn li ġejjin. |
|
107. |
Jekk qorti nazzjonali tista’ tinterpreta d-dispożizzjonijiet eżistenti tad-dritt nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija għandha tagħmel dan ( 52 ). Tali interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali u l-applikazzjoni tagħha għandha twassal lill-qorti tar-rinviju għall-istess riżultat bħal dak iddettat mid-dritt applikabbli tal-Unjoni. Fil-każ inkwistjoni, dan ifisser li għandu jeżisti dritt għal persuna vulnerabbli li l-awtoritajiet kompetenti jiddeterminaw il-vulnerabbiltà tagħha, li tiġi interrogata fil-preżenza tal-avukat, jew jekk ma jkollhiex avukat, li tkun ipprovduta b’għajnuna legali. |
|
108. |
Jekk il-qorti tar-rinviju ma tistax tinterpreta d-dritt nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, jidħol fis-seħħ il-prinċipju tal-effett dirett. Skont dan il-prinċipju, l-individwi jistgħu jinfurzaw id-drittijiet tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni billi jinvokaw direttament id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni quddiem il-qrati nazzjonali u l-qrati nazzjonali huma għaldaqstant obbligati jirrikonoxxu tali drittijiet billi japplikaw direttament id-dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni ( 53 ). |
|
109. |
F’każ li dawn id-drittijiet ikunu kunfliġġenti ma’ dak li huwa previst mid-dritt nazzjonali, id-dritt tal-Unjoni jagħti s-setgħa lill-qrati nazzjonali li jwarrbu tali dispożizzjonijiet kuntrarji tad-dritt nazzjonali. L-għoti ta’ din is-setgħa tirriżulta mill-effett ikkombinat tal-prinċipji kostituzzjonali tal-Unjoni ta’ effett dirett u s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni ( 54 ). |
|
110. |
Fil-qosor, il-qorti tar-rinviju għandha tipprova tneħħi kull ostakolu possibbli għar-rikonoxximent ta’ drittijiet taħt id-dritt tal-Unjoni billi tinterpreta d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali b’mod konformi. Jekk l-interpretazzjoni konformi ma tkunx possibbli, il-qorti tar-rinviju għandha twarrab ir-regoli nazzjonali kunfliġġenti u tagħti protezzjoni lil dawn id-drittijiet ibbażati fid-dritt tal-Unjoni. |
|
111. |
Fl-aħħar, ma humiex biss il-qrati nazzjonali li għandhom jagħtu effett sħiħ lid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali ( 55 ), u l-korpi l-oħra kollha tal-Istat ( 56 ). Għalhekk, l-interpretazzjoni konformi, l-effett dirett, u s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni jorbtu lill-korpi kollha tal-Istat, li huma wkoll meħtieġa jirrikonoxxu d-drittijiet taħt id-dritt tal-Unjoni. |
|
112. |
Dan ifisser li, matul l-istadju preliminari tal-proċeduri kriminali, il-prosekutur pubbliku u l-pulizija għandhom jirrikonoxxu d-drittijiet tal-persuni vulnerabbli u l-obbligi korrelattivi tagħhom stess ibbażati direttament fuq id-direttivi rilevanti. Huma għandhom jinterpretaw id-dritt nazzjonali f’konformità mar-riżultati kif meħtieġ minn dawn id-direttivi. Alternattivament, huma għandhom l-obbligu li jwarrbu r-regoli tad-dritt nazzjonali sabiex jippermettu l-protezzjoni ta’ persuni vulnerabbli, kif meħtieġ ukoll minn dawk id-direttivi. Dan jinkludi kwalunkwe regola tad-dritt nazzjonali li tipprevjeni prosekutur pubbliku li jkun qiegħed jittratta l-każ milli jagħti effett sħiħ lill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, bħal, pereżempju, struzzjonijiet vinkolanti minn prosekutur pubbliku superjuri, jew kwalunkwe korp ieħor. |
|
113. |
Jekk il-prosekutur pubbliku, jew korp ieħor li jittratta l-proċeduri kriminali, jonqos milli jagħti effett sħiħ lid-dritt tal-Unjoni (jew billi ma jinterpretax ir-regoli nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, jew billi japplika regoli nazzjonali li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni), il-qorti li quddiemha jkun pendenti l-proċess kriminali trid tikkonstata li dawn il-korpi tal-Istat kisru l-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni. |
F. Indipendenza tal‑prosekutur pubbliku
|
114. |
Fil-ħmistax-il domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 2 TUE, l-Artikolu 19(1) TUE, l-istat tad-dritt, il-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja u l-Artikolu 47 tal-Karta jeħtiġux li prosekutur pubbliku jkun indipendenti. |
|
115. |
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Distrettwali, il-Gvern Pollakk, u l-Kummissjoni kollha jesprimu dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda. |
|
116. |
Fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa stabbilit li d-domandi magħmula minn qorti nazzjonali, “fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li dik il-qorti hija responsabbli li tiddefinixxi, u li l-eżattezza tiegħu ma għandhiex tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza” ( 57 ). Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li r-risposta għad-domandi preliminari ma hijiex meħtieġa sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti s-sentenza fil-kawża li tkun adita biha, hija tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha ( 58 ). |
|
117. |
Ma jidhirlix li domanda dwar l-organizzazzjoni ġenerali tal-prosekuzzjoni pubblika fil-Polonja hija ta’ rilevanza diretta għall-proċeduri kriminali pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Irrispettivament mill-indipendenza tal-prosekutur pubbliku mill-eżekuttiv, dan għandu l-obbligu li jiżgura d-drittijiet ta’ persuni vulnerabbli fil-proċeduri kriminali, li huma jgawdu abbażi tad-dritt tal-Unjoni ( 59 ). |
|
118. |
Għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara l-ħmistax-il domanda inammissibbli. |
V. Konklużjoni
|
119. |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Sąd Rejonowy we Włocławku (il-Qorti Distrettwali, Włocławek, il-Polonja) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( i ) L-isem tal-kawża preżenti huwa isem fittizju. Dan ma jikkorrispondix mal-isem reali ta’ xi parti fil-proċeduri.
( 2 ) Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013, L 294, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2013/48”).
( 3 ) Direttiva (UE) 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2016 dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (ĠU 2016, L 297, p. 1), rettifika fil-ĠU 2017, L 91, p. 40 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2016/1919”).
( 4 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, K.B. u F.S. (Konstatazzjoni ex officio fil-qasam kriminali) (C‑660/21, EU:C:2023:498, punti 44, 49, u 53).
( 5 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Moro (C‑646/17, EU:C:2019:95, nota ta’ qiegħ il-paġna 15); konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża Spetsializirana prokuratura (Ittra tad-Drittijiet) (C‑649/19, EU:C:2020:758, punti 53 u 81); Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża K.B. u F.S. (Konstatazzjoni ex officio fil-qasam kriminali) (C‑660/21, EU:C:2023:52, nota ta’ qiegħ il-paġna 58); Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ćapeta fil-kawża M.S. et (Drittijiet proċedurali tal-minuri) (C‑603/22, EU:C:2024:157, noti ta’ qiegħ il-paġni 14 u 34); Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawżi 1Dream, 1Dream et u Lireva Investments u FORTRESS FINANCE (C‑767/22, C‑49/23 u C‑161/23, EU:C:2024:608, punt 55).
( 6 ) Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2016/1919: “Din id-Direttiva tikkomplementa d-Direttivi 2013/48/UE u (UE) 2016/800. Xejn f’din id-Direttiva ma għandu jiġi interpretat bħala limitazzjoni tad-drittijiet previsti f’dawk id-Direttivi.”
( 7 ) Sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Rayonna prokuratura Lovech, teritorialno otdelenie Lukovit (Tfittxija fiżika) (C‑209/22, EU:C:2023:634, punt 37). Fir-rigward ta’ kif din l-interpretazzjoni wiesgħa u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem huma allinjati, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fis-sentenza VW (Dritt ta’ aċċess għal avukat f’każ ta’ nuqqas ta’ dehra) (C‑659/18, EU:C:2019:940, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 8 ) Bl-istess mod, persuna titqies bħala persuna ssuspettata u għalhekk fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva f’sitwazzjoni fejn l-uffiċjali tal-pulizija jagħmlu “t-tfittxija fiżika tal-persuna kkonċernata u l-qbid ta’ dak li hija ddikjarat li għandha fuqha, dawn l-atti, minn naħa, jistabbilixxu li din il-persuna hija issa ssuspettata minn awtorità kompetenti u, min-naħa l-oħra, jinfurmaw impliċitament iżda neċessarjament lill-imsemmija persuna b’dan is-suspett”. Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Rayonna prokuratura Lovech, teritorialno otdelenie Lukovit (Tfittxija fiżika) (C‑209/22, EU:C:2023:634, punt 43).
( 9 ) Fil-proċess ma hemm ebda informazzjoni li tissuġġerixxi li K.P. irrinunzja għad-dritt tiegħu li jkun assistit minn avukat. Kieku kien għamel dan, madankollu, l-awtoritajiet kien ikollhom ir-responsabbiltà addizzjonali li jipprovdu lil K.P. b’“informazzjoni ċara u suffiċjenti, f’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem, fid-dawl tal-kundizzjoni tiegħu ta’ persuna vulnerabbli, dwar il-kontenut ta’ dan id-[dritt ta’ aċċess għal avukat] u dwar il-konsegwenzi eventwali ta’ rinunzja għalih”. Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2024, Stachev (C‑15/24 PPU, EU:C:2024:399, punt 64).
( 10 ) Il-kwistjoni dwar jekk kienx eliġibbli biex jirċievi għajnuna legali taħt il-kundizzjonijiet tad-Direttiva 2016/1919 hija kwistjoni differenti li ser nindirizza hawn taħt fit-Taqsima IV.B.2.
( 11 ) Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU 2009, C 295, p. 1).
( 12 ) Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li ma hemm l-ebda kunsens fost l-Istati Membri dwar il-kunċett ta’ vulnerabbiltà fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, intitolat Valutazzjoni tal-Impatt li Jakkumpanja d-dokument - Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-salvagwardji proċedurali għat-tfal ssuspettati jew mixlija fi proċedimenti kriminali, tas-27 ta’ Novembru 2013 (SWD(2013) 480 final, p. 12 sa 28).
( 13 ) Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 132, p. 1), premessi 4 sa 6.
( 14 ) Mergaerts, L., “Defence lawyers’ views on and identification of suspect vulnerability in criminal proceedings”, International Journal of the Legal Profession, Vol. 29(3), 2022, p. 281 u 283.
( 15 ) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas‑27 ta’ Novembru 2013 dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU 2013, C 378, p. 8) (iktar ’il quddiem ir-“Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni”). Għal kritika ta’ din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni bħala ġenerali u vaga, ara Meysman, M., “Quo vadis with vulnerable defendants in the EU?”European Criminal Law Review, Vol. 4(2), 2014, p. 179 u 188.
( 16 ) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, premessa 1. Għal kritika li din id-definizzjoni hija restrittiva wisq, ara Waddington, L., “Exploring vulnerability in EU law: An analysis of ‘vulnerability’ in EU criminal law and consumer protection law”, European Law Review, Vol. 45(6), 2020, p. 779 u 791.
( 17 ) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, punt 7. Il-Kummissjoni identifikat persuni b’kundizzjonijiet mentali (bħal pereżempju, dawk li jsofru minn kundizzjoni psikjatrika bħall-iskiżofrenja) bħala vulnerabbli lura fl‑2003. Ara l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar is-Salvagwardji Proċedurali għal Suspettati u Konvenuti fi Proċedimenti Kriminali fl-Unjoni Ewropea kollha (COM(2003) 75 final, 2004).
( 18 ) Dwar din il-kritika u b’mod aktar wiesa’ dwar ir-riluttanza tal-Kummissjoni li tinsisti għal att legalment vinkolanti għall-adulti vulnerabbli u l-problemi li jirriżultaw, ara Meysman, M., nota ta’ qiegħ il-paġna 15 iċċitata iktar ’il fuq, p. 191 sa 193. Dwar l-isfond li wassal għall-għażla aħħarija tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, ara van der Aa, S., “Variable vulnerabilities? Comparing the rights of adult vulnerable suspects and vulnerable victims under EU Law”New Journal of European Criminal Law, Vol. 7(1), 2016, p. 39, u 43 sa 47.
( 19 ) Il-qrati nazzjonali “għandhom iqisu r-rakkomandazzjonijiet sabiex jiddeċiedu tilwim sottomess lilhom, b’mod partikolari meta dawn jitfgħu dawl fuq l-interpretazzjoni tal-miżuri nazzjonali adottati sabiex jimplimentawhom jew fejn huma maħsuba biex jissupplimentaw dispożizzjonijiet Komunitarji vinkolanti”. Sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 1989, Grimaldi (C‑322/88, EU:C:1989:646, punt 18).
( 20 ) Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Protezzjoni ta’ Adulti Vulnerabbli madwar L-Unjoni Ewropea (ĠU 2021, C 330 I, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Konklużjonijiet tal-Kunsill”), p. 5 sa 6. Fl-istess dokumenti, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex “teżamina jekk hemmx bżonn li jissaħħu, b’mod komprensiv, is-salvagwardji proċedurali għall-adulti vulnerabbli li huma persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali”.
( 21 ) Ibid., punt 10.
( 22 ) Il-premessa 51 tad-Direttiva 2013/48 tgħid ukoll: “Id-dmir ta’ kura għal persuni suspettati jew akkużati li jinsabu f’pożizzjoni potenzjalment dgħajfa jirfed l-amministrazzjoni ġusta tal-ġustizzja. Il-prosekuzzjoni, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji għandhom għalhekk jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv minn tali persuni tad-drittijiet previsti f’din id-Direttiva, pereżempju billi jieħdu kont ta’ kwalunkwe vulnerabbiltà potenzjali li taffettwa l-abbiltà tagħhom li jeżerċitaw id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat u li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà tagħhom, u billi jieħdu passi adatti biex jiżguraw li dawk id-drittijiet huma garantiti.”
( 23 ) Il-premessa 18 tad-Direttiva 2016/1919 tiddikjara wkoll li: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu arranġamenti prattiċi fir-rigward tal-għoti ta’ għajnuna legali. Tali arranġamenti jistgħu jistabbilixxu li l-għajnuna legali tingħata b’segwitu għal talba minn persuna ssuspettata, persuna akkużata jew persuna rikjesta. Minħabba, b’mod partikolari, il-ħtiġijiet ta’ persuni vulnerabbli, tali talba m’għandhiex, madankollu, tkun kundizzjoni sostantiva għall-għoti tal-għajnuna legali.”
( 24 ) Dispożizzjoni simili teżisti fir-rigward tad-dritt għall-informazzjoni. Ara l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1).
( 25 ) “[i]l-persuni mhux f’sensihom għandhom jitqiesu li huma persuni vulnerabbli għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni peress li, minħabba problemi mentali serji, dawn il-persuni jirriskjaw li ma jifhmux l-informazzjoni li tiġi kkomunikata lilhom fir-rigward tad-drittijiet tagħhom.” Sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, Rayonna prokuratura Lom (C‑467/18, EU:C:2019:765, punt 47). Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-istess konklużjoni fir-rigward ta’ persuna illitterata fis-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2024, Stachev (C‑15/24 PPU, EU:C:2024:399, punt 60).
( 26 ) Sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, Rayonna prokuratura Lom (C‑467/18, EU:C:2019:765, punt 48).
( 27 ) Sentenza tal-Qorti EDB, 10 ta’ Novembru 2004, SC vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2004:0615JUD006095800, punt 29). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti EDB, 23 ta’ Marzu 2016, Blokhin vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2016:0323JUD004715206, punt 195).
( 28 ) Sentenza tal-Qorti EDB, 13 ta’ Settembru 2016, Ibrahim et vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2016:0913JUD005054108, punt 274).
( 29 ) Sentenzi tal-Qorti EDB, 31 ta’ Marzu 2009, Plonka vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2009:0331JUD002031002); 27 ta’ Jannar 2011, Bortnik vs L‑Ukraina (CE:ECHR:2011:0127JUD003958204); 16 ta’ Marzu 2010, Orsus et vs Il‑Kroazja (CE:ECHR:2010:0316JUD001576603); 23 ta’ Marzu 2016, Blohkin vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2016:0323JUD004715206); 16 ta’ Diċembru 2010, Borotyuk vs L‑Ukraina (CE:ECHR:2010:1216JUD003357904). Għal ħarsa ġenerali, ara Mergaerts, L. u Dehaghani, R., “Protecting vulnerable suspects in police investigations in Europe: Lessons learned from England and Wales and Belgium”, New Journal of European Criminal Law, Vol. 11(3), 2020, p. 313.
( 30 ) Ara l-punti 46 sa 53 iktar ’il fuq.
( 31 ) Il-qorti tar-rinviju spjegat li l-uffiċjali tal-pulizija nnotaw li K.P. kien qiegħed iġib ruħu u jitkellem b’mod inkoerenti. Din hija ċertament ċirkustanza li setgħet wasslithom biex jikkunsidraw il-possibbiltà li K.P. kien qiegħed ibati minn ċertu vulnerabbiltà.
( 32 ) Il-premessa 23 tad-Direttiva 2016/1919 tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw osservanza tal-Prinċipji u l-Linji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Aċċess għall-Għajnuna Legali fis-Sistemi tal-Ġustizzja Kriminali. Il-Prinċipju 10 ta’ dawn il-prinċipji u l-linji gwida jipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu miżuri speċjali biex jiżguraw li persuni b’inter alia mard mentali jkollhom aċċess effettiv għall-għajnuna legali. Disponibbli fuq: https://www.unodc.org/documents/justice-and-prison-reform/UN_principles_and_guidlines_on_access_to_legal_aid.pdf
( 33 ) Skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2016/1919, fl-applikazzjoni ta’ test tal-mezzi, l-Istat Membru “għandu jqis il-fatturi rilevanti u oġġettivi kollha, bħad-dħul, il-kapital u s-sitwazzjoni tal-familja tal-persuna kkonċernata, kif ukoll l-ispejjeż tal-assistenza minn avukat, u l-istandard tal-għajxien f’dak l-Istat Membru, sabiex jiġi determinat jekk, f’konformita’ mal-kriterji applikabbli f’dak l-Istat Membru, persuna ssuspettata jew akkużata għandhiex biżżejjed riżorsi biex tħallas għall-assistenza minn avukat”.
( 34 ) Skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2016/1919, fl-applikazzjoni ta’ test tal-mertu, l-Istat Membru “għandu jqis il-gravità tar-reat kriminali, il-kumplessità tal-każ u s-severità tas-sanzjoni li tista’ tiġi imposta, sabiex jiġi determinat jekk l-interessi tal-ġustizzja jirrikjedux l-għoti ta’ għajnuna legali. Fi kwalunkwe każ, għandu jitqies li t-test tal-mertu jkun ġie sodisfatt fis-sitwazzjonijiet li ġejjin: (a) fejn titressaq persuna ssuspettata jew akkużata quddiem qorti jew imħallef kompetenti sabiex tittieħed deċiżjoni dwar id-detenzjoni fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva; u (b) matul id-detenzjoni”.
( 35 ) Pereżempju, l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2016/1919 jelenka “il-gravità tar-reat kriminali, il-kumplessità tal-każ u s-severità tas-sanzjoni li tista’ tiġi imposta” bħala fatturi li l-Istati Membri jistgħu jqisu meta japplikaw it-test tal-mertu għall-għoti ta’ għajnuna legali.
( 36 ) Sentenza tal‑15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, EU:C:1986:206, punt 58).
( 37 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ćapeta fil-kawża M.S. et (Drittijiet proċedurali tal-minuri) (C‑603/22, EU:C:2024:157, punti 118 sa 127).
( 38 ) Dan ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-Direttiva 2016/800 fis-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2024, M.S. et (Drittijiet proċedurali tal-minuri) (C‑603/22, EU:C:2024:685, punti 169 sa 174). L-eċċezzjoni għal dan tista’ tinstab fl-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 14(7) tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 143, p. 16). Ara s-sentenza tat‑30 ta’ April 2024, M.N. (EncroChat) (C‑670/22, EU:C:2024:372, punti 126 sa 131).
( 39 ) Sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Rayonna prokuratura Lovech, teritorialno otdelenie Lukovit (Tfittxija fiżika) (C‑209/22, EU:C:2023:634, punti 58 sa 61).
( 40 ) Għall-istess konstatazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2016/800, fejn il-persuni vulnerabbli huma tfal, ara s-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2024, M.S. et (Drittijiet proċedurali tal-minuri) (C‑603/22, EU:C:2024:685, punti 167, 168, u 174).
( 41 ) Sentenzi tal-Qorti EDB, 12 ta’ Lulju 1988, Schenk vs L‑Isvizzera (CE:ECHR:1988:0712JUD001086284, punti 45 u 46); 1 ta’ Marzu 2007, Heglas vs Ir‑Repubblika Ċeka (CE:ECHR:2007:0301JUD000593502, punt 84); u 11 ta’ Lulju 2017, Moreira Ferreira vs Il‑Portugall (Nru. 2) (CE:ECHR:2017:0711JUD001986712, punt 83).
( 42 ) Sentenza tal-Qorti EDB, 17 ta’ Jannar 2017, Habran u Dalem vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2017:0117JUD004300011, punt 94).
( 43 ) Sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, Remia Com Impex (C‑10/23, EU:C:2024:259, punt 29).
( 44 ) Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 91).
( 45 ) Kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet, pereżempju, fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 165).
( 46 ) Sentenza tal-Qorti EDB, 15 ta’ Diċembru 2016, Khlaifia et vs L‑Italja (CE:ECHR:2016:1215JUD001648312, punt 159).
( 47 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem żiedet ma’ dan li “taħt din id-dispożizzjoni l-Istat għandu jiżgura li persuna tinżamm f’kundizzjonijiet li jiggarantixxu r-rispett tad-dinjità tal-bniedem, li l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-miżura ma jissottomettux lill-persuna kkonċernata għal tbatija jew għal prova ta’ tali intensità li taqbeż il-livell inevitabbli ta’ sofferenza inerenti għad-detenzjoni u li, fid-dawl tal-ħtiġijiet prattiċi tal-priġunerija, is-saħħa u l-benesseri tal-priġunier jiġu ggarantiti b’mod adegwat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ibid., punt 160.
( 48 ) Konklużjonijiet tiegħi fil-kawża M.S. et (Drittijiet proċedurali tal-minuri) (C‑603/22, EU:C:2024:157, punti 128 sa 135).
( 49 ) Sentenzi tas‑17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio (C‑295/97, EU:C:1999:313, punt 29), u tal‑15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 58).
( 50 ) Sentenza tal‑21 ta’ Jannar 1993, Deutsche Shell (C‑188/91, EU:C:1993:24, punt 27).
( 51 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio (C‑295/97, EU:C:1999:313, punt 32).
( 52 ) Sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 1990, Marleasing (C‑106/89, EU:C:1990:395, punt 8), u tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punti 23 sa 27).
( 53 ) Sentenzi tal‑5 ta’ Frar 1963, van Gend & Loos (C‑26/62, EU:C:1963:1, punt 13), tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett) (C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 37), u tal‑5 ta’ Settembru 2024, M.S. et (Drittijiet proċedurali tal-minuri) (C‑603/22, EU:C:2024:685, punt 118).
( 54 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin (C‑261/20, EU:C:2022:33, punti 25 u 26), u tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 53 u 54).
( 55 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo (C‑103/88, EU:C:1989:256, punt 31).
( 56 ) Sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality and Commissioner of An Garda Síochána (C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 38).
( 57 ) Sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Inspektor vs Inspektorata kam Visshia sadeben savet (Skopijiet tal-ipproċessar tad-data personali – Investigazzjoni kriminali) (C‑180/21, EU:C:2022:967, punt 66).
( 58 ) Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punti 43 u 45.
( 59 ) Il-ħmistax-il domanda tikkorrispondi kważi verbatim għad-domanda erbatax (b) magħmula fil-Kawża C‑603/22 M.S et. Kif għidt fil-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża, din id-domanda kienet inammissibbli peress li kienet, l-istess kif inhi f’dan il-każ, imneħħija mill-kuntest ta’ dik il-kawża, u għalhekk ipotetika. Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża M.S. et (Drittijiet proċedurali tal-minuri) (C‑603/22, EU:C:2024:157, punti 54 sa 59).