|
18.1.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 14/13 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ EUBAM LIBYA/1/2014
tal-14 ta’ Jannar 2014
dwar l-istabbiliment tal-Kumitat ta' Kontributuri għall-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya)
(2014/16/PESK)
IL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK tat-22 ta' Mejju 2013 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya) (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni 2013/233/PESK, il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għall-istabbiliment ta' Kumitat ta' Kontributuri (KtK) għall-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya). |
|
(2) |
Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Göteborg tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2001 stabbilixxew il-prinċipji gwida u l-arranġamenti għall-kontribuzzjonijiet minn Stati terzi għall-missjonijiet tal-pulizija. Fl-10 ta' Diċembru 2002, il-Kunsill approva d-dokument intitolat 'Konsultazzjonijiet u Modalitajiet għall-Kontribut ta' Stati mhux fl-UE għall-operazzjonijiet ċivili tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet' li kompla jiżviluppa l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni ta' Stati terzi fl-operazzjonijiet ċivili ta' maniġġar ta' kriżijiet, inkluż l-istabbiliment ta' KtK. |
|
(3) |
Il-KtK għandu jkun forum għad-diskussjoni tal-problemi kollha relatati mal-ġestjoni ta' EUBAM Libya mal-Istati terzi li jikkontribwixxu. Il-KPS, li jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' EUBAM Libya, għandu jieħu kont tal-fehmiet espressi mill-KtK, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment u termini ta' referenza
1. Huwa b'dan stabbilit Kumitat ta' Kontributuri (KtK) għall-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya).
2. It-termini ta' referenza tal-KtK huma stabbiliti fid-dokument intitolat 'Konsultazzjonijiet u Modalitajiet għall-Kontribut ta' Stati mhux fl-UE għall-operazzjonijiet ċivili tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet'.
Artikolu 2
Kompożizzjoni
1. Il-membri tal-KtK għandhom ikunu dawn li ġejjin:
|
— |
rappreżentanti tal-Istati Membri kollha, u |
|
— |
rappreżentanti ta' Stati terzi li jipparteċipaw fl-EUBAM Libya u li jipprovdu kontribuzzjonijiet. |
2. Rappreżentant tal-Kummissjoni jista' wkoll jattendi għal-laqgħat tal-KtK.
Artikolu 3
Informazzjoni mill-Kap tal-Missjoni
Il-Kap tal-Missjoni għandu jittrasmetti regolarment informazzjoni lill-KtK.
Artikolu 4
Presidenza
Il-KtK għandu jkun ippresedut mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jew ir-rappreżentant tiegħu jew tagħha.
Artikolu 5
Laqgħat
1. Il-KtK għandu jitlaqqa' mill-President fuq bażi regolari. Meta ċ-ċirkostanzi jitolbu dan, jistgħu jissejħu laqgħat ta' emerġenza fuq inizjattiva tal-President, jew fuq talba ta' membru.
2. Il-President għandu jiċċirkola minn qabel aġenda provviżorja u dokumenti relatati mal-laqgħa. Il-President għandu jkun responsabbli biex iwassal lill-KPS l-eżitu tad-diskussjonijiet tal-KtK.
Artikolu 6
Kunfidenzjalità
1. F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 (2), ir-regoli ta' sigurtà tal-Kunsill għandhom japplikaw għal-laqgħat u l-proċedimenti tal-KtK. B'mod partikolari, ir-rappreżentanti fil-KtK għandhom ikunu fil-pussess ta' awtorizzazzjoni adegwata ta' sigurtà.
2. Id-deliberazzjonijiet fil-KtK għandhom ikunu koperti bl-obbligu ta' segretezza professjonali, sakemm il-KtK ma jiddeċidix unanimament mod ieħor.
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Jannar 2014.
Għall-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà
Il-President
W. STEVENS
(1) ĠU L 138, 24.5.2013, p. 15
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).