European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3124

13.12.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/3124

tal-5 ta’ Diċembru 2024

li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja, f’isem l-Unjoni Ewropea, ir-reviżjoni tal-Protokoll tal-1999 għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfinali tal-Arja fuq Distanza Twila sabiex jitnaqqsu l-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-ożonu troposferiku

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis Transkonfinali tal-Arja fuq Distanza Twila (il-“Konvenzjoni”) (1), li ġiet iffirmata fl-1979 u daħlet fis-seħħ fl-1983, tistabbilixxi l-prinċipji ta’ kooperazzjoni internazzjonali biex jiġi indirizzat it-tniġġis tal-arja. L-Unjoni u l-Istati Membri kollha tagħha huma partijiet għall-Konvenzjoni.

(2)

L-Unjoni hija parti għall-Protokoll tal-1999 għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfinali tal-Arja Fuq Distanza Twila sabiex jitnaqqsu l-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-ożonu troposferiku (il-“Protokoll ta’ Gothenburg”), wara l-adeżjoni għaliha mill-Komunità Ewropea skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/507/KE (2). Il-Protokoll ta’ Gothenburg ġie emendat fl-2012, u l-Kunsill, bid-Deċiżjoni (UE) 2017/1757 (3), awtorizza l-aċċettazzjoni tal-emendi tal-2012.

(3)

L-impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet inklużi fil--Protokoll ta’ Gothenburg huma implimentati fil-liġi tal-Unjoni bid-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(4)

Il-Korp Eżekuttiv tal-Konvenzjoni nieda proċess biex jirrevedi l-Protokoll ta’ Gothenburg fit-43 sessjoni tiegħu f’Diċembru 2023 (5). Fuq dik il-bażi, in-negozjati dwar l-emendi għall-Protokoll ta’ Gothenburg huma mistennija li jibdew fl-44 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv li għandha ssir mid-9 sat-12 ta’ Diċembru 2024.

(5)

L-Unjoni, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tagħha, jenħtieġ li tipparteċipa fin-negozjati dwar ir-reviżjoni tal-Protokoll ta’ Gothenburg.

(6)

Jenħtieġ li l-pożizzjonijiet tal-Istati Membri jitqiesu b’mod adegwat matul in-negozjati dwar ir-reviżjoni tal-Protokoll ta’ Gothenburg. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma u tikkonsulta regolarment lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Ambjent Internazzjonali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tinnegozja, f’isem l-Unjoni, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, ir-reviżjoni tal-Protokoll tal-1999 għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis tal-Arja Transkonfinali fuq Distanza Twila sabiex jitnaqqsu l-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-ożonu troposferiku (“il-Protokoll ta’ Gothenburg”).

Artikolu 2

In-negozjati għandhom jitwettqu abbażi tad-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill stabbiliti fl-addendum ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

In-negozjati għandhom jitmexxew f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar Kwistjonijiet Ambjentali Internazzjonali, li huwa b’dan maħtur bħala l-kumitat speċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 218(4) tat-Trattat.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib matul il-proċess ta’ negozjar, bil-għan li tiġi żgurata l-unità fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni.

Artikolu 4

Il-Kunsill jista’ jirrieżamina l-kontenut tad-direttivi ta’ negozjati f’każ ta’ żviluppi rilevanti fl-2025 u l-2026, b’mod partikolari jekk il-livell ta’ ambizzjoni fin-negozjati jmur lil hinn mil-liġi rilevanti tal-Unjoni, u fi kwalunkwe każ wara s-46 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv imsemmi fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni, jekk ir-reviżjoni tal-Protokoll ta’ Gothenburg ma tkunx ġiet konkluża sa tmiem dik is-46 sessjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

NAGY B.


(1)  Il-Konvenzjoni dwar it-tniġġis transkonfinali tal-arja fuq distanza twila (ĠU L 171, 27.6.1981, p. 13).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/507/KE tat-13 ta’ Ġunju 2003 dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Protokoll għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila Sabiex Jitnaqqsu l-Aċidifikazzjoni, l-Ewtrofikazzjoni u l-Ożonu Troposferiku (ĠU L 179, 17.7.2003, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1757 tas-17 ta’ Lulju 2017 dwar l-aċċettazzjoni f’isem l-Unjoni Ewropea ta’ Emenda lill-Protokoll tal-1999 għall-Konvenzjoni tal-1979 fuq it-Tniġġis tal-Arja Transkonfini fuq Distanza Kbira Sabiex Jitnaqqsu l-Aċidifikazzjoni, l-Ewtrofikazzjoni u l-Ożonu Troposferiku (ĠU L 248, 27.9.2017, p. 3).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi, li temenda d-Direttiva 2003/35/KE u li tħassar id-Direttiva 2001/81/KE (ĠU L 344, 17.12.2016, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni 2023/5 li tniedi proċess biex jiġi rivedut il-Protokoll għat-Tnaqqis tal-Aċidifikazzjoni, l-Ewtrofikazzjoni u l-Ożonu Troposferiku, kif emendat fl-2012 u biex jiġu indirizzati konklużjonijiet oħra tar-reviżjoni tagħha tal-Korp Eżekuttiv tal-Konvenzjoni (ECE/EB.AIR/154), Ġinevra, 11–14 ta’ Diċembru 2023.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3124/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)