KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fil‑11 ta’ Settembru 2025 ( 1 )

Kawża C‑311/24

Bundeswettbewerbsbehörde

vs

M. GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Kompetizzjoni – Direttiva (UE) 2019/633 – Prattiki kummerċjali żleali – Artikolu 6(1)(e) – Istanzi ta’ ksur – Xerrej li jitlob lil diversi fornituri tiegħu jwettqu ħlas mingħajr rabta mal-bejgħ ta’ prodotti agrikoli u tal-ikel – Kumulu ta’ multi (waħda għal kull fornitur li kien ġie kkuntattjat) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi multa sa ammont ta’ EUR 500000 għal kull ksur”

I. Introduzzjoni

1.

M. GmbH, kumpannija b’responsabbiltà limitata, topera ħwienet tal-bejgħ bl-imnut ta’ prodotti tal-ikel fl-Awstrija. Wara r-riperkussjonijiet negattivi kkawżati mill-pandemija tal-COVID‑19 fuq il-klijenti tagħha u l-inflazzjoni li affettwat b’mod partikolari l-ispejjeż tal-enerġija, din il-kumpannija sabet ruħha f’diffikultà finanzjarja u ddeċidiet, sabiex tindirizzaha, li tibda proċess ta’ trasformazzjoni li hija kellha l-intenzjoni li tiffinanzja, parzjalment, mill-fornituri tagħha. Għaldaqstant l-imsemmija kumpannija bagħtet, b’mod simultanju, lil sittax mill-fornituri tagħha posta elettronika li tispjega l-pjan tagħha, flimkien ma’ fattura pro forma li tindika l-ammont li kellu jitħallas bħala kontribut għal dan il-pjan ta’ trasformazzjoni. Il-Bundeswettbewerbsbehörde (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem il-“BWB”) ressqet sittax-il talba kontra l-istess kumpannija quddiem il-qorti Awstrijaka kompetenti, intiżi għall-impożizzjoni ta’ multa abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

2.

F’dan il-kuntest, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), li ġiet adita b’erbgħa minn dawn it-talbiet, tistaqsi, essenzjalment, minn naħa, dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, li tippermetti li sett ta’ prattiki kummerċjali żleali pprojbiti jiġi kklassifikat bħala “ksur uniku” meta dawn tal-aħħar jikkostitwixxu istanzi ta’ ksur imwettqa b’att uniku kif ukoll li tiġi imposta multa unika għal dan is-sett, u, min-naħa l-oħra, dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ limitu massimu tal-multa prevista sabiex jiġi ssanzjonat ksur ikkostitwit minn prattika kummerċjali żleali waħda jew iktar.

3.

Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tiddeċiedi, għall-ewwel darba, dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/633 ( 2 ) u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 6(1)(e) tagħha, li jagħti lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar is-setgħa li jimponu multi u sanzjonijiet oħra daqstant effettivi u li jieħdu miżuri provviżorji fil-konfront tal-awtur tal-ksur jew li jibdew proċedura għal dan l-għan, skont ir-regoli u l-proċeduri nazzjonali ( 3 ). B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tintalab tipprovdi preċiżazzjonijiet importanti dwar il-modalitajiet ta’ sanzjoni tal-aġir ipprojbit mill-imsemmija direttiva.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

4.

Skont il-premessi 1, 8, 9, 14, 34 u 39 tad-Direttiva 2019/633:

“(1)

Fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari, ta’ spiss ikun hemm żbilanċi sinifikanti fis-saħħa tan-negozjar bejn il-fornituri u x-xerrejja ta’ prodotti agrikoli u alimentari. Dawk l-iżbilanċi fis-saħħa tan-negozjar x’aktarx li jwasslu għal prattiki kummerċjali inġusti meta sħab kummerċjali akbar u b’aktar saħħa jippruvaw jimponu ċerti prattiki jew arranġamenti kuntrattwali fir-rigward ta’ transazzjoni ta’ bejgħ li jkunu għall-vantaġġ tagħhom. […] Jenħtieġ li jiġi introdott standard minimu tal-Unjoni għall-protezzjoni minn prattiki kummerċjali inġusti biex titnaqqas l-okkorrenza ta’ dawn il-prattiki li x’aktarx ikollhom impatt negattiv fuq l-istandards ta’ għajxien tal-komunità agrikoli. L-approċċ ta’ armonizzazzjoni minima f’din id-Direttiva jippermetti lill-Istati Membri jadottaw jew iżommu regoli nazzjonali li jmorru lil hinn mill-prattiki kummerċjali inġusti elenkati f’din id-Direttiva.

[…]

(8)

Il-maġġoranza tal-Istati Membri, iżda mhux kollha, għandhom regoli nazzjonali speċifiċi li jipproteġu l-fornituri minn prattiki kummerċjali inġusti li jseħħu fir-relazzjonijiet minn bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari. […] Għalhekk, ċerti Stati Membri li għandhom regoli speċifiċi dwar prattiki kummerċjali inġusti jafdaw l-infurzar ta’ tali regoli f’idejn l-awtoritajiet amministrattivi. Madankollu, ir-regoli tal-Istati Membri dwar prattiki kummerċjali inġusti – sa fejn jeżistu – huma kkaratterizzati minn diverġenza sinifikanti.

(9)

L-għadd u d-daqs tal-operaturi jvarjaw tul l-istadji differenti tal-katina tal-provvista agrikola u alimentari. Differenzi fis-saħħa tan-negozjar, li jikkorrispondu għad-dipendenza ekonomika tal-fornitur fuq ix-xerrej, x’aktarx li jwasslu lill-operaturi akbar biex jimponu prattiki kummerċjali inġusti fuq operaturi iżgħar. Approċċ dinamiku, li jkun ibbażat fuq id-daqs relattiv tal-fornitur u tax-xerrej f’termini ta’ fatturat, jenħtieġ li jipprovdi protezzjoni minn prattiki kummerċjali inġusti li tkun aħjar għal dawk l-operaturi li għandhom l-aktar bżonnha. […]

[…]

(14)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għall-imġiba kummerċjali ta’ operaturi akbar lejn operaturi li jkollhom anqas saħħa tan-negozjar. Approssimazzjoni xierqa tas-saħħa tan-negozjar relattiva hija l-fatturat annwali tal-operaturi differenti. […] Limitu massimu jenħtieġ li jipprevjeni li tingħata protezzjoni lill-operaturi li mhumiex vulnerabbli jew li huma sew anqas vulnerabbli minn sħab jew kompetituri iżgħar minnhom. Għaldaqstant, din id-Direttiva tistabbilixxi kategoriji ta’ operaturi bbbażati fuq il-fatturat tagħhom li skonthom tingħata protezzjoni.

[…]

(34)

L-eżistenza ta’ deterrent, bħas-setgħa li jiġu imposti, jew li jingħata bidu għal proċedimenti, pereżempju proċedimenti ġudizzjarji, għall-impożizzjoni ta’ multi, jew penali oħra ugwalment effettivi, u li jiġu ppubblikati r-riżultati tal-investigazzjonijiet, inkluż il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni li tirrigwarda x-xerrejja li jkunu wettqu l-ksur, tista’ tinkoraġġixxi bidliet fl-imġiba u soluzzjonijiet prekontenzjużi bejn il-partijiet, u għalhekk jenħtieġ li tkun parti mis-setgħat tal-awtoritajiet tal-infurzar. Il-multi jistgħu jkunu partikularment effettivi u dissważivi. Madankollu, jenħtieġ li l-awtorità tal-infurzar tkun tista’ tiddeċiedi f’kull investigazzjoni liema setgħa minn tagħha ser teżerċita u jekk timponix multa jew tinizjax proċedimenti għall-impożizzjoni ta’ multa jew xi penali oħra ugwalment effettiva.

[…]

(39)

Billi maġġoranza tal-Istati Membri diġà għandhom regoli nazzjonali dwar prattiki kummerċjali inġusti, għalkemm regoli diverġenti, huwa xieraq li tintuża Direttiva sabiex jiġi introdott standard minimu ta’ protezzjoni skont id-dritt tal-Unjoni. Dan jenħtieġ li jippermetti lill-Istati Membri jintegraw ir-regoli rilevanti fl-ordni legali nazzjonali tagħhom b’mod li jippermetti l-istabbiliment ta’ reġimi koeżivi. L-Istati Membri jenħtieġ li ma jkunux preklużi milli jżommu jew milli jintroduċu fit-territorju tagħhom regoli nazzjonali aktar stretti li jipprevedu livell ogħla ta’ protezzjoni minn prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari, soġġett għal-limiti tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-funzjonament tas-suq intern, dment li tali regoli jkunu proporzjonati.”

5.

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Bil-ħsieb li jiġu miġġielda prattiki li jiddevjaw b’mod qawwi minn imġiba kummerċjali korretta, li huma kuntrarji għall-bona fide u n-negozjar ġust u li jiġu imposti b’mod unilaterali minn wieħed mis-sħab kummerċjali fuq l-ieħor, din id-Direttiva tistabbilixxi lista minima ta’ prattiki kummerċjali inġusti pprojbiti fir-relazzjonijiet bejn ix-xerrejja u l-fornituri fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari u tistabbilixxi regoli minimi rigward l-infurzar ta’ dawk il-projbizzjonijiet u arranġamenti għall-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar.

2.   Din id-Direttiva tapplika għal ċerti prattiki kummerċjali inġusti li jokkorru b’rabta mal-bejgħ ta’ prodotti agrikoli u alimentari minn:

(a)

fornituri li jkollhom fatturat annwali li ma jaqbiżx EUR 2000000 lil xerrejja li jkollhom fatturat annwali ta’ aktar minn EUR 2000000;

(b)

fornituri li jkollhom fatturat annwali ta’ aktar minn EUR 2000000 u li ma jaqbiżx EUR 10000000 lil xerrejja li jkollhom fatturat annwali ta’ aktar minn EUR 10000000;

(c)

fornituri li jkollhom fatturat annwali ta’ aktar minn EUR 10000000 u li ma jaqbiżx EUR 50000000 lil xerrejja li jkollhom fatturat annwali ta’ aktar minn EUR 50000000;

(d)

fornituri li jkollhom fatturat annwali ta’ aktar minn EUR 50000000 u li ma jaqbiżx EUR 150000000 lil xerrejja li jkollhom fatturat annwali ta’ aktar minn EUR 150000000;

(e)

fornituri li jkollhom fatturat annwali ta’ aktar minn EUR 150000000 u li ma jaqbiżx EUR 350000000 lil xerrejja li jkollhom fatturat annwali ta’ aktar minn EUR 350000000.

[…]”

6.

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali inġusti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(d) tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-anqas jiġu ppojbiti l-prattiki kummerċjali inġusti kollha li ġejjin::

[…]

(d)

ix-xerrej jirrikjedi pagamenti mill-fornitur li ma jkunux relatati mal-bejgħ tal-prodotti agrikoli u alimentari tal-fornitur.”

7.

L-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Setgħat tal-awtoritajiet tal-infurzar”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull waħda mill-awtoritajiet tal-infurzar tagħhom ikollha r-riżorsi u l-għarfien espert neċessarji biex twettaq id-dmirijiet tagħha, u għandhom jagħtuha s-setgħat li ġejjin:

[…]

(d)

is-setgħa li tieħu deċiżjonijiet li jikkonkludu li kien hemm ksur tal-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 u li jirrikjedu li x-xerrej iġib fi tmiem il-prattika kummerċjali projbita […];

(e)

is-setgħa li timponi, jew li tagħti bidu għal proċedimenti għall-impożizzjoni ta’ multi u penali oħra ugwalment effettivi u miżuri proviżorji fuq l-awtur tal-ksur, f’konformità mar-regoli u proċeduri nazzjonali;

[…]

Il-penali msemmija fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, filwaqt li jittieħed kont tan-natura, id-durata, ir-rikorrenza u l-gravità tal-ksur.”

B.   Id-dritt Awstrijak

8.

Il-Bundesgesetz zur Verbesserung der Nahversorgung und der Wettbewerbsbedingungen Faire-Wettbewerbsbedingungen-Gesetz) (il-Liġi Awstrijaka dwar Titjib fil-Provvista fil-Viċinanza u fil-Kundizzjonijiet tal-Kompetizzjoni sabiex Jiġu Ggarantiti Kundizzjonijiet tal-Kompetizzjoni Leali) ( 4 ), kif emendata, fl-aħħar lok, mill-Bundesgesetz, mit dem das Bundesgesetz zur Verbesserung der Nahversorgung und der Wettbewerbsbedingungen geändert wird (il-Liġi Awstrijaka li Temenda l-Liġi dwar Titjib fil-Provvista fil-Viċinanza u fil-Kundizzjonijiet tal-Kompetizzjoni), tal‑31 ta’ Diċembru 2021 (iktar ’il quddiem il-“FWBG”) ( 5 ), tittrasponi d-Direttiva 2019/633 fid-dritt Awstrijak.

9.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5c(1) u tal-punt 4 tal-Anness I tal-FWBG jittrasponu b’mod identiku l-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

10.

L-Artikolu 6(2) tal-FWBG, li jittrasponi l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, huwa fformulat kif ġej:

“Fuq talba tal-awtorità responsabbli għall-investigazzjoni għall-finijiet tat-Taqsima 2, il-qorti kompetenti fil-qasam tal-akkordji tista’ timponi fuq xerrej fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 5b, li jikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5c, multa ta’ ammont massimu ta’ EUR 500000. Il-kalkolu tal-ammont tal-multa għandu jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-gravità u t-tul tal-ksur, l-arrikkiment miksub bis-saħħa ta’ dan tal-aħħar, il-livell ta’ responsabbiltà u l-kapaċità ekonomika. L-Artikolu 33 tal-KartG 2005 għandu japplika mutatis mutandis.”

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11.

M. GmbH hija kumpannija b’responsabbiltà limitata li topera ħwienet tal-bejgħ bl-imnut ta’ prodotti tal-ikel fl-Awstrija.

12.

Milquta fuq livell ekonomiku mir-riperkussjonijiet negattivi kkawżati mill-pandemija tal-COVID‑19 fuq it-turiżmu, li minnhom irriżultaw telf ta’ klijenti fil-qasam tal-bejgħ bl-imnut ta’ prodotti tal-ikel u żidiet fi spejjeż, din il-kumpannija bdiet proċess ta’ ristrutturazzjoni kompleta. Għal dan il-għan, din tal-aħħar irreklutat konsulent estern, li taha l-parir li titlob kontribut finanzjarju mingħand il-fornituri tagħha sabiex tikkumpensa parzjalment għall-ispejjeż għoljin marbuta ma’ tali proċess.

13.

Fis‑16 ta’ Mejju 2023, l-imsemmija kumpannija ppreżentat dan il-proġett billi organizzat online “Konferenza għall-Fornituri” (“Supplier Day”) li fil-kuntest tiegħu hija tat lill-fornituri tagħha deskrizzjoni qasira tas-sitwazzjoni attwali tas-suq u tal-problemi relatati kif ukoll tat-telf li hija kienet qiegħda ġarrab. Hija spjegat il-proċess ta’ trasformazzjoni tagħha li l-għan tiegħu kien il-professjonalizzazzjoni tal-ġestjoni tal-kategoriji (“Category Management”) u l-ottimizzazzjoni tal-proċessi interni. Barra minn hekk, din tal-aħħar spjegat il-bżonn tagħha ta’ investiment lill-fornituri tagħha billi enfasizzat in-neċessità li jsir investiment f’unitajiet ta’ produzzjoni tal-idroġenu li ma jagħmlux ħsara lill-klima u fi flotta ta’ trakkijiet newtrali f’termini ta’ CO2. F’dan ir-rigward, l-istess kumpannija indikatilhom li kellha bżonn il-kontribut finanzjarju tagħhom sabiex twettaq tali proġett, u li, kieku kienu disposti li jagħtuha l-appoġġ tagħhom, hija kienet tieħu dan inkunsiderazzjoni.

14.

Fis‑17 ta’ Mejju 2023, M. GmbH bagħtet, b’mod simultanju, lil kull wieħed mill-fornituri tagħha waħda minn żewġ varjanti tal-istess posta elettronika, skont jekk kinux ipparteċipaw jew le fil-konferenza msemmija iktar ’il fuq. F’din il-posta elettronika, hija talbithom iħallsu kontribut ta’ ammont partikolari sabiex jipparteċipaw fil-finanzjament tal-proċess ta’ trasformazzjoni li din tal-aħħar kienet qiegħda tipprospetta li twettaq. Din il-posta elettronika kellha magħha fatturi pro forma li kienu jinkludu diversi ammonti f’daqqa. B’eċċezzjoni tal-ammont tal-fattura pro forma u tad-distinzjoni skont jekk il-fornitur ikkonċernat kienx ipparteċipa jew le f’din il-konferenza, l-imsemmija posta elettronika kienet identika għall-fornituri kollha. Madankollu, fuq inizjattiva tagħha stess, din il-kumpannija ddeċidiet li ttemm il-programm ta’ talba għal investimenti, li tannulla l-fatturi pro forma annessi mal-istess posta elettronika mibgħuta u li tirrimborsa l-ammonti diġà mħallsa minn ċerti fornituri. B’kollox, tnejn biss mis-sittax-il fornitur iddeċidew li jilqgħu t-talba għal investimenti u li jħallsu l-ammonti indikati fuq il-fatturi pro forma annessi mal-posta elettronika mibgħuta.

15.

Il-BWB ikkonstatat li, bħala xerrej, M. GmbH kienet talbet mingħand sittax-il fornitur tagħha ħlas li ma kellux rabta mal-bejgħ ta’ prodotti agrikoli u tal-ikel. Din l-awtorità qieset li kull waħda mit-talbiet għal ħlas kienet tikkostitwixxi ksur separat li jmur kontra d-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 5c(1) u tal-punt 4 tal-Anness I tal-FWBG, li jittrasponu l-Artikolu 3(1)(d) tad-Direttiva 2019/633 fid-dritt Awstrijak. Għalhekk fl‑10 ta’ Novembru 2023, hija adixxiet il-qorti Awstrijaka kompetenti b’sittax-il talba kontra M. GmbH intiżi għall-impożizzjoni ta’ multa raġonevoli abbażi tal-Artikolu 6(2) tal-FWBG ( 6 ).

16.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 6(2) tal-FWBG jipprevedi sanzjoni ta’ natura kriminali. Skont il-kummentarji dwar id-dritt kriminali Awstrijak, l-aġir allegat fil-konfront ta’ M. GmbH għandu jiġi kklassifikat bħala “ksur uniku” peress li jirrappreżenta uniċità ta’ azzjoni ġuridika li tikkostitwixxi ksur (“tatbestandliche Handlungseinheit”). Għaldaqstant, din il-qorti tindika li anki jekk il-fatti allegati jirrigwardaw relazzjonijiet ma’ sittax-il fornitur separati, għandha tiġi imposta multa unika ta’ ammont massimu ta’ EUR 500000, kif previst fl-Artikolu 6(2) ta’ din il-liġi.

17.

Madankollu, dik il-qorti kellha dubji dwar il-kwistjoni jekk dan ir-riżultat jippermettix li jintlaħaq l-għan imfittex mid-Direttiva 2019/633, jiġifieri ċertu bbilanċjar mill-ġdid bejn is-setgħa ta’ nnegozjar tax-xerrejja u dik tal-fornituri fil-katina tal-provvista agrikola u tal-ikel, peress li bbilanċjar mill-ġdid, fil-fehma tagħha, jista’ jseħħ biss fuq il-livell tar-relazzjoni individwali bejn xerrej u fornitur. Fil-każ li jirriżulta li l-klassifikazzjoni bħala “ksur uniku” ma hijiex konformi ma’ din id-direttiva, l-istess qorti tistaqsi jekk l-imsemmija direttiva tipprekludix l-impożizzjoni ta’ multi separati għal kull waħda mill-istanzi ta’ ksur ikkonstatati b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kumulu tas-sanzjonijiet.

18.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.a.

L-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva [2019/633] għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn xerrej, abbażi ta’ deċiżjoni fformulata minnu b’mod uniformi, jitlob fl-istess jum u b’mod separat ħlas mingħand diversi fornituri li jgawdu minn protezzjoni taħt l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, bi ksur tal-Artikolu 3(1)(d) tal-imsemmija direttiva, jipprekludi dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprovdi li dawn it-talbiet għal ħlas għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kollha flimkien bħala ksur wieħed (unità tal-azzjoni) u għalhekk għandhom jiġu ssanzjonati darba biss?

1.b.

Għall-finijiet tar-risposta għall-parti (a) ta’ din l-ewwel domanda, fid-dawl tar-rekwiżit, previst fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2019/633, li s-sanzjoni għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva fid-dawl tan-natura, tat-tul, tan-natura rrepetuta u tal-gravità tal-ksur, huwa rilevanti l-fatt li, skont ir-regola nazzjonali Awstrijaka li tistabbilixxi s-sanzjoni (l-Artikolu 6(2) tal-FBWG), għal dan il-ksur tista’ tiġi imposta multa li l-ammont massimu tagħha jista’ jkun ta’ EUR 500000 (biss)?

2.

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-parti (a) tal-ewwel domanda:

L-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva 2019/633 għandu jiġi interpretat fis-sens li kull talba għal ħlas lil kull fornitur, sa fejn tmur kontra l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 3(1)(d) ta’ din id-direttiva, għandha titqies individwalment bħala prassi kummerċjali sanzjonabbli u li fir-rigward tagħha għandha tiġi imposta sanzjoni separata (multa), konformement mal-prinċipju ta’ kumulu, b’tali mod li għandhom jiġu imposti diversi multi, u dan filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont ir-regola nazzjonali Awstrijaka li tistabbilixxi s-sanzjoni (l-Artikolu 6(2) tal-FBWG), tista’ tiġi imposta multa li l-ammont massimu tagħha jista’ jkun ta’ EUR 500000?”

19.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-BWB, minn M. GmbH, mill-Gvern Awstrijak kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

IV. Analiżi

20.

Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li ssir taf jekk ir-rekwiżit ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi previst fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2019/633 jipprekludix leġiżlazzjoni jew ġurisprudenza nazzjonali li skontha prattika kummerċjali żleali implimentata minn xerrej b’mod simultanju fir-rigward ta’ diversi fornituri għandha titqies li hija ksur uniku, b’mod li, f’każ bħal dan, tista’ tiġi imposta multa unika ta’ ammont massimu ta’ EUR 500000 (il-punti (a) u (b) tal-ewwel domanda). Fil-każ ta’ risposta affermattiva, dik il-qorti tixtieq issir taf jekk il-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li tista’ tiġi imposta multa separata fil-limitu tal-ammont massimu ta’ EUR 500000 għal kull ksur ikkonstatat (it-tieni domanda).

21.

Qabel ma nwettaq l-analiżi ta’ dawn id-domandi, nixtieq nosserva li, permezz tagħhom, l-imsemmija qorti, fir-realtà, tqajjem żewġ kwistjonijiet distinti li jirrigwardaw il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi, minn naħa (u taħt ċerti kundizzjonijiet), klassifikazzjoni komuni ta’ “ksur uniku” għal diversi prattiki kummerċjali żleali u, min-naħa l-oħra, limitu massimu tal-multa previst sabiex jiġi ssanzjonat ksur ikkostitwit minn prattika kummerċjali żleali waħda jew iktar.

22.

Qabel l-eżami fil-mertu ta’ dawn iż-żewġ kwistjonijiet, inqis utli li nipprovdi xi preċiżazzjonijiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2019/633 kif ukoll dwar id-dispożizzjonijiet li ġew identifikati mill-imsemmija qorti fid-domandi preliminari tagħha indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja.

A.   Osservazzjonijiet preliminari

23.

Infakkar, preliminarjament, li d-Direttiva 2019/633 taqa’ f’kuntest ta’ armonizzazzjoni minima u tfittex li tistabbilixxi fuq il-livell tal-Unjoni standard minimu ta’ protezzjoni kontra l-prattiki kummerċjali żleali li jista’ jkollhom konsegwenzi negattivi fuq il-livell tal-għajxien tal-komunità agrikola ( 7 ).

24.

Għalhekk, din id-direttiva tillimita ruħha li tistabbilixxi standards minimi għall-implimentazzjoni tal-projbizzjoni tal-prattiki kummerċjali żleali ( 8 ), li b’hekk tħalli lill-Istati Membri marġni ta’ manuvra sinjifikattiv fl-applikazzjoni tagħha, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-tfassil tas-sistemi nazzjonali ta’ traspożizzjoni ( 9 ) kif ukoll il-modalitajiet relatati mas-sanzjonijiet ( 10 ), sabiex jiġi ssodisfatt l-għan imfittex mill-imsemmija direttiva li huwa li titnaqqas il-frekwenza tal-prattiki kummerċjali żleali implimentati għad-detriment tal-fornituri ta’ prodotti agrikoli u tal-ikel ( 11 ). Dan il-marġni ta’ manuvra huwa madankollu limitat mill-fatt li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri nazzjonali implimentati jiggarantixxu l-effettività sħiħa tad-direttiva kif trasposta fl-ordinament ġuridiku intern tagħhom.

25.

B’mod iktar speċifiku, f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet imsemmija mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest taż-żewġ domandi preliminari tagħha, inqis li huwa opportun li jitfakkar li l-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2019/633 jistabbilixxi li l-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali għandu jkollhom is-setgħa li jissanzjonaw lill-awtur ta’ ksur imsemmi fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, li jimponu multi u li jieħdu miżuri provviżorji fil-konfront tal-awtur tal-ksur jew li jibdew proċedura għal dan il-għan, skont ir-regoli u l-proċeduri nazzjonali. F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, is-sanzjonijiet previsti fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, it-tieni subparagrafu tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu jipprovdi li dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, fid-dawl tan-natura, tat-tul, tan-natura rrepetuta u tal-gravità tal-ksur.

26.

Issa li saru dawn l-osservazzjonijiet preliminari, għandu jitwettaq eżami ddettaljat taż-żewġ kwistjonijiet imqajma mill-qorti tar-rinviju.

B.   Fuq il-klassifikazzjoni ta’ diversi prattiki kummerċjali żleali bħala “ksur uniku” jew bħala istanzi ta’ “ksur separati”

27.

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda preliminari tagħha (il-punt (a) tal-ewwel domanda), il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-kompatibbiltà mad-Direttiva 2019/633 ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ sanzjoni unika fil-każ ta’ prattiki kummerċjali żleali paralleli implimentati fir-rigward ta’ diversi fornituri bi ksur tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 3(1)(d) ta’ din id-direttiva.

28.

Qabelxejn, jidhirli li huwa utli li jiġi enfasizzat li, f’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-prattika inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2019/633, peress li tikkorrispondi għal waħda mill-prattiki kummerċjali żleali pprojbiti elenkati fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, u, b’mod partikolari, għal dik prevista fil-paragrafu (d) ta’ din id-dispożizzjoni, li skontu x-xerrej huwa pprojbit milli jitlob mingħand il-fornitur ħlasijiet li “ma jkunux relatati mal-bejgħ tal-prodotti agrikoli u alimentari tal-fornitur; […]”.

29.

F’dak li jirrigwarda l-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2019/633, nispeċifika li din id-dispożizzjoni ma tipprovdi ebda indikazzjoni dwar il-mod kif prattika kummerċjali żleali li tirriżulta minn aġir parallel li jaqa’ taħt waħda mill-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1) tagħha għandha tiġi kklassifikata u ssanzjonata skont id-dritt nazzjonali. Fil-fatt, filwaqt li l-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1)(e) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità nazzjonali tal-infurzar ikollha s-setgħa li timponi multi u sanzjonijiet oħra ugwalment effettivi jew li tibda proċedura għal dan il-għan, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jillimita ruħu, min-naħa tiegħu, li jispeċifika li dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, fid-dawl tan-natura, tat-tul, tan-natura rrepetuta u tal-gravità tal-ksur. Għandu madankollu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li tikkonċerna prinċipalment il-modalitajiet tal-iffissar tas-sanzjoni imposta minħabba ksur ikkonstatat, ma tipprovdi ebda indikazzjoni konkreta dwar il-fażi preċedenti għall-konstatazzjoni ta’ dan il-ksur.

30.

Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet identifikati mill-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tal-ewwel domanda tagħha, ma jipprekludux, bħala prinċipju, il-klassifikazzjoni, bħala “ksur uniku”, li għandha tingħata lil istanzi ta’ ksur imwettqa simultanjament u li jaqgħu taħt id-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2019/633, sakemm jiġi osservat ir-rekwiżit stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, li jirrikjedi li s-sanzjoni imposta tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva ( 12 ).

31.

Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-partijiet fil-kawża prinċipali, la l-imsemmija direttiva u lanqas kwalunkwe dispożizzjoni oħra jew prinċipju ieħor tad-dritt tal-Unjoni ma jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jimponu (jew jeskludu), a priori, klassifikazzjoni unika tal-ksur inkwistjoni fil-kawża prinċipali jew l-eventwali kumulu ta’ sanzjonijiet u, għaldaqstant, klassifikazzjoni bħala istanzi ta’ ksur separati.

32.

Għalhekk, fl-ewwel lok, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti invokati minn M. GmbH li jsostnu li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi kumulu ta’ sanzjonijiet u jimponi sanzjoni unika kemm minħabba l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “ksur uniku u kontinwu” kif ukoll minħabba l-prinċipju ta’ ne bis in idem.

33.

Fil-fatt, minn naħa, f’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “ksur uniku u kontinwu”, dan qabel kollox strument ta’ natura proċedurali li jirrigwarda l-produzzjoni tal-prova bil-għan li tiġi ffaċilitata l-imputazzjoni ta’ ċertu aġir lil impriżi li jkunu ssuspettati li kisru r-regoli dwar id-dritt tal-kompetizzjoni. Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn sensiela ta’ atti jew minn aġir kontinwu, anki jekk wieħed jew iktar mill-elementi ta’ din is-sensiela ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwu jistgħu wkoll, fihom innifishom u meħuda b’mod iżolat, jikkostitwixxu ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ( 13 ). Għalhekk, meta d-diversi azzjonijiet jagħmlu parti minn “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom, li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, il-Kummissjoni (kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni) għandha timputa r-responsabbiltà għal dawn l-azzjonijiet abbażi tal-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat kollu kemm hu ( 14 ).

34.

Nixtieq nispeċifika wkoll li l-bażijiet legali tad-Direttiva 2019/633 huma l-Artikolu 43(2) kif ukoll l-Artikolu 39(1) TFUE, dwar il-politika agrikola komuni, u mhux id-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar id-dritt tal-kompetizzjoni.

35.

Min-naħa l-oħra, M. GmbH tinvoka l-prinċipju ta’ ne bis in idem sabiex tikkontesta d-dritt li jiġu imposti diversi sanzjonijiet kumulattivi, iżda dan l-argument, fil-fehma tiegħi, jista’ wkoll jiġi miċħud mingħajr diffikultà kbira peress li f’dan il-każ il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ma humiex issodisfatti f’dan il-każ.

36.

F’dan ir-rigward, infakkar li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jirriżulta li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprojbixxi kumulu kemm ta’ proċeduri kriminali kif ukoll ta’ sanzjonijiet għall-istess fatti u kontra l-istess persuna ( 15 ). Peress li l-kundizzjoni “idem” għaldaqstant teħtieġ li l-fatti materjali jkunu identiċi, dan il-prinċipju ma huwiex intiż li japplika meta l-fatti inkwistjoni ma jkunux identiċi, iżda jkunu biss simili ( 16 ). Il-kriterju rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-istess ksur huwa dak tal-identiċità tal-fatti materjali, mifhuma bħala l-eżistenza ta’ ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti inseparabbilment marbuta bejniethom li wasslu sabiex il-persuna kkonċernata tinstab mhux ħatja jew tiġi kkundannata b’mod definittiv ( 17 ). Issa, jidher li, f’dan il-każ, il-kundizzjoni “idem” ma hijiex issodisfatta peress li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-fatti li wasslu għall-proċedura mibdija mill-BWB ma humiex l-istess ( 18 ). Il-fatt li dawn il-prattiki inkwistjoni jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ksur uniku” skont id-dritt nazzjonali ma jbiddel xejn mill-fatt li, f’dan il-każ, dawn huma fatti materjali li ma jidhrux li huma identiċi u, fi kwalunkwe każ, ma jistax ikun suffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-eżistenza ta’ ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti inseparabbilment marbuta bejniethom li għaldaqstant jaqgħu taħt il-kunċett tal-“istess fatti” ( 19 ).

37.

Fit-tieni lok, hemm ukoll lok li jiġi miċħud l-argument imressaq mill-BWB li skontu, minħabba l-fatt li d-Direttiva 2019/633 tiffoka fuq il-protezzjoni tar-relazzjonijiet individwali bejn ix-xerrejja u l-fornituri, kull aġir li jaqa’ taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva għandu jiġi evalwat separatament u individwalment, li jeskludi ex officio kull klassifikazzjoni unika. Għalkemm huwa minnu li ċerti dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva ( 20 ), inkluż l-Artikolu 1 tagħha li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ( 21 ), fil-fatt isemmu r-relazzjonijiet bejn xerrejja u fornituri, jibqa’ l-fatt li madankollu minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jista’ jiġi dedott ebda obbligu, għall-Istati Membri, li jikkonsisti fil-klassifikazzjoni b’mod individwali ta’ kull aġir ipprojbit bħala ksur awtonomu. Indipendentement mill-fatt li klassifikazzjoni konġunta ta’ diversi istanzi ta’ aġir ipprojbiti ma ddgħajjifx, bħala prinċipju, il-projbizzjoni tagħhom ( 22 ), nosserva li l-għan imfittex mill-istess direttiva jmur lil hinn mis-sempliċi protezzjoni tar-relazzjonijiet individwali bejn ix-xerrejja u l-fornituri u huwa intiż, b’mod iktar ġenerali, għall-protezzjoni tal-komunità agrikola kollha kemm hi, kif barra minn hekk huwa kkonfermat permezz tal-bażijiet legali tad-Direttiva 2019/633 ( 23 ).

38.

Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, sa fejn il-kwistjoni dwar il-klassifikazzjoni ġuridika tal-prattiki kummerċjali żleali pprojbiti mid-Direttiva 2019/633 fid-dritt nazzjonali ma hijiex irregolata mid-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu liberi fil-każ ta’ prattika kummerċjali ta’ xerrej ipprojbita skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva implimentata bl-istess intenzjoni deliberata u b’mod parallel fir-rigward ta’ diversi fornituri, jew li jagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar is-setgħa li jikkonstataw ksur uniku u, għaldaqstant, li jimponu sanzjoni unika, jew li jagħtuhom is-setgħa li jikkonstataw l-eżistenza ta’ diversi istanzi ta’ ksur u, għaldaqstant, li jimponu diversi sanzjonijiet, bil-kundizzjoni madankollu li f’dawn iż-żewġ każijiet is-sanzjonijiet previsti jkunu “effettivi, proporzjonati u dissważivi, filwaqt li jittieħed kont tan-natura, id-durata, ir-rikorrenza u l-gravità tal-ksur” kif mitlub mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva.

C.   Fuq il-limitu massimu tal-multa li tissanzjona prattika kummerċjali żleali waħda jew iktar meħuda flimkien

39.

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari tagħha (il-punt (b) tal-ewwel domanda), il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fl-ipoteżi ta’ klassifikazzjoni konġunta bħala “ksur uniku” ta’ diversi istanzi ta’ aġir li jaqgħu taħt il-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2019/633, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tagħha jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa limitu massimu ta’ EUR 500000 bħala sanzjoni għal tali ksur. Fil-każ li jirriżulta li l-klassifikazzjoni bħala ksur uniku ma hijiex konformi ma’ din id-direttiva, dik il-qorti tistaqsi jekk l-imsemmija direttiva tipprekludix l-impożizzjoni ta’ diversi multi b’limitu massimu ta’ EUR 500000 għal kull waħda mill-istanzi ta’ ksur ikkonstatati (it-tieni domanda).

40.

Qabelxejn, nispeċifika li din il-kwistjoni ma tirrigwardax direttament il-kwistjoni jekk l-ammont tal-multa previst mid-dritt Awstrijak huwiex adegwat sabiex tigi ggarantita l-applikazzjoni effettiva tad-Direttiva 2019/633 iżda pjuttost tikkonċerna l-effett li jista’ jkollu l-limitu tal-ammont ta’ din il-multa fuq l-obbligu li jaqa’ fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu sistema ta’ sanzjoni li tkun kompatibbli mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, la hija l-klassifikazzjoni bħala ksur uniku u lanqas ma huwa l-ammont massimu tas-sanzjoni fih innifsu ( 24 ) u meħuda kull wieħed u waħda minnhom separatament li jinsabu fil-qalba tat-tieni parti ta’ din l-ewwel domanda, iżda huwa tabilħaqq l-effett ikkombinat ta’ dawn iż-żewġ aspetti tad-dritt nazzjonali li talimenta d-dubji tal-imsemmija qorti fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, din l-istess qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, tali limitu massimu huwiex konformi ma’ dak li jistabbilixxi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva u, b’mod partikolari, jekk dan il-limitu massimu huwiex konformi mar-rekwiżiti ta’ effettività u ta’ dissważjoni meħtieġa.

41.

F’dan il-kuntest, nosserva li, bħall-kwistjoni marbuta mal-klassifikazzjoni tal-ksur li ġiet eżaminata fil-punti 29 sa 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kemm mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/633 tal-istess direttiva kif ukoll mil-loġika ġenerali ta’ armonizzazzjoni minima li hija timplimenta jirriżulta li l-Istati Membri huma liberi, bħala prinċipju, li jiffissaw limitu massimu għall-multi li jissanzjonaw aġir ipprojbit ( 25 ). Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-Istati Membri huma obbligati jistabbilixxu sanzjonijiet fir-rigward tal-prattiki kummerċjali żleali, b’mod partikolari fil-forma ta’ multi, din id-dispożizzjoni ma tipprovdi ebda preċiżazzjoni dwar l-ammont ta’ dawn il-multi, inkluż dwar eventwali limitu massimu tagħhom.

42.

Barra minn hekk, nikkonstata li l-imsemmija dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ billi tħalli lid-dritt nazzjonali tagħhom il-kompitu li jiddefinixxi l-modalitajiet konkreti tal-impożizzjoni tas-sanzjonijiet fil-każ ta’ prattiki kummerċjali żleali kif juri r-riferiment espliċitu għar-regoli u għall-proċeduri nazzjonali li jinsab fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2019/633. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-marġni ta’ manuvra li għandhom l-Istati Membri jibqa’ llimitat mill-obbligu li jaqa’ fuq dawn tal-aħħar li jiggarantixxu li s-sanzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, fid-dawl tan-natura, tat-tul, tan-natura rrepetuta u tal-gravità tal-ksur.

43.

Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn sistema stabbilita permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, l-Istati Membri huma kompetenti sabiex jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom xierqa, bil-kundizzjoni madankollu li jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni ( 26 ). Konsegwentement, għalkemm is-sanzjonijiet li jimplimentaw l-Istati Membri sabiex jiġġieldu kontra l-ksur tar-regoli dwar il-prattiki kummerċjali żleali jaqgħu taħt l-awtonomija proċedurali u istituzzjonali tagħhom, din tal-aħħar hija madankollu limitata, mhux biss mill-prinċipju ta’ ekwivalenza li l-applikazzjoni tiegħu ma hijiex inkwistjoni f’dan il-każ, iżda wkoll mill-prinċipju ta’ effettività, li jimponi li dawn is-sanzjonijiet ikunu ta’ natura effettiva u dissważiva kif ukoll mill-prinċipju ta’ proporzjonalità li ma jippermettix li s-sanzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija leġittimament minn din il-leġiżlazzjoni u, barra minn hekk, ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla ma’ dawn l-għanijiet ( 27 ).

44.

F’dan ir-rigward, nixtieq inżid li huma l-qrati nazzjonali, li huma l-uniċi li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jinterpretaw u japplikaw id-dritt nazzjonali, li għandhom jivverifikaw jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, is-sanzjonijiet previsti humiex ta’ natura effettiva, proporzjonata u dissważiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’, madankollu, tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi sabiex tidderieġi lil dawn il-qrati fl-evalwazzjoni tagħhom ( 28 ). Għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tinterpreta strumenti tad-dritt tal-Unjoni li, bħad-Direttiva 2019/633, fihom r-rekwiżit ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi ( 29 ) u għaldaqstant tipprovdi ċerti punti ta’ riferiment li jistgħu jkunu utli fil-kuntest ta’ din il-kawża.

45.

L-ewwel nett, nosserva li r-rekwiżit li jiġi żgurat li s-sanzjonijiet imġarrba jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi għandu jiġi evalwat, bħala regola ġenerali, fid-dawl tal-għan imfittex ( 30 ). F’dan il-każ, kif tfakkar fil-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-għan imfittex mid-Direttiva 2019/633 huwa li titnaqqas il-frekwenza tal-prattiki kummerċjali żleali implimentati għad-detriment tal-fornituri ta’ prodotti agrikoli u tal-ikel peress li dawn il-prattiki jista’ jkollhom konsegwenzi negattivi fuq il-livell tal-għajxien tal-komunità agrikola.

46.

It-tieni nett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-severità tas-sanzjonijiet għandha tkun proporzjonata mal-gravità tal-ksur li huma jissanzjonaw, b’mod partikolari billi jiżguraw effett realment dissważiv, filwaqt li josservaw il-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità ( 31 ). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għalkemm huwa minnu li multa tista’ tikkostitwixxi sanzjoni dissważiva, id-dgħufija tal-quantum tagħha tista’ madankollu tirrendi din is-sanzjoni insuffiċjenti ( 32 ) jew, bil-maqlub, din tiġi reża sproporzjonata meta l-ammont tas-sanzjoni imposta jkun għoli wisq ( 33 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li jistgħu jitqiesu li huma effettivi u dissważivi sanzjonijiet li jieħdu inkunsiderazzjoni l-importanza tad-dannu kkawżat lill-konsumatur ( 34 ) u li jċaħħdu lill-persuni li jwettqu l-ksur mill-vantaġġi ekonomiċi li jirriżultaw mill-ksur li jkunu wettqu ( 35 ) b’mod li jiskoraġġixxi lil kull persuna milli twettaq ksur tal-istess natura ( 36 ).

47.

F’dak li jirrigwarda l-proporzjonalità tas-sanzjonijiet mal-gravità tal-ksur ikkonstatat, għandu jiġi indikat ukoll li meta leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi kumulu ta’ sanzjonijiet, bħall-kumulu ta’ diversi sanzjonijiet pekunjarji, l-awtoritajiet kompetenti jkollhom l-obbligu li jiżguraw li s-severità tas-sanzjonijiet imposti kollha ma teċċedix il-gravità tal-ksur ikkonstatat, taħt piena li jinkiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 37 ).

48.

It-tielet nett, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 49(3) tal-Karta, japplika għall-Istati Membri mhux biss f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-elementi li jikkostitwixxu ksur u d-determinazzjoni tar-regoli dwar l-intensità tal-multi, iżda wkoll f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-multa ( 38 ). Barra minn hekk, dan il-prinċipju jeżiġi li, fid-determinazzjoni tas-sanzjoni kif ukoll fl-iffissar tal-multa, jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ ( 39 ).

49.

Ir-raba’ nett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex jiġi ggarantit li s-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, jeħtieġ li mhux biss il-leġiżlatur nazzjonali, iżda wkoll il-qrati nazzjonali li għandhom igawdu, fil-limiti ddefiniti mis-suġġett tat-tilwima li biha jkunu aditi, minn setgħa ta’ evalwazzjoni li tippermettilhom jagħżlu, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, il-miżura proporzjonata għall-gravità tan-nuqqas ta’ osservanza tal-ksur tal-obbligu kkonstatat ( 40 ). Għaldaqstant, l-eżami mill-qrati nazzjonali tan-natura effettiva, proporzjonata u dissważiva tas-sanzjonijiet għandu jitwettaq billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, mhux biss id-dispożizzjoni adottata speċifikament, fid-dritt nazzjonali, għat-traspożizzjoni ta’ direttiva, iżda wkoll id-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan id-dritt, billi dawn jiġu interpretati, sa fejn dan ikun possibbli, fid-dawl tal-formulazzjoni u tal-għanijiet ta’ din id-direttiva ( 41 ).

50.

Wara li ġew esposti dawn il-preċiżazzjonijiet ta’ natura ġurisprudenzjali, għandu jiġi kkonstatat li ebda waħda mill-kawżi msemmija iktar ’il fuq ma tikkonċerna direttament l-ipoteżi prevista minn din il-kawża sa fejn dawn tal-aħħar kienu jirrigwardaw prinċipalment il-modalitajiet tal-iffissar tas-sanzjoni imposta u mhux il-fażi preċedenti għall-konstatazzjoni tal-ksur imwettaq u l-klassifikazzjoni tiegħu fid-dritt intern ( 42 ).

51.

Dan premess, jidhirli li l-applikazzjoni effettiva tad-Direttiva 2019/633 ma tistax tkun limitata biss għall-evalwazzjoni tat-tip ta’ sanzjoni previst mid-dritt nazzjonali u lanqas għal ċerti aspetti jew modalitajiet tal-iffissar ta’ din is-sanzjoni, bħall-ammont tal-multa imposta, iżda timplika wkoll tieħu inkunsiderazzjoni kull element ieħor li jista’ jippreġudika r-rekwiżit li jiġu previsti sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, ikollu effett fuq l-għanijiet imfittxija mill-imsemmija direttiva. Dan huwa iktar u iktar il-każ meta, bħal f’dan il-każ, il-klassifikazzjoni tal-ksur fid-dritt nazzjonali tista’ twassal għal konsegwenzi fuq l-ammont (massimu) tas-sanzjoni mġarrba li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita n-natura xierqa tas-sanzjonijiet.

52.

F’dan il-każ, għalkemm il-kumulu ta’ diversi sanzjonijiet pekunjarji jippreżenta r-riskju li s-sanzjonijiet kollha jew l-ammont totali tal-multi imposti jeċċedu l-gravità tal-ksur ikkonstatat, taħt piena li jinkiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 43 ), il-klassifikazzjoni bħala ksur uniku ta’ diversi istanzi ta’ aġir li jaqgħu taħt il-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2019/633 fl-istess ksur wieħed tirriskja a contrario li twassal, f’ċerti każijiet, għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni li, minħabba l-limitu massimu tal-ammont tal-multa (u l-impossibbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar li jmorru lil hinn minn dan l-ammont), ma tkunx tista’ titqies li hija suffiċjentement effettiva u dissważiva ( 44 ).

53.

Konsegwentement, għalkemm id-Direttiva 2019/633 ma teskludix il-possibbiltà għal Stat Membru li jikklassifika bħala ksur uniku aġir li jikkonsisti fil-ksur imwettaq diversi drabi tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, u għalhekk li tiġi imposta sanzjoni unika għad-diversi prattiki żleali kummerċjali inkwistjoni, din il-possibbiltà madankollu ma teżonerax lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar mill-obbligu tagħhom li jiżguraw li s-sanzjoni imposta tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva, fid-dawl tan-natura, tat-tul, tan-natura rrepetuta u tal-gravità tal-ksur. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq evalwazzjoni globali tal-miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva u tas-sanzjoni imposta billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, inklużi ċ-ċirkustanzi individwali tal-każ inkwistjoni, sabiex tivverifika li r-rekwiżiti previsti dwar is-sanzjonijiet fl-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva kienu ġew osservati.

54.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, jiena tal-opinjoni li l-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva 2019/633 għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ ta’ prattika kummerċjali ta’ xerrej ipprojbita skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva implimentata bl-istess intenzjoni deliberata b’mod parallel fir-rigward ta’ diversi fornituri, l-Istati Membri jibqgħu liberi jew li jagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar is-setgħa li jikkonstataw ksur uniku u, għaldaqstant, li jimponu sanzjoni unika, jew li jagħtuhom is-setgħa li jikkonstataw l-eżistenza ta’ diversi istanzi ta’ ksur u, għaldaqstant, li jimponu diversi sanzjonijiet, sakemm, konformement mad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tiggarantixxi li tiġi imposta sanzjoni effettiva, proporzjonata u dissważiva, fid-dawl tan-natura, tat-tul, tan-natura rrepetuta u tal-gravità tal-ksur.

V. Konklużjoni

55.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija):

L-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva (UE) 2019/633 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fil-każ ta’ prattika kummerċjali ta’ xerrej ipprojbita skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2019/633 implimentata bl-istess intenzjoni deliberata b’mod parallel fir-rigward ta’ diversi fornituri, l-Istati Membri jibqgħu liberi jew li jagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar is-setgħa li jikkonstataw ksur uniku u, għaldaqstant, li jimponu sanzjoni unika, jew li jagħtuhom is-setgħa li jikkonstataw l-eżistenza ta’ diversi istanzi ta’ ksur u, għaldaqstant, li jimponu diversi sanzjonijiet, sakemm, konformement mad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tiggarantixxi li tiġi imposta sanzjoni effettiva, proporzjonata u dissważiva, fid-dawl tan-natura, tat-tul, tan-natura rrepetuta u tal-gravità tal-ksur.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari (ĠU 2019, L 111, p. 59).

( 3 ) Għalkemm ġiet iċċitata fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2019, Lietuvos Respublikos Seimo narių grupė (C‑2/18, EU:C:2019:962) u tal‑11 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L-Ungerija (Marġnijiet ta’ profitt) (C‑400/19, EU:C:2021:194), sal-lum din id-direttiva għadha ma ġietx interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

( 4 ) BGBl. 392/1977.

( 5 ) BGBl. I 239/2021.

( 6 ) F’dan il-każ, erbgħa minn dawn it-talbiet, li fil-kuntest tagħhom M. GmbH talbet mingħand kull wieħed mill-fornituri tagħha ammonti minn EUR 10000 sa EUR 18000, ġew assenjati lill-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna), il-qorti tar-rinviju, u ġew magħquda għall-finijiet tal-kawża prinċipali.

( 7 ) Ara l-premessa 1 tad-Direttiva 2019/633.

( 8 ) Ara l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2019/633.

( 9 ) Ara l-premessi 8, 34 u 39 tad-Direttiva 2019/633.

( 10 ) Ara, f’dan ir-rigward, Commission Staff Working Document, Unfair Trading Practices (UTP) – Overview tables on the Members States’ transposition choices and enforcement activities,;o jakkompanja r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitolat “Li jimplimenta l-projbizzjoni tal-prattiki kummerċjali inġusti biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa u tal-operaturi fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari – Is-sitwazzjoni attwali” COM(2024)176 final (iktar ’il quddiem ir-“Rapport tal-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/633”). Dan ir-rapport, ippubblikat f’April 2024, juri d-diversità kbira tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni fi ħdan l-Unjoni, b’mod partikolari, fil-qasam tas-sanzjonijiet.

( 11 ) Ara l-premessa 1 tad-Direttiva 2019/633.

( 12 ) F’dan ir-rigward, nippreċiża li r-Rapport tal-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/633 ma jgħid xejn dwar kif id-diversi Stati Membri indirizzaw il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni bħala “ksur uniku” jew istanzi ta’ “ksur multipli” ta’ diversi istanzi ta’ aġir ipprojbiti minn din id-direttiva.

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2024, Scania et vs Il‑Kummissjoni (C‑251/22 P, EU:C:2024:103, punt 94 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et (C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2025, Engie România (C‑205/23, EU:C:2025:43, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2025, Engie România (C‑205/23, EU:C:2025:43, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li, b’kollox, M. GmbH bagħtet sittax-il talba għal ħlas lil fornituri separati għal ammonti li kienu jvarjaw skont il-fornitur.

( 19 ) Nirrileva, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza tagħha, tqis li l-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti fid-dritt nazzjonali ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-istess ksur, sa fejn il-portata tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 50 tal-Karta ma tistax tvarja minn Stat Membru għall-ieħor. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et (C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 38), kif ukoll tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 36).

( 20 ) F’dan ir-rigward, ara l-premessi 1 u 14 tad-Direttiva 2019/633.

( 21 ) Din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2019/633 huwa ddefinit b’riferiment għal relazzjonijiet f’termini ta’ setgħa ta’ nnegozjar bejn fornitur u xerrej iddeterminati minn differenzi fid-dħul mill-bejgħ.

( 22 ) Fil-fatt, il-kumpens għall-iżbilanċ fir-relazzjoni individwali bejn ix-xerrej u l-fornitur jista’ wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu ta’ sanzjoni unika.

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, il-punti 24 u 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara, ukoll, il-premessa 1 tad-Direttiva 2019/633.

( 24 ) Mir-Rapport tal-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/633 jirriżulta li 24 Stat Membru jipprevedu limitu massimu għall-multi li jistgħu jiġu imposti ta’ diversità kbira, minn EUR 2 329.37 għal Malta għal EUR 2500000 għall-Portugall. Barra minn hekk, waqt li fost uħud minn dawn l-Istati Membri, bħalma huma r-Repubblika Ċeka, l-Italja, il-Latvja, l-Ungerija jew il-Pajjiżi l-Baxxi, dan il-limitu huwa espress f’termini ta’ perċentwal tad-dħul mill-bejgħ, f’oħrajn, bħall-Italja jew bħas-Slovakkja, dan jikkorrispondi għal perċentwal tal-prezz tax-xiri jew tat-tariffi imposti indebitament fuq il-fornitur.

( 25 ) Nippreċiża wkoll li, sabiex jiġi stabbilit jekk il-klassifikazzjoni nazzjonali ta’ aġir partikolari bħala “ksur uniku” jew istanzi ta’ “ksur multipli” hijiex konformi mad-Direttiva 2019/633, jidher li huwa irrilevanti jekk id-dritt nazzjonali jawtorizzax jew le l-impożizzjoni ta’ multa limitata għal ċertu ammont massimu.

( 26 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, SISTEM LUX (C‑717/22 u C-372/23, EU:C:2024:1041, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, Nárokuj (C‑755/22, EU:C:2024:10, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2018, de Diego Porras (C‑619/17, EU:C:2018:936, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU 2019, L 305, p. 17); l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-GU 2010, L 199, p. 40 u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46); jew l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2).

( 30 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, Profi Credit Bulgaria (Servizzi anċillari għall-kuntratt ta’ kreditu) (C‑714/22, EU:C:2024:263). Bħala eżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li sanzjoni amministrattiva li tikkonsistit f’multa li tikkorrispondi għal 50 % tal-lucrum cessans fuq id-dazji doganali kkawżat mill-informazzjoni ineżatta pprovduta tista’ tinkoraġġixxi lill-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw ruħhom li jkollhom informazzjoni korretta dwar il-merkanzija li huma jimportaw u li l-informazzjoni li huma jipprovdu fid-dikjarazzjonijiet doganali tkun eżatta u kompleta u għaldaqstant tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan, iddikjarat fil-premessa 9 tar-Regolament Nru 952/2013, li tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-miżuri tariffarji u ta’ miżuri oħra ta’ politika komuni dwar il-kummerċ ta’ merkanzija bejn l-Unjoni u l-pajjiżi jew it-territorji li jinsabu barra mit-territorju doganali tagħha. F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2023, J. P. Mali (C‑653/22, EU:C:2023:912, punti 31 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR-Finance (C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2024, SISTEM LUX (C‑717/22 u C‑372/23, EU:C:2024:1041, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Ultimo Portfolio Investment (Luxembourg) (C‑303/20, EU:C:2021:479, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) Bħala eżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li sanzjoni li tikkonsisti fl-obbligu li titħallas somma li tikkorrispondi għall-valur tal-merkanzija li tneħħiet mis-sorveljanza doganali ma tidhirx li hija proporzjonata. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, sanzjoni li tlaħħaq tali ammont tmur lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jiġi ggarantit, b’mod partikolari, li l-merkanzija ammessa taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali ma titneħħiex mis-sorveljanza doganali. F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Schenker (C‑655/18, EU:C:2020:157, punt 44). F’kawża oħra li wkoll tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-sistema tas-sanzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Nru 952/2013, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li anki fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-ksur doganali, b’mod partikolari l-frekwenza kbira tagħhom u d-diffikultà li jinkixfu, multa, prevista mid-dritt nazzjonali, li l-ammont tagħha huwa bejn 100 % u 200 % tal-valur doganali tal-merkanzija ma tidhirx li hija proporzjonata mal-gravità tal-ksur kollu li hija tissanzjona, b’mod partikolari fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi marbuta mad-dikjarazzjonijiet doganali fil-kuntest tal-proċedura doganali tat-tranżitu estern. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali sanzjoni, minn naħa, tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi ggarantit li l-merkanzija ammessa taħt din is-sistema ma titneħħiex mis-sorveljanza doganali u, min-naħa l-oħra, tidher sproporzjonata meta mqabbla mad-dejn doganali li jirriżulta mill-fatt tat-tneħħija mis-sorveljanza doganali ta’ merkanzija mqiegħda taħt l-imsemmija sistema. F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, SISTEM LUX (C‑717/22 u C‑372/23, EU:C:2024:1041, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 34 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, Nárokuj (C‑755/22, EU:C:2024:10, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 35 ) F’sensiela ta’ kawżi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 dwar is-sanzjonijiet fid-dawl ta’ sistemi ta’ sanzjonijiet nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-ksur, mill-persuna li ssellef, ta’ obbligu li għandu importanza essenzjali fil-kuntest ta’ din id-direttiva (pereżempju, il-verifika tas-solvenza tal-konsumatur, l-assenza ta’ indikazzjoni tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, in-numru u l-frekwenza tal-ħlasijiet, l-eżistenza tal-ispejjeż notarili kif ukoll il-garanziji u l-assigurazzjonijiet meħtieġa) jista’ jiġi ssanzjonat bid-dekadenza ta’ din il-persuna li ssellef mid-dritt għall-interessi u għall-ispejjeż miftiehma. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali sanzjoni jkollha effett suffiċjentement dissważiv u tkun proporzjonata mal-gravità tal-ksur li hija tissanzjona. Bil-maqlub, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li jekk is-sanzjoni tad-dekadenza mill-interessi, fil-prattika, tiddgħajjef, jew saħansitra purament u sempliċement tinġieb fix-xejn, minn dan jirriżulta neċessarjament li din tal-aħħar ma tkunx ta’ natura verament dissważiva. Barra minn hekk, sa fejn l-assenza ta’ indikazzjoni, fil-kuntratt ta’ kreditu, ta’ dawn l-elementi tista’ tqiegħed inkwistjoni l-possibbiltà għall-konsumatur li jevalwa l-portata tal-impenn tiegħu, is-sanzjoni bid-dekadenza tal-persuna li ssellef mid-dritt tagħha għall-interessi u għall-ispejjeż, prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali, għandha titqies li hija proporzjonata, fis-sens tal-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva. Madankollu, ma tistax titqies li hija proporzjonata l-applikazzjoni ta’ tali sanzjoni li tipproduċi konsegwenzi serji fir-rigward tal-persuna li ssellef, fil-każ ta’ assenza ta’ indikazzjoni ta’ elementi li, min-natura tagħhom, ma jistgħux jaffettwaw il-kapaċità tal-konsumatur li jevalwa l-portata tal-impenn tiegħu, bħal, pereżempju, l-isem u l-indirizz tal-awtorità ta’ sorveljanza kompetenti. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2014, LCL Le Crédit Lyonnais (C‑565/12, EU:C:2014:190, punti 52 u 53); tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:842, punti 69 sa 72 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR-Finance (C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 30); tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Ultimo Portfolio Investment (Luxembourg) (C‑303/20, EU:C:2021:479, punti 39 u 40); kif ukoll tal‑21 ta’ Marzu 2024, Profi Credit Bulgaria (Servizzi anċillari għall-kuntratt ta’ kreditu) (C‑714/22, EU:C:2024:263, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2024, SISTEM LUX (C‑717/22 u C‑372/23, EU:C:2024:1041, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, G. ST. T. (Proporzjonalità tal-piena f’każ ta’ kontrafazzjoni) (C‑655/21, EU:C:2023:791, punti 66 u 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Novembru 2023, J. P. Mali (C‑653/22, EU:C:2023:912, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tad‑19 ta’ Ġunju 2025, Lietuvos bankas (C‑671/23, EU:C:2025:457, punt 46).

( 39 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, G. ST. T. (Proporzjonalità tal-piena f’każ ta’ kontrafazzjoni) (C‑655/21, EU:C:2023:791, punti 66 u 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 40 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Ultimo Portfolio Investment (Luxembourg) (C‑303/20, EU:C:2021:479, punti 36 u 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 41 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Ultimo Portfolio Investment (Luxembourg) (C‑303/20, EU:C:2021:479, punti 36 u 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 42 ) Ħaġa li, fl-aħħar mill-aħħar, ma hijiex sorprendenti fiha nnifisha sa fejn, kif ġie rrilevat fil-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-rekwiżit li jikkonsisti li jiġu previsti sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, li jinsab ukoll f’diversi strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni, jikkonċerna prinċipalment il-modalitajiet tal-iffissar tas-sanzjoni imposta.

( 43 ) Ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 44 ) Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż, a priori, li r-raggruppament ta’ diversi prattiki kummerċjali żleali fir-rigward ta’ numru sinjifikattiv ta’ fornituri u l-klassifikazzjoni tagħhom bħala “ksur uniku” li jista’ jiġi ssanzjonat darba waħda biss għal ammont massimu ta’ EUR 500000 ma jistax jitqies li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva 2019/633, b’mod partikolari, jekk dawn il-prattiki jirriżultaw li huma ta’ ċerta gravità u ta’ portata kbira. Issa, f’każ bħal dan, il-limitu massimu tas-sanzjoni jirriskja li ma jippermettix lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti u jevalwaw parametri essenzjali sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, bħalma huma n-natura, in-natura rrepetuta u l-gravità tal-ksur ikkonċernat.