European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1458

18.7.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1458

tal-14 ta’ Lulju 2025

li tawtorizza appoġġ mir-Riżerva tal-UE taċ-Ċibersigurtà għall-Moldova

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2025/38 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 li jistabbilixxi miżuri li jsaħħu s-solidarjetà u l-kapaċitajiet fl-Unjoni tal-identifikazzjoni, tat-tħejjija u tar-rispons għat-theddid u l-inċidenti ċibernetiċi u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/694 (Att dwar iċ-Ċibersolidarjetà) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-23 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill Ewropew ta lill-Moldova l-istatus ta’ pajjiż kandidat. Id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq l-issodisfar mill-Moldova tal-kundizzjonijiet speċifikati fl-opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Ġunju 2022 dwar l-applikazzjoni għas-sħubija tal-Moldova. Fl-14 ta’ Diċembru 2023, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jiftaħ in-negozjati tal-adeżjoni mal-Moldova, wara r-rakkomandazzjoni maħruġa mill-Kummissjoni.

(2)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill Ewropew afferma li l-Unjoni se tkompli tipprovdi l-appoġġ rilevanti kollu lill-Moldova hekk kif qed tħabbat wiċċha mal-impatt multidimensjonali tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

(3)

L-inċidenti taċ-ċibersigurtà qed ikomplu jikkawżaw impatti ekonomiċi u soċjetali kemm fl-Unjoni kollha kif ukoll fil-livell dinji. It-theddid ċibernetiku qed jevolvi b’mod partikolarment rapidu f’ċerti pajjiżi kandidati tal-UE fejn inċidenti possibbli sinifikanti jew fuq skala kbira għandhom il-potenzjal li jfixklu u jagħmlu ħsara lill-infrastruttura kritika, jinterferixxu mal-funzjonament tajjeb tal-ekonomija u l-istituzzjonijiet jew joħolqu riskji serji għas-sigurtà u għas-sikurezza pubblika għall-entitajiet u għaċ-ċittadini. Dan huwa partikolarment il-każ fil-Moldova fejn ir-Russja twettaq kampanji ibridi u attakki ċibernetiċi biex thedded l-infrastruttura kritika, il-proċessi demokratiċi u l-infrastruttura elettorali.

(4)

Filwaqt li titqies in-natura imprevedibbli tal-attakki fuq iċ-ċibersigurtà, il-fatt li dawn spiss ma jkunux ristretti għal xi żona ġeografika speċifika u li jippreżentaw riskju għoli ta’ effetti konsegwenzjali, it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-pajjiżi ġirien u tal-kapaċità tagħhom li jirrispondu b’mod effettiv għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti u fuq skala kbira jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari s-suq intern u l-industrija, b’mod ġenerali. Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2025/38 jipprevedi li l-pajjiżi terzi li huma parti ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni mal-Unjoni li jippermetti l-parteċipazzjoni tagħhom fil-Programm Ewropa Diġitali (id-“DEP”, Digital Europe Programme) (“pajjiżi terzi assoċjati mad-DEP”) jistgħu jiġu appoġġati mir-Riżerva tal-UE taċ-Ċibersigurtà (“ir-Riżerva”), fit-territorji kollha tagħhom jew f’parti minnhom, meta dan ikun previst fil-ftehim li jassoċja l-pajjiż terz mad-DEP.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2025/38, il-pajjiżi terzi assoċjati mad-DEP jistgħu jitolbu għal appoġġ mir-Riżerva meta l-entitajiet fil-mira u li għalihom jitolbu tali appoġġ ikunu entitajiet li joperaw f’setturi ta’ kritiċità għolja jew f’setturi kritiċi oħra u meta l-inċidenti identifikati jwasslu għal tfixkil operazzjonali sinifikanti jew jista’ jkollhom effetti konsegwenzjali fl-Unjoni. Pajjiż terz huwa eliġibbli għal tali appoġġ biss meta dan ikun previst speċifikament fil-ftehim li jassoċja lil dak il-pajjiż mad-DEP. Barra minn hekk, tali pajjiżi terzi jenħtieġ li jibqgħu eliġibbli biss sakemm jiġu ssodisfati tliet kriterji stabbiliti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2025/38. L-ewwel nett, il-pajjiż terz għandu jikkonforma bis-sħiħ mat-termini rilevanti ta’ dak il-ftehim. It-tieni, minħabba n-natura komplementari tar-Riżerva, il-pajjiż terz irid ikun ħa passi xierqa biex iħejji għal inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti jew fuq skala kbira ekwivalenti. It-tielet, il-forniment ta’ appoġġ mir-Riżerva għandu jkun konsistenti mal-politika tal-Unjoni fil-konfront ta’ dak il-pajjiż u tar-relazzjonijiet ġenerali miegħu, u mal-politiki l-oħra tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà.

(6)

Il-forniment ta’ appoġġ lil pajjiżi terzi assoċjati mad-DEP jista’ jaffettwa r-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi u l-politika ta’ sigurtà tal-Unjoni, inkluż fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni u l-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni. Il-Kunsill jaġixxi abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, filwaqt li jqis kif xieraq il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tat-tliet kriterji msemmija fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2025/38.

(7)

Il-Moldova ntlaqtet ħafna mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, filwaqt li kienet direttament fil-mira tal-attivitajiet ibridi tar-Russja, li l-għan tagħhom huwa li jiddestabbilizzaw il-pajjiż u jimminaw il-perkors tiegħu lejn l-adeżjoni mal-Unjoni. F’dan il-kuntest, l-Unjoni pprovdiet appoġġ komprensiv lill-Moldova fl-indirizzar tal-isfidi li qed tiffaċċja bħala konsegwenza tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u biex issaħħaħ ir-reżiljenza, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-pajjiż fid-dawl tal-attivitajiet destabbilizzanti diretti mir-Russja.

(8)

Fl-24 ta’ April 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/855 (2) li tistabbilixxi Missjoni ċivili ta’ Sħubija tal-Unjoni Ewropea fil-Moldova fil-qafas tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni sabiex jipprovdi parir strateġiku u appoġġ operazzjonali fl-oqsma tal-ġestjoni tal-kriżijiet u t-theddid ibridu. Sa mill-2021, l-Unjoni pprovdiet ukoll appoġġ konsistenti permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex issaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Moldova fil-qasam militari u tad-difiża. L-iffirmar tas-Sħubija ta’ Sigurtà u ta’ Difiża bejn l-UE u l-Moldova fil-21 ta’ Mejju 2024 issimplifika l-istruttura tal-kooperazzjoni tal-Unjoni mal-Moldova fl-oqsma ewlenin tal-paċi, is-sigurtà u d-difiża. Barra minn hekk, il-Pjan ta’ Tkabbir għall-Moldova, adottat mill-Kummissjoni fl-10 ta’ Ottubru 2024, għandu l-għan li jappoġġa r-riformi soċjoekonomiċi tal-Moldova u jsaħħaħ l-aċċess tagħha għas-suq intern, b’riformi speċifiċi mistennija fil-qasam tal-governanza taċ-ċibersigurtà.

(9)

Il-Kummissjoni vvalutat fir-rigward tal-Moldova t-tliet kriterji stabbiliti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2025/38 u tqishom issodisfati. Ikkonsultat ukoll lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà meta wettqet din il-valutazzjoni.

(10)

F’konformita’ mal-Artikolu 19(6) tar-Regolament (UE) 2025/38, l-evalwazzjoni tal-Kunsill hija li l-Moldova qed tikkonforma mat-termini rilevanti tal-ftehim li jassoċja dak il-pajjiż mad-DEP u ħadet passi adegwati biex tħejji għal inċidenti sinifikanti taċ-ċibersigurtà u inċidenti ekwivalenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-Kunsill hija li l-forniment ta’ appoġġ mir-Riżerva huwa konsistenti mal-politika tal-Unjoni lejn il-Moldova u r-relazzjonijiet ġenerali magħha, u huwa konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatturi msemmija fil-premessa 8.

(11)

Peress li l-ftehim li jassoċja l-Moldova mad-DEP jipprevedi għal appoġġ mir-Riżerva u peress li dak il-pajjiż jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2025/38, jenħtieġ li l-appoġġ għall-Moldova mir-Riżerva jiġi awtorizzat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-forniment ta’ appoġġ mir-Riżerva tal-UE taċ-Ċibersigurtà lir-Repubblika tal-Moldova skont it-tifsira tal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2025/38 huwa b’dan awtorizzat.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha, u għandha tapplika għal sena.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

J. JENSEN


(1)   ĠU L, 2025/38, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/38/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/855 tal-24 ta’ April 2023 dwar Missjoni ta’ Sħubija tal-Unjoni Ewropea fil-Moldova (EUPM Moldova) (ĠU L 110, 25.4.2023, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/855/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1458/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)