|
24.4.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 104/60 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-23 ta’ April 2010
dwar il-finanzjament tal-programm ta’ ħidma 2010 għat-taħriġ dwar is-sikurezza fl-ikel u fl-għalf, is-saħħa u l-benessri tal-annimali fil-qafas tal-Programm għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel
(2010/230/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (1), (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju”), u b’mod partikolari l-Artikolu 75 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2) (minn hawn ‘il quddiem imsejjħa r-“Regoli Implimentattivi”), u b’mod partikolari l-Artikolu 90 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-Aġenziji Eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 66(1)(b) u (c) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistipula r-regoli ġenerali għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali biex tkun ivverifikata l-konformità mar-regoli li jimmiraw, partikolarment, li jwaqqfu, jeliminaw jew inaqqsu għal livelli aċċettabbli r-riskji għall-bnedmin u għall-annimali, li jiggarantixxu prassi ġusta fil-kummerċ tal-għalf u tal-ikel, u li jħarsu l-interessi tal-konsumatur. L-Artikolu 51 ta’ dan ir-Regolament jistipula li l-Kummissjoni tista’ torganizza l-korsijiet għat-taħriġ tal-persunal tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li huma inkarigati biex jieħdu ħsieb il-kontrolli msemmijin fir-Regolament, dawn il-korsijiet jistgħu jkunu miftuħin għall-parteċipanti minn pajjiżi terzi, b’mod partikolari pajjiżi li qegħdin fi stat ta’ żvilupp. Dawn il-korsijiet jistgħu jinkludu b’mod partikolari t-taħriġ rigward il-liġi tal-Unjoni dwar l-għalf u l-ikel u rigward ir-regoli dwar is-saħħa u l-benessri tal-annimali. |
|
(2) |
Il-“Programm għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel” ġie mwaqqaf mill-Kummissjoni biex jintlaħqu l-miri stipulati fir-Regolament (KE) Nru 882/2004. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2006) 519 finali (5) tistudja l-possibbiltajiet għall-organizzazzjoni tat-taħriġ fil-ġejjieni. |
|
(3) |
Il-programm ta’ ħidma 2010 għall-implimentazzjoni ta’ “Programm għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel” għaldaqstant għandu jiġi adottat. |
|
(4) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/858/KE tal-15 ta’ Diċembru 2004 li twaqqaf aġenzija eżekuttiva bl-isem Aġenzija Eżekuttiva għall-Programm dwar is-Saħħa Pubblika għat-tmexxija tal-azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika b’applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 58/2003 (6) tal-Kunsill, waqqfet l-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi (“l-Aġenzija”). |
|
(5) |
Barra minn hekk, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni K(2008) 4943 tad-9 ta’ Settembru 2008 ddelegat ċerti ħidmiet ta’ treġija u implimentazzjoni tal-programmi lill-Aġenzija, li għandhom x’jaqsmu ma’ miżuri ta’ taħriġ għas-sikurezza fl-ikel imwettqa skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004. Għaldaqstant għandu jingħata sussidju għall-ħidma lill-Aġenzija għas-sena 2010 biex jiffinanzja l-attivitajiet marbutin mal-Programm għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel. |
|
(6) |
Billi l-programm ta’ ħidma tal-2010 huwa qafas iddettaljat biżżejjed, id-deċiżjoni attwali tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament fit-tifsira tal-Artikolu 90 tar-regoli implimentattivi. |
|
(7) |
Għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, jixraq li jitfisser it-terminu “bidla sostanzjali”, fit-tifsira tal-Artikolu 90(4) tar-regoli implimentattivi. |
|
(8) |
Skont l-Artikolu 83 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, il-validazzjoni, l-awtorizzazzjoni u l-ħlas tan-nefqa għandhom isiru fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fir-regoli implimentattivi. Dawn ir-regoli għandhom jispeċifikaw ukoll iċ-ċirkostanzi li fihom, dawk il-kredituri li jitħallsu b’lura jkunu intitolati li jirċievu l-imgħax fil-każ ta’ nuqqas ta’ pagament impost fuq il-linja li minnha tħallset is-somma ewlenija. |
|
(9) |
Għalhekk, din id-Deċiżjoni għandha tipprovdi r-regoli dwar il-pagament tal-imgħaxx fuq pagamenti tardivi li jkunu marbutin ma’ azzjonijiet li huma inklużi fil-programm ta’ ħidma tal-2010, |
ADDOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-programm ta’ ħidma għall-implimentazzjoni fl-2010 tal-Programm għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel kif stipulat fl-Anness huwa b’dan adottat. Dan jikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament fit-tifsira tal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju.
Artikolu 2
1. L-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja mingħand il-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma għandu jkun ta’ EUR 15 370 000, li għandu jiġi ffinanzjat mil-linji baġitarji tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2010:
|
(a) |
linja baġitarja nru 17 04 07 01 |
: |
EUR 14 000 000 |
|
(b) |
linja baġitarja nru 17 01 04 05 |
: |
EUR 260 000 |
|
(c) |
linja baġitarja nru 17 01 04 31 |
: |
EUR 1 110 000 |
2. L-ammont stipulat fil-paragrafu 1(c) għandu jitħallas lill-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi u għandu jikkostitwixxi sussidju għall-ħidma.
3. L-imgħaxx li jkun irid jitħallas fuq il-ħlas tardiv ukoll jista’ jitħallas mill-istess linji baġitarji, skont l-Artikolu 83 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.
Artikolu 3
Bidliet kumulattivi tal-allokazzjonijiet għall-azzjonijiet speċifiċi koperti mill-programm ta’ ħidma li ma jaqbżux l-20 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima prevista mill-Artikolu 2(1) ma għandhomx jitqiesu bħala sostanzjali fit-tifsira tal-Artikolu 90(4) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, sakemm dawn ma jaffettwawx b’mod sinifikanti n-natura u l-għan tal-programm ta’ ħidma.
L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni jista’ jadotta dawn il-bidliet skont il-prinċipji tal-maniġment finanzjarju sod u tal-proporzjonalità.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ April 2010.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(2) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.
(4) ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.
(5) SEC(2006) 1163 u SEC(2006) 1164, 20.9.2006.
ANNESS
dwar il-finanzjament tal-programm ta’ ħidma 2010 għat-taħriġ dwar is-sikurezza fl-ikel u fl-għalf, is-saħħa u l-benessri tal-annimali fil-qafas tal-Programm għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel
1.1. Introduzzjoni
Dan il-programm ta’ ħidma fih tliet miżuri implimentattivi għall-2010. Abbażi tal-miri stipulati fir-Regolament (KE) Nru 882/2004, id-distribuzzjoni tal-baġit u l-azzjonijiet ewlenin huma kif ġej:
|
|||
|
EUR 14 000 000 |
||
|
EUR 260 000 |
||
|
EUR 1 110 000 |
||
|
TOTAL |
EUR 15 370 000 |
||
1.2. Akkwisti
L-ammont baġitarju globali riżervat għall-kuntratti tal-akkwisti fl-2010 jammonta għal EUR 14 000 000.
1.2.1. Taħriġ: Kuntratti esterni għat-twettiq tal-programm ta’ taħriġ
BAŻI LEGALI
Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004, l-Artikolu 51 u l-Artikolu 66(1)(b)
IL-LINJA BAĠITARJA
Linja baġitarja: 17 04 07 01
NUMRU INDIKATTIV U TIPI TA’ KUNTRATTI PREVISTI
Għal kull waħda mill-kwistjonijiet tekniċi msemmija hawn taħt se jiġi ffirmat kuntratt wieħed, jew aktar, ta’ servizz speċifiku. Huwa stmat li se jiġu ffirmati madwar 17-il kuntratt ta’ servizz. Il-kuntratturi esterni jkunu involuti primarjament fl-aspetti organizzattivi u loġistiċi tal-attivitajiet ta’ taħriġ.
IS-SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI (JEKK IKUN POSSIBBLI)
Għall-2010, l-azzjoni ta’ taħriġ se tkun dwar is-suġġetti li ġejja:
|
— |
L-ispezzjonijiet ta’ kontroll veterinarju u tas-sikurezza tal-ikel u l-għalf f’Postijiet ta’ Spezzjoni fil-Fruntiera (ajruporti, portijiet u toroq/ferroviji), |
|
— |
Iż-żoonożi u kriterji mikrobijoloġiċi fi prodotti tal-ikel, |
|
— |
Il-Benesseri tal-Annimali, |
|
— |
Il-Prodotti għall-Ħarsien tal-Pjanti, |
|
— |
Il-leġiżlazzjoni dwar l-għalf: fokus fuq ir-regoli tal-iġjene tal-għalf, |
|
— |
Il-ħarsien minn, il-kontroll u l-qerda tal-Enċefalopatija Sponġiformi li Tinxtered, |
|
— |
Il-kontrolli fuq prodotti ta’ oriġini mhux mill-annimali fil-ħin tal-importazzjoni, |
|
— |
L-iskemi ta’ kwalità tal-UE (agrikoltura organika u indikazzjonijiet ġeografiċi), |
|
— |
Il-verifiki interni tas-sistemi uffiċjali tal-kontroll, |
|
— |
L-appoġġ għall-kontrolli tal-Unjoni fl-Istati Membri u f’pajjiżi terzi, |
|
— |
RASFF/TRACES f’pajjiżi terzi, |
|
— |
L-analiżi tal-OĠM, |
|
— |
Ir-regoli tal-UE dwar l-ikel u r-rekwiżiti tal-UE għall-importazzjoni tal-ikel, |
|
— |
Id-dijanjożi u l-kontroll tal-Influwenza tat-Tjur bi Patoġeniċità Qawwija, |
|
— |
Kwistjonijiet oħra dwar il-benessri u saħħa tal-annimali, kwistjonijiet dwar is-sikurezza tal-għalf u tal-ikel; il-kooperazzjoni ma’ Organizzazzjonijiet Internazzjonali oħra għat-taħriġ u l-istudji l-konferenzi u l-valutazzjonijiet tas-sikurezza fl-ikel. |
L-IMPLIMENTAZZJONI
It-EUR 13 320 000 (il-finanzjament ta’ miżuri għas-sikurezza fl-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004) se jkunu amministrati u użati mill-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/544/KE (1)). Is-EUR 680 000 li jibqa’ se jintużaw mill-Kummissjoni biex ikopru l-programm dwar l-OĠM u fuq studji, konferenzi u stimi.
IL-PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TAL-AKKWISTI
Bejn wieħed u ieħor minn April sa Ġunju biex il-kuntratti jkunu ffirmati fl-2010.
AMMONT INDIKATTIV TAS-SEJĦA GĦALL-OFFERTI
EUR 14 000 000.
1.2.2. Taħriġ: rapport annwali, tagħmir u strumenti tal-IT, materjal promozzjonali, appoġġ tat-tagħrif u tal-komunikazzjoni
BAŻI LEGALI
Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004, l-Artikolu 66(1)(ċ)
IL-LINJA BAĠITARJA
Linja baġitarja: 17 01 04 05
NUMRU INDIKATTIV U TIPI TA’ KUNTRATTI PREVISTI
Huwa stmat li se jiġu ffirmati madwar tliet kuntratti ta’ servizz.
IS-SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI (JEKK IKUN POSSIBBLI)
L-azzjonijiet li se jkunu ffinanzjati taħt dan il-baġit jimmiraw li jiffaċiltaw l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ taħriġ, tat-tagħmir u l-għodod tal-IT u tat-tagħlim elettroniku, kif ukoll l-appoġġ għall-materjali promozzjonali, għat-tagħrif u għall-komunikazzjoni.
L-IMPLIMENTAZZJONI
Din l-azzjoni se tkun implimentata direttament mid-DĠ SANCO.
IL-PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TAL-AKKWISTI
Bejn wieħed u ieħor minn April sa Settembru.
AMMONT INDIKATTIV TAS-SEJĦA GĦALL-OFFERTI
EUR 260 000.
1.3. Azzjonijiet oħra: Sussidju operattiv għall-Aġenzija Eżekuttiva dwar is-Saħħa Pubblika u l-Konsumaturi
Il-BAŻI LEGALI
Ir-Regolament (KE) Nru 58/2003, b’mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu
IL-LINJA BAĠITARJA
Linja baġitarja: 17 01 04 31
L-AMMONT
EUR 1 110 000
ID-DESKRIZZJONI U L-GĦAN TAL-MIŻURA IMPLIMENTATTIVA
Dan il-baġit jiffinanzja s-sussidju operattiv tal-Aġenzija għas-sena 2010 marbut mal-programmi skont l-“FP Intestatura 2”. Il-linja ta’ Baġit 17.01.04.31 tiffinanzja s-sussidju operattiv tal-Aġenzija għall-2010 għall-parti marbuta mal-programm Taħriġ Aħjar għal Aktar Sikurezza fl-Ikel. Skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 58/2003, is-sussidju operattiv għandu jittieħed mill-allokazzjoni finanzjarja għall-progammi tal-Unjoni mmaniġġjati mill-Aġenzija. Żewġ linji ta’ baġit separati nħolqu bil-baġit 2010 għas-sussidju li jrid jitħallas lill-Aġenzija, wieħed għall-programmi skont l-Intestatura 2 u ieħor għal programmi skont l-Intestatura 3b tal-Perspettivi Finanzjarji.