Test rettifikat permezz ta’ digriet tat-30 ta’ Ġunju 2025

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

22 ta’ Mejju 2025 ( *1 )

“Appell – Partijiet intervenjenti fl-ewwel istanza – Kunfidenzjalità – Informazzjoni li kienet is-suġġett ta’ trattament kunfidenzjali fl-ewwel istanza”

Fil-Kawża C‑826/24 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit‑3 ta’ Diċembru 2024,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, A. Dawes, T. Franchoo u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Google LLC, stabbilita f’Mountain View (l-Istati Uniti),

Alphabet Inc., stabbilita f’Mountain View,

irrappreżentati minn D. Beard, BL, J. Holmes, BL, J. Williams, BL, W. Ellison u C. Jeffs, advocaten, u J. Staples, solicitor,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Surfboard Holding BV, stabbilita f’Zeist (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Vinden.NL BV, stabbilita f’Rijssen (il-Pajjiżi l-Baxxi),

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

wara li ra l-proposta ta’ O. Spineanu-Matei, Imħallef Relatur,

wara li sema’ l-Avukata Ġenerali, J. Kokott,

jagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑18 ta’ Settembru 2024, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google AdSense for Search) (T‑334/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata, EU:T:2024:634), li permezz tagħha din annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 2173 final tal‑20 ta’ Marzu 2019 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.40411– Google Search (AdSense)).

2

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Frar 2025, Google LLC u Alphabet Inc. jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tirriżerva, fir-rigward ta’ Surfboard Holding BV u ta’ Vinden.NL BV, intervenjenti fl-ewwel istanza, trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fir-risposta li huma ppreżentaw f’din il-kawża u fl-Annessi R. 2, R. 3 u R. 4 tagħha, identiku għat-trattament irriżervat mill-Qorti Ġenerali għal din l-istess informazzjoni fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza appellata. B’mod partikolari, it-talba għal trattament kunfidenzjali tirrigwarda l-informazzjoni dwar l-istrateġija kummerċjali ta’ Google li tinsab fil-punt 66 ta’ din ir-risposta kif ukoll l-informazzjoni msemmija fil-punti 23, 26, 174, 188, 189, 202, 204, 212, 228, 229, 246, 283 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 345 tal-Anness R. 2 tal-imsemmija risposta kif ukoll il-punti 279 u 288 tal-Anness 1 ta’ dan l-Anness R. 2, fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 22 u 68 kif ukoll fil-punt 68 tal-Anness R. 3 tal-istess risposta u fil-punti 26 u 28 tal-Anness R. 4 tagħha, relatati ma’ studji kunfidenzjali ta’ Google, skont kuntratti konklużi minn din l-impriża, mad-“Direct Partners” tagħha u mad-dħul iġġenerat mill-attivitajiet tagħhom.

3

Mill-proċess tal-kawża li tat lok għas-sentenza appellata, ikkomunikata lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Qorti Ġenerali, jirriżulta li Vinden.NL u Surfboard Holding kienu, permezz ta’ atti tas‑16 ta’ Settembru 2019 u tad‑19 ta’ Settembru 2019, rispettivament, talbu li jintervjenu fil-proċedura tal-ewwel istanza, insostenn tat-talbiet ta’ Google.

4

Permezz ta’ digriet tas‑26 ta’ Novembru 2019, il-President tal-Għaxar Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dawn it-talbiet għal intervent u ddeċieda li hija biss verżjoni mhux kunfidenzjali tal-atti proċedurali kollha nnotifikati lil Google u lil Alphabet, kif ukoll lill-Kummissjoni, li kellha tiġi kkomunikata lil Surfboard Holding u lil Vinden.NL, bla ħsara għal dawn tal-aħħar li jippreżentaw, jekk ikun il-każ, fit-termini mogħtija lilhom, l-oġġezzjonijiet tagħhom dwar l-eventwali talbiet għal trattament kunfidenzjali li jikkonċernawhom.

5

Kif jirriżulta mill-proċess tal-kawża li tat lok għas-sentenza appellata, ikkomunikata lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Qorti Ġenerali, dawn il-kumpanniji, li saru intervenjenti fl-ewwel istanza, ma ressqux oppożizzjoni għat-talbiet għal trattament kunfidenzjali li ġew ippreżentati fir-rigward tagħhom, b’tali mod li l-għoti ta’ trattament kunfidenzjali, ordnat b’mod provviżorju mill-Qorti Ġenerali f’dan id-digriet, sar definittiv.

6

L-Artikolu 171(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li l-appell għandu jiġi nnotifikat lill-partijiet l-oħra fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 172 ta’ dawn ir-regoli, kull parti fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali li jkollha interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud tista’ tippreżenta risposta f’terminu ta’ xahrejn li jiddekorri minn din in-notifika. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-appell kif ukoll l-atti proċedurali l-oħra ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huma wkoll innotifikati, bħala prinċipju, lill-partijiet ammessi bħala intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

7

Madankollu, meta parti titlob trattament kunfidenzjali, fir-rigward ta’ parti li kienet intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, ta’ provi prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li diġà kienu s-suġġett ta’ tali trattament matul il-proċedura fl-ewwel istanza fir-rigward ta’ din il-parti, l-istess trattament għandu, bħala prinċipju, jinżamm għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Jannar 2023, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni, C‑738/22 P, EU:C:2023:44, punt 5 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

8

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li t-talba ta’ Google u ta’ Alphabet intiża sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tirriżerva trattament kunfidenzjali, fir-rigward ta’ Surfboard Holding kif ukoll ta’ Vinden.NL, għall-informazzjoni dwar l-istrateġija kummerċjali ta’ Google li tinsab fil-punt 66 tar-risposta ta’ Google u ta’ Alphabet ippreżentata f’din il-kawża, kif ukoll għall-informazzjoni li tinsab fil-punti 23, 26, 174, 188, 189, 202, 204, 212, 228, 229, 246, 283 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 345 tal-Anness R. 2 ta’ din ir-risposta kif ukoll fil-punti 279 u 288 tal-Anness 1 ta’ dan l-Anness R. 2, fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 22 u 68 kif ukoll fil-punt 68 tal-Anness R. 3 tal-imsemmija risposta u fil-punti 26 u 28 tal-Anness R. 4 ta’ dan, dwar studji kunfidenzjali ta’ Google, skont it-termini ta’ kuntratti konklużi minn din l-impriża, id-“Direct Partners” tagħha u d-dħul iġġenerat mill-attivitajiet ta’ dawn tal-aħħar, tirrigwarda informazzjoni li diġà kienet is-suġġett ta’ tali trattament fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza appellata. Konsegwentement, hemm lok li din it-talba tintlaqa’, u hija biss verżjoni mhux kunfidenzjali tal-istess risposta u tal-annessi tagħha, li toskura din l-informazzjoni, li għandha tiġi nnotifikata, mir-Reġistratur, lil Surfboard Holding u lil Vinden.NL.

9

[Kif rettifikat bid-digriet tat-30 ta’ Ġunju 2025] Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 7 ta’ dan id-digriet u bl-għan ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, hemm lok, bħala prinċipju, li jiġi rriżervat ukoll, fir-rigward ta’ Surfboard Holding jew ta’ Vinden.NL, trattament kunfidenzjali għall-informazzjoni li ser tiġi prodotta fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ appell u li kienet is-suġġett ta’ tali trattament fl-ewwel istanza fir-rigward ta’ dawn l-istess partijiet, meta waħda mill-partijiet li invokat in-natura kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni fl-ewwel istanza tkun għamlet talba espressa għal dan.

10

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija biss verżjoni mhux kunfidenzjali tal-atti proċedurali kollha li għandhom, jekk ikun il-każ, jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni jew lil Google u lil Alphabet, li ser tiġi nnotifikata, mir-Reġistratur, lil Surfboard Holding u lil Vinden.NL fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:

 

1)

Huwa rriżervat trattament kunfidenzjali, fir-rigward ta’ Surfboard Holding BV kif ukoll ta’ Vinden.NL BV, għall-informazzjoni dwar l-istrateġija kummerċjali ta’ Google LLC li tinsab fil-punt 66 tar-risposta ta’ Google u ta’ Alphabet Inc. ippreżentata f’din il-kawża, kif ukoll għall-informazzjoni li tinsab fil-punti 23, 26, 174, 188, 189, 202, 204, 212, 228, 229, 246, 283 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 345 tal-Anness R. 2 ta’ din ir-risposta kif ukoll fil-punti 279 u 288 tal-Anness 1, ta’ dan l-Anness R. 2, fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 22 u 68 kif ukoll fil-punt 68 tal-Anness R. 3 tal-imsemmija risposta u fil-punti 26 u 28 tal-Anness R. 4 ta’ dan, dwar studji kunfidenzjali ta’ Google, skont it-termini ta’ kuntratti konklużi minn din il-kumpannija, lid-“Direct Partners” tagħha u d-dħul iġġenerat mill-attivitajiet ta’ dawn tal-aħħar, verżjoni mhux kunfidenzjali tal-istess risposta fl-Annessi, bl-oskurazzjoni ta’ din l-informazzjoni, għandha tiġi nnotifikata, mir-Reġistratur, lil Surfboard Holding kif ukoll lil Vinden.NL.

 

2)

Trattament kunfidenzjali għandu jiġi rriżervat ukoll, fir-rigward ta’ Surfboard Holding BV u ta’ Vinden.NL BV, għall-informazzjoni li ser tiġi prodotta fil-kuntest ta’ din il-proċedura u li kienet is-suġġett ta’ tali trattament fl-ewwel istanza fir-rigward ta’ dawn l-istess partijiet, meta waħda mill-partijiet li invokat in-natura kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni fl-ewwel istanza tkun għamlet talba espressa għal dan. Hija biss verżjoni mhux kunfidenzjali tal-atti proċedurali kollha li għandha, jekk ikun il-każ, tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni Ewropea jew lil Google LLC u lil Alphabet Inc., li ser tiġi nnotifikata, mir-Reġistratur, lil Surfboard Holding u lil Vinden.NL fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.