European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1042

18.5.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1042

tat-23 ta’ April 2026

dwar il-konsistenza tal-miri ta’ prestazzjoni inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni mressaq mill-Irlanda skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għar-raba’ perjodu referenzjarju tal-iskema ta’ prestazzjoni u imposti tal-Ajru Uniku Ewropew

(notifikata bid-dokument C(2026) 2554)

(It-testi bl-Ingliż u bl-Irlandiż biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/2803 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 dwar l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 58(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) u (2) tiegħu,

Billi:

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(1)

Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) 549/2004, l-Istati Membri jridu jfasslu pjanijiet, fil-livell nazzjonali jew fil-livell tal-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali (“FABs”), li jinkludu miri ta’ prestazzjoni, għal kull perjodu referenzjarju tal-iskema ta’ prestazzjoni u ta’ imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-network. Dawk il-pjanijiet iridu jinkludu miri ta’ prestazzjoni lokali li huma konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-perjodu referenzjarju kkonċernat.

(2)

Fit-12 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni adottat il-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għar-raba’ perjodu referenzjarju (“RP4”, 2025–2029). Dawk il-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha ġew stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1688 (4).

(3)

Fl-1 ta’ Ottubru 2024, l-Irlanda ressqet lill-Kummissjoni abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni għall-RP4. Wara l-verifika tal-kompletezza ta’ dak l-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni mill-Kummissjoni, l-Irlanda ressqet abbozz aġġornat tal-pjan ta’ prestazzjoni (“l-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni”) fit-18 ta’ Novembru 2024.

(4)

Il-Kummissjoni sabet li l-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza stabbiliti mill-Irlanda fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni fir-rigward taż-żona tal-imposti en route tagħha ma jissodisfawx il-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fil-punt 1.4 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 u għalhekk mhumiex konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-RP4.

(5)

Fis-16 ta’ Mejju 2025, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Irlanda bis-sejbiet rigward l-inkonsistenza tal-miri ta’ prestazzjoni msemmija fil-premessa (4) permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1040 (5). F’dik id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ħarġet rakkomandazzjonijiet lill-Irlanda bil-ħsieb li tiżgura l-konsistenza tal-miri ta’ prestazzjoni tagħha mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-RP4.

(6)

Fit-18 ta’ Awwissu 2025, l-Irlanda ressqet abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni għall-RP4 għall-valutazzjoni mill-Kummissjoni. Wara l-verifika tal-kompletezza ta’ dak il-pjan, l-Irlanda ressqet verżjoni aġġornata tal-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni (l-“abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni”) fit-8 ta’ Ottubru 2025.

(7)

F’konformità mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri ta’ prestazzjoni lokali inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni abbażi tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, filwaqt li qieset iċ-ċirkostanzi lokali fejn rilevanti.

(8)

Il-Kummissjoni kkumplimentat il-valutazzjoni tagħha tal-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni b’rieżami tal-elementi stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Madankollu, l-allokazzjoni tal-kostijiet bejn is-servizzi en route u s-servizzi fit-terminal imsemmija fil-punt 2.1(d)(vii) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 hija soġġetta għal rieżami separat mill-Kummissjoni abbażi ta’ informazzjoni addizzjonali li waslet mingħand l-Irlanda f’Diċembru 2025. Għaldaqstant, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni ma waslet għall-ebda konklużjoni rigward il-konformità ta’ dik il-metodoloġija tal-allokazzjoni tal-kostijiet mal-punti (e) u (f) tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u mal-Artikolu 22(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(9)

Il-Bord ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni (“PRB”), li jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) 2024/2803, ressaq lill-Kummissjoni l-opinjoni tiegħu dwar il-miri ta’ prestazzjoni inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-Irlanda fir-rigward tal-konsistenza ta’ dawk il-miri mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha. Is-sejbiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni ġew infurmati mill-valutazzjoni teknika dettaljata stabbilita fl-opinjoni tal-PRB (7).

VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Valutazzjoni tal-miri tas-sikurezza

(10)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tas-sikurezza, il-konsistenza tal-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni ġiet ivvalutata f’konformità mal-punt 1.1 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(11)

Il-miri ta’ prestazzjoni fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tas-sikurezza proposti mill-Irlanda rigward l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, imqassma skont l-objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza u espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, huma kif ġej:

L-Irlanda

Miri dwar l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, li jvarjaw mil-livell A sa D tal-EASA

Fornitur tas-servizzi

tan-navigazzjoni bl-ajru

Objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza

2025

2026

2027

2028

2029

AirNav Ireland

Politika u objettivi tas-sikurezza

C

C

C

C

C

Ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza

D

D

D

D

D

Aċċertament tas-sikurezza

C

C

C

C

C

Promozzjoni tas-sikurezza

C

C

C

C

C

Kultura tas-sikurezza

C

C

C

C

C

(12)

Il-Kummissjoni sabet li l-miri ta’ prestazzjoni tas-sikurezza proposti mill-Irlanda għall-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru “AirNav Ireland” huma ugwali għall-miri tas-sikurezza mal-Unjoni kollha fir-rigward ta’ kull sena kalendarja mill-2025 sal-2029.

(13)

Il-Kummissjoni tinnota li l-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni jistabbilixxi miżuri għall-AirNav Ireland biex jintlaħqu l-miri tas-sikurezza lokali, bħal titjib fl-identifikazzjoni u fir-reġistrazzjoni tal-perikli, ix-xiri ta’ software biex tiġi analizzata d-data dwar il-livelli ta’ għeja tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru (“ATCOs”) u r-reklutaġġ ta’ analisti tas-sikurezza biex jiġu rieżaminati l-bidliet fil-proċessi ta’ ġestjoni.

(14)

Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi (11), (12) u (13), il-miri ta’ prestazzjoni tas-sikurezza lokali għall-2029 inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni huma konformi mal-miri korrispondenti għall-Unjoni kollha stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1688. Għalhekk, dawk il-miri ta’ prestazzjoni tas-sikurezza lokali jenħtieġ li jiġu kkunsidrati konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha.

Valutazzjoni tal-miri ambjentali

(15)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-ambjent, il-konsistenza tal-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni rigward l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali ġiet ivvalutata abbażi tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.2 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Għaldaqstant, il-miri ambjentali proposti tal-Irlanda tqabblu mal-valuri referenzjarji tal-effiċjenza tat-titjir en route orizzontali rilevanti stabbiliti fil-Pjan ta’ Titjib tan-Network Ewropew tar-Rotot (“ERNIP”), imfassal f’konformità mal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/123 (8) u disponibbli fiż-żmien tal-adozzjoni tal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-RP4, jiġifieri fit-2 ta’ Lulju 2024.

(16)

Il-miri ta’ prestazzjoni ambjentali proposti mill-Irlanda għall-RP4 u l-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti mill-ERNIP, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali, huma kif ġej:

L-Irlanda

2025

2026

2027

2028

2029

Miri fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-ambjent, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

1,42 %

1,40 %

1,38 %

1,36 %

1,34 %

Valuri referenzjarji

1,42 %

1,40 %

1,38 %

1,36 %

1,34 %

(17)

Il-Kummissjoni tosserva li l-miri ambjentali proposti mill-Irlanda huma ugwali għall-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għal kull sena kalendarja tal-RP4.

(18)

Il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni, l-Irlanda ppreżentat miżuri biex jintlaħqu l-miri tal-ambjent lokali, li jinkludu l-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (“ATM”) u l-implimentazzjoni ta’ spazju tal-ajru transfruntier b’rotot liberi inkluż titjib ulterjuri possibbli li jrid jiġi identifikat matul RP4.

(19)

Għalhekk, abbażi tas-sejbiet fil-premessi (16), (17) u (18), il-miri fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-ambjent inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-Irlanda jenħtieġ li jitqiesu konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-RP4.

Valutazzjoni tal-miri tal-kapaċità

(20)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kapaċità, il-konsistenza tal-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni fir-rigward tad-dewmien medju fil-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (“ATFM”) en route għal kull titjira ġie vvalutat abbażi tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.3 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Għaldaqstant, il-miri tal-kapaċità proposti tal-Irlanda tqabblu mal-valuri referenzjarji rilevanti stabbiliti fil-Pjan Operazzjonali tan-Network, imfassal f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/123 u disponibbli fiż-żmien tal-adozzjoni tal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-RP4, jiġifieri fit-2 ta’ Lulju 2024.

(21)

Il-miri tal-kapaċità en route proposti mill-Irlanda għall-RP4, espressi f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira, u l-valuri referenzjarji korrispondenti mill-Pjan Operazzjonali tan-Network huma kif ġej:

L-Irlanda

2025

2026

2027

2028

2029

Miri fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kapaċità, espressi f’minuti tad-dewmien en route tal-ATFM għal kull titjira

0,03

0,03

0,02

0,02

0,02

Valuri referenzjarji

0,08

0,06

0,05

0,03

0,03

(22)

Il-Kummissjoni tosserva li l-miri tal-kapaċità proposti mill-Irlanda huma inqas mill-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għal kull sena kalendarja tal-RP4.

(23)

Il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni, l-Irlanda ppreżentat miżuri biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità lokali en route li jinkludu r-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ ATCOs u persunal addizzjonali fl-elettronika għas-sikurezza tat-traffiku tal-ajru (“ATSEP”), titjib fis-settorizzazzjoni, u r-realizzazzjoni ta’ investimenti f’sistemi u infrastrutturi li jippermettu kapaċità msaħħa.

(24)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni, l-Irlanda stabbiliet żewġ indikaturi ewlenin ta' prestazzjoni (“KPIs”) addizzjonali u miri ta’ prestazzjoni addizzjonali assoċjati fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kapaċità, f’konformità mal-Artikoli 8(4) u 10(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317. L-iskop ta’ dawk il-KPIs addizzjonali huwa li jsegwu l-implimentazzjoni minn AirNav Ireland tal-miżuri biex jissaħħu l-livelli tal-persunal tal-ATCO u tal-ATSEP tagħha mkejla f’ekwivalenti għall-full-time (“FTEs”). Iż-żieda fl-għadd ta’ FTEs f’dawk il-kategoriji tal-persunal hija kritika għall-fini tat-titjib tal-kapaċità tal-ispazju tal-ajru u għall-appoġġ tal-implimentazzjoni f’waqtha tal-investimenti ppjanati f’assi fissi.

(25)

L-Irlanda stabbiliet ukoll skema ta’ inċentivi ta’ natura finanzjarja, f’konformità mal-Artikolu 11(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317, biex tappoġġa l-kisba tal-miri addizzjonali ta’ prestazzjoni tal-kapaċità msemmija fil-premessa (24).

(26)

B’referenza għall-premessi (24) u (25), il-Kummissjoni tqis b’mod pożittiv il-miri addizzjonali ta' prestazzjoni tal-kapaċità u l-iskemi relatati ta’ inċentivi finanzjarji stabbiliti mill-Irlanda fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni. Il-Kummissjoni tinnota li l-inċentivi finanzjarji huma marbuta mal-evoluzzjoni reali tat-traffiku matul l-RP4 u jkollhom l-għan li jtaffu l-kostijiet imġarrba mill-utenti tal-ispazju tal-ajru f’każ li r-reklutaġġi ppjanati tal-ATCOs u tal-ATSEPs ma jiġux implimentati bis-sħiħ. Il-Kummissjoni tqis li l-inċentivi finanzjarji stabbiliti għall-ANSP f’dan ir-rigward huma ġġustifikati u proporzjonati fid-dawl tal-kostijiet sinifikanti assoċjati mar-reklutaġġi ppjanati ta’ ATCOs u ATSEPs addizzjonali matul l-RP4.

(27)

Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi (21) sa (26), il-miri fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kapaċità inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-Irlanda u msemmija fil-premessa (21) jenħtieġ li jitqiesu konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-RP4.

Rieżami tal-miri tal-kapaċità għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal

(28)

F’konformità mal-punt 2.1(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni rrieżaminat il-miri ta’ prestazzjoni tal-kapaċità għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal stabbiliti fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-Irlanda rigward l-ajruporti msemmija fl-Artikoli 1(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Instab li dawk il-miri ma jagħtux lok għal tħassib.

Valutazzjoni tal-miri tal-kosteffiċjenza

(29)

Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1040 il-Kummissjoni tal-pjan kkonkludiet li l-miri proposti tal-kosteffiċjenza en route inklużi fl-abbozz ta' prestazzjoni tal-Irlanda mressaq fl-2024 ma kinux konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha. L-Irlanda pproponiet miri riveduti tal-kosteffiċjenza en route fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni tagħha.

(30)

It-tabella ta’ hawn taħt turi l-miri riveduti ta' prestazzjoni tal-kosteffiċjenza proposti mill-Irlanda fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni.

Żona tal-imposti en route tal-Irlanda

Valur bażi tal-2019

Valur bażi tal-2024

2025

2026

2027

2028

2029

Miri riveduti tal-kosteffiċjenza, espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2022)

27,61 EUR

26,89 EUR

28,49 EUR

29,51 EUR

29,49 EUR

29,56 EUR

29,85 EUR

(31)

Il-Kummissjoni tinnota li l-kost unitarju ddeterminat (“DUC”) tal-Irlanda għal kull sena tal-RP4 huwa kemxejn aktar baxx milli fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni mressaq fl-2024, li jikkostitwixxi titjib.

(32)

Il-kostijiet iddeterminati espressi f’EUR f’termini reali fil-prezzijiet tal-2022 (“EUR 2022”) u s-suppożizzjonijiet tat-traffiku għaż-żona tal-imposti, kif stabbiliti mill-Irlanda fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni, jidhru fit-tabella ta’ hawn taħt:

Żona tal-imposti en route tal-Irlanda

2025

2026

2027

2028

2029

Kostijiet iddeterminati riveduti maħsuba f’termini reali fil-prezzijiet tal-2022 (l-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni)

147 M EUR

155 M EUR

158 M EUR

161 M EUR

165 M EUR

Tbassir tat-traffiku (abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni), espress f’eluf ta’ unitajiet ta’ servizzi en route

5 175

5 256

5 349

5 458

5 544

(33)

Il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri riveduti tal-kosteffiċjenza proposti mill-Irlanda abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-punti 1.4(a), (b) u (c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(34)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra tad-DUC en route fil-livell taż-żona tal-imposti ta’ +2,1 % matul l-RP4 tisboq ix-xejra għall-Unjoni kollha ta’ -1,2 % matul l-istess perjodu.

(35)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra fit-tul tad-DUC en route fil-livell taż-żona tal-imposti matul it-tielet perjodu referenzjarju (“RP3”) u l-RP4 ta’ +0,9 % hija anqas mix-xejra fit-tul għall-Unjoni kollha ta’ -1,0 % matul l-istess perjodu.

(36)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li l-valur bażi għad-DUC ta’ EUR 26,89 tal-Irlanda fl-EUR2022 hu 5,4 % inqas mill-valur bażi medju ta’ EUR 28,43 fl-EUR2022 tal-grupp komparatur rilevanti stabbilit fl-Artikolu 7, il-punt (b), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1688.

(37)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni eżaminat jekk id-devjazzjonijiet imsemmija fil-premessi (34) u (35) jistgħux jitqiesu meħtieġa u proporzjonati skont il-punt 1.4(d) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. B’hekk, il-Kummissjoni vvalutat jekk id-devjazzjonijiet osservati mix-xejra tad-DUC mal-Unjoni kollha u mix-xejra fit-tul tad-DUC mal-Unjoni kollha msemmija fil-premessi (34) u (35) jekk humiex esklużivament dovuti għal kostijiet iddeterminati addizzjonali relatati mal-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-miri ta’ prestazzjoni fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kapaċità jew għall-miżuri tar-ristrutturar skont it-tifsira tal-Artikolu 2(18) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(38)

Il-PRB ikkalkula d-differenzi stmati bejn il-kostijiet iddeterminati għall-RP4 stabbiliti mill-Irlanda fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni u l-kostijiet iddeterminati li jkunu meħtieġa biex tiġi ssodisfata x-xejra tad-DUC mal-Unjoni kollha għall-RP4 u x-xejra fit-tul tad-DUC mal-Unjoni kollha għall-RP3 u l-RP4 f’daqqa. Abbażi tas-sejbiet tal-PRB, il-kostijiet iddeterminati totali għall-RP4 proposti mill-Irlanda ma jilħqux b’madwar EUR 92,9 miljun fl-EUR2022 tal-livell meħtieġ biex tiġi ssodisfata x-xejra tad-DUC mal-Unjoni kollha, li tirrappreżenta diskrepanza annwali medja ta’ EUR 18,6 miljun fl-EUR2022. Differenza simili li tammonta matul l-RP4 kollu għal madwar EUR 98,0 miljun fl-EUR2022 hija osservata meta mqabbla mal-livell meħtieġ biex tiġi ssodisfata x-xejra fit-tul tad-DUC mal-Unjoni kollha, li tikkorrispondi għal diskrepanza medja annwali ta’ EUR 19,6 miljun fl-EUR2022.

(39)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni, l-Irlanda tirreferi għall-kostijiet iddeterminati addizzjonali mġarrba matul l-RP4 mill-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru AirNav Ireland b’rabta mal-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità lokali (“miżuri tal-kapaċità”).

(40)

Il-Kummissjoni tosserva li fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni, l-Irlanda ppreżentat u kkwantifikat tmien miżuri tal-kapaċità ta’ valur totali matul l-RP4 ta’ EUR 104,1 M espressi f’termini reali fl-EUR2022.

(41)

Dawk il-miżuri tal-kapaċità jinkludu l-ewwel nett it-taħriġ u l-impjieg ta’ persunal addizzjonali, b’mod partikolari l-ATCOs u l-ATSEPs, minn AirNav Ireland:

—

AirNav Ireland qed tippjana li matul l-RP4 żżid bi 30 ekwivalenti għall-full-time (“FTEs”) l-għadd ta’ ATCOs f’operazzjonijiet fiċ-ċentru ta’ kontroll taż-żona ta’ Shannon (“ACC”), u b’hekk l-għadd totali ta’ ATCOs f’operazzjonijiet fl-ACC tela’ għal 225 FTEs fl-2029. L-Irlanda tispjega li, permezz ta’ din il-miżura, il-livelli tal-persunal tal-ATCO ta’ AirNav Ireland se jkunu adegwati biex jakkomodaw id-domanda tat-traffiku filwaqt li jżidu wkoll ir-reżiljenza tal-operazzjonijiet tagħha. B’riżultat ta’ dan, AirNav Ireland tistenna li tnaqqas b’mod konsiderevoli r-rikors għas-sahra mill-ATCOs.

—

Fir-rigward tal-użu ta’ ATSEPs addizzjonali, l-Irlanda tispjega li ż-żieda fil-livelli tal-persunal tal-inġiniera tappoġġa t-twettiq ta’ proġetti ta’ investiment kapitali u l-implimentazzjoni ta’ sistema ġdida tal-ATM matul l-RP4, filwaqt li f’perjodi ta’ referenza preċedenti l-ANSP ma setax jikseb użu sħiħ tal-investimenti minħabba nuqqas ta’ riżorsi għall-pożizzjonijiet tal-ATSEP. Barra minn hekk, AirNav Ireland għandha l-għan li timpjega total ta’ 83 membru tal-persunal ta’ ġestjoni tal-operazzjonijiet u ta’ appoġġ ġenerali sal-2029, filwaqt li tirrilaxxa l-ATCOs minn kompiti mhux operazzjonali, u b’hekk iżżid il-produttività u l-effiċjenza tal-ATCOs impjegati.

(42)

L-Irlanda tinvoka wkoll bħala miżura tal-kapaċità l-investimenti fis-sistemi u fl-infrastruttura, kif ukoll l-akkwist u l-użu ta’ sistema ġdida tal-ATM, li se tipprovdi titjib funzjonali u tekniku:

—

Is-sistema l-ġdida tal-ATM se tissostitwixxi s-sistema antika li ilha tintuża għal 17-il sena. Is-sistema l-ġdida tal-ATM se tippermetti funzjonalitajiet tekniċi mtejba biex jappoġġaw it-teħid tad-deċiżjonijiet tal-ATCO, il-produttività mtejba tal-ATCO u l-awtomatizzazzjoni tal-kompiti ta’ rutina.

—

AirNav Ireland qed tippjana wkoll li timplimenta sistema ġdida ta’ ATM ta’ kontinġenza u testendi l-binjiet tal-ACC tagħha. Dan l-investiment se jippermetti li jiġu ppruvati u ttestjati l-faċilitajiet tas-sistema l-ġdida tal-ATM, tiżdied il-kapaċità u tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz.

—

Barra minn hekk, AirNav Ireland se taġġorna l-infrastruttura tar-radar tagħha, inkluża s-sostituzzjoni tal-komponenti tekniċi installati bejn l-2005 u l-2008, li laħqu t-tmiem tal-ħajja tagħhom. L-objettiv ta’ dan l-investiment huwa li jipprovdi kopertura tar-radar affidabbli, kapaċità u produttività mtejba.

(43)

Il-PRB analizza fid-dettall il-miżuri tal-kapaċità invokati mill-Irlanda. Fl-analiżi tiegħu, il-PRB qies il-ġustifikazzjonijiet addizzjonali pprovduti fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni u tal-iskemi ta’ inċentivi addizzjonali, imsemmija fil-premessi (25) u (26), li ġew stabbiliti mill-Irlanda fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-reklutaġġi ppjanati tal-ATCOs u tal-ATSEPs matul l-RP4. F’dan l-isfond, il-PRB qies li l-miżuri tal-kapaċità invokati mill-Irlanda huma meħtieġa u proporzjonati għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità.

(44)

Wara li kkunsidrat l-evalwazzjoni li saret mill-PRB, il-kostijiet addizzjonali rrapportati mill-Irlanda għall-miżuri tal-kapaċità msemmija fil-premessi (39) sa (43) huma akbar mid-devjazzjonijiet mix-xejriet tal-kosteffiċjenza għall-Unjoni kollha kkalkulati mill-PRB u ppreżentati fil-premessa (38).

(45)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fil-premessi (39) sa (44), il-Kummissjoni ssib li l-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 jenħtieġ li jitqies issodisfat b’rabta mal-Irlanda fir-rigward tad-devjazzjoni mix-xejra tad-DUC għall-Unjoni kollha msemmija fil-premessa (34)u fir-rigward tad-devjazzjoni mix-xejra fit-tul tad-DUC mal-Unjoni kollha msemmija fil-premessa (35). Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-Irlanda indirizzat b’mod adegwat ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1040 fir-rigward tar-reviżjoni tal-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza lokali tagħha.

(46)

Għalhekk, abbażi tas-sejbiet fil-premessi (30) sa (45), il-miri fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni jenħtieġ li jitqiesu konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-RP4.

Rieżami tal-miri tal-kosteffiċjenza għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal

(47)

F’konformità mal-punt 2.1(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni rrieżaminat il-miri ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal stabbiliti fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-Irlanda rigward l-ajruporti msemmija fl-Artikoli 1(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Instab li dawk il-miri ma jagħtux lok għal tħassib.

KONKLUŻJONIJIET

(48)

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni sabet li l-miri ta’ prestazzjoni inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-Irlanda huma konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-RP4,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miri ta’ prestazzjoni inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni mressaq mill-Irlanda għar-raba’ perjodu referenzjarju (“RP4”), elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, huma konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għall-RP4 stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1688.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ April 2026.

Għall-Kummissjoni

Apostolos TZITZIKOSTAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/549/oj.

(2)   ĠU L, 2024/2803, 11.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2803/oj.

(3)   ĠU L 56, 25.2.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/317/2025-01-01.

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1688 tat-12 ta’ Ġunju 2024 li tistabbilixxi l-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għar-raba’ perjodu referenzjarju mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2029 (ĠU L, 2024/1688, 17.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1688/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1040 tas-16 ta’ Mejju 2025 dwar l-inkonsistenza ta’ ċerti miri tal-prestazzjoni inklużi fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni tal-blokok tal-ispazju tal-ajru nazzjonali u funzjonali ppreżentati mill-Belġju, mid-Danimarka, mill-Ġermanja, mill-Estonja, mill-Irlanda, mill-Greċja, minn Franza, mil-Latvja, mil-Lussemburgu, min-Netherlands u mis-Slovakkja skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha għar-raba’ perjodu referenzjarju tal-iskema ta’ prestazzjoni u ta’ imposti tal-Ajru Uniku Ewropew (ĠU L, 2025/1040, 23.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1040/oj).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament tal-forniment ta’ servizz) (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/550/oj).

(7)  L-Opinjoni Nru 1-2026 tal-PRB dwar il-valutazzjoni tal-abbozzi riveduti tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni għar-raba’ perjodu referenzjarju (RP4), it-28 ta’ Jannar 2026.

(8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/123 tal-24 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-funzjonijiet tan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 677/2011 (ĠU L 28, 31.1.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/123/oj).


ANNESS

Miri ta’ prestazzjoni inklużi fl-abbozz rivedut tal-pjan ta’ prestazzjoni mressaq mill-Irlanda skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004, li nstabu konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għar-raba’ perjodu referenzjarju

QASAM EWLIENI TA’ PRESTAZZJONI TAS-SIKUREZZA

Effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza

L-Irlanda

Miri dwar l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, li jvarjaw mil-livell A sa D tal-EASA

Fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernat

Objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza

2025

2026

2027

2028

2029

AirNav Ireland

Politika u objettivi tas-sikurezza

C

C

C

C

C

Ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza

D

D

D

D

D

Aċċertament tas-sikurezza

C

C

C

C

C

Promozzjoni tas-sikurezza

C

C

C

C

C

Kultura tas-sikurezza

C

C

C

C

C

QASAM EWLIENI TA’ PRESTAZZJONI TAL-AMBJENT

Effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

L-Irlanda

2025

2026

2027

2028

2029

Miri fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-ambjent, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

1,42  %

1,40  %

1,38  %

1,36  %

1,34  %

QASAM EWLIENI TA’ PRESTAZZJONI TAL-KAPAĊITÀ

Dewmien medju tal-ATFM en route f’minuti għal kull titjira

L-Irlanda

2025

2026

2027

2028

2029

Miri fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kapaċità, espressi f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira

0,03

0,03

0,02

0,02

0,02

QASAM EWLIENI TA’ PRESTAZZJONI TAL-KOSTEFFIĊJENZA

Kost unitarju ddeterminat għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route

Żona tal-imposti en route tal-Irlanda

Valur ta’ referenza tal-2019

Valur ta’ referenza tal-2024

2025

2026

2027

2028

2029

Miri riveduti tal-kosteffiċjenza, espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2022)

27,61 EUR

26,89 EUR

28,49 EUR

29,51 EUR

29,49 EUR

29,56 EUR

29,85 EUR


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1042/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)