|
7.1.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 3/17 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-22 ta’ Diċembru 2009
li tawtorizza lill-Bulgarija biex tuża l-istatistika tas-snin aktar bikrija mis-sena ta’ qabel tal-aħħar, u biex tuża certi estimi approssimattivi għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT
(notifikata bid-dokument numru C(2009) 10413)
(It-test bil-Bulgaru biss huwa awtentiku)
(2010/4/UE, Euratom)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 4 (4) u l-Artikolu 6(3) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji,
Billi:
|
(1) |
Il-Bulgarija talbet l-awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni biex tuża l-kontijiet nazzjonali għas-snin aktar bikrija mis-sena ta’ qabel tal-aħħar u biex tuża estimi approssimattivi biex tikkalkula l-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT għat-tranżazzjonijiet imsemmija f’punt 10 ta’ parti B ta’ Anness X tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema Komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (2). |
|
(2) |
Għall-finijiet tat-tqassim tat-tranżazzjonijiet skont il-kategorija statistika stabbilita fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89, il-Bulgarija mhix f’pożizzjoni li tuża l-kontijiet nazzjonali relatati mas-sena ta’ qabel tal-aħħar ta’ qabel is-sena finanzjarja li fuqha trid tiġi kkalkulata l-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT. Il-Bulgarija għalhekk għandha tiġi awtorizzata biex tuża l-kontijiet nazzjonali għas-snin aktar bikrija mis-sena ta’ qabel tal-aħħar. |
|
(3) |
Il-Bulgarija hija awtorizzata li teżenta kategorija waħda ta’ tranżazzjonijiet (trasport internazzjonali ta’ passiġġieri) kif imsemmi f’parti B ta’ Anness X tad-Direttiva 2006/112/KE ibbażata fuq Paragrafu 1 ta’ Taqsima 6 (Tassazzjoni) f’Anness VI tal-Att tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija fl-Unjoni Ewropea (3). Dawn it-tranżazzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati biex tkun determinata l-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT. |
|
(4) |
Il-Bulgarija mhix f’pożizzjoni li tagħmel kalkolu preċiż tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT għat-tranżazzjnijiet imsemmija f’punt 10 ta’ parti B ta’ Anness X tad-Direttiva 2006/112/KE. Kalkolu bħal dan x’aktarx li jinvolvi piż amministrattiv mhux ġustifikat meta wieħed iqis l-effett ta’ dawn it-tranżazzjonijet fuq it-total tal-bażi ta’ riżorsi tal-VAT tal-Bulgarija. Il-Bulgarija hi f’pożizzjoni li tagħmel kalkolu billi tuża stimi approssimattivi għal din il-kategorija ta’ tranżazzjonijiet. Il-Bulgarija għandha għalhekk tingħata awtorizzazzjoni biex tikkalkula l-bażi ta’ VAT billi tuża estimi approssimattivi skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 6 (3) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89; |
|
(5) |
Għall-finijiet ta’ trasparenza u ċertezza legali hu xieraq li jkun hemm limitu ta’ żmien tal-applikabilità tal-awtorizzazzjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Sabiex isir tqassim skont ir-rata imsemmija fl-Artikolu 4 (4) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 il-Bulgarija hija awtorizzata mill-1 ta’ Jannar 2009 biex tuża ċifri miksuba mill-kontijiet nazzjonali tat-tielet sena ta’ qabel, jew ir-raba’ sena ta’ qabel is-sena finanzjarja li fuqha ġiet ikkalkulata l-bażi tar-riżorsi tal-VAT.
Artikolu 2
Għall-fini tal-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT mill-1 ta’ Jannar tal-2009, il-Bulgarija qed tiġi awtorizzata biex tuża estimi approssimattivi fir-rigward ta’ trasport internazzjonali tal-passiġġieri kif imsemmi fl-Anness X, parti B tad-Direttiva 2006/112/KE.
Artikolu 3
Din id-deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2013.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2009.
Għall-Kummissjoni
Algirdas ŠEMETA
Membru tal-Kummissjoni