16.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/9


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1168

tal-15 ta’ Ġunju 2023

li jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/996 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-preparat tal-karvakrol, tat-timol, tad-D-karvon, tas-saliċilat tal-metil u tal-L-mentol bħala addittiv fl-għalf għat-tiġieġ għat-tismin, għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd u għall-ispeċijiet minuri ta’ tjur imrobbija għall-bajd (id-detentur tal-awtorizzazzjoni Biomin GmbH)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-użu ta’ preparazzjoni ta’ karvakrol, timol, D-karvon, saliċilat tal-metil u L-mentol bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ tas-simna, għat-tiġieġ imrobbi għall-bajd u għal speċijiet minuri ta’ pollam imrobbija għall-bajd ġie awtorizzat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/996 (2).

(2)

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/996 bi żball jipprevedi d-deskrizzjoni tal-grupp funzjonali “addittivi żootekniċi oħra (titjib tal-parametri żootekniċi)”. L-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) tal-15 ta’ Mejju 2019 (3) iddikjarat li l-addittiv għandu l-potenzjal li jżid il-prestazzjoni tat-tkabbir fit-tiġieġ tas-simna, fit-tiġieġ imrobbi għall-bajd u fi speċijiet minuri ta’ pollam imrobbija għall-bajd. It-terminu “żootekniku” huwa ġeneriku wisq u jista’ jinkludi funzjonijiet differenti, filwaqt li ma jurix l-effetti speċifiċi tal-addittiv. Għalhekk, sabiex ikun konformi mal-opinjoni tal-Awtorità, il-grupp funzjonali tal-addittiv tal-għalf jenħtieġ li jirreferi għat-titjib tal-parametri tal-prestazzjoni.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/996 jiġi kkoreġut skont dan.

(4)

Meta jitqies li l-grupp funzjonali jenħtieġ li jidher fuq it-tikketta tal-addittiv tal-għalf, tat-taħlitiet lesti minn qabel u tal-għalf kompost li fihom dan l-addittiv, jeħtieġ li jiġi previst perjodu tranżizzjonali li jippermetti lill-operaturi tan-negozji tal-għalf jagħmlu l-adattamenti meħtieġa għat-tikketti.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/996, it-tieni ringiela tirreferi għall-kategorija u l-grupp funzjonali, il-frażi “Kategorija ta’ addittivi żootekniċi. Grupp funzjonali: addittivi żootekniċi oħra (titjib fil-parametri żootekniċi)” hija sostitwita b’“Kategorija ta’ addittivi żootekniċi. Grupp funzjonali: addittivi żootekniċi oħra (titjib fil-parametri tal-prestazzjoni)”.

Artikolu 2

1.   Il-preparazzjoni speċifikata fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/996 u t-taħlitiet lesti minn qabel li jkun fihom dik il-preparazzjoni, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel is-17 ta’ Diċembru 2023 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel is-17 ta’ Ġunju 2023, jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw il-ħażniet eżistenti.

2.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom il-preparazzjoni speċifikata fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/996, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel is-17 ta’ Ġunju 2024 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel is-17 ta’ Ġunju 2023, jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw il-ħażniet eżistenti jekk ikunu maħsuba għat-tiġieġ tas-simna, għat-tiġieġ imrobbi għall-bajd u għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam imrobbija għall-bajd.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Ġunju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/996 tad-9 ta’ Lulju 2020 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-preparat tal-karvakrol, tat-timol, tad-D-karvon, tas-saliċilat tal-metil u tal-L-mentol bħala addittiv fl-għalf għat-tiġieġ għat-tismin, għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd u għall-ispeċijiet minuri ta’ tjur imrobbija għall-bajd (id-detentur tal-awtorizzazzjoni Biomin GmbH) (ĠU L 221, 10.7.2020, p. 87).

(3)   EFSA Journal 2019;17(6):5724.