European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/2069

7.4.2026

Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)

(C/2026/2069)

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)

“Muscadet Coteaux de la Loire”

Numru ta’ referenza tal-UE: PDO-FR-A0495-AM02 — 8.1.2026

1.   Isem il-prodott

Muscadet Coteaux de la Loire

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☑

DOP

☐

IĠP

☐

IĠ

3.   Settur

☐

Prodotti agrikoli

☑

Inbejjed

☐

Xarbiet spiritużi

4.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

Franza

5.   Awtorità nazzjonali li tikkomunika l-emenda standard

Isem

Il-Ministeru għall-Agrikoltura u għas-Sovranità tal-Ikel

6.   Kwalifika bħala emenda standard

L-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-applikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) 2024/1143.

L-emendi ta’ din l-ispeċifikazzjoni tal-prodott huma emendi standard kif iddefiniti fl-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143.

L-applikazzjoni għal emenda tad-DOP Muscadet Coteaux de la Loire ma tinvolvi l-ebda waħda mit-tliet sitwazzjonijiet li jikkostitwixxu emenda tal-Unjoni; speċifikament, ma:

(a)

tinkludix bidla fl-isem jew fl-użu tal-isem, jew fil-kategorija ta’ prodott jew ta’ prodotti deżinjati bl-indikazzjoni ġeografika;

(b)

tirriskjax li xxejjen ir-rabta maż-żona ġeografika;

(c)

tinvolvix restrizzjonijiet ulterjuri fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.

Għalhekk, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-applikazzjoni hija għal emenda standard.

7.   Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i

Titolu

Tikkettar

Deskrizzjoni

Il-grupp ta’ produtturi għad-denominazzjoni ddeċieda li juża unità ġeografika usa’ biex jidentifika l-inbejjed, billi għażel it-terminu “Vin de Loire” minflok “Val de Loire”.

Din il-bidla ssegwi l-linji gwida tal-komunikazzjoni adottati mill-produtturi tal-inbid tal-Loire.

L-għan huwa li l-identità tkun aktar ċara u tiġi allinjata aktar mill-qrib mar-realtà tal-inbejjed li jagħmlu l-produtturi fil-baċir tal-Loire.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Żieda ta’ dispożizzjonijiet agroambjentali

Deskrizzjoni

Żdiedu żewġ dispożizzjonijiet agroambjentali mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, jiġifieri dispożizzjoni dwar il-ġestjoni tal-veġetazzjoni bejn il-flanni u dispożizzjoni li tibdel il-morfoloġija tas-sottoswol. L-għan huwa li tissaħħaħ is-sostenibbiltà tad-denominazzjoni biex twieġeb għat-tibdil fil-klima u għall-aspettattivi għoljin tas-soċjetà.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Bidu tal-ħsad

Deskrizzjoni

Il-grupp ta’ produtturi għad-denominazzjoni jixtieq ineħħi r-rekwiżit tal-proklamazzjoni tal-ħsad sabiex jissimplifika l-ġestjoni amministrattiva filwaqt li jżomm kontroll fuq is-sajran tal-għeneb.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Għoli tal-kannizzata

Deskrizzjoni

Tħassret id-dispożizzjoni li tistabbilixxi għoli minimu jew massimu tal-wajers, skont il-metodu tal-kannizzar. Fil-kuntest tat-tibdil fil-klima, din id-dispożizzjoni ma għadhiex rilevanti għad-denominazzjoni, u l-għoli tal-faxxina, bħala fattur fil-proporzjon bejn il-weraq u l-frott, huwa suffiċjenti.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Aġġornament tal-Kodiċi Ġeografiku

Deskrizzjoni

Il-muniċipalitajiet fiż-żona ġeografika ġew aġġornati f’konformità mal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-2025. Din l-emenda ma tibdilx iż-żona ġeografika tad-denominazzjoni.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Densità

Deskrizzjoni

Id-densità tat-tħawwil tnaqqset għal 5 000 dielja għal kull ettaru.

L-iskop ta’ dan it-tnaqqis huwa biex id-densitajiet tat-tħawwil jiġu armonizzati fid-DOP kollha fiż-żona tal-vitikultura ta’ Nantes. Dan inaqqas ukoll il-ħtieġa ta’ aktar makkinarju agrikolu fl-azjendi, b’mod partikolari għodda tal-ħdim tar-raba’ u tagħmir ta’ trattament bħal pannelli ta’ rkupru. Din l-emenda ma titqiesx li għandha impatt fuq il-kwalità tal-prodott.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Standards analitiċi

Deskrizzjoni

Il-limitu tal-aċidità volatili massima tneħħa mill-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

Il-grupp ta’ produtturi għad-denominazzjoni ddikjara li jista’ jkun diffiċli li l-aċidità volatili tiġi limitata għal 10 meq/l (0,49 g/l H2SO4) fil-każ ta’ tqaddim estiż, li xi drabi jista’ jkun sa 8 sa 10 snin. Il-limitu stabbilit fil-leġiżlazzjoni ġenerali (18 meq/l jew 0,88 g/l H2SO4) fl-aħħar mill-aħħar jidher aktar xieraq, b’mod partikolari fid-dawl tat-tisħin globali, taż-żminijiet ta’ tqaddim itwal għal dawn l-inbejjed kumplessi u rikki, u aspettattivi tal-konsumatur li dejjem jinbidlu.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Imballaġġ tal-inbejjed “sur lie”

Deskrizzjoni

Id-dispożizzjoni dwar l-aħħar data tal-imballaġġ għall-inbejjed ittikkettati “sur lie” ġiet emendata biex tipprovdi flessibbiltà akbar u tiġi allinjata mal-prattiki reali tal-operaturi. Għalhekk, l-aħħar data tal-imballaġġ tmexxiet lura għat-30 ta’ Ġunju tas-sena N+2.

Il-vitikulturi tal-lum qed jeżerċitaw dejjem aktar attività ta’ negozjar, u jadattaw il-mudell ta’ negozju tagħhom kif xieraq. B’mod partikolari, it-tagħmir tal-ibbottiljar għandu t-tendenza li jiġi kondiviż bejn diversi azjendi. Barra minn hekk, minħabba raġunijiet relatati mal-klima, il-volumi li jistgħu jiġu bbottiljati direttament fi kwalunkwe kantina tal-inbid waħda ħafna drabi ma jkunux biżżejjed biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-volum ta’ bejjiegħa bl-imnut kbar. Dan ifisser dejjem aktar li l-inbejjed minn diversi kantini tal-inbid jeħtieġ li jingħaqdu flimkien biex ikunu jistgħu jiġu kkonsenjati lottijiet akbar.

Fid-dawl ta’ dan, ir-regola li tirrikjedi li l-imballaġġ isir fil-kantina tal-inbid tidher skaduta. L-avvanzi tekniċi fil-qasam tat-trasport, b’mod partikolari l-użu ta’ tankijiet imkessħa, issa jagħmluha possibbli li jiġi żgurat li l-kwalità tal-inbejjed ma tinbidilx waqt it-trasport.

Għalhekk, iż-żona awtorizzata għall-imballaġġ, li għall-inbejjed ittikkettati bħala “sur lie” s’issa ġiet restritta għall-kantina tal-inbid innifisha, ġiet estiża għaż-żona ġeografika tad-denominazzjoni u għaż-żona fil-prossimità immedjata.

It-taqsima dwar ir-rabta maż-żona ġeografika ġiet emendata kif xieraq.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Rekwiżiti ta’ rapportar

Deskrizzjoni

F’konformità mal-emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għad-DOP Muscadet li testendi l-perjodu ta’ żmien għat-tiswib tal-inbid minn ġo flixkun/bittija għal ieħor/oħra, l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ riklassifikazzjoni wkoll tmexxiet għal mhux aktar tard mill-1 ta’ Diċembru tas-sena wara s-sena tal-ħsad.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Rabta

Deskrizzjoni

It-taqsima tar-rabta ġiet emendata biex tiġi aġġornata xi informazzjoni (l-għadd ta’ operaturi, iż-żoni ta’ produzzjoni, il-volumi) fid-deskrizzjoni tal-fatturi umani.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Miżura tranżizzjonali

Deskrizzjoni

Il-miżura tranżizzjonali relatata maż-żona tal-irqajja’ definita skadiet fl-2020 u, għalhekk, tħassret mill-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Referenzi

Deskrizzjoni

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u tal-Kwalità (INAO, Institut national de l’origine et de la qualité) ġew aġġornati.

L-arranġamenti għall-verifika tal-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ġew emendati.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

DOKUMENT UNIKU

Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi tal-inbejjed

Muscadet Coteaux de la Loire

Numru ta’ referenza tal-UE: PDO-FR-A0495-AM02 — 8.1.2026

1.   Isem/Ismijiet

Muscadet Coteaux de la Loire

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☑

DOP

☐

IĠP

☐

IĠ

3.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita

Franza

4.   Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143

2204 – Inbid tal-għeneb frisk, inkluż l-inbejjed imqawwija; most tal-għeneb għajr dak tal-intestatura 2009

5.   Kategoriji ta’ prodotti tad-dwieli kif elenkati fil-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013

1.

Inbid

6.   Deskrizzjoni tal-inbid jew tal-inbejjed

Prodott tad-dwieli

Inbejjed bojod

Karatteristiċi organolettiċi

Apparenza viżiva

L-inbejjed koperti mid-denominazzjoni Muscadet Coteaux de la Loire huma bojod.

Aroma/Riħa

L-inbejjed għandhom aromi delikati, ħafna drabi b’mod predominanti ta’ fjuri, xi drabi b’noti minerali, u bilanċ fit-togħma li ġeneralment ixxaqleb lejn il-freskezza.

Togħma/Palat

L-inbejjed għandhom bilanċ fit-togħma li ġeneralment ixxaqleb lejn il-freskezza.

F’xi każijiet, il-maturazzjoni fit-tul tagħmilhom aktar adatti għat-tqaddim.

Dawn jiġu bbottiljati bir-reqqa biex tiġi ppreżervata u tissaħħaħ ir-rikkezza aromatika tagħhom.

Informazzjoni addizzjonali dwar il-karatteristiċi organolettiċi

-

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum):

-

Qawwa alkoħolika effettiva minima (f’% tal-volum):

-

Aċidità totali minima:

-

Unità ta’ aċidità totali minima:

-

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru):

-

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru):

-

Informazzjoni addizzjonali dwar il-karatteristiċi analitiċi

L-inbejjed għandhom:

—

qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum ta’ 10 %;

—

kontenut ta’ zokkor fermentabbli massimu (glukożju u fruttożju) ta’ 3 grammi għal kull litru;

—

qawwa alkoħolika totali massima skont il-volum, wara l-arrikkiment, ta’ 12 %.

L-inbejjed jikkonformaw mal-limiti dwar il-kontenut ta’ aċidità totali, il-kontenut ta’ diossidu tal-kubrit totali u l-qawwa alkoħolika effettiva totali stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE. L-inbejjed huma bojod, bla gass u xotti.

☑

Kwalunkwe karatteristika analitika li mhijiex indikata f’din it-taqsima hija fil-limiti stipulati mil-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE.

7.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

7.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi użati biex isir l-inbid jew l-inbejjed u r-restrizzjonijiet rilevanti għall-produzzjoni tagħhom

Prattika tal-produzzjoni tal-inbid

-

Tip ta’ prattika enoloġika

Metodu tat-tkabbir

Deskrizzjoni

Id-densità minima tat-tħawwil hija ta’ 5 000 dielja għal kull ettaru. Id-distanza bejn il-flanni hija ta’ 2,20 metri jew anqas, u l-wisa’ bejn il-pjanti fl-istess flann huwa bejn 0,90 u 1,10 metru. Id-dwieli jinżabru b’massimu ta’ 12-il għajn għal kull pjanta, jew permezz ta’ żbir b’rimjiet qosra b’massimu ta’ ħames rimjiet għal kull pjanta jew permezz ta’ żbir Guyot sempliċi jew doppju. Iż-żbir isir qabel l-istadju tat-tirħis jew l-istadju 5 fuq l-iskala Eichhorn et Lorenz. Irrispettivament mill-metodu taż-żbir, id-dwieli jistgħu jinżabru b’erba’ għejun addizzjonali għal kull pjanta bil-kundizzjoni li, fl-istadju fenoloġiku li jikkorrispondi għal 11 jew 12-il werqa, għal kull pjanta ma jkunx hemm aktar minn 12-il fergħa li tagħmel il-frott għas-sena.

Prattika tal-produzzjoni tal-inbid

-

Tip ta’ prattika enoloġika

Prattika enoloġika speċifika

Deskrizzjoni

Kwalunkwe trattament termali tal-ħsad f’temperatura ta’ anqas minn -5 °C huwa pprojbit. Wara l-arrikkiment, il-qawwa alkoħolika totali skont il-volum tal-inbejjed ma taqbiżx it-12 %. Minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, il-prattiki enoloġiċi li jikkonċernaw dawn l-inbejjed jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-livell tal-UE u fil-Kodiċi Rurali u tas-Sajd Marittimu.

7.2.   Rendimenti massimi

L-inbejjed/kategoriji/varjetajiet/tipi kollha

Inbejjed bojod

Rendiment massimu:

Rendiment massimu:

66

Unità ta’ rendiment massimu:

ettolitri għal kull ettaru

8.   Indikazzjoni tal-varjetà jew tal-varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid li minnhom jiġi prodott l-inbid jew jiġu prodotti l-inbejjed

—

Melon B

9.   Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika definita

1.   Żona ġeografika

L-istadji kollha tal-produzzjoni jridu jsiru fiż-żona ġeografika approvata mill-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u tal-Kwalità fil-laqgħa tal-kumitat nazzjonali kompetenti li saret fil-15 ta’ Ġunju 2017. Il-perimetru ta’ din iż-żona, fid-data tal-approvazzjoni ta’ din l-ispeċifikazzjoni tal-prodott mill-kumitat nazzjonali rilevanti, jinkludi t-territorju tal-muniċipalitajiet jew partijiet minn muniċipalitajiet li ġejjin, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-2025:

—

Id-dipartiment ta’ Loire-Atlantique: Ancenis-Saint-Géréon, La Boissière-du-Doré, Carquefou, Le Cellier, Couffé, Divatte-sur-Loire (il-muniċipalità delegata ta’ Barbechat biss), Ligné (parzjalment), Le Loroux-Bottereau (parzjalment), Mauves-sur-Loire, Oudon, La Remaudière, Thouaré-sur-Loire, Vair-sur-Loire.

—

Id-dipartiment ta’ Maine-et-Loire: Mauges-sur-Loire (il-muniċipalitajiet delegati ta’ La Chapelle-Saint-Florent u Saint-Florent-le-Vieil biss), Orée d’Anjou (il-muniċipalitajiet delegati ta’ Bouzillé, Champtoceaux, Drain, Landemont, Liré u La Varenne biss).

L-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u tal-Kwalità jissottometti l-mapep li jistabbilixxu l-konfini taż-żona ġeografika b’dan approvati lill-kunsilli lokali tal-muniċipalitajiet li minnhom jintgħażlu partijiet. Dawn il-mapep jistgħu jiġu kkonsultati fuq is-sit web tal-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u tal-Kwalità.

2.   Żona tal-irqajja’ definita

L-inbejjed iridu jsiru mill-għeneb imkabbar fi rqajja’ li jinsabu fiż-żona ta’ produzzjoni approvata mill-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u tal-Kwalità (INAO) fil-laqgħat tal-kumitat nazzjonali rilevanti li saru fid-19 ta’ Mejju 2011 u fl-20 ta’ Ġunju 2018.

L-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u tal-Kwalità jissottometti l-mapep li jistabbilixxu l-konfini tal-irqajja’ taż-żona ta’ produzzjoni approvati b’dan il-mod għall-kunsilli lokali tal-muniċipalitajiet elenkati fil-paragrafu 1.

10.   Rabta maż-żona ġeografika

Kategoriji ta’ prodott tad-dwieli

1.

Inbid

Sommarju tar-rabta

Taħt l-influwenza tal-Loire, iż-żona ġeografika għandha klima moderata, relattivament xotta u xemxija. Għandha riżalt bl-għoljiet, b’xaqlibiet fuq ix-xtut tax-xmara, u fiha ħamrija li ħafna drabi tkun ħoxna u baxxa li tiżviluppa prinċipalment fuq ġebel metamorfiku. Il-frammentazzjoni tal-ġebel metamorfiku li jifforma l-bażi ġeoloġika u s-sawra ħoxna tal-ħamrija jippermettu lid-dwieli jiżviluppaw għeruq fondi, u jipprovdu lill-pjanti bi provvista ta’ ilma li tonqos gradwalment u tiffavorixxi s-sajran tal-għeneb Melon B. Ix-xitwa moderata tiżgura bidu bikri għaċ-ċiklu tat-tkabbir tad-dwieli, li ġeneralment jippermetti l-ħsad tal-għeneb qabel ix-xita tal-ħarifa. It-temperaturi tas-sajf moderati jgħinu wkoll biex jiġu ppreżervati l-freskezza u l-aromi preżenti f’din il-varjetà delikata ta’ għeneb abjad. Iż-żiffiet mill-oċean li jaslu sal-Loire jnaqqsu l-umdità tal-arja u jagħmluha possibbli li l-għeneb jinħasad waqt li jkun f’kundizzjoni tajba, li jikkontribwixxi, parzjalment, għall-finezza tal-aromi tal-inbejjed, b’mod partikolari fil-meded tal-aromi ta’ fjuri jew ta’ minerali.

L-istorja twila tal-vitikultura taż-żona ġeografika u l-ispeċjalizzazzjoni bikrija tagħha ilhom ħafna jiffavorixxu l-kondiviżjoni tal-għarfien espert u tal-prattiki bejn il-produtturi. Sabiex jipproteġu l-awtentiċità tal-prodotti tagħhom, dawn kisbu r-rikonoxximent tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta Muscadet Coteaux de la Loire fl-1936, li tagħmilha waħda mill-eqdem denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti fi Franza.

L-għarfien espert tagħhom jippermetti lill-operaturi jikkontrollaw il-produzzjoni u jaħsdu għeneb f’saħħtu u kompletament misjur. L-inbejjed, li jsiru b’rispett tat-tradizzjoni lokali, jitqaddmu fuq in-naqal tal-vitikultura fin tagħhom sad-dispaċċ jew sal-imballaġġ, mingħajr ebda tiswib tal-inbid minn ġo flixkun/bittija għal ieħor/oħra. It-temperaturi tax-xitwa moderati taż-żona ġeografika, li jiffavorixxu l-interazzjoni man-naqal, jippermettu li l-inbejjed ikomplu jitjiebu matul it-tqaddim, u jsiru aktar rikki fil-palat mir-rebbiegħa ta’ wara. L-ibbottiljar bir-reqqa jagħmilha possibbli li jiġu ppreżervati l-karatteristiċi essenzjali tal-inbid, billi xi aromi jkomplu jiżviluppaw wara l-imballaġġ. Dan l-għarfien prattiku, li huwa perfettament adattat għall-potenzjal tal-ambjent naturali u tal-varjetà Melon B, jippermetti li l-molekuli bir-riħa ffurmati fil-fermentazzjoni u l-prekursuri tal-aromi glikosidiċi jiġu espressi bis-sħiħ fl-inbejjed.

Ibbottiljati qabel is-sajf tat-tieni sena wara l-ħsad, l-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta ssupplimentati bil-kliem “sur lie” jżommu l-freskezza karatteristika tagħhom, xi drabi msaħħa bi ftit bżieżaq minħabba d-diossidu tal-karbonju residwu li jifforma waqt il-fermentazzjoni. Biex tiġi pprevenuta kwalunkwe ossidazzjoni, l-inbejjed jiġu bbottiljati direttament fiż-żona ġeografika jew fiż-żona fil-prossimità immedjata. Din il-prattika tradizzjonali, li timminimizza t-tqandil, hija perfettament adattata biex tippreżerva l-komposti delikati tal-aroma tal-inbejjed.

L-omnipreżenza tal-Loire, il-pożizzjoni taż-żona ġeografika fin-nofs bejn il-bliet ta’ Nantes u ta’ Angers, u d-dinamiżmu tal-port ta’ Ancenis, wasslu għall-iżvilupp storiku ta’ żona ta’ vitikultura kummerċjali u kkontribwew għas-suċċess tagħha. Bis-saħħa tal-freskenzza u tal-aromi fini tagħhom, l-inbejjed kisbu klijentela wiesgħa u huma prodott komuni ferm fil-bosta ristoranti li jinsabu fuq ix-xtut tal-Loire. Dawn imorru tajjeb ħafna mal-frott tal-baħar, u saħansitra aktar mal-ħut au beurre blanc, riċetta lokali li tmur lura għas-seklu 19.

11.   Rekwiżiti oħra applikabbli

Titolu tar-rekwiżit/tad-deroga

Żona fil-prossimità immedjata

Qafas legali

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit/deroga ulterjuri

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika definita

Deskrizzjoni tar-rekwiżit/tad-deroga

Iż-żona fil-prossimità immedjata, iddefinita permezz ta’ deroga għall-produzzjoni u għall-iżvilupp tal-inbejjed u għall-produzzjoni, għall-iżvilupp, għat-tqaddim u għall-ibbottiljar tal-inbejjed li jistgħu jiġu ttikkettati “sur lie”, tinkludi t-territorju tal-muniċipalitajiet fid-dipartimenti ta’ Loire-Atlantique, ta’ Maine-et-Loire u ta’ Vendée elenkati fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

F’konformità mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33, iż-żona fil-prossimità immedjata tikkorrispondi għal żona fil-prossimità immedjata taż-żona definita inkwistjoni.

Titolu tar-rekwiżit/tad-deroga

Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar

Qafas legali

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit/deroga ulterjuri

Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit/tad-deroga

L-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta jista’ jkun segwit mill-kliem “sur lie” f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott għall-użu ta’ din l-indikazzjoni. L-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta jista’ jkun segwit mill-isem ġeografiku “Vin de Loire”, f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Id-daqs tal-ittri tal-kliem “sur lie” u tal-isem ġeografiku “Vin de Loire” ma jistax ikun akbar, fl-għoli, fil-wisa’ jew fil-ħxuna, mill-ittri li jiffurmaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta. L-inbejjed ittikkettati “sur lie” jridu jiddikjaraw il-vendemmja wkoll. L-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta jistgħu jispeċifikaw unità ġeografika iżgħar fuq it-tikketti tagħhom, dment li: - tkun isem ta’ post reġistrat; - tkun tidher fid-dikjarazzjoni tal-ħsad. L-isem tal-post irid ikun stampat b’ittri mhux akbar (fl-għoli, fil-wisa’ u fil-ħxuna) minn nofs id-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta. Dan irid jidher fl-istess kamp viżiv bħall-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta.

Titolu tar-rekwiżit/tad-deroga

Imballaġġ fiż-żona definita

Qafas legali

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit/deroga ulterjuri

Imballaġġ fiż-żona definita

Deskrizzjoni tar-rekwiżit/tad-deroga

L-inbejjed li jistgħu jiġu ttikkettati “sur lie” jridu jiġu bbottiljati fiż-żona definita. Biex jiġu ppreżervati l-karatteristiċi derivati mill-vinifikazzjoni u mit-tqaddim tagħhom – b’mod partikolari l-freskezza u l-aromi kumplessi tagħhom u l-ftit bżieżaq li jirriżultaw mid-diossidu tal-karbonju tagħhom li jseħħ b’mod naturali – u biex id-dikantar jinżamm għal minimu, l-inbejjed li jistgħu jiġu ttikkettati “sur lie” jridu jiġu bbottiljati fiż-żona ġeografika jew fiż-żona fil-prossimità immedjata bejn l-1 ta’ Marzu tas-sena wara l-ħsad u t-30 ta’ Ġunju tat-tieni sena wara l-ħsad.

Dan il-metodu ta’ tqaddim jikkontribwixxi għal inbejjed robusti u li jħallu sensazzjoni żejtnija fil-palat, peress li huma arrikkiti, b’mod partikolari, b’manoproteini u b’komposti oħrajn li jirriżultaw mill-awtoliżi tal-qxur tal-ħmira. Huwa bbażat fuq il-fatt li l-inbejjed jitħallew joqogħdu u jinżammu f’atmosfera rikka fid-diossidu tal-karbonju, li tillimita ħafna l-ossidazzjoni u r-rilaxx ta’ komposti volatili. Billi l-kontenut ta’ diossidu tal-karbonju tagħhom huwa għoli wisq biex jiġu ppakkjati f’kontenituri flessibbli, l-inbejjed jiġu bbottiljati u jeħtieġu attenzjoni partikolari matul l-ibbottiljar. L-inbejjed jibqgħu fuq in-naqal tal-vitikultura fin tagħhom waqt l-ippakkjar jew meta jintbagħtu għall-ewwel darba mill-kantina tal-inbid.

Referenza elettronika (URL) għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://info.agriculture.gouv.fr/boagri/document_administratif-1c85e139-c8cd-4ce4-aa5e-22fc6f165a6d


(1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2069/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)