Brussell, 1.7.2026

COM(2026) 335 final

2026/0179(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, dwar emenda tal-Anness XX (L-ambjent) tal-Ftehim ŻEE

(CBAM)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE b’rabta mal-adozzjoni prevista tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt dwar emenda tal-Anness XX (L-Ambjent) tal-Ftehim ŻEE

2.Kuntest tal-proposta

1.1.Il-Ftehim ŻEE

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (‘‘il-Ftehim ŻEE’’) jiggarantixxi drittijiet u obbligi ugwali fi ħdan is-Suq Intern għaċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi fiż-ŻEE. Dan jipprevedi l-inklużjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li tkopri l-erba’ libertajiet fi 30 Stat taż-ŻEE li jinkludu l-Istati Membri tal-UE, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein. Barra minn hekk, il-Ftehim ŻEE jkopri l-kooperazzjoni f’oqsma importanti oħra bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni, il-politika soċjali, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, it-turiżmu u l-kultura, kollettivament magħrufin bħala politiki “ta’ appoġġ u orizzontali”. Il-Ftehim ŻEE daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994. L-Unjoni flimkien mal-Istati Membri tagħha hija parti għall-Ftehim ŻEE.

1.2.Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa responsabbli mill-ġestjoni tal-Ftehim ŻEE. Huwa forum għall-iskambju ta’ fehmiet marbutin mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE. Id-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu b’kunsens u huma vinkolanti fuq il-Partijiet. Ir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni ta’ kwistjonijiet taż-ŻEE min-naħa tal-UE hija tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea. 

1.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mistenni jadotta d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (“l-att previst”) rigward l-emenda tal-Anness XX (L-Enerġija) tal-Ftehim ŻEE.

L-għan tal-att previst huwa li jinkorpora fil-Ftehim ŻEE r-Regolament (UE) 2023/956 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (“CBAM”) 1 u r-Regolament (UE) 2025/2083 li jemenda r-Regolament (UE) 2023/956 fir-rigward tas-simplifikazzjoni u tat-tisħiħ tas-CBAM 2 .

L-atti previsti se jsiru vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-Kummissjoni tippreżenta l-abbozz ta’ Deċiżjoni anness tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Ladarba tiġi adottata, il-pożizzjoni jenħtieġ li tiġi ppreżentata fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mal-ewwel opportunità possibbli.

L-abbozz ta’ Deċiżjoni anness tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jistabbilixxi l-parteċipazzjoni tal-Istati taż-ŻEE-EFTA fil-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri, b’adattamenti li jmorru lil hinn minn dawk li jistgħu jitqiesu bħala sempliċi adattamenti tekniċi fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 3 . Għalhekk il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.

L-Istati taż-ŻEE-EFTA jenħtieġ li jikkontribwixxu finanzjarjament ukoll għall-operat tas-sistemi meħtieġa għall-operat tas-CBAM fiż-ŻEE kollha permezz ta’ mekkaniżmu stabbilit b’mod parallel permezz ta’ Deċiżjoni separata tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE.

4.Bażi legali

1.4.Bażi legali proċedurali

1.4.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 4 .

1.4.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa korp stabbilit minn ftehim, jiġifieri l-Ftehim ŻEE. L-att, li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxi att li jkollu effetti legali. L-att previst isir vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94.

1.5.Bażi legali sostantiva

1.5.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE, flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94, tiddependi primarjament fuq il-bażi legali sostantiva tal-att legali tal-UE li għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

1.5.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Peress li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt tinkorpora r-Regolament (UE) 2023/956 u r-Regolament (UE) 2025/2083 fil-Ftehim ŻEE, huwa xieraq li din id-deċiżjoni tal-Kunsill tiġi bbażata fuq l-istess bażi legali sostantiva bħall-atti li huma inkorporati. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 192(1) TFUE.

1.6.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 192(1) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE u l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE se jemenda l-Anness XX (L-Enerġija) tal-Ftehim taż-ŻEE, huwa xieraq li wara l-adozzjoni tiegħu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2026/0179 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, dwar emenda tal-Anness XX (L-ambjent) tal-Ftehim ŻEE

(CBAM)


(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 5 , u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 6 (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li, fost oħrajn, jemenda l-Anness XX (L-Ambjent) tal-Ftehim ŻEE.

(3)Ir-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 u r-Regolament (UE) 2025/2083 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 jenħtieġ li jiġu inkorporati fil-Ftehim ŻEE.

(4)Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness XX (L-ambjent) tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat kif xieraq.

(5)Għalhekk, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni mehmuża,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta tal-Anness XX (L-Ambjent) tal-Ftehim ŻEE, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri, ĠU L 130, 16.5.2023, p. 52.
(2)    Ir-Regolament (UE) 2025/2083 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ottubru 2025 li jemenda r-Regolament (UE) 2023/956 fir-rigward tas-simplifikazzjoni u tat-tisħiħ tas-CBAM, ĠU L, 2025/2083, 17.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2083/oj  
(3)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
(4)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
(5)    ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
(6)    ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.
(7)    Ir-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri, ĠU L 130, 16.5.2023, p. 52.
(8)    Ir-Regolament (UE) 2025/2083 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ottubru 2025 li jemenda r-Regolament (UE) 2023/956 fir-rigward tas-simplifikazzjoni u tat-tisħiħ tas-CBAM, ĠU L, 2025/2083, 17.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2083/oj