European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2399

13.9.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2399

tat-12 ta’ Settembru 2024

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1352/2013 li jistabbilixxi l-formoli previsti fir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 12(7) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

Billi:

(1)

Fi qbil mar-Regolament (UE) Nru 608/2013, persuni u entitajiet debitament intitolati jistgħu jressqu applikazzjoni lid-dipartiment doganali kompetenti fejn jitolbu li l-awtoritajiet doganali jieħdu azzjoni fuq oġġetti suspettati li jiksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (applikazzjoni). Huma jistgħu jitolbu wkoll li tiġi emendata l-applikazzjoni u li jiġi estiż il-perjodu li matulu l-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu azzjoni fi qbil ma’ applikazzjoni li tkun ngħatat qabel (talbiet għal emenda u estensjoni).

(2)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni u għat-talbiet għal emenda u estensjoni previsti fir-Regolament (UE) Nru 608/2013, ġew stabbiliti formoli standard fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1352/2013 (2).

(3)

Skont l-Artikolu 5(6) tar-Regolament (UE) Nru 608/2013, meta sistemi kompjuterizzati jkunu disponibbli bl-għan li jirċievu u jipproċessaw l-applikazzjonijiet, jenħtieġ li l-applikazzjonijiet kif ukoll l-annessi jitressqu bl-użu ta’ tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-data. Dak l-artikolu jipprevedi obbligu legali li jitressqu applikazzjonijiet u talbiet għal emenda jew estensjoni b’mod elettroniku, meta jkun hemm fis-seħħ sistemi kompjuterizzati.

(4)

Fi ħdan l-Unjoni, il-portali nazzjonali tan-negozjanti stabbiliti mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u l-Portal tal-Infurzar tal-Proprjetà Intellettwali (“IPEP”) — il-portal tan-negozjanti għas-Sistema ta’ Informazzjoni għall-ġlieda kontra l-Falsifikazzjoni u l-Piraterija (“COPIS”) — diġà huma fis-seħħ biex iressqu b’mod elettroniku l-applikazzjonijiet u t-talbiet għal emenda jew estensjoni.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1352/2013 iqis id-disponibbiltà ta’ dawk is-sistemi kompjuterizzati u jiċċara li jenħtieġ li l-applikanti jew ir-rappreżentanti tagħhom iressqu l-applikazzjonijiet u t-talbiet għal emenda jew estensjoni b’mod elettroniku permezz ta’ wieħed mill-portali tan-negozjanti fis-seħħ, ħlief fil-każ tal-ħsara temporanja tal-COPIS jew ta’ wieħed minn dawk il-portali tan-negozjanti. F’dan il-każ, xorta jistgħu jintużaw formoli stampati.

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1352/2013 jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1352/2013 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 1

1.   L-applikazzjoni li titlob li l-awtoritajiet doganali jieħdu azzjoni fir-rigward tal-oġġetti suspettati bi ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali (applikazzjoni), kif ukoll t-talbiet għal emenda jew estensjoni, għandhom jinkludu l-informazzjoni speċifikata fil-formoli stabbiliti fl-Annessi I u II.

2.   L-applikanti jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jimlew l-applikazzjoni u t-talbiet għal emenda jew estensjoni filwaqt li jqisu n-noti dwar it-tlestija stabbiliti fl-Anness III.

3.   Fi qbil mal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (UE) Nru 608/2013, l-applikanti jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom iressqu l-applikazzjoni u t-talbiet għal emenda jew estensjoni b’mod elettroniku lid-dipartiment doganali kompetenti permezz tal-Portal tal-Infurzar tal-PI (“IPEP”) għall-COPIS jew permezz ta’ portal nazzjonali tan-negozjanti fejn dan il-portal jeżisti fl-Istat Membru tat-tressiq tal-applikazzjoni.

4.   Fl-Istati Membri fejn kemm l-IPEP għall-COPIS kif ukoll portal nazzjonali tan-negozjanti huma disponibbli, l-applikanti jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom l-għażla bejn iż-żewġ portali tan-negozjanti. Jekk iressqu l-applikazzjoni permezz ta’ portal nazzjonali tan-negozjanti, it-talbiet għal emenda jew estensjoni relatati ma’ din l-applikazzjoni għandhom jitressqu permezz tal-istess portal nazzjonali. Jekk iressqu l-applikazzjoni permezz tal-IPEP għall-COPIS, it-talbiet għal emenda jew estensjoni relatati għandhom jitressqu wkoll permezz tal-IPEP għall-COPIS.

Artikolu 2

1.   Il-Kummissjoni, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lil xulxin jekk il-COPIS, l-IPEP għall-COPIS jew il-portali nazzjonali tan-negozjanti ma jibqgħux disponibbli minħabba ħsara temporanja.

2.   Fil-każ ta’ ħsara temporanja tal-COPIS jew ta’ wieħed mill-portali tan-negozjanti imsemmija fil-paragrafu 1, li ddum mill-inqas 24 siegħa, il-formoli stabbiliti fl-Annessi I u II jistgħu jimtlew b’mod leġġibbli fuq karta u jitressqu b’mezzi oħra għajr tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-data.

3.   L-aċċettazzjoni tal-formoli stampati għandha tkun soġġetta għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet doganali kompetenti.

4.   L-applikanti jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jimlew il-formoli stabbiliti fl-Annessi I u II fuq karta fi qbil man-noti dwar kif timtela l-formola stabbiliti fl-Anness III.

5.   L-applikanti jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jimlew il-formoli fuq il-karta bil-linka u b’ittri kapitali.

6.   Il-formoli mimlija fuq il-karta ma għandu jkun fihom l-ebda tħassir, kliem miktub fuq xulxin jew alterazzjonijiet oħra u għandhom isiru f’żewġ kopji.

7.   L-applikanti jew ir-rappreżentanti tagħhom jagħmlu disponibbli l-informazzjoni li tinsab fl-applikazzjonijiet u fit-talbiet għal emenda jew estensjoni, imressqa f’konformità mal-paragrafu 2, fil-portal għan-negozjanti xieraq fi żmien 7 ijiem xogħol minn meta s-sistemi elettroniċi rispettivi jerġgħu jsiru disponibbli.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Settembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 181, 29.6.2013, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/608/oj?locale=mt.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1352/2013 tal-4 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-formoli previsti fir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 341, 18.12.2013, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/1352/oj?locale=mt).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2399/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)