SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

25 ta’ Settembru 2024 ( *1 )

“Enerġija – Suq intern tal-elettriku – Reġjun tal-kalkolu tal-kapaċità – Reġjun CORE – Adozzjoni mill-ACER tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż tar-ridispaċċ u tat-tpartit – Obbligu ta’ motivazzjoni – Determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza għall-flussi ċirkolari leġittimi – Artikolu 16(13) tar-Regolament (UE) 2019/943”

Fil-Kawża T‑482/21,

TenneT TSO GmbH, stabbilita f’Bayreuth (il-Ġermanja),

TenneT TSO BV, stabbilita f’Arnhem (il-Pajjiżi l-Baxxi),

irrappreżentati minn D. Uwer, J. Meinzenbach, P. Rieger, R. Klein u S. Westphal, avukati,

rikorrenti,

sostnuti minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u N. Scheffel, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), irrappreżentata minn P. Martinet, E. Tremmel u Z. Vujasinovic, bħala aġenti, assistiti minn P. Goffinet, L. Bersou u M. Shehu, avukati,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn F. Schalin, President, P. Škvařilová-Pelzl, I. Nõmm, G. Steinfatt u D. Kukovec (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: I. Kurme, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑12 u tat‑13 ta’ Ġunju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, TenneT TSO GmbH u TenneT TSO BV, jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) tat‑28 ta’ Mejju 2021, li tikkonferma d-Deċiżjoni Nru 30/2020 tal-ACER, tat‑30 ta’ Novembru 2020, dwar il-proposta tal-ġestjonarji tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku (iktar ’il quddiem il-“ĠST”) tar-reġjun li jinkludi l-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Franza, il-Kroazja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja (iktar ’il quddiem ir-“reġjun CORE”) għall-kalkolu tal-kapaċità msejħa “CORE”, dwar il-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż tar-ridispaċċ u tat-tpartit, u li tiċħad l-appelli tagħhom fil-Każ A-001–2021 (ikkonsolidat) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”).

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

2

Ir-rikorrenti huma żewġ ĠST li joperaw sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku rispettivament f’parti mill-Ġermanja u fil-Pajjiżi l-Baxxi.

3

Konformement mal-Artikolu 74(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal‑24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (ĠU 2015, L 197, p. 24), il-ĠRT ta’ kull reġjun għall-kalkolu tal-kapaċità jipproponu, sa mhux iktar tard minn sittax-il xahar wara d-deċiżjoni dwar ir-reġjuni għall-kalkolu tal-kapaċità, metodoloġija komuni għall-allokazzjoni tal-ispejjeż tar-ridispaċċ u tat-tpartit (iktar ’il quddiem il-“metodoloġija għall-allokazzjoni tal-ispejjeż”).

4

Fis‑17 ta’ Novembru 2016, l-ACER adottat, konformement mal-Artikolu 15 tar-Regolament 2015/1222, id-Deċiżjoni Nru 06/2016, dwar id-determinazzjoni tar-reġjuni għall-kalkolu tal-kapaċità. L-Artikolu 1 u l-Anness I ta’ din id-deċiżjoni jelenkaw it-territorji tal-Istati Membri inklużi fir-reġjun CORE.

5

Il-proposta ta’ metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż tal-ĠRT tar-reġjun CORE kellha tiġi sottomessa fi żmien sittax-il xahar wara din id-deċiżjoni, jiġifieri mhux iktar tard mis‑17 ta’ Mejju 2018.

6

Madankollu, il-ĠST tar-reġjun CORE ma ssottomettewx proposti għal metodoloġija għall-allokazzjoni tal-ispejjeż fit-terminu msemmi fil-punt 5 iktar ’il fuq. Konformement mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament 2015/1222, dawn il-ĠRT informaw lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (iktar ’il quddiem l-“ARN”) u lill-ACER li huma kellhom bżonn iktar żmien għat-tfassil ta’ tali proposta. L-ACER informat b’dan lill-Kummissjoni Ewropea, li kkonsultat il-ĠRT, l-ARN kif ukoll l-ACER sabiex tgħin lil dawn il-ĠRT jiżviluppaw din il-proposta u jissottomettuha għall-approvazzjoni mill-iktar fis possibbli.

7

Fis‑27 ta’ Marzu 2019, konformement mal-Artikolu 9(7)(h) tar-Regolament 2015/1222, il-ĠRT tar-reġjun CORE ssottomettew lill-ARN kollha ta’ dan ir-reġjun proposta ta’ metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż, akkumpanjata minn dokument ta’ spjegazzjoni. Dawn l-ARN kellhom terminu ta’ sitt xhur sabiex jiddeċiedu dwar din il-proposta, skont l-Artikolu 9(10) tal-imsemmi regolament.

8

Fis‑26 ta’ Settembru 2019, fuq talba tal-imsemmija ARN, l-ACER iddeċidiet li testendi b’sitt xhur, jiġifieri sas‑27 ta’ Marzu 2020, it-terminu mogħti lilhom għall-approvazzjoni tal-imsemmija proposta.

9

Fis‑27 ta’ Marzu 2020, il-President tal-Forum Reġjonali tar-Regolaturi tal-Enerġija tar-Reġjun CORE ħabbar, f’isem l-ARN kollha ta’ dan ir-reġjun, li dawn tal-aħħar ma kinux f’pożizzjoni li jieħdu, għall-istess jum, deċiżjoni dwar il-proposta ppreżentata, peress li din kienet meqjusa bħala fil-parti l-kbira tagħha inkompleta, u dan sa fejn l-ARN la kienu f’pożizzjoni li japprovawha u lanqas li jitolbu emenda għaliha.

10

Fl-istess jum, peress li l-ARN tar-reġjun CORE ma waslux għal ftehim fir-rigward tal-proposta ta’ metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ippreżentati mill-ĠRT, l-ACER iddikjarat ruħha kompetenti sabiex tadotta deċiżjoni dwar din il-proposta, skont l-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 6(10) tar-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2019, L 158, p. 22), kif ukoll l-Artikolu 9(11) tar-Regolament 2015/1222. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, l-ACER kienet obbligata tadotta tali deċiżjoni f’terminu ta’ sitt xhur, konformement mal-Artikolu 6(12)(a) tar-Regolament 2019/942.

11

Wara perijodu twil ta’ kooperazzjoni, ta’ konsultazzjonijiet u ta’ diskussjonijiet bejn l-ACER, l-ARN kollha tar-reġjun CORE u l-ĠRT kollha ta’ dan ir-reġjun dwar il-proposta ta’ metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ippreżentati minn dawn il-ĠRT u dwar l-emendi magħmula għal din il-proposta matul diversi laqgħat u sessjonijiet ta’ votazzjoni, il-Bord tar-Regolaturi tal-ACER, li huwa kompost minn rappreżentanti tal-ARN, ta opinjoni favorevoli dwar l-imsemmija proposta fit‑18 ta’ Novembru 2020, skont l-Artikolu 22(5)(a) tar-Regolament 2019/942.

12

Fit‑30 ta’ Novembru 2020, l-ACER adottat, permezz tad-Deċiżjoni Nru 30/2020, il-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż (“Common methodology for redispatching and countertrading cost sharing for the Core CCR in accordance with Article 74 of Commission Regulation (EU) 2015/1222 of 24 July 2015”), kif tinsab fl-Anness I ta’ din l-aħħar deċiżjoni (iktar ’il quddiem il-“metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata”).

13

Fid‑29 ta’ Jannar 2021, ir-rikorrenti appellaw quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER mid-Deċiżjoni Nru 30/2020, konformement mal-Artikolu 28 tar-Regolament 2019/942. ĠRT u ARN oħra tar-reġjun CORE appellaw minn din id-deċiżjoni. Fit‑18 ta’ Frar 2021, il-Bord tal-Appell ikkonsolida dawn l-appelli kollha.

14

Fit‑28 ta’ Mejju 2021, il-Bord tal-Appell adotta d-Deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha huwa kkonferma d-Deċiżjoni Nru 30/2020 u ċaħad fl-intier tagħhom l-appelli mressqa kontriha.

It-talbiet tal-partijiet

15

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla d-Deċiżjoni kkontestata;

–

tikkundanna lill-ACER għall-ispejjeż.

16

L-ACER titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors;

–

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

17

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, intervenjenti insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-Deċiżjoni kkontestata.

Id-dritt

18

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

19

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, it-tieni motiv huwa bbażat fuq in-natura illegali tal-metodu tad-dekompożizzjoni tal-flussi u, it-tielet motiv huwa bbażat fuq determinazzjoni żbaljata tal-livell ta’ tolleranza għall-flussi tan-network leġittimi (iktar ’il quddiem il-“livell ta’ tolleranza”).

20

L-ACER titlob li l-motivi kollha invokati mir-rikorrenti jiġu miċħuda bħala infondati.

21

Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li qabel kollox tittratta l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-ACER fir-rigward tan-nota ta’ intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tal-anness tagħha.

Fuq l‑ammissibbiltà tan‑nota ta’ intervent tar‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja u tal‑anness tagħha

22

L-ACER issostni li n-nota ta’ intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-anness tagħha għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

23

In-nota ta’ intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija limitata għal xi dikjarazzjonijiet ta’ natura ġenerali. Is-sempliċi riferiment globali għall-anness tal-imsemmija nota ta’ intervent, li jinkludi l-argument li jsostni l-intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’kawża oħra, ma huwiex leċitu u ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas ta’ kull argument ġuridiku fin-nota ta’ intervent f’din il-kawża.

24

Waqt is-seduta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġiet mistiedna tikkummenta dwar il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tan-nota ta’ intervent tagħha.

25

Skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u s-sunt tal-motivi invokati. Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u l-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr informazzjoni oħra insostenn tiegħu. Għalkemm it-test proprju tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi ta’ dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas tal-punti essenzjali tal-argumentazzjoni legali, li, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir-rikors. Barra minn hekk, ma għandhiex tkun il-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li hija tista’ tqis li jistgħu jkunu l-bażi tar-rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs Il‑Kummissjoni, T‑570/17, EU:T:2022:314, punt 299 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għan-nota ta’ intervent (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni, T‑587/08, EU:T:2013:129, punt 541 u l-ġurisprudenza ċċitata), li fir-rigward tagħha l-Artikolu 145(2)(b) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li dan għandu jinkludi l-motivi u l-argumenti invokati mill-intervenjent.

27

F’dan il-każ, qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li n-nota ta’ intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinkludi ċerti osservazzjonijiet dwar l-ewwel u t-tielet motiv invokati mir-rikorrenti. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fl-imsemmija nota, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni l-motivi kollha tar-rikorrenti. Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tipproduċi, bħala anness man-nota ta’ intervent tagħha f’din il-kawża, in-nota ta’ intervent li hija ppreżentat fil-kawża BNetzA/ACER (T‑485/21), li għandha wkoll bħala suġġett l-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata, li tirreferi għaliha b’mod globali. Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tifformula, fin-nota ta’ intervent tagħha f’din il-kawża, ċerti kunsiderazzjonijiet dwar trattament allegatament diskriminatorju taż-żoni l-kbar tal-offerti meta mqabbla mal-iżgħar kif ukoll dwar il-projbizzjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-flussi ta’ dekonġestjoni fil-kondiviżjoni tal-ispejjeż bejn id-diversi tipi ta’ flussi ta’ elettriku, u l-preċedenza mogħtija lill-flussi ċirkolari meta mqabbla mal-flussi interni fid-determinazzjoni tal-kawżi tal-konġestjonijiet tan-network.

28

L-ewwel nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li hija ġiet ammessa tintervjeni.

29

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ma hijiex kwistjoni li tiġi kkontestata l-kwalità tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bħala intervenjenti, iżda li tiġi żgurata l-ammissibbiltà tan-nota ta’ intervent tagħha.

30

It-tieni nett, lanqas ma huwa effettiv l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jgħid li l-preżentata ta’ nota ta’ intervent ma hijiex obbligu għall-intervenjenti, iżda possibbiltà.

31

Fil-fatt, peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għażlet li tippreżenta nota ta’ intervent, għandu jiġi vverifikat jekk l-imsemmija nota tissodisfax ir-rekwiżiti formali applikabbli għaliha, imfakkra fil-punti 25 u 26 iktar ’il fuq.

32

It-tielet nett, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 iktar ’il fuq, li hija applikabbli, b’analoġija, għan-nota ta’ intervent, ir-riferiment globali għan-nota ta’ intervent ippreżentata fil-Kawża BNetzA/ACER (T‑485/21), annessa man-nota ta’ intervent f’din il-kawża, ma huwiex ammissibbli u, għaldaqstant, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi rrimedjata l-eventwali assenza tal-punti essenzjali tal-argumenti legali, li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 25 u 26 iktar ’il fuq, għandhom jidhru fin-nota ta’ intervent.

33

Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet relatati mat-trattament allegatament diskriminatorju taż-żoni l-kbar tal-offerti meta mqabbla mal-iżgħar żoni, għandu jiġi rrilevat li, indipendentement mill-fatt li r-rikorrenti, f’din il-kawża, ma invokawx tali motiv, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jippermettux lill-ACER tipprepara d-difiża tagħha u lanqas lill-Qorti Ġenerali teżaminahom.

34

Fil-fatt, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, fil-punt 4 tan-nota ta’ intervent tagħha, dan li ġej:

“[P]ermezz tad-Deċiżjoni kkontestata, il-konvenuta tisfavorixxi ż-żoni tal-offerti ta’ daqs ikbar (b’mod partikolari ż-żoni Franċiżi u Ġermaniżi) favur iż-żoni tal-offerti ta’ daqs iżgħar, li jinvolvu inqas fluss ċirkolari, anki jekk biss għal raġunijiet fiżiċi. Mingħajr ma jittieħdu in kunsiderazzjoni l-karatteristiċi fiżiċi u ġeografiċi, il-konvenuta tistabbilixxi livell ta’ tolleranza uniformi għall-flussi ċirkolari leġittimi. Kif huwa dejjem il-każ tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, dan ma jinkisirx biss meta sitwazzjonijiet ugwali jiġu ttrattati b’mod differenti, iżda wkoll meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod ugwali. L-ugwaljanza fit-trattament (l-iktar wiesgħa possibbli) tinnega d-differenzi li jeżistu, f’dak li jirrigwarda l-flussi ta’ linji leġittimi u inevitabbli, bejn id-diversi elementi ta’ network u d-diversi żoni tal-offerti.”

35

Huwa ċert li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jew ta’ trattament ugwali jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Madankollu, f’dan il-każ, is-sempliċi allegazzjoni ta’ trattament diskriminatorju taż-żoni tal-offerti ta’ daqs kbir meta mqabbla maż-żoni ta’ preżentazzjoni tal-offerti ta’ daqs iżgħar, mingħajr l-iċken indikazzjoni dwar sa fejn dawn iż-żoni tal-offerti huma differenti jew tal-assenza ta’ ġustifikazzjoni tat-trattament allegatament ugwali applikat għalihom, ma tippermettix lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq tali motiv.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk intervenjent jistax iqajjem motivi differenti minn dawk invokati mill-parti prinċipali li huwa jsostni, għandu jiġi konkluż li l-motiv ibbażat fuq l-allegat trattament diskriminatorju tad-diversi żoni ta’ preżentazzjoni tal-offerti huwa inammissibbli minħabba l-assenza ta’ espożizzjoni suffiċjenti li tippermetti lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar dan.

38

Il-ħames nett, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet dwar, minn naħa, il-projbizzjoni tal-kumpens bejn flussi konġestjonanti u flussi dekonġestjonanti u, min-naħa l-oħra, il-penalizzazzjoni żbaljata tal-flussi ċirkolari meta mqabbla mal-flussi interni, għandu jiġi rrilevat li, indipendentement mill-fatt li r-rikorrenti, f’din il-kawża, ma invokawx tali motiv, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jippermettux lill-ACER tipprepara d-difiża tagħha, u lanqas lill-Qorti Ġenerali teżaminahom.

39

Fil-fatt, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, fil-punt 5 tan-nota ta’ intervent tagħha, kif ġej:

“Barra minn hekk, din il-metodoloġija tipprojbixxi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-flussi dekonġestjonanti fil-kondiviżjoni tal-ispejjeż bejn it-tipi differenti ta’ flussi tal-elettriku u din il-metodoloġija tagħti preċedenza lill-flussi ċirkolari fuq il-flussi interni fid-determinazzjoni tal-kawżi tal-konġestjonijiet tan-network. Dawn iż-żewġ aspetti jmorru kontra l-għan regolatorju tar-Regolament 2019/943 li jiġu limitati kemm jista’ jkun il-konġestjonijiet taż-żoni tal-offerti u li jiżdied il-kummerċ transkonfinali.”

40

Is-sempliċi allegazzjoni li l-projbizzjoni ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-flussi dekonġestjonanti fil-kondiviżjoni tal-ispejjeż u l-penalizzazzjoni tal-flussi ċirkolari meta mqabbla mal-flussi interni hija “kuntrarja għall-għan regolatorju tar-Regolament 2019/943 li jiġu limitati kemm jista’ jkun il-konġestjonijiet taż-żoni tal-offerti u li jiżdied il-kummerċ transkonfinali”, mingħajr ma jitressaq ebda argument legali, ma tippermettix lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq tali motiv.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk intervenjent jistax iqajjem motivi differenti minn dawk invokati mill-parti prinċipali li huwa jsostni, għandu jiġi konkluż li l-motivi bbażati fuq il-projbizzjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-flussi dekonġestjonanti fil-kondiviżjoni tal-ispejjeż bejn it-tipi differenti ta’ flussi tal-elettriku u tal-preċedenza mogħtija lill-flussi ċirkolari meta mqabbla mal-flussi interni fid-determinazzjoni tal-kawżi tal-konġestjoni tan-network huma inammissibbli minħabba l-assenza ta’ espożizzjoni li tippermetti lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq dawn il-motivi.

42

Is-sitt nett, b’kuntrast ma’ dan, għal dak li jirrigwarda l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar l-ewwel u t-tielet motiv imqajma mir-rikorrenti, huwa minnu li dawn huma konċiżi ħafna, iżda jistgħu, moqrija fid-dawl tal-argumenti mqajma mir-rikorrenti, jiġu evalwati legalment mill-Qorti Ġenerali.

43

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li n-nota ta’ intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija ammissibbli biss parzjalment, sa fejn, għar-raġunijiet esposti fil-punti 36 u 40 iktar ’il fuq, ma tippermettix lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-argument ibbażat, fl-ewwel lok, fuq trattament diskriminatorju tad-diversi żoni tal-offerti, fit-tieni lok, fuq allegata projbizzjoni ta’ kumpens bejn flussi konġestjonanti u flussi ta’ dekonġestjonanti u, fit-tielet lok, fuq il-penalizzazzjoni allegatament żbaljata tal-flussi ċirkolari meta mqabbla mal-flussi interni.

Fuq l‑ewwel aggravju, dwar il‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑metodoloġija għall‑kondiviżjoni tal‑ispejjeż ikkontestata

44

Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti, sostnuti f’dan is-sens mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, isostnu li, billi kkonferma l-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestati, il-Bord tal-Appell tal-ACER wettaq żball ta’ liġi.

45

L-ewwel nett, l-inklużjoni, f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni, tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, tal-elementi kollha tas-sistema ta’ trażmissjoni b’vultaġġ ogħla jew ugwali għal 220 kilovolt (kV), hija irrikonċiljabbli mal-Artikolu 16(13) tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU 2019, L 158, p. 54), u tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament 2015/1222, kif jirriżulta mill-kliem, mill-istruttura u mill-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

46

Skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 jirrigwarda l-kondiviżjoni tal-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi relatati ma’ konġestjonijiet “bejn żewġ żoni tal-offerti”. Konformement mad-definizzjonijiet tal-“konġestjoni” u tal-“element ta’ netwerk kritiku” li jinsabu fil-punti 4 u 69 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943, l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 jirrigwarda biss il-kondiviżjoni tal-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi relatati ma’ elementi kritiċi tan-network, bl-esklużjoni tal-elementi l-oħra tan-network, li ma jitqisux li jistgħu jaffettwaw il-kapaċità tal-kummerċ tal-elettriku.

47

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “operazzjonijiet ta’ rilevanza transkonfinali” li jinsab fl-Artikolu 74(2) tar-Regolament 2015/1222, dan ikopri wkoll l-azzjonijiet korrettivi relatati ma’ elementi kritiċi tan-network, bl-esklużjoni tal-azzjonijiet korrettivi interni. Dan huwa kkorroborat mill-premessa 10 tal-imsemmi regolament u mill-istruttura ġenerali tal-Artikolu 74 tar-Regolament 2015/1222, li hija relatata mal-proċess ta’ allokazzjoni tal-kapaċità.

48

It-tieni nett, ebda bażi legali ma tippermetti li ssir tali estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata. B’mod partikolari, dan il-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ma jistax jiġi ġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet dwar il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” jew dwar l-inċentivi preżunti li jirriżultaw minn tali determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni.

49

It-tielet nett, l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni għall-elementi kollha tan-network ta’ trażmissjoni lanqas ma tista’ tiġi ġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet dwar is-sigurtà operazzjonali.

50

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni globalment l-argumenti mressqa mir-rikorrenti, filwaqt li tinvoka argumenti bbażati fuq il-formulazzjoni kif ukoll fuq l-oriġini leġiżlattiva tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943.

51

L-ACER tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti, sostnuti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Osservazzjonijiet preliminari

52

Preliminarjament, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ċaħad l-argumenti bbażati fuq l-illegalità tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, essenzjalment, fil-punti 89 sa 379 (“First Consolidated Plea – Excessive scope of the RDCTCS and unlawful determination of XNEs”) fil-punti 1078 sa 1105 (“Eighth Consolidated Plea – Polluter Pays Principle”) kif ukoll fil-punti 1126 sa 1191 (paġni 203 sa 212) (“Fourteenth Consolidated Plea – ACER exceeded its competence and infringed the principle of conferral”) tal-imsemmija deċiżjoni.

53

Kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punti 196 sa 210 tad-Deċiżjoni kkontestata, din hija bbażata, parzjalment, fuq interpretazzjoni tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 fis-sens li din id-dispożizzjoni tirrifletti l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. Bl-istess mod, din id-dispożizzjoni timponi d-determinazzjoni tal-oriġini tal-flussi fiżiċi li jikkontribwixxu għall-konġestjoni bejn iż-żoni mingħajr ma tillimita, min-naħa l-oħra, il-kondiviżjoni tal-ispejjeż għall-azzjonijiet korrettivi mwettqa fir-rigward tal-konġestjonijiet fuq l-interkonnetturi.

54

Bl-istess mod, kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punti 173 sa 180 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata kienet konformi mal-Artikolu 74(2) tar-Regolament 2015/1222, sa fejn l-operazzjonijiet fuq l-elementi tan-network inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestati kellhom effett transkonfinali.

55

Fit-tieni lok, l-eżami tal-ewwel motiv jimplika li għandha tiġi ddeterminata, fir-rigward tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestati, kif ikkonfermata mid-Deċiżjoni kkontestata, il-bażi legali tagħha, l-għan tagħha u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

56

L-ewwel, fir-rigward tal-bażi legali u tal-għan tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, għandu jiġi rrilevat li din ġiet adottata konformement mal-Artikolu 74 tar-Regolament 2015/1222 u li hija prevista, fil-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni, l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ kondiviżjoni tal-ispejjeż għall-miżuri korrettivi li għandhom effett transkonfinali. L-imsemmija metodoloġija għandha għalhekk l-għan li taqsam, bejn il-ĠRT, l-ispejjeż li jirriżultaw mill-attivazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi li jiswew ħafna flus, jiġifieri r-ridispaċċ u t-tpartit.

57

F’dan ir-rigward, il-punt 13 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/1222 jiddefinixxi l-“azzjoni ta’ rimedju” bħala “kwalunkwe miżura applikata minn [ĠRT] jew bosta [ĠRT], b’mod manwali jew awtomatiku, sabiex tinżamm is-sigurtà operazzjonali”.

58

Fil-fatt, il-punt 26 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943 jiddefinixxi r-ridispaċċ bħala miżura, inkluż ta’ tnaqqis, li hija attivata minn ĠRT wieħed jew iktar jew minn ġestjonarji tan-network ta’ distribuzzjoni permezz tal-modifika tal-mudell ta’ ġenerazzjoni, ta’ tagħbija, jew it-tnejn sabiex jinbidlu l-flussi fiżiċi fis-sistema tal-elettriku u tittaffa konġestjoni fiżika jew tiġi żgurata s-sigurtà tas-sistema.

59

Il-punt 27 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943 jiddefinixxi min-naħa tiegħu t-tpartit bħala skambju bejn żoni mwettqa minn operaturi ta’ network bejn żewġ żoni tal-offerti sabiex tittaffa konġestjoni fiżika.

60

Min-naħa tagħha, il-konġestjoni, li tikkostitwixxi riskju għas-sigurtà operazzjonali li teħtieġ azzjoni korrettiva, hija ddefinita fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943 bħala “sitwazzjoni fejn it-talbiet kollha mill-parteċipanti fis-suq biex isir kummerċ bejn żoni tan-netwerk ma jistgħux jintlaqgħu peress li kieku jaffettwaw b’mod sinifikanti l-flussi fiżiċi tal-elementi tan-netwerk li ma jistgħux jakkomodaw dawk il-flussi”.

61

Konġestjoni hija kkawżata minn flussi fiżiċi. Hemm diversi tipi ta’ flussi fiżiċi definiti mill-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata. Fost dawn, l-Artikolu 2(2)(a) tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata jiddefinixxi l-flussi allokati bħala “fluss fiżiku fuq element ta’ network fejn is-sors u r-riċevitur ikunu jinsabu f’żoni ta’ sottomissjoni tal-offerti differenti”. Il-flussi interni huma ddefiniti, fl-Artikolu 2(2)(o) tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, bħala “fluss fiżiku fuq element ta’ network li s-sors u r-riċevitur tiegħu kif ukoll l-element tan-network sħiħ ikunu jinsabu fl-istess żona ta’ sottomissjoni tal-offerti”. Skont l-Artikolu 2(p) tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, fluss ċirkolari huwa “fluss fiżiku fuq element ta’ netwerk fejn is-sors u r-riċevitur ikunu jinsabu fl-istess żona, u l-element tan-network, jew parti minnu, ikun jinsab f’żona differenti”.

62

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 jipprevedi l-kondiviżjoni tal-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi intiżi li jtaffu l-konġestjonijiet bejn żewġ żoni ta’ sottomissjoni tal-offerti skont il-kontribuzzjoni għal din il-konġestjoni tal-flussi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet interni għal żona. Fil-fatt, dan jipprovdi b’mod partikolari li “[m]eta jallokaw il-kostijiet ta’ azzjonijiet ta’ rimedju bejn l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, l-awtoritajiet regolatorji għandhom janalizzaw sa liema punt il-flussi li jirriżultaw mit-tranżazzjonijiet interni taż-żoni tal-offerti jikkontribwixxu għall-konġestjoni bejn żewġ żoni tal-offerti osservati, u jallokaw il-kostijiet abbażi tal-kontribut lill-konġestjoni lill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni taż-żoni tal-offerti li jkunu qegħdin joħolqu tali flussi għajr għall-kostijiet indotti mill-flussi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet interni taż-żoni tal-offerti li jinsabu taħt il-livell li jista’ jkun mistenni mingħajr konġestjoni strutturali f’żona tal-offerti.”

63

F’dan ir-rigward, żona tal-offerti hija ddefinita, fil-punt 65 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943, bħala “l-akbar żona ġeografika li fiha l-parteċipanti tas-suq ikunu jistgħu jinnegozjaw l-enerġija mingħajr allokazzjoni tal-kapaċità”. Attwalment, iż-żoni li jiffurmaw parti mir-reġjun CORE jikkorrispondu, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, għat-territorji tal-Istati Membri.

64

It-tieni nett, kif jirriżulta mill-Artikolu 5(1) tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, sabiex jinqasmu l-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi, għandu jiġi identifikat l-element tan-network li fuqu effettivament titwettaq kull azzjoni korrettiva.

65

Kif ġie enfasizzat fil-punti 106 sa 110 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata jestendi mhux biss għal elementi ta’ network bejn żoni (interkonnetturi), iżda wkoll għall-elementi kollha tan-network intern b’livell ta’ vultaġġ ogħla jew ugwali għal 220 kV.

66

Fil-fatt, il-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata tipprevedi, fl-Artikolu 3(4) tagħha, li l-“elementi tan-network b’rilevanza transkonfinali” huma “eliġibbli għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż”.

67

Minn naħa, fir-rigward tal-elementi tan-network li għandhom rilevanza transkonfinali, il-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata tiddefinixxi, fl-Artikolu 2(2)(j) tagħha, dawn l-elementi bħala “elementi tan-network li huma identifikati bħala li għandhom rilevanza transkonfinali u li fuqhom ksur tas-sigurtà operazzjonali għandu jiġi ġestit b’mod koordinat”.

68

F’dan ir-rigward, mill-punti 106 sa 110 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta u, barra minn hekk, huwa paċifiku bejn il-partijiet, li l-kunċett ta’ “elementi ta’ network li għandhom rilevanza transkonfinali” għandu jinftiehem fl-istess sens bħal dak li jinsab fid-definizzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tal-metodoloġija għar-ridispaċċ u għat-tpartit ikkoordinati fir-reġjun CORE konformement mal-Artikolu 35(1) tar-Regolament 2015/1222, adottat bid-Deċiżjoni Nru 35/2020 tal-ACER tal‑4 ta’ Diċembru 2020, dwar il-metodoloġija għar-ridispaċċ u għat-tpartit ikkoordinati fir-reġjun CORE (iktar ’il quddiem il-“metodoloġija RDCT”), u mal-Artikolu 5 tal-metodoloġija għall-koordinazzjoni reġjonali tas-sigurtà operazzjonali fir-reġjun CORE konformement mal-Artikolu 76(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/1485 tat‑2 ta’ Awwissu 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku (ĠU 2017, L 220, p. 1), adottata mid-Deċiżjoni Nru 33/2020 tal-ACER, tal‑4 ta’ Diċembru 2020 dwar il-metodoloġija għall-koordinazzjoni reġjonali tas-sigurtà operazzjonali fir-reġjun CORE (iktar ’il quddiem il-“metodoloġija ROSC”).

69

Il-kunċett ta’ “elementi ta’ network li għandhom rilevanza transkonfinali” jkopri għalhekk, minn naħa, l-elementi kritiċi kollha tan-network, konformement mal-Artikolu 5(1) u mal-Artikolu 7 tal-metodoloġiji komuni għall-kalkolu tal-kapaċità ta’ kuljum u tal-istess ġurnata, adottati bid-Deċiżjoni Nru 02/2019 tal-ACER tal‑21 ta’ Frar 2019, dwar il-proposti tal-ĠRT tar-reġjun CORE li jikkonċernaw il-metodoloġiji komuni ta’ kalkolu tal-kapaċità ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata (iktar ’il quddiem il-“metodoloġiji CCM”), jiġifieri, attwalment, l-interkonnetturi u l-elementi ta’ network interni ddeterminati mill-ĠRT li għandhom koeffiċjent ta’ influwenza, kif iddefinit mill-punt 22 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2013 tal‑14 ta’ Ġunju 2013 dwar is-sottomissjoni u l-pubblikazzjoni ta’ data (dejta) fis-swieq tal-elettriku u li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2013, L 163, p. 1), ugwali għal jew iktar minn 5 % u, min-naħa l-oħra u fil-prinċipju, l-elementi tan-network interni kollha b’ livell ta’ vultaġġ ogħla minn jew ugwali għal 220 kV.

70

Konformement mad-definizzjoni li tinsab fil-punt 69 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943, element ta’ network kritiku huwa “element ta’ netwerk fi ħdan żona tal-offerti jew bejn iż-żoni tal-offerti meħuda f’kunsiderazzjoni fil-proċess ta’ kalkolu tal-kapaċità [ta’ skambju bejn iż-żoni], b’tali mod li jiġi llimitat l-ammont ta’ enerġija li tista’ tiġi skambjata [bejniethom]”.

71

L-elementi kritiċi tan-network huma, għalhekk, interkonnetturi jew elementi interni li l-koeffiċjent ta’ influwenza tagħhom huwa ugwali għal jew ogħla minn 5 %. Fis-sens tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, l-elementi tan-network b’effett transkonfinali huma kollha elementi kritiċi tan-network kif ukoll l-elementi tan-network intern b’livell ta’ vultaġġ ogħla minn jew ugwali għal 220 kV.

72

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kunċett ta’ “operazzjonijiet ta’ ridispaċċ u ta’ tpartit li għandhom effett transkonfinali”, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(1) tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata jispeċifika li din tal-aħħar tirrigwarda l-operazzjonijiet ta’ ridispaċċ u ta’ tpartit li għandhom effett transkonfinali, li huma identifikati mill-metodoloġija RDCT u mill-metodoloġija ROSC.

73

Minn dan jirriżulta, kif ġie kkonfermat mill-partijiet, li, fis-sens tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, it-tranżazzjonijiet ta’ ridispaċċ u ta’ tpartit li għandhom effett transkonfinali huma, bħala prinċipju, it-tranżazzjonijiet kollha ta’ ridispaċċ u ta’ tpartit intiżi li jtaffu konġestjoni fuq elementi tan-network li għandhom effett transkonfinali.

Analiżi tal‑kamp ta’ applikazzjoni

– Fuq l‑estensjoni tal‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑metodoloġija għall‑kondiviżjoni tal‑ispejjeż ikkontestata

74

Skont ir-rikorrenti, għandhom jiġu esklużi mill-kondiviżjoni l-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi attribwiti lill-elementi tan-network interni li ma humiex elementi kritiċi tan-network.

75

B’mod partikolari, ir-rikorrenti jsostnu li għandhom jiġu esklużi l-ispejjeż attribwiti lill-elementi mhux kritiċi ta’ network, peress li l-konġestjonijiet fuq dawn l-elementi huma konġestjonijiet “interni”, li ma jaqgħux fid-definizzjoni tal-konġestjonijiet “bejn iż-żoni”.

76

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti jsostnux ġustament li l-kondiviżjoni tal-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi għandhiex tkun limitata għall-elementi kritiċi tan-network, kif jirriżultaw mill-metodoloġiji CCM, peress li dawn huma elementi li “[jillimitaw] l-ammont ta’ enerġija li tista’ tiġi skambjata”, skont il-punt 69 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943. Għaldaqstant, hija biss konġestjoni fuq dawn l-elementi li hija konġestjoni bejn iż-żoni, fis-sens tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943.

77

L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk l-elementi kritiċi tan-network humiex l-uniċi li huma ta’ rilevanza transkonfinali fis-sens tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament 2015/1222.

78

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 74(2) tar-Regolament 2015/1222, il-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata “tinkludi soluzzjonijiet ta’ kondiviżjoni tal-ispejjeż għal azzjonijiet ta’ rilevanza transfruntiera”. Barra minn hekk, l-Artikolu 74(4)(b) tal-istess regolament jistabbilixxi li l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata għandha tiddefinixxi “liema spejjeż, imġarrba mill-użu tar-ridispaċċ jew it-tpartit biex tiġi ggarantita ċ-ċertezza tal-kapaċità transżonali, huma eliġibbli għall-kondiviżjoni bejn [il-ĠRT] kollha tar-reġjun bil-kapaċità kkalkulata b’konformità mal-metodoloġija ta’ kalkolu tal-kapaċità”, f’dan il-każ ir-reġjun CORE.

79

Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit jekk il-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, kif ikkonfermata mid-Deċiżjoni kkontestata, hijiex kompatibbli mal-Artikolu 74(2) tar-Regolament 2015/1222, għandu jiġi eżaminat sa fejn l-azzjonijiet korrettivi li hija tfittex li tikkondividi l-ispejjeż tagħhom għandhom l-għan li jiżguraw l-eqreb kapaċità ta’ skambju bejn iż-żoni.

80

Madankollu, għandu jitfakkar li r-Regolament 2015/1222 huwa att ta’ implimentazzjoni tar-Regolament 2019/943, kif jirriżulta mill-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU 2009, L 211, p. 15), sussegwentement issostitwit bir-Regolament 2019/943. Dan huwa għalhekk regola ġuridika ġerarkikament superjuri u sussegwenti għar-Regolament 2015/1222. Ħlief fil-każ fejn is-sens tagħhom ikun ċar u nieqes minn ambigwità u għalhekk ma jeżiġi ebda interpretazzjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ regolament ta’ implimentazzjoni għandhom, jekk possibbli, jiġu interpretati konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2017, Canadian Solar Emea et vs Il‑Kunsill, T‑162/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:124, punt 150). L-Artikolu 74 tar-Regolament 2015/1222 għandu għalhekk jiġi interpretat konformement mal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943.

81

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 la jiddefinixxi l-elementi tan-network li fuqhom l-azzjonijiet korrettivi huma intiżi li jtaffu l-konġestjoni bejn iż-żoni, u lanqas l-elementi tan-network li fuqhom għandhom jitqassmu l-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi intiżi sabiex itaffu l-konġestjonijiet bejn iż-żoni.

82

Fl-istess sens, il-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943 lanqas ma jispeċifika liema huma l-elementi tan-network li fuqhom iseħħu l-konġestjonijiet fiżiċi, inklużi dawk marbuta mal-kummerċ bejn żoni.

83

L-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 jirrigwarda l-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi attivati mill-ĠRT sabiex jiġu żgurati l-iskambji bejn iż-żoni u, sussegwentement, jeżiġi l-kondiviżjoni tal-imsemmija spejjeż bejn il-ĠRT skont sa fejn il-flussi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet interni għaż-żoni jikkontribwixxu għall-konġestjoni osservata bejn żewġ żoni.

84

Konsegwentement, skont l-għan tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, għandu jiġi ddeterminat liema konġestjonijiet għandhom jittaffu b’mod ikkoordinat sabiex jiġi żgurat il-kummerċ bejn iż-żoni, li, konformement mal-punti 79 u 80 iktar ’il fuq, jippermetti sussegwentement li jiġi stabbilit jekk l-azzjonijiet korrettivi msemmija fil-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestati għandhomx l-għan li jiżguraw l-għeluq tal-kapaċità ta’ skambju bejn iż-żoni, fis-sens tal-Artikolu 74(4)(b) tar-Regolament 2015/1222.

85

It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li, sabiex titwettaq tali analiżi intiża li jiġi ddeterminat liema azzjonijiet korrettivi jippermettu li jiġu żgurati l-iskambji bejn żoni u huma għalhekk ikkonċernati mill-kondiviżjoni tal-ispejjeż, għandu jiġi spjegat ir-rwol tal-azzjonijiet korrettivi fil-kuntest tal-proċess ta’ kalkolu tal-kapaċità ta’ skambju bejn iż-żoni, kif previst mill-metodoloġiji CCM, kif ukoll tal-proċess ta’ evalwazzjoni reġjonali tas-sigurtà operazzjonali, kif stabbilit mill-metodoloġija ROSC, konformement mal-Artikolu 76(1)(b) tar-Regolament 2017/1485 (iktar ’il quddiem il-“proċess CROSA”).

86

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-proċess ta’ kalkolu tal-kapaċità ta’ skambju bejn żoni jibda jumejn qabel il-kunsinna tal-elettriku u jintuża sabiex tiġi ddeterminata l-kwantità ta’ enerġija li tista’ tiġi skambjata bejn żoni, fil-kuntest tal-limiti ta’ sigurtà operazzjonali.

87

Il-proċess tal-kalkolu tal-kapaċità għandu jitwettaq biss fuq l-elementi kritiċi tan-network. Minn naħa, il-ĠRT jistgħu jillimitaw, qabel ma jinfetaħ is-suq, il-kwantità ta’ enerġija li tista’ tiġi skambjata mill-parteċipanti, sabiex jiġu osservati l-limiti tas-sigurtà operazzjonali. Min-naħa l-oħra, dan il-proċess juża wkoll l-azzjonijiet korrettivi, bħar-ridispaċċ u l-iskambju. Dawn l-azzjonijiet korrettivi, li jistgħu jiġu attivati sabiex tiġi mmassimizzata l-kapaċità ta’ skambju bejn iż-żoni disponibbli, konformement mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament 2019/943, jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-ĠRT, iżda għadhom ma humiex attivati.

88

Fil-fatt, ebda azzjoni korrettiva ma hija attivata waqt il-kalkolu tal-kapaċità ta’ skambju bejn żoni u ma tiġġarrab ebda spiża.

89

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-azzjonijiet korrettivi li jiswew ħafna tar-ridispaċċ u tat-tpartit, li huma s-suġġett ta’ din it-tilwima, iseħħu biss fil-kuntest tal-proċess CROSA, marbut mill-qrib mal-kalkolu tal-kapaċità ta’ skambju bejn iż-żoni.

90

Konformement mal-Artikolu 76(1)(b)(iii) tar-Regolament 2017/1485, li jirregola t-tħejjija kkoordinata tal-azzjonijiet korrettivi li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali, u kif jirriżulta mill-Artikolu 3(2)(b) tal-metodoloġija tas-sigurtà (ROSC), il-proċess CROSA għandu l-għan li jikkoordina, jivvalida u jimplimenta l-azzjonijiet korrettivi li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali. Kif jirriżulta mill-Artikoli 5 u 9 tal-imsemmija metodoloġija ROSC, l-azzjonijiet korrettivi li għandhom impatt transkonfinali huma dawk kollha li jkunu mill-inqas kultant f’pożizzjoni li jindirizzaw il-ksur tal-limiti tal-kurrent fuq l-elementi tan-network li għandhom impatt transkonfinali, jiġifieri, bħala prinċipju, l-elementi kritiċi kollha tan-network meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-kapaċità ta’ skambju bejn iż-żoni, u l-elementi l-oħra kollha tan-network b’livell ta’ vultaġġ ogħla minn jew ugwali għal 220 kV.

91

Bl-istess mod, skont il-premessa 12 u l-Artikolu 5(1) tal-metodoloġija ROSC, il-proċess CROSA jiżgura, bħala prinċipju, is-sigurtà operazzjonali tal-elementi kollha tan-network b’vultaġġ ogħla minn jew ugwali għal 220 kV wara l-għarfien tar-riżultati tas-suq u l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ skambju bejn iż-żoni. F’dak iż-żmien, il-ĠRT għandhom informazzjoni fid-dettall dwar l-enerġija li ser tiġi injettata fi jew irtirata min-network.

92

Il-proċess CROSA jibda bl-evalwazzjoni lokali tas-sigurtà operazzjonali, imwettqa minn kull ĠRT fin-network tiegħu, skont l-Artikolu 13 l-Artikolu 14(1) tal-metodoloġija ROSC, li jirriżulta fil-ħolqien, minn kull ĠRT, ta’ mudell ta’ network individwali.

93

Sussegwentement, konformement mal-Artikolu 18 tal-metodoloġija ROSC, il-mudelli tan-network individwali għandhom jiġu pprovduti lill-koordinaturi reġjonali u ffużjonati minn dawn tal-aħħar bl-għan li jinħoloq mudell ta’ network komuni għall-ħinijiet kollha tal-ġurnata, li jinkludi “sett ta’ dejta tal-Unjoni […] li jiddeskrivi l-karatteristiċi […] tas-sistema tal-enerġija”, konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/1222.

94

Meta fluss fuq element tan-network jeċċedi l-fluss massimu, jeħtieġ li titħejja u tiġi implimentata azzjoni korrettiva, sabiex jiġu rrispettati l-limiti tas-sigurtà operazzjonali.

95

Kif jirriżulta mill-premessa 10 tal-metodoloġija ROSC, hija prevista ottimizzazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi fil-kuntest tal-proċess CROSA.

96

B’mod iktar partikolari, din l-ottimizzazzjoni fi ħdan il-proċess CROSA, deskritta fl-Artikolu 2(1)(p) tal-metodoloġija ROSC, timplika li jiġi ddeterminat b’mod konkret, matul kull iterazzjoni, liema konġestjoni fuq liema element ta’ network, kritiku jew mhux kritiku, għandha tiġi ġġestita b’mod ikkoordinat.

97

Għalhekk, għal kull siegħa fil-mudell tan-network komuni, jiġi identifikat, fost l-azzjonijiet korrettivi kollha disponibbli tal-ĠRT, liema waħda hija l-iktar effikaċi u li tippreżenta l-aħjar relazzjoni bejn in-nefqa u l-effiċjenza, skont l-Artikolu 76(1)(b)(iii) tar-Regolament 2017/1485, u li tista’ ssolvi l-konġestjoni kollha fuq l-interkonnetturi kollha u fuq l-elementi kollha tan-network interni b’vultaġġ ogħla minn jew ugwali għal 220 kV fil-mudell tan-network komuni, u dan mingħajr ma jinħolqu oħrajn ġodda, skont l-Artikoli 20, 23 u 24 kif ukoll l-Artikolu 27(1) tal-metodoloġija ROSC.

98

It-tielet nett, fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi analizzat jekk, kif irrilevat mir-rikorrenti, humiex biss l-ispejjeż li jirriżultaw mill-miżuri korrettivi fuq l-elementi kritiċi tan-network (u għaldaqstant, huma biss l-interkonnetturi jew l-elementi tan-network interni li għandhom koeffiċjent ta’ influwenza ugwali għal jew ogħla minn 5 % jew iktar), li għandhom jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata. Għal dan l-għan, kif ġie sostnut fil-punt 84 iktar ’il fuq, għandu jiġi ddeterminat liema konġestjonijiet għandhom jittaffu b’mod ikkoordinat sabiex jiġi żgurat il-kummerċ bejn iż-żoni.

99

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, is-sempliċi fatt li fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestati jiġu inklużi spejjeż ikkawżati mill-konġestjonijiet fuq l-elementi tan-network b’livell ta’ vultaġġ ugwali għal jew ogħla minn 220 kV ma jistax imur kontra l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, peress li din id-dispożizzjoni timplika biss li jiġi ddeterminat liema konġestjonijiet għandhom jinħelsu b’mod ikkoordinat sabiex jiġi żgurat il-kummerċ bejn iż-żoni.

100

It-tieni nett, il-ĠRT jista’ juża livell massimu ta’ 30 % tal-kapaċità ta’ kull element kritiku tan-network sabiex itaffi l-konġestjonijiet fuq dan tal-aħħar, bil-kundizzjoni li, kif previst fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(8) tar-Regolament 2019/943, 70 % tal-imsemmija kapaċità tibqa’ disponibbli għall-kummerċ bejn żoni, skont il-paragrafi 1 u 8 tal-Artikolu 16 tar-Regolament 2019/943.

101

Madankollu, il-fatt li l-konġestjonijiet jistgħu jittaffu bl-użu sa 30 % tal-kapaċità ta’ sottogrupp ta’ elementi ta’ network ma jimplikax li għandhom jinqasmu biss l-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi mwettqa fuq dan is-sottogrupp ta’ elementi.

102

It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li s-sodezza tal-kapaċità minima ta’ 70 % ta’ kull element kritiku ta’ network huwa żgurat bl-iktar mod effettiv bl-ottimizzazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi attivati fuq l-elementi tan-network kollha b’livell ta’ vultaġġ ugwali għal jew ogħla minn 220 kV. Għalhekk, din l-ottimizzazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi fuq l-elementi kollha tilħaq l-għanijiet tar-Regolament 2019/943, b’mod partikolari bis-sinjali tas-suq li jinkoraġġixxu l-effettività u s-sigurtà tal-provvista, konformement mal-Artikolu 1(a) tar-Regolament 2019/943.

103

Din l-ottimizzazzjoni tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi, u b’hekk tippermetti li jiġi limitat it-tnaqqis tal-kapaċità ta’ skambju bejn iż-żoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 16(4) tar-Regolament 2019/943.

104

Ir-raba’ nett, meta l-azzjonijiet korrettivi attivati minn ĠRT fuq l-elementi interni li ma humiex elementi kritiċi tan-network jagħmlu parti mis-soluzzjoni ottimali neċessarja sabiex jittaffew ukoll il-konġestjonijiet fuq elementi kritiċi tan-network, l-ispejjeż relatati mal-ewwel elementi għandhom jinqasmu bejn il-ĠRT bl-istess mod bħal dawk relatati mat-tieni. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ inklużjoni tal-elementi tan-network b’livell ta’ vultaġġ ugwali għal jew ogħla minn 220 kV fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż iwassal għal limitazzjoni mhux iġġustifikata, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, li jeżiġi l-kondiviżjoni tal-ispejjeż kollha tal-azzjonijiet korrettivi attivati sabiex tiġi riżolta konġestjoni bejn iż-żoni, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż relatati mal-flussi li jikkontribwixxu għall-konġestjoni osservata bejn żewġ żoni ta’ sottomissjoni tal-offerti li ma jeċċedux il-livell ta’ tolleranza.

105

Jekk il-kondiviżjoni tal-ispejjeż tkun limitata għall-elementi kritiċi tan-network, din issir inċerta, peress li l-ispejjeż marbuta mal-ġestjoni tal-konġestjonijiet jinqasmu b’mod differenti skont l-element li fuqu tiġi attivata azzjoni korrettiva. Kif tosserva ġustament l-ACER, dan iwassal għal diskriminazzjoni bejn id-diversi elementi tan-network u, għalhekk, bejn il-ĠRT proprjetarji ta’ dawn l-elementi, li ma hijiex prevista mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

106

Għaldaqstant, il-flussi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet interni li jikkontribwixxu għall-konġestjoni osservata bejn żewġ żoni tal-offerti, deskritti fl-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, li jnaqqsu l-kapaċità ta’ skambju bejn żoni fuq l-elementi kritiċi tan-network, ma jistgħux jiġu ttrattati b’mod differenti, fil-kondiviżjoni tal-ispejjeż, meta dawn il-flussi jgħaddu minn elementi mhux kritiċi ta’ network. L-azzjonijiet korrettivi attivati fuq dawn iż-żewġ gruppi ta’ elementi huma ottimizzati sabiex jiġu solvuti l-problemi relatati mal-konġestjonijiet.

107

Il-ħames nett, l-azzjonijiet korrettivi attivati fuq elementi mhux kritiċi tan-network jistgħu xi drabi jsolvu l-konġestjonijiet fuq l-elementi kritiċi tan-network, kif tosserva l-ACER, bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali.

108

Għalhekk, meta dawn l-azzjonijiet korrettivi jistgħu jgħinu biex jissolvew tali konġestjonijiet fuq elementi kritiċi tan-network, l-ispejjeż tagħhom għandhom jiġu kondiviżi, f’konformità mal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. Min-naħa l-oħra, jekk dawn ma jistgħux jikkontribwixxu, f’mument partikolari, sabiex tiġi solvuta konġestjoni fuq l-elementi kritiċi tan-network, dan ma jimplikax li l-elementi li fuqhom jiġu attivati l-azzjonijiet korrettivi jitilfu r-rabta tagħhom mal-kummerċ bejn iż-żoni. Fil-fatt, minn naħa, dawn l-azzjonijiet korrettivi madankollu ntgħażlu fil-kuntest tal-proċess CROSA, fid-dawl tal-konġestjonijiet u l-azzjonijiet korrettivi l-oħra, sabiex tinstab l-aħjar soluzzjoni fil-livell reġjonali. Min-naħa l-oħra, din il-konġestjoni, sa fejn hija kkawżata minn fluss transkonfinali, jiġifieri fluss cirkolari, hija ta’ rilevanza transkonfinali.

109

Barra minn hekk, kif previst fil-premessa 35 tar-Regolament 2019/943, f’suq miftuħ u kompetittiv, il-ĠRT għandhom ikunu kkumpensati għall-ispejjeż imġarrba b’konsegwenza tal-passaġġ tal-flussi transkonfinali tal-elettriku fuq in-networks tagħhom mill-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni li minnhom joriġinaw flussi transkonfinali u tas-sistemi fejn jaslu dawn il-flussi.

110

Għalhekk, il-miżuri korrettivi fuq l-elementi kollha tan-network inklużi fil-proċess CROSA huma potenzjalment rilevanti għall-kummerċ bejn iż-żoni, skont l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, u dan indipendentement mill-koeffiċjent ta’ influwenza tagħhom, peress li dan huwa kunċett meħud mill-metodoloġiji CCM, li ma jistax jiddetermina l-kondiviżjoni tal-ispejjeż skont l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943.

111

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-ĠRT jistabbilixxu li element mhux kritiku ta’ network b’livell ta’ vultaġġ ugwali għal jew ogħla minn 220 kV qatt ma jista’ jkun utli sabiex tiġi żgurata s-sigurtà reġjonali u sabiex jiġi żgurat l-għeluq tal-kapaċità ta’ skambju bejn iż-żoni allokati, huma jistgħu jeskluduh mill-proċess CROSA, skont l-Artikolu 5(1)(b) u l-Artikolu 7(3)(b) tal-metodoloġija ROSC, u, konsegwentement, mill-kondiviżjoni tal-ispejjeż.

112

Is-sitt nett, fir-rigward tal-premessa 12 tar-Regolament 2015/1222, li teżiġi l-koordinazzjoni bejn l-azzjonijiet korrettivi transkonfinali u interni, għandu jiġi enfasizzat li l-azzjonijiet korrettivi kollha fil-kuntest tal-proċess CROSA għandhom impatt transkonfinali, filwaqt li l-azzjonijiet korrettivi l-oħra kollha huma interni. Għalhekk, il-proċess CROSA jiżgura l-koordinazzjoni mal-azzjonijiet korrettivi interni u jiżgura wkoll is-sigurtà tal-elementi tan-network “interni”.

113

Fin-nuqqas ta’ ġestjoni kkoordinata mill-proċess CROSA, hemm riskju ta’ ksur tas-sigurtà operazzjonali, li jipperikola l-kummerċ bejn iż-żoni. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li l-funzjonament tan-network huwa kundizzjoni indispensabbli għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, peress li l-elettriku jista’ jiġi pprovdut liċ-ċittadini tal-Unjoni biss permezz tan-network, konformement mal-premessa 2 tar-Regolament 2015/1222.

114

Għaldaqstant, il-konġestjonijiet “bejn iż-żoni” huma l-konġestjonijiet kollha li bħalissa huma ġġestiti b’mod ikkoordinat fil-qafas tal-proċess CROSA fir-reġjun CORE. Konsegwentement, il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” għandu japplika għall-ispejjeż ta’ din il-ġestjoni kkoordinata.

115

Għandu jiġi enfasizzat li l-koordinazzjoni u l-kondiviżjoni tal-ispejjeż ma jiddependux fuq il-kwistjoni dwar jekk hemmx skambju jew fluss allokat partikolari fuq element tan-network f’mument partikolari, peress li l-azzjonijiet korrettivi kollha attivati fuq l-elementi kollha tan-network, kritiċi u mhux kritiċi, b’livell ta’ vultaġġ ugwali għal jew ogħla minn 220 kV, potenzjalment jikkontribwixxu sabiex jiffaċilitaw il-kummerċ bejn iż-żoni, filwaqt li l-kontribut konkret tagħhom għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ jista’ jvarja skont, b’mod partikolari, it-topoloġija tan-network, il-kundizzjonijiet tas-suq u l-programmi partikolari ta’ produzzjoni u ta’ konsum. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li jiġu esklużi mill-ewwel l-elementi tan-network b’livell ta’ vultaġġ ugwali għal jew ogħla minn 220 kV mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestati.

116

Is-seba’ nett, kif jirriżulta mill-punt 167 tad-Deċiżjoni kkontestata, u mingħajr ma dan ġie kkontestat mill-partijiet, l-elementi tan-network b’livell ta’ vultaġġ ugwali għal jew ogħla minn 220 kV tqiesu bħala elementi li għandhom effett transkonfinali sa fejn dawn l-elementi ma kinux strutturalment konġestjonati fin-nuqqas ta’ skambju ta’ enerġija. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-imsemmi punt, il-ĠRT kollha tar-reġjun CORE qiesu, fin-nota ta’ spjega tal-metodoloġija ROSC, li dawn l-elementi kienu l-iktar rilevanti għall-proċess CROSA.

117

F’dan ir-rigward, mill-paġna 8 tan-nota ta’ spjega tal-metodoloġija ROSC, li dwarha l-partijiet kellhom l-okkażjoni jesprimu ruħhom waqt is-seduta, jirriżulta li l-ĠRT qiesu li l-elementi tan-network l-iktar rilevanti għall-proċess CROSA kienu l-elementi tan-network b’livell ta’ vultaġġ ta’ 220 kV u ta’ 380 kV, “peress li dawn l-elementi [kienu] jintużaw sabiex jiffaċilitaw l-iskambju tal-enerġija bejn iż-żoni tal-offerti fis-sistema tal-enerġija Ewropea”.

118

Fin-nota ta’ spjegazzjoni tal-metodoloġija ROSC, il-ĠRT spjegaw li l-elementi tan-network b’livell ta’ vultaġġ ogħla minn jew ugwali għal 220 kV jiffaċilitaw l-iskambji tal-enerġija bejn żoni tal-offerti fis-sistema tal-enerġija Ewropea. Madankollu, il-ĠRT ma stabbilixxewx liema elementi għandhom jitqiesu fil-kondiviżjoni tal-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi.

119

Barra minn hekk, il-livell ta’ vultaġġ ta’ 220 kV intgħażel fir-reġjun CORE minħabba n-nisġa partikolarment densa tiegħu, filwaqt li l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 ma jipprekludix li jintgħażlu soluzzjonijiet oħra, kif ġie ċċarat waqt is-seduta.

120

Barra minn hekk, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-kondiviżjoni tal-ispejjeż f’dan il-kuntest huwa neċessarju għat-twettiq ta’ suq tal-elettriku integrat fil-livell Ewropew.

121

A fortiori, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestati ma huwiex iddefinit ġeografikament u ma jistax ikun limitat biss għall-elementi tan-network li jinsabu fuq il-fruntiera bejn żewġ żoni tal-offerti, jew għall-interkonnetturi li jorbtu n-networks tal-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, kif ġie kkonstatat fil-punt 84 iktar ’il fuq, l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 jeżiġi li jiġi identifikat liema konġestjonijiet għandhom jittaffu b’mod ikkoordinat sabiex jiġi żgurat il-kummerċ bejn iż-żoni.

122

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti jsostnu b’mod żbaljat li d-Deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, peress li huma biss l-elementi kritiċi tan-network li għandhom jiġu inklużi fil-kondiviżjoni tal-ispejjeż.

123

Fir-reġjun CORE, il-konġestjonijiet kollha mtaffa mill-azzjonijiet korrettivi attivati konformement mal-metodoloġija ROSC, kif stabbilita bid-Deċiżjoni Nru 33/2020 tal-ACER u kkonfermata bid-Deċiżjoni kkontestata, jikkorrispondu għal “konġestjonijiet bejn […] iż-żoni” msemmija fl-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943.

124

Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, fir-reġjun CORE, l-azzjonijiet korrettivi kollha attivati konformement mal-metodoloġija ROSC, kif stabbilita bid-Deċiżjoni Nru 33/2020 tal-ACER, jikkontribwixxu sabiex tiġi żgurata s-sodezza tal-kapaċità ta’ skambju bejn iż-żoni, konformement mal-Artikolu 74(4)(b) tar-Regolament 2015/1222.

125

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni kkontestata lanqas ma tista’ titqies li tmur kontra l-Artikolu 74 tar-Regolament 2015/1222, interpretat konformement mal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. Il-Bord tal-Appell għalhekk ġustament ċaħad l-appell ippreżentat kontra l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestati.

126

L-argumenti mqajma mir-rikorrenti kontra d-Deċiżjoni kkontestata ma jistgħux jinvalidaw din il-konklużjoni.

127

L-ewwel nett, huwa minnu li, kif isostnu r-rikorrenti, il-ĠRT huma legalment obbligati li jiżguraw is-sigurtà operazzjonali, indipendentement mill-kondiviżjoni eventwali tal-ispejjeż. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-ġestjoni tal-konġestjonijiet fuq l-elementi kollha b’livell vultaġġ ugwali għal jew ogħla minn 220 kV timplika neċessarjament koordinazzjoni bejn il-ĠRT kollha u li l-ispejjeż relatati magħha jinqasmu bejniethom, sabiex jiġu kkumpensati għall-interventi kollha tagħhom neċessarji sabiex jiżguraw l-iskambji bejn iż-żoni.

128

It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li konġestjoni fuq element mhux kritiku tan-network hija konġestjoni “purament interna” li l-ispejjeż tagħha ma jistgħux jitqassmu abbażi tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestati, l-unika sitwazzjoni li fiha l-ispejjeż relatati mal-elementi mhux kritiċi tan-network jitqassmu skont din id-dispożizzjoni hija meta l-konġestjoni fuq dawn l-elementi tkun ikkawżata minn flussi ċirkolari, kif deskritti fil-punt 61 iktar ’il fuq, li jeċċedu l-livell ta’ tolleranza msemmi fl-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943.

129

Skont il-premessa 6 tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestati, il-flussi ċirkolari li jeċċedu l-livell ta’ tolleranza huma l-fattur prinċipali ta’ konġestjonijiet li huwa s-suġġett ta’ kondiviżjoni tal-ispejjeż. Dan jirriżulta mill-konstatazzjoni li l-konġestjonijiet ikkawżati minn flussi interni huma sostnuti mill-proprjetarju tal-element tan-network ikkonġestjonat, filwaqt li, kif jirriżulta mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, l-ispejjeż ikkawżati minn flussi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet interni li jikkontribwixxu għall-konġestjoni osservata bejn żewġ żoni ta’ sottomissjoni tal-offerti għandhom jinqasmu proporzjonalment bejn ĠRT.

130

Fluss ċirkolari huwa “fluss transkonfinali”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943, jiġifieri “fluss fiżiku tal-elettriku fuq netwerk ta’ trażmissjoni ta’ Stat Membru, li jirriżulta mill-impatt tal-attività tal-produtturi, tal-konsumaturi, jew it-tnejn li huma, barra dak l-Istat Membru fuq in-netwerk ta’ trażmissjoni tiegħu”, li ma huwiex limitat għall-elementi kritiċi tan-network.

131

Għaldaqstant, konġestjoni kkawżata minn fluss transkonfinali, bħal fluss ċirkolari, ma tistax tiġi kklassifikata bħala konġestjoni “purament interna” li hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943.

132

Barra minn hekk, jekk konġestjoni fuq element mhux kritiku ta’ network tkun ikkawżata biss minn flussi interni, l-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi intiżi li tiġi ttrattata din il-konġestjoni jiġu sostnuti, fi kwalunkwe każ, mill-proprjetarju tal-imsemmi element tan-network, konformement mal-Artikolu 76(1)(b)(v) tar-Regolament 2017/1485. B’hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” jibqa’ l-eċċezzjoni għar-regola, peress li dan il-prinċipju japplika biss, de facto, għall-flussi ċirkolari li jeċċedu l-livell ta’ tolleranza, filwaqt li l-prinċipju ta’ “min huwa s-sid iħallas” japplika għal flussi oħra, bħalma huma l-flussi tan-network li ma jeċċedux il-livell ta’ tolleranza, u l-flussi interni.

133

Barra minn hekk, konġestjoni li ma tkunx konġestjoni “bejn iż-żoni” fis-sens tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, hija dik li tidher fl-elementi tan-network esklużi mill-koordinazzjoni reġjonali tas-sigurtà operazzjonali, għaliex dan ikun ġie deċiż mill-ĠRT, jew għaliex dawn ikunu elementi esklużi mill-bidu mill-koordinazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi, jiġifieri l-elementi tan-network li għandhom livell ta’ vultaġġ inqas minn 220 kV.

134

It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li l-unika eċċezzjoni għar-regola tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 li tgħid li l-ispejjeż marbuta mal-azzjonijiet korrettivi relatati mal-flussi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet interni li jikkontribwixxu għall-konġestjoni osservata bejn żewġ żoni tal-offerti għandhom ikunu kondiviżi hija dik relatata mal-imsemmija flussi li ma jeċċedux il-livell ta’ tolleranza, li għalihom l-ispejjeż għandhom jiġu sostnuti mill-proprjetarju tal-element tan-network ikkonġestjonat.

135

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-leġiżlatur ma riedx jeskludi grupp ta’ elementi tan-network mill-kondiviżjoni tal-ispejjeż, peress li huwa ppreveda, fl-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, il-kondiviżjoni tal-ispejjeż prodotti mis-solliev ikkoordinat tal-konġestjonijiet bejn iż-żoni.

136

Bl-istess mod, il-fatt li l-Artikolu 76(1)(b)(v) tar-Regolament 2017/1485 jipprevedi l-possibbiltà li jiġu adottati metodoloġiji oħra intiżi għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż marbuta mad-diversi azzjonijiet korrettivi msemmija fl-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament, li jikkompletaw skont il-każ il-metodoloġija komuni żviluppata skont l-Artikolu 74 tar-Regolament 2015/1222, ma huwiex rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, li huwa, barra minn hekk, regola ta’ livell superjuri.

137

Ir-raba’ nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, kif ikkonfermat mid-Deċiżjoni kkontestata, imur kontra l-Artikolu 291 TFUE jew ma għandux bażi legali, sa fejn l-ACER estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni previst mil-leġiżlazzjoni.

138

B’mod partikolari, l-azzjonijiet korrettivi kkoordinati fuq l-elementi tan-network b’livell ta’ vultaġġ ugwali għal jew ogħla minn 220 kV għandhom jippermettu l-kummerċ bejn iż-żoni, jgħinu sabiex tiġi evitata l-limitazzjoni tal-kapaċità ta’ skambju bejn iż-żoni u jiżguraw is-sodezza tal-imsemmija kapaċità, u dan konformement mal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943.

139

Bl-istess mod u peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata huwa konformi mal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, l-ACER ma tistax tiġi kkritikata li wessgħet il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha lil hinn mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, meta bbażat ruħha fuq il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”.

140

Il-ħames nett, lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument imqajjem matul is-seduta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ibbażat fuq l-oriġini leġiżlattiva tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, li jgħid li l-leġiżlatur ried jeskludi mill-kondiviżjoni bejn il-ĠRT l-ispejjeż li jirriżultaw mill-azzjonijiet korrettivi mwettqa fuq l-elementi li jinsabu ġewwa ż-żoni meta huwa rrifjuta li jemenda, waqt ir-redazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-formulazzjoni tiegħu billi jissostitwixxi “l-konġestjoni osservata bejn żewġ żoni tal-offerti” bil-“konġestjoni osservata bejn u ġewwa ż-żoni tal-offerti”.

141

F’dan ir-rigward, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tistax tibbaża ruħha fuq dokumenti dwar it-trilogu leġiżlattiv sabiex tistabbilixxi r-rieda tal-leġiżlatur waqt l-adozzjoni tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-eventwali rifjut li jiġu inklużi espressament il-konġestjonijiet ġewwa żona ma huwiex determinanti għall-kwistjoni dwar liema huma l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-kontribuzzjonijiet għall-konġestjonijiet “bejn żewġ żoni”.

142

Kif jirriżulta mill-punti 81 sa 84 u 135 iktar ’il fuq, l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 ma jiddefinixxix l-elementi tan-network li fuqhom għandhom jiġu kondiviżi l-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi intiżi li jtaffu l-konġestjonijiet bejn iż-żoni, li ma jimplikax li l-leġiżlatur ried jeskludi grupp ta’ elementi tan-network mill-kondiviżjoni tal-ispejjeż.

143

Għaldaqstant, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti li skonthom għandhom jiġu esklużi l-elementi tan-network interni li ma humiex “kritiċi” mill-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata abbażi tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 u tal-Artikolu 74 tar-Regolament 2015/1222.

– Fir‑rigward tal‑inċentivi dderivati mill‑inklużjoni tal‑elementi mhux kritiċi tan‑network fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑metodoloġija għall‑kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata

144

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar l-inċentivi, allegatament żbaljati, li joħolqu l-inklużjoni tal-elementi tan-network li għandhom livell ta’ vultaġġ ugwali għal jew ogħla minn 220 kV fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, għandu jitfakkar li l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 jipprevedi l-obbligu għall-ĠRT li jsostnu l-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi marbuta mal-flussi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet interni li jikkontribwixxu għall-konġestjoni osservata bejn żewġ żoni tal-offerti li ma jeċċedux il-livell ta’ tolleranza. Dan jinkoraġġixxi lill-ĠRT jiżviluppaw in-network tagħhom sabiex ikunu jistgħu jilqgħu tali flussi, meta ma jeċċedux il-livell ta’ tolleranza, li jikkorrispondi għal-livell ta’ fluss ċirkolari mistenni mingħajr konġestjoni strutturali f’żona tal-offerti.

145

Min-naħa l-oħra, il-kuntest ġuridiku rilevanti ma jipprevedix l-obbligu għall-ĠRT li jiżviluppaw in-networks tagħhom sabiex jilqgħu l-flussi ċirkolari ’il fuq mil-livell ta’ tolleranza msemmi fil-punt 144 iktar ’il fuq. Fil-fatt, dawn il-flussi huma, min-natura tagħhom, imprevisti u imprevedibbli u l-ĠRT li jilqa’ dawn il-flussi ma għandux influwenza fuq dawn tal-aħħar.

146

Għandu jiġi nnotat, fuq dan il-punt, li, kif indikat fil-premessa 27 tar-Regolament 2019/943, it-tnaqqis tar-riperkussjonijiet tal-fluss ċirkolari u tal-konġestjonijiet interni fuq il-kummerċ bejn iż-żoni jinsab fost l-għanijiet prinċipali tal-leġiżlatur Ewropew fl-istabbiliment ta’ dan il-qafas regolatorju.

147

Bl-istess mod, mill-paġna 59 tal-analiżi tal-impatt tal-Kummissjoni, tat‑30 ta’ Novembru 2016, imwettqa fil-kuntest tat-tfassil tal-pakkett leġiżlattiv “Énergie” (SWD(2016) 410), jirriżulta li l-flussi ċirkolari jistgħu jnaqqsu l-kapaċità ta’ skambju bejn żoni u jwasslu għal ridispaċċ barra mis-suq, li jiswa ħafna flus kif ukoll għal distorsjonijiet sinjifikattivi tal-prezzijiet u għal sinjali ta’ investiment fiż-żoni tal-viċinanza. Dan iwassal għal telf sinjifikattiv ta’ prosperità.

148

Barra minn hekk, l-esklużjoni tal-elementi mhux kritiċi tan-network twassal sabiex il-ĠRT li joħroġ il-flussi ċirkolari ma jkunx inċentivat jinvesti b’mod suffiċjenti fin-network tiegħu, peress li ma jsostnix l-ispiża totali tal-azzjonijiet korrettivi neċessarji sabiex jiġu solvuti l-konġestjonijiet li huwa kkawża. Fil-fatt, huwa biss dan il-ĠRT, li għandu l-għarfien u r-responsabbiltà tan-network tiegħu, li jista’ jadotta miżuri oħra neċessarji, bħar-rikonfigurazzjoni taż-żona jew l-investimenti fin-network tiegħu. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 35(5) tar-Regolament 2019/943, kull ĠRT huwa responsabbli għan-network tiegħu u, għaldaqstant, il-problemi interni tiegħu ma għandhomx ikunu r-responsabbiltà tal-ĠRT tal-viċinanza.

149

Barra minn hekk, jekk kull wieħed miż-żewġ ĠRT responsabbli u tal-viċinanza jiġi inċentivat jinvesti fin-network tiegħu stess, sabiex jilqa’, jew sabiex inaqqas il-flussi ċirkolari, dan iwassal, fl-assenza ta’ koordinazzjoni bejn dawn iż-żewġ ĠRT, għal investiment eċċessiv u għal allokazzjoni ħażina tar-riżorsi, kif ġie invokat b’mod rilevanti mill-ACER fil-punti 110 sa 115 tar-risposta tagħha.

150

Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti jitolbu, essenzjalment, li jiġu eżentati mill-ispejjeż li huma jikkawżaw lill-ĠRT l-oħra fuq l-elementi mhux kritiċi tan-networks tagħhom bil-flussi ċirkolari tagħhom li jeċċedu l-livell ta’ tolleranza, anki jekk l-azzjonijiet korrettivi fuq dawn l-elementi jikkontribwixxu sabiex jiżguraw il-kummerċ bejn iż-żoni.

151

Barra minn hekk, tali approċċ imur kontra l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

152

Il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika jinkludi drittijiet u obbligi, kemm għall-Unjoni kif ukoll għall-Istati Membri, peress li l-Unjoni hija marbuta b’obbligu ta’ solidarjetà fir-rigward tal-Istati Membri u dawn tal-aħħar marbuta b’obbligu ta’ solidarjetà bejniethom u fir-rigward tal-interess komuni tal-Unjoni u tal-politiki mwettqa minnha (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Ġermanja vs Il‑Polonja, C‑848/19 P, EU:C:2021:598, punt 49).

153

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun kuntrarju għall-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika li l-ĠRT li jemettu flussi ċirkolari li jgħaddu minn żoni oħra ta’ sottomissjoni tal-offerti jkunu jistgħu jevadu l-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi, attivati fl-interess komuni sabiex jottimizzaw il-kapaċità ta’ skambju bejn żoni, billi jiżguraw, fl-istess ħin, bl-iktar mod effikaċi possibbli, is-sigurtà tan-network, li jibbenefikaw minnha l-ĠRT kollha kif ukoll, għaldaqstant, il-konsumaturi tal-elettriku.

154

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it‑tieni motiv, dwar id‑dekompożizzjoni tal‑flussi

155

Permezz tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-metodu ta’ dekompożizzjoni tal-flussi użat fil-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, kif ikkonfermat mid-Deċiżjoni kkontestata, huwa illegali.

156

It-tieni motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet.

157

Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-metodu ta’ dekompożizzjoni tal-flussi użat, jiġifieri l-metodu ta’ traċċar tal-flussi permezz tal-kulur (iktar ’il quddiem il-“metodu PFC”), ma huwiex metodu adegwat, bil-konsegwenza li l-applikazzjoni tiegħu twassal għal riżultati żbaljati.

158

Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti jikkritikaw, b’mod partikolari, it-trattament tal-elementi tan-network relatati mat-trażmissjoni tal-kurrent dirett.

Fuq l‑ewwel parti, dwar l‑inadegwatezza tal‑metodu PFC

159

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-metodu PFC ma huwiex metodu adegwat għad-dekompożizzjoni tal-flussi, sa fejn dan jipproduċi riżultati żbaljati.

160

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jifformulaw għadd kbir ta’ lmenti, miġbura f’erba’ gruppi.

161

Permezz tal-ewwel grupp ta’ lmenti, ir-rikorrenti jsostnu li l-metodu PFC, minħabba l-konċepiment tiegħu, ma huwiex adegwat sabiex il-flussi jinqasmu korrettament.

162

Permezz tat-tieni grupp ta’ lmenti, huma jikkritikaw lill-Bord tal-Appell li ma eżaminax effettivament l-argumenti li huma kienu qajmu kontra d-Deċiżjoni Nru 30/2020.

163

Permezz tat-tielet grupp ta’ lmenti, ir-rikorrenti jsostnu li l-metodu PFC iwassal, f’diversi aspetti, għal riżultati irrealistiċi.

164

Permezz tar-raba’ grupp ta’ lmenti, ir-rikorrenti jsostnu li l-metodu PFC, minħabba l-konċepiment tiegħu, ma jikkorrispondix għall-kriterji legali stabbiliti.

165

L-ACER tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

– Osservazzjonijiet preliminari

166

Id-dekompożizzjoni tal-flussi hija pass neċessarju fil-kondiviżjoni tal-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi.

167

L-importanza tad-dekompożizzjoni tal-flussi tirriżulta mill-fatt li din tipprovdi data tad-dħul neċessarja għall-kondiviżjoni ulterjuri tal-ispejjeż. Għalhekk, jekk id-dekompożizzjoni tal-flussi titwettaq b’mod żbaljat, din neċessarjament taffettwa r-riżultati tal-kondiviżjoni tal-ispejjeż.

168

Id-dekompożizzjoni tal-flussi għandha l-għan li tidentifika t-tipi ta’ flussi li jikkawżaw konġestjonijiet fuq elementi tan-network.

169

Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, għandhom jiġu ddeterminati l-flussi li jikkontribwixxu għal konġestjoni bejn iż-żoni tal-offerti.

170

Il-flussi differenti, pereżempju l-flussi interni jew il-flussi ċirkolari, li għandhom jiġu identifikati għall-finijiet tal-kondiviżjoni tal-ispejjeż, jimmaterjalizzaw l-oriġini u d-destinazzjonijiet diverġenti tal-“porzjonijiet” ikkalkolati minn fluss fiżiku totali, li jista’ jitkejjel waħdu.

171

Għalhekk, id-dekompożizzjoni tal-flussi tikkonsisti fi proċess, minn naħa, ta’ diviżjoni tal-fluss totali f’porzjonijiet u, min-naħa l-oħra, ta’ kalkolu tal-parti ta’ dawn il-porzjonijiet.

172

Għall-finijiet ta’ din id-dekompożizzjoni tal-flussi, il-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata hija bbażata fuq il-metodu PFC. Kif jirriżulta mid-dokument ta’ spjegazzjoni tat‑22 ta’ Frar 2019 li jakkumpanja l-proposta għall-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż tas‑27 ta’ Marzu 2019, dan il-metodu ġie żviluppat bl-għan prinċipali li jibqa’ koerenti mal-mudell tas-suq żonali Ewropew u, fl-istess ħin, li jippermetti qsim sħiħ tal-fluss tal-elettriku għal kull element tan-network tas-sistema tal-elettriku.

173

Huwa f’dan il-kuntest li r-rikorrenti jifformulaw diversi lmenti kontra d-Deċiżjoni kkontestata, sa fejn din ċaħdet l-argumenti tagħhom imqajma quddiem il-Bord tal-Appell.

– Fuq il‑motivazzjoni tad‑Deċiżjoni kkontestata

174

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jikkritikaw il-metodu PFC f’dak li jikkonċerna l-elementi tan-network li jittrasportaw kurrent alternattiv.

175

Fost l-ilmenti fformulati kontra d-Deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jikkritikaw, b’mod partikolari, il-fatt li l-Bord tal-Appell ma wettaqx eżami veru tal-argumenti tagħhom imqajma kontra l-metodu PFC, użat għad-dekompożizzjoni tal-flussi.

176

Konformement mal-ġurisprudenza, fir-rigward tal-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi li jinsabu f’deċiżjoni tal-ACER, il-Bord tal-Appell ma jistax jillimita ruħu għal stħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, iżda għandu, billi jibbaża ruħu fuq l-għarfien espert tal-membri tiegħu, jeżamina jekk l-argumenti mressqa quddiemu jistgħux juru li l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni huma vvizzjati bi żbalji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Aquind vs ACER, T‑735/18, EU:T:2020:542, punt 69).

177

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell għaldaqstant tissodisfa r-rekwiżiti neċessarji sabiex jitwettaq stħarriġ komplet tad-deċiżjonijiet tal-ACER. Jekk il-membri tiegħu għandu jkollhom esperjenza preċedenti fis-settur tal-enerġija, dan huwa minħabba li għandhom jew għandhom ikollhom għarfien tekniku neċessarju sabiex iwettqu eżami fil-fond tal-appelli. B’hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti lill-Bord tal-Appell l-għarfien espert neċessarju sabiex ikun jista’ jwettaq huwa stess evalwazzjonijiet dwar elementi fattwali ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi marbuta mal-enerġija (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, ACER vs Aquind, C‑46/21 P, EU:C:2023:182, punti 63 u 64).

178

Madankollu, l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-Bord tal-Appell wettaqx, f’dan il-każ, l-istħarriġ tiegħu bl-intensità meħtieġa konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 176 iktar ’il fuq, jippreżupponi li l-Qorti Ġenerali tkun f’pożizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-motivazzjoni pprovduta fid-Deċiżjoni kkontestata, li twettaq tali eżami. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali għandha tqajjem ex officio motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-parti tad-Deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-metodu PFC, użat għad-dekompożizzjoni tal-flussi.

179

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jikkostitwixxu ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u jikkostitwixxu motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, jekk ikun il-każ, jiġi invokat ex officio mill-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Les Mousquetaires u ITM Entreprises vs Il‑Kummissjoni, C‑682/20 P, EU:C:2023:170, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

180

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, fil-kuntest tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑5 ta’ Mejju 2023, il-partijiet ġew espressament mistiedna mill-Qorti Ġenerali sabiex jesprimu ruħhom fuq in-“natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tal-parti tad-Deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-eżami tal-kritika tar-rikorrenti fir-rigward tal-metodu PFC”.

181

Għandu, barra minn hekk, jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att ikkonċernat u mill-kuntest li fih ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni b’mod li, minn naħa, il-persuni interessati jkunu jafu r-raġunijiet għall-miżura adottata sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u sabiex jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, il-qorti tal-Unjoni tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att kinitx issodisfat ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-materja kkonċernata (sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63, u tat‑30 ta’ Novembru 2011, Sniace vs Il‑Kummissjoni, T‑238/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:705, punt 37).

182

B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-partijiet ikkonċernati. Huwa suffiċjenti għaliha li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fil-kuntest ta’ dak l-att (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

183

Bl-istess mod, in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata wkoll skont l-interess li d-destinatarji tal-att jista’ jkollhom sabiex jiksbu spjegazzjonijiet. Konsegwentement, att li jikkawża preġudizzju jkun immotivat b’mod suffiċjenti meta dan ikun sar f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

184

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, peress li din taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi jkunu vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità fuq il-mertu tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li tesprimi raġunijiet żbaljati. L-ilmenti u l-argumenti intiżi li jikkontestaw il-fondatezza ta’ att, għalhekk ma humiex rilevanti fil-kuntest ta’ aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Bayern et, C‑167/19 P u C‑171/19 P, EU:C:2022:176, punt 77, u tat‑13 ta’ Mejju 2020, Koenig & Bauer vs EUIPO (we’re on it), T‑156/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:200, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

185

Peress li, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell kien mistenni, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 176 u 177 iktar ’il fuq, li jwettaq eżami sħiħ tad-Deċiżjoni Nru 30/2020, inklużi l-evalwazzjonijiet li jinsabu fiha li jirrigwardaw elementi fattwali ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi marbuta mal-enerġija, mingħajr ma jkun jista’ jillimita ruħu għal stħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, il-motivazzjoni pprovduta minnu kellha tippermetti, minn naħa, lid-destinatarju tad-Deċiżjoni kkontestata jkun jista’ jiddefendi d-drittijiet tiegħu u jivverifika jekk l-imsemmija deċiżjoni kinitx fondata u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha.

186

Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti, ir-rikorrenti kif ukoll il-Qorti Ġenerali ma jistgħux jeżaminaw jekk il-Bord tal-Appell effettivament wettaqx eżami tal-argumenti mqajma quddiemu skont ir-rekwiżiti mfakkra fil-punti 176 u 177 iktar ’il fuq.

187

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat il-motiv, imqajjem ex officio mill-Qorti Ġenerali, dwar il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-metodu PFC, użat għad-dekompożizzjoni tal-flussi.

188

Fl-appell tagħhom quddiem il-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti esponew, b’mod iddettaljat, il-kritika tagħhom kontra d-Deċiżjoni Nru 30/2020 tal-ACER. Huma sostnew l-eżistenza ta’ diversi żbalji ta’ disinn li bihom kien ivvizzjat il-metodu PFC, u l-fatt li dan kellu bħala konsegwenza li dan jipproduċi riżultati żbaljati.

189

B’mod partikolari, ir-rikorrenti kkritikaw il-metodu PFC sa fejn dan ma kienx jieħu inkunsiderazzjoni r-realtajiet fiżiċi. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-qafas regolatorju, kien meħtieġ approċċ fidil għar-realtajiet fiżiċi. Fil-fatt, huwa biss fluss fiżiku tal-elettriku li jista’ jagħti lok għal konġestjoni u l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż tista’, għaldaqstant, tikkondividi l-ispejjeż li jirriżultaw minn azzjonijiet korrettivi biss fuq il-flussi li jikkontribwixxu effettivament għal konġestjonijiet. Ir-rikorrenti jsostnu li, minħabba l-“liġi ta’ Kirchhoff dwar l-iċken reżistenza”, l-iskambji tal-elettriku jseħħu fuq il-konnessjoni l-iktar qasira bejn il-punt ta’ produzzjoni u l-punt ta’ konsum u dan, indipendentement mill-fruntieri taż-żoni ta’ preżentazzjoni tal-offerti u indipendentement mill-iskambji tal-elettriku kkuntrattati. Madankollu, il-metodu PFC jinjora din l-informazzjoni xjentifika u skambju tal-elettriku bejn punt ta’ produzzjoni u punt ta’ konsum f’żoni differenti jkun ammess biss jekk, fid-dawl tal-iskambji transkonfinali kollha kkuntrattati kkonsolidati, iż-żona tal-offerti fejn ikun jinsab il-punt ta’ produzzjoni jkollha pożizzjoni netta pożittiva u jekk, fid-dawl tal-iskambji transkonfinali kollha kkuntrattati kkonsolidati, iż-żona tal-offerti fejn jinsab il-punt ta’ konsum ikollha pożizzjoni netta negattiva. Għaldaqstant, skont il-pożizzjoni netta taż-żoni tal-offerti kkonċernati, il-metodu PFC jidentifika, minflok jippermetti fluss transkonfinali, flussi interni u flussi ċirkolari. Għaldaqstant, il-metodu PFC, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-“liġijiet naturali”, għandu t-tendenza li jidentifika flussi ċirkolari li fir-realtà ma jeżistux. Fl-aħħar nett, il-metodu PFC lanqas ma huwa ġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet marbuta mal-konfigurazzjoni żonali tas-suq tal-elettriku fl-Unjoni.

190

Skont il-werrej tad-Deċiżjoni kkontestata, il-kwistjonijiet marbuta mad-dekompożizzjoni tal-flussi, imqajma mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell, huma ttrattati fil-kuntest tat-“tielet motiv ikkonsolidat”, fil-punti 407 sa 587 (paġni 61 sa 87) tad-Deċiżjoni kkontestata. Fil-kuntest ta’ dan it-“tielet motiv ikkonsolidat”, il-punti 407 sa 551 (paġni 61 sa 81) tad-Deċiżjoni kkontestata huma ddedikati għall-elementi tan-network li jittrasportaw kurrent alternattiv, li huwa s-suġġett tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, filwaqt li l-punti 552 sa 587 (paġni 82 sa 87) tad-Deċiżjoni kkontestata jikkonċernaw l-elementi tan-network li jittrasportaw il-kurrent dirett, li huma s-suġġett tat-tieni parti ta’ dan il-motiv.

191

Min-naħa l-oħra, il-punti 588 sa 631 tad-Deċiżjoni kkontestata jirrigwardaw, skont il-werrej ta’ din tal-aħħar, ir-“raba’ motiv ikkonsolidat”, dwar l-istima eċċessiva tal-flussi ċirkolari u tal-flussi interni li joriġinaw miż-żoni tal-offerti importaturi, imqajma, kif jirriżulta mill-punti rilevanti tad-Deċiżjoni kkontestata, mhux mir-rikorrenti f’din il-kawża, iżda mir-rikorrenti fil-kawża Polskie sieci elektroenergetyczne vs ACER (T‑484/21). F’dawn iċ-ċirkustanzi, għall-finijiet tal-eżami tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ma hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-punti 588 sa 631 tad-Deċiżjoni kkontestata, sakemm ma jsirx riferiment, f’dawn il-punti, għall-punti 407 sa 551 tad-Deċiżjoni kkontestata.

192

Għandu jiġi kkonstatat li r-raġunament żviluppat fil-punti 407 sa 551 tad-Deċiżjoni kkontestata ma jipprovdix, minkejja t-tul tiegħu, motivazzjoni konformi mar-rekwiżiti mfakkra fil-punti 181 sa 183 iktar ’il fuq.

193

L-ewwel nett, il-fatt li l-eżami tat-“tielet motiv ikkonsolidat” jitwettaq fuq madwar 150 punt fid-Deċiżjoni kkontestata ma jurix, fih innifsu, eżami rigoruż u ddettaljat tal-argumenti tar-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell. Fil-fatt, it-tul ta’ din il-parti tad-Deċiżjoni kkontestata huwa dovut ħafna għall-mod kif din hija fformulata, li jikkonsisti fit-trattament tal-istess suġġett f’diversi okkażjonijiet fir-rigward tad-diversi dispożizzjonijiet tad-dritt jew tal-punti ta’ fatt invokati, li jimplika diversi riferimenti u repetizzjonijiet.

194

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, b’mod ġenerali, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell, diversi drabi, illimita ruħu li jagħmel affermazzjonijiet ta’ natura ġenerali, mingħajr ma effettivament wieġeb għall-argumenti tar-rikorrenti, sabiex sussegwentement jibbaża ruħu, wara l-eżami, fuq dawn l-istess affermazzjonijiet. Għalhekk, il-Bord tal-Appell joħloq l-apparenza ta’ raġunament iddettaljat, mingħajr madankollu ma jwieġeb verament għall-argumenti tar-rikorrenti.

195

It-tielet nett, fir-rigward, konkretament, tal-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-metodu PFC ma jiħux inkunsiderazzjoni l-liġijiet naturali u jwassal għalhekk għall-identifikazzjoni ta’ flussi tan-network li fir-realtà ma jeżistux, il-qofol tar-raġunament tal-Bord tal-Appell huwa espost, kif ġie affermat mill-ACER bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 421 sa 461 tad-Deċiżjoni kkontestata.

196

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-punti 421 sa 432 (paġni 65 u 66) tad-Deċiżjoni kkontestata, li jinsabu taħt is-sottotitolu 3.2 “Dekompożizzjoni tal-flussi fil-[metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata]”, jillimitaw ruħhom, fir-rigward tat-tweġiba għall-ilmenti tar-rikorrenti, għall-konstatazzjoni, fil-punt 424 (paġna 65), li “jeżistu diversi metodi ta’ dekompożizzjoni tal-flussi”.

197

Il-punti 433 sa 451 (paġni 66 sa 69) tad-Deċiżjoni kkontestata, li jinsabu taħt is-sottotitolu 3.3 “Il-metodu PFC jinjora d-distanza elettrika, joħloq flussi fittizji u, għaldaqstant, jostakola allokazzjoni tal-ispejjeż raġonevoli”, jillimitaw ruħhom, f’dak li jirrigwarda t-tweġiba għall-ilmenti tar-rikorrenti, għal xi dikjarazzjonijiet ta’ natura ġenerali u astratta mingħajr ma jirrispondu verament għall-argumenti tar-rikorrenti.

198

Fil-punt 437 (paġna 67) tad-Deċiżjoni kkontestata, huwa biss stipulat li “il-partijiet 3.1 u 3.2 juru li, minn perspettiva teknika […] jikkoeżistu diversi metodi ta’ dekompożizzjoni tal-flussi validi”.

199

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-eżami tal-“partijiet 3.1 u 3.2” tad-Deċiżjoni kkontestata, ġie konkluż biss li jeżistu diversi metodi ta’ dekompożizzjoni tal-flussi. B’kuntrast ma’ dan, il-Bord tal-Appell ma wasal għal ebda konklużjoni dwar il-“validità” ta’ dawn il-metodi differenti.

200

Mill-punt 439 (paġna 67) tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell qies li l-użu tal-kriterji ta’ kondiviżjoni tal-varjazzjoni tal-produzzjoni ma kienx irendi l-metodu PFC, jew partijiet minn dan il-metodu, fittizju. Huwa sostnut ukoll li l-użu ta’ kriterji ta’ kondiviżjoni tal-varjazzjoni tal-produzzjoni huwa karatteristika tal-metodi relatati mal-kalkolu tal-kapaċità.

201

Madankollu, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti, fil-kuntest ta’ lment ieħor imqajjem quddiem il-Bord tal-Appell, sostnew li l-kriterji ta’ kondiviżjoni tal-varjazzjoni tal-produzzjoni, preċiżament minħabba l-fatt li huma kienu maħsuba għall-kalkolu tal-kapaċità, ma kinux adatti sabiex jintużaw fil-kuntest tad-dekompożizzjoni tal-flussi. Min-naħa l-oħra, ir-riferiment għall-użu tal-kriterji ta’ kondiviżjoni tal-varjazzjoni tal-produzzjoni ma jirrispondix għall-argumenti tar-rikorrenti li l-metodu PFC, peress li ma jiħux inkunsiderazzjoni, ab initio, id-distanza elettrika, huwa vvizzjat bi żball ta’ disinn.

202

Fil-punt 447 (paġna 68) tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell jikkonkludi li huwa “ma jikkunsidrax li l-metodu PFC huwa bbażat fuq flussi fittizji”.

203

Madankollu, il-punti preċedenti ma jippermettux li jinftiehmu r-raġunijiet li għalihom il-Bord tal-Appell ċaħad il-kritika tar-rikorrenti li l-metodu PFC wassal għall-identifikazzjoni ta’ fluss ċirkolari li fir-realtà ma kinux jeżistu.

204

Fil-punt 451 (paġna 69) tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell jasal għall-konklużjoni li tgħid li “l-metodu [Full Line Decomposition (FLD)] ma huwiex metodu ta’ dekompożizzjoni tal-flussi adegwat”.

205

Madankollu, sa fejn il-metodu PFC huwa inkwistjoni, ir-raġunament tal-Bord tal-Appell, ibbażat fuq l-eventwali inkonsistenza tal-metodu FLD mal-kondiviżjoni tas-suq f’żoni tal-preżentazzjoni tal-offerti, ma jirrispondix għall-argument tar-rikorrenti li jikkritikaw il-metodu PFC.

206

Anki jekk jiġi aċċettat li r-raġunament dwar il-metodu FLD għandu jinftiehem bħala tweġiba impliċita għall-ilmenti magħmula mir-rikorrenti kontra l-metodu PFC, dan ir-raġunament ma jurix ir-raġunijiet li għalihom il-Bord tal-Appell ċaħad l-ilmenti tar-rikorrenti mqajma quddiemu.

207

Fil-fatt, fil-punt 449 (paġna 68) tad-Deċiżjoni kkontestata, huwa indikat li “d-distanza elettrika […] tista’ tiġi applikata b’mod sħiħ biss f’mudell ta’ suq nodal” u li, “[m]adankollu, jekk mudell tas-suq nodal kien il-mudell applikabbli, la kien hemm […] flussi ċirkolari u lanqas […] ħtieġa għal dekompożizzjoni tal-flussi”.

208

Minn naħa, l-allegata impossibbiltà li tittieħed inkunsiderazzjoni “bis-sħiħ” id-distanza elettrika ma timplikax li ma huwiex neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni d-distanza elettrika sabiex wieħed jasal għal dekompożizzjoni tal-flussi korretti jew li l-metodu PFC jieħu debitament inkunsiderazzjoni d-distanza elettrika.

209

Min-naħa l-oħra, lanqas ma jirriżulta mill-affermazzjoni riprodotta fil-punt 207 iktar ’il fuq li l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-distanza elettrika permezz tal-metodu PFC, ikkritikata mir-rikorrenti, hija inerenti għall-mudell żonali, li fuqu huwa bbażat is-suq tal-elettriku fl-Unjoni, u li dan il-mudell żonali ma jippermettix li tittieħed inkunsiderazzjoni d-distanza elettrika.

210

Il-punti 452 sa 462 (paġni 69 u 70) tad-Deċiżjoni kkontestata, taħt is-sottotitolu 3.4 “Il-metodu PFC jikser l-Artikolu 16(13) [tar-Regolament 2019/943 u l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas]”, lanqas ma jinkludu elementi li jippermettu li jinftiehmu r-raġunijiet li għalihom l-ilmenti tar-rikorrenti ġew miċħuda.

211

Fil-punt 460 (paġna 70) tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell jasal għall-konklużjoni li tgħid li “l-metodu PFC […] la huwa arbitrarju u lanqas ibbażat fuq preżunzjonijiet żbaljati. Huwa jaqsam korrettement il-flussi fiżiċi […]”.

212

Madankollu, il-punti preċedenti ma jippermettux li jinftiehmu r-raġunijiet li għalihom il-Bord tal-Appell ċaħad il-kritika tar-rikorrenti li l-metodu PFC iwassal għall-identifikazzjoni ta’ fluss ċirkolari li fir-realtà ma teżistix.

213

Fil-fatt, il-punti preċedenti huma limitati għal sempliċi affermazzjonijiet, b’ebda mod motivati u għal riferimenti għal konklużjonijiet, misluta qabel, li, huma stess, ma kinux ibbażati fuq raġunament reali.

214

B’hekk, għal dak li jikkonċerna r-risposta għall-ilmenti tar-rikorrenti, il-punt 456 (paġna 69) tad-Deċiżjoni kkontestata jillimita ruħu li jikkonstata li “minn dak li ġie spjegat fil-kuntest tal-parti 3.3 jirriżulta li l-metodu PFC jidentifika korrettament l-iskedi tal-flussi fiżiċi [u li dan] ma huwiex ibbażat fuq flussi fittizji”. Min-naħa l-oħra, il-punti l-oħra li jippreċedu l-konklużjoni misluta fil-punt 460 tad-Deċiżjoni kkontestata ma fihom ebda element li jwieġeb b’mod speċifiku għall-ilmenti tar-rikorrenti.

215

Ir-raba’ nett, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-punti l-oħra tal-motivazzjoni msemmija fid-Deċiżjoni kkontestata ma jimlewx il-lakuni li bihom huwa vvizzjat ir-raġunament żviluppat fil-punti 421 sa 461 tad-Deċiżjoni kkontestata. Dan japplika, b’mod partikolari, għall-punti 513 sa 551 (paġni 76 sa 81) tad-Deċiżjoni kkontestata, dwar l-użu taċ-ċwievet tal-produzzjoni, li ma jindirizzawx, b’mod dirett, l-ilmenti tar-rikorrenti li jgħidu li l-metodu PFC, bi ksur tal-“liġijiet naturali”, iwassal għall-identifikazzjoni ta’ flussi ċirkolari li fir-realtà ma jeżistux. Barra minn hekk, l-ACER, matul din il-proċedura, u b’mod partikolari, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, lanqas ma ppreċiżat liema elementi tad-Deċiżjoni kkontestata jippermettu li jimtlew il-lakuni relatati mal-motivazzjoni ta’ din tal-aħħar.

216

Il-ħames nett, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 181 sa 183 iktar ’il fuq, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att huwa aġġustat skont il-kuntest u d-destinatarju.

217

Huwa minnu li s-suġġett tal-ilmenti tar-rikorrenti huwa kumpless u tekniku ħafna. Barra minn hekk, ir-rikorrenti għandhom, kif jaffermaw huma stess, għarfien espert għoli f’dan il-qasam.

218

Madankollu, f’dan il-każ, jirriżulta li r-rikorrenti ressqu matul il-proċedura kollha li wasslet għad-Deċiżjoni kkontestata, l-istess argumenti li ġew miċħuda, l-ewwel nett, mid-Deċiżjoni Nru 30/2020 u, sussegwentement, mid-Deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, huwa minħabba n-nuqqas ta’ motivazzjoni li tippermetti lir-rikorrenti jifhmu r-raġunijiet li għalihom l-ilmenti tagħhom ġew miċħuda mill-Bord tal-Appell, li huma tennew, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-istess kritika tal-metodu PFC bħal dik li huma kienu żviluppaw quddiem dan il-kumitat.

219

B’hekk jirriżulta li, anki jekk tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tas-suġġett indirizzat fid-Deċiżjoni kkontestata u tal-perizja tar-rikorrenti, il-motivazzjoni pprovduta ma tissodisfax ir-rekwiżiti mfakkra fil-punti 181 sa 183 iktar ’il fuq.

220

Is-sitt nett, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 182 iktar ’il fuq, l-awtur tal-att ma huwiex obbligat jieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemu mill-partijiet ikkonċernati, sa fejn huwa jista’ jillimita ruħu li jesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura ta’ dan l-att.

221

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li kif ġie kkonstatat fil-punti 166 u 167 iktar ’il fuq, id-dekompożizzjoni tal-flussi tikkostitwixxi stadju neċessarju u importanti fil-kuntest tal-kondiviżjoni tal-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi, sa fejn din tipprovdi d-data tad-dħul għall-kondiviżjoni ulterjuri tal-ispejjeż. Barra minn hekk, il-kritika tar-rikorrenti tirrigwarda l-kunċett stess tal-metodu PFC. Din il-kritika hija l-qofol tal-argumenti tar-rikorrenti kontra l-metodu ta’ dekompożizzjoni tal-flussi, adottat fid-Deċiżjoni Nru 30/2020, u twassal, jekk tkun fondata, għall-konklużjoni li tgħid li d-Deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, sa fejn hija kkonfermat id-Deċiżjoni Nru 30/2020 f’dan ir-rigward.

222

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrenti kienu jikkonċernaw elementi essenzjali tad-Deċiżjoni kkontestata, bil-konsegwenza li l-Bord tal-Appell kellu jirrispondi għalihom sabiex jissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu, konformement mar-rekwiżiti mfakkra fil-punti 181 sa 183 iktar ’il fuq.

223

Minn dan isegwi li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-metodu PFC użat għad-dekompożizzjoni tal-flussi, hija inkompleta u insuffiċjenti u li għalhekk ma tippermettix lir-rikorrenti jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni u lanqas lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fuqha.

224

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni kkontestata tikser il-forom proċedurali sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, b’tali mod li d-Deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn, fiha, il-Bord tal-Appell ikkonferma, mingħajr motivazzjoni suffiċjenti, il-metodu ta’ dekompożizzjoni tal-flussi adottat mill-ACER fid-Deċiżjoni Nru 30/2020.

Fuq it‑tieni parti, dwar it‑trattament tal‑elementi tan‑network li jittrasportaw il‑kurrent dirett

225

Peress li d-Deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn, f’din id-deċiżjoni, il-Bord tal-Appell ikkonferma, mingħajr motivazzjoni suffiċjenti, il-metodu ta’ dekompożizzjoni tal-flussi użat mill-ACER fid-Deċiżjoni Nru 30/2020 (ara l-punt 224 iktar ’il fuq), u sa fejn, it-trattament tal-elementi tan-network tal-elettriku li jittrasportaw il-kurrent dirett huwa marbut ma’ dan l-istess metodu ta’ dekompożizzjoni tal-flussi, ma hemmx lok, għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li tiġi eżaminata wkoll it-tieni parti tat-tieni motiv.

Fuq it‑tielet motiv, dwar id‑determinazzjoni tal‑livell ta’ tolleranza

226

Permezz tat-tielet motiv tagħhom, ir-rikorrenti, sostnuti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, isostnu li d-determinazzjoni ta’ livell ta’ tolleranza komuni, iffissat għal 10 %, għall-flussi ċirkolari, kif ikkonfermata mid-Deċiżjoni kkontestata, hija illegali.

227

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jinvokaw il-fatt li l-ACER ma rrikonoxxietx li l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” japplika biss għall-flussi ċirkolari ogħla mil-livell ta’ tolleranza, b’tali mod li tali prinċipju ma setax jiġġustifika livell għoli ta’ tolleranza.

228

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-livell ta’ tolleranza għall-flussi ċirkolari ma huwiex ir-riżultat ta’ “analiżi teknika solida”.

229

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-ACER ma kinitx awtorizzata tistabbilixxi l-livell “proprju” tagħha ta’ tolleranza temporanja għall-flussi ċirkolari.

230

Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-ACER, billi ffissat għal 10 % il-livell ta’ tolleranza għall-flussi ċirkolari, kisret l-Artikolu 16(8) tar-Regolament 2019/943.

231

Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-ACER applikat b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

232

Fis-sitt lok, ir-rikorrenti jargumentaw li l-livell ta’ tolleranza ma ġiex stabbilit fil-fruntiera taż-żona tal-offerti, kif jeżiġi l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943.

233

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni l-argumenti tar-rikorrenti.

234

L-ACER tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti, kif sostnuti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

235

Huwa paċifiku li, anki fin-nuqqas ta’ konġestjoni strutturali, il-flussi ċirkolari huma inevitabbli f’network tal-elettriku interkonness li huwa minsuġ ferm u li jaħdem skont mudell żonali.

236

Għal din ir-raġuni, id-determinazzjoni ta’ livell ta’ tolleranza għall-flussi ċirkolari għandha l-għan li teskludi tali flussi mill-kondiviżjoni tal-ispejjeż sostnuti minħabba ridispaċċ u tpartit.

237

Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza, l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 jipprovdi kif ġej:

“Meta jallokaw il-kostijiet ta’ azzjonijiet ta’ rimedju bejn [il-GRT], l-[ARN] jallokaw il-kostijiet […] għajr għall-kostijiet indotti mill-flussi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet interni taż-żoni tal-offerti li jinsabu taħt il-livell li jista’ jkun mistenni mingħajr konġestjoni strutturali f’żona tal-offerti.

Dak il-livell għandu jkun analizzat u definit b’mod konġunt mill-[ĠRT] ta’ reġjun f’kapaċità kalkolata [ta’ skambju] għal kull konfini taż-żona tal-offerti u, għandu jkun suġġett għall-approvazjoni tal-[ARN] kollha tar-reġjun bil-kapaċità kalkolata.”

238

L-ewwel nett, mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 jirriżulta li l-livell ta’ tolleranza jippreżupponi li l-livell tal-fluss ċirkolari mistenni minħajr konġestjoni strutturali jiġi simulat.

239

Il-“konġestjoni strutturali” hija ddefinita, fil-punt 6 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943, bħala “konġestjoni fis-sistema ta’ trażmissjoni li hi kapaċi li tiġi definita mingħajr ambigwità, hija prevedibbli, ġeografikament stabbli tul iż-żmien u li terġa’ sseħħ ta’ spiss skont kundizzjonijiet normali tas-sistema tal-elettriku”.

240

It-tieni nett, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 jirriżulta li d-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza għandha tiġi ppreċeduta minn analiżi u li din l-analiżi għandha titwettaq mill-ĠRT.

241

It-tielet nett, minn din l-istess dispożizzjoni jirriżulta li l-livell ta’ tolleranza għandu jiġi analizzat u ddeterminat “għal kull konfini taż-żona tal-offerti”.

242

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-ĠRT ma wettqux l-analiżi meħtieġa.

243

Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-ACER lanqas ma wettqet din l-analiżi.

244

F’dan ir-rigward, mill-punt 112 tad-Deċiżjoni Nru 30/2020 jirriżulta li, fl-assenza ta’ livell ta’ tolleranza analizzat u ddefinit mill-ĠRT u approvat mill-ARN konformement mal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, l-ACER eżaminat jekk kinitx f’pożizzjoni li twettaq hija stess din l-analiżi u kkonkludiet li dan ma kienx il-każ, minħabba restrizzjonijiet ta’ riżorsi, taż-żmien disponibbli u tal-perizja neċessarja.

245

Barra minn hekk, mill-premessa 8 tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata u mill-punti 110 sa 114 tad-Deċiżjoni Nru 30/2020 jirriżulta li l-ACER, f’tali sitwazzjoni, qieset li kienet awtorizzata tiffissa hija stess, b’mod provviżorju, livell ta’ tolleranza.

246

Barra minn hekk, mill-punti 115 sa 122 tad-Deċiżjoni Nru 30/2020 jirriżulta li l-ACER iffissat il-livell ta’ tolleranza provviżorja għar-reġjun CORE kollu b’mod uniformi għal 10 % tal-kapaċità massima ta’ kull element tan-network ikkonċernat, u sussegwentement ikkondivi dan il-livell b’mod ugwali bejn iż-żoni kollha ta’ sottomissjoni tal-offerti li jipproduċu flussi ta’ linja fuq l-element tan-network ikkonċernat.

247

Fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ċaħad, bħala infondata, il-kritika dwar din id-determinazzjoni, mill-ACER, ta’ livell ta’ tolleranza provviżorja għar-raġunijiet esposti fil-punti 909 sa 1077 (paġni 137 sa 164), 1210 sa 1221 (paġni 187 sa 189) u 1192 sa 1226 (paġni 212 sa 218) tad-Deċiżjoni kkontestata.

248

F’dan ir-rigward, mill-punti 924 sa 946 (paġni 140 sa 144), 1217 sa 1221 (paġni 187 sa 189) u 1199 sa 1226 (paġni 213 sa 218) tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta, b’mod partikolari, li l-ACER qieset li kellha tiffissa hija stess il-livell ta’ tolleranza, peress li l-iffissar ta’ tali livell kien, fis-sens tagħha, indispensabbli sabiex tkun tista’ tiġi adottata l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż.

249

Barra minn hekk, minn dawn l-istess punti tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza mill-ACER hija bbażata fuq “analiżi rigoruża”.

250

Minn dawn il-partijiet tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li l-Bord tal-Appell qies li l-ACER kienet awtorizzata, jew saħansitra obbligata, tiffissa hija stess livell ta’ tolleranza provviżorju mingħajr ma jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-analiżi stabbilita fl-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, sabiex tevita sitwazzjoni ta’ impass.

251

F’dan ir-rigward, in-natura provviżorja tal-livell ta’ tolleranza hekk stabbilit mill-ACER hija enfasizzata fid-Deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, mill-punt 943 (paġna 143) tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li l-ĠRT għadhom jistgħu, fi kwalunkwe mument, iwettqu l-analiżi meħtieġa u li l-ARN jistgħu jissostitwixxu, fi kwalunkwe mument, il-livell ta’ tolleranza provviżorja stabbilit fil-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestat b’livell ta’ tolleranza definittiv.

252

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell setax, mingħajr ma jwettaq żball ta’ liġi, iqis, fid-Deċiżjoni kkontestata, li d-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza mwettqa mill-ACER fil-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestati kienet konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. Jekk dan ma huwiex il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk, kif irrileva l-Bord tal-Appell, l-ACER, fis-sitwazzjoni partikolari tal-każ inkwistjoni, setgħetx madankollu tibbaża ruħha fuq kompetenza impliċita, li tippermettilha tiddetermina livell ta’ tolleranza b’mod differenti minn dak stabbilit minn din id-dispożizzjoni.

Fuq l‑osservanza tar‑rekwiżiti li jirriżultaw mill‑Artikolu 16(13) tar‑Regolament 2019/943

253

Konformement mal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, il-livell ta’ tolleranza għandu jiġi analizzat u ddefinit “għal kull konfini taż-żona tal-offerti” u għandu jikkorrispondi għall-“livell li jista’ jkun mistenni mingħajr konġestjoni strutturali f’żona tal-offerti”.

254

Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk il-metodu sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ tolleranza segwit mill-ACER fil-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, ikkonfermat mid-Deċiżjoni kkontestata, josservax ir-rekwiżit li dan il-livell għandu jiġi analizzat u ddefinit “għal kull konfini taż-żona tal-offerti”.

255

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 7(3) u (4) tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata jirriżulta li l-livell ta’ tolleranza huwa ddeterminat f’żewġ stadji.

256

Waqt l-ewwel stadju, għandu jiġi applikat livell ta’ tolleranza komuni għar-reġjun tal-CORE kollu għal kull element tan-network b’rilevanza transkonfinali. Dan il-livell komuni ta’ tolleranza għandu jkun ta’ 10 % tal-kapaċità massima tal-element tan-network ikkonċernat.

257

Waqt it-tieni stadju, il-livell ta’ tolleranza komuni huwa maqsum b’mod ugwali, għal kull element tan-network ikkonċernat, min-numru ta’ żoni tal-offerti tar-reġjun CORE li minnhom joriġinaw flussi ċirkolari li jgħaddu minn dan l-element tan-network. Fil-każ fejn żona tal-offerti ma tużax kompletament il-parti tal-livell ta’ tolleranza attribwita lilha, il-parti mhux użata mbagħad tinqasam b’mod ugwali bejn il-kumplament taż-żoni tal-offerti.

258

Minn dan jirriżulta li l-livell ta’ tolleranza ta’ kull element tan-network li huwa ta’ rilevanza transkonfinali jikkorrispondi għal 10 % tal-kapaċità massima tiegħu, diviż b’mod ugwali bin-numru ta’ żoni ta’ offerti tar-reġjun CORE li minnhom joriġinaw flussi ċirkolari li jgħaddu minn dan l-element tan-network.

259

Huwa minnu, kif issostni l-ACER, li tali kondiviżjoni twassal għal livell ta’ tolleranza individwali għal kull żona tal-offerti u, għaldaqstant, li din id-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza timplika ċerta “individwalizzazzjoni” ta’ dan tal-aħħar, sa fejn dan il-livell huwa ddeterminat skont il-kapaċità massima individwali ta’ kull element tan-network rilevanti u skont in-numru ta’ żoni ta’ sottomissjoni tal-offerti li minnhom joriġinaw flussi ċirkolari li jgħaddu minn dawn l-elementi tan-network.

260

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din l-“individwalizzazzjoni” msemmija fil-punt 259 iktar ’il fuq ma hijiex dik preskritta, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, mill-kliem “għal kull konfini taż-żona tal-offerti”.

261

Fil-fatt, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-livell tal-fluss ċirkolari jinbidel skont il-karatteristiċi taż-żoni tal-offerti, bħad-daqs, il-grad ta’ nisġa, il-proporzjon tal-injezzjoni ta’ elettriku minn enerġiji rinnovabbli u n-numru ta’ fruntieri taż-żona tas-sottomissjoni tal-offerti kkonċernata. Għalhekk, il-livell tal-fluss ċirkolari jista’ jvarja minn żona ta’ depożitu għal oħra, fuq “konfini” fis-sens tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, jew saħansitra fuq l-elementi li għandhom effett fuq il-konġestjonijiet bejn żewġ żoni. Huwa għalhekk li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 jeżiġi li l-livell ta’ tolleranza jiġi ddeterminat skont il-karatteristiċi taż-żoni tal-offerti inkwistjoni u tad-diversi fruntieri bejniethom.

262

Madankollu, id-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza mwettqa mill-ACER hija bbażata, fl-ewwel stadju, fuq livell ta’ tolleranza uniku għaż-żoni kollha tal-offerti fir-reġjun CORE, bil-konsegwenza li bl-ebda mod ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn iż-żoni u tal-fruntieri bejniethom.

263

Barra minn hekk, l-“individwalizzazzjoni” mwettqa waqt it-tieni stadju lanqas ma tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi taż-żoni differenti tal-offerti, iżda tiddependi biss min-numru ta’ żoni tal-offerti li minnhom joriġinaw flussi ċirkolari li jgħaddu mill-elementi tan-network rilevanti. L-istess raġunament japplika fil-każ ta’ kondiviżjoni sussegwenti, bejn iż-żoni l-oħra tas-sejħiet għal offerti, tal-parti tal-livell ta’ tolleranza mhux użata minn żona tal-offerti.

264

Minn dan isegwi li l-livell ta’ tolleranza stabbilit mill-ACER ma josservax ir-rekwiżit previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, li skontu l-livell ta’ tolleranza għandu jiġi ddefinit “għal kull konfini taż-żona tal-offerti”.

265

Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rekwiżit li l-livell ta’ tolleranza għandu jikkorrispondi għal-“livell mistenni mingħajr konġestjoni strutturali”, huwa paċifiku li l-analiżi normalment meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ fluss ċirkolari mistenni mingħajr konġestjoni strutturali, stabbilit mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, ma saritx f’dan il-każ.

266

Fl-assenza ta’ tali analiżi, il-livell ta’ tolleranza stabbilit mill-ACER ma jistax ikun konformi mar-rekwiżit li dan il-livell għandu jikkorrispondi mal-livell ta’ fluss ċirkolari mistenni fl-assenza ta’ konġestjoni strutturali.

267

F’dan ir-rigward, mill-punti 958 (paġna 145) u 1221 (paġna 189) tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ACER qieset li l-livell ta’ tolleranza li hija stabbilixxiet kien jikkorrispondi għal sitwazzjoni mingħajr konġestjoni strutturali.

268

Fil-fatt, mill-punt 115 tad-Deċiżjoni Nru 30/2020 u mill-punt 223 tar-risposta jirriżulta li l-ACER investigat fi ħdan il-ĠRT il-livell ta’ fluss ċirkolari mistenni fl-assenza ta’ konġestjoni strutturali. Filwaqt li xi ĠRT irrapportaw valuri li jvarjaw bejn 3 %, 5 % u 10 %, oħrajn ma weġbux jew indikaw limiti ogħla minn 10 %. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u jekk jitqies li r-risposti tal-ĠRT kienu ġew influwenzati mill-interessi tagħhom stess, l-ACER stabbilixxiet il-livell ta’ tolleranza għal 10 % tal-kapaċità massima tal-element tan-network ikkonċernat bħala “medja” tal-opinjonijiet ipprovduti, kif jirriżulta wkoll mill-punt 115 tad-Deċiżjoni Nru 30/2020.

269

Minn dan isegwi li l-iffissar għal 10 % tal-kapaċità massima tal-element tan-network ikkonċernat bħala livell ta’ tolleranza komuni għaż-żoni kollha tal-offerti tar-reġjun CORE u bħala l-ewwel stadju fid-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza għal kull element tan-network ikkonċernat ma huwa bbażat fuq ebda analiżi tal-livell ta’ tolleranza mingħajr konġestjoni strutturali, kif previst mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, iżda huwa r-riżultat ta’ kompromess meta mqabbel mal-opinjonijiet diverġenti pprovduti mill-ĠRT ikkonċernati.

270

Fil-fatt, kif tirrikonoxxi l-ACER fil-punt 930 (paġna 141) tad-Deċiżjoni kkontestata, l-analiżi meħtieġa mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 tippreżupponi, b’mod partikolari, analiżi tal-investimenti fin-network u tar-rikonfigurazzjoni possibbli taż-żoni tal-offerti sabiex jiġu eliminati l-konġestjonijiet strutturali. L-ACER tirrikonoxxi li ma wettqitx tali analiżi.

271

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-ACER li d-determinazzjoni tagħha tal-livell ta’ tolleranza hija bbażata fuq “analiżi rigoruża” huwa ineffettiv, peress li, fi kwalunkwe każ, din l-analiżi ma kinitx dik preskritta mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943.

272

Minn dan isegwi li l-livell ta’ tolleranza stabbilit mill-ACER ma josservax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, li skonthom il-livell ta’ tolleranza għandu jikkorrispondi għal-“livell mistenni mingħajr konġestjoni strutturali” u għandu jiġi ddefinit “għal kull konfini taż-żona tal-offerti”.

Fuq il‑kundizzjonijiet sabiex tiġi rrikonoxxuta kompetenza impliċita

273

Mill-evalwazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza mwettqa mill-ACER fil-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata ma hijiex konformi mal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943.

274

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni dwar jekk, bħala prinċipju, l-ACER kinitx kompetenti sabiex tiddetermina hija stess livell ta’ tolleranza abbażi tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(10) tar-Regolament 2019/942, kif jirriżulta mill-punt 924 (paġna 140) tad-Deċiżjoni kkontestata, hija irrilevanti. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, tippermetti lill-ACER tistabbilixxi livell ta’ tolleranza mhux konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943.

275

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, minkejja l-fatt li d-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza mwettqa mill-ACER ma kinitx konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, l-ACER kellhiex, fis-sitwazzjoni speċifika li fiha hija kienet tinsab, kompetenza impliċita li tawtorizzaha tiddetermina livell ta’ tolleranza b’mod differenti minn dak stabbilit minn din id-dispożizzjoni.

276

Fil-fatt, l-ACER tiġġustifika l-kompetenza tagħha sabiex tiddetermina livell ta’ tolleranza bin-neċessità tal-azzjoni tagħha. Fl-assenza tal-analiżi tal-livell ta’ tolleranza mistenni mingħajr konġestjoni strutturali li għandha ssir mill-ĠRT, l-ACER kienet awtorizzata, sabiex tevita sitwazzjoni ta’ impass, tiffissa hija stess, b’mod provviżorju, livell ta’ tolleranza fil-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestati.

277

Fl-ewwel lok, bħala prinċipju ma jistax jiġi aċċettat, fid-dawl tal-prinċipju ta’ legalità, li aġenzija tal-Unjoni, bħall-ACER, tista’ tidderoga mill-kuntest ġuridiku applikabbli. Minn dan isegwi li l-ACER ma setgħetx, fil-prinċipju, tidderoga mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943.

278

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 6(12)(b) tar-Regolament 2019/942, l-ACER tista’ “tieħu tipprovdi deċiżjoni interim sabiex tiżgura li […] is-sigurtà operattiva għall-infrastruttura inkwistjoni tiġi protetta”. Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-ACER ma bbażatx ruħha fuq din id-dispożizzjoni sabiex tistabbilixxi l-livell ta’ tolleranza. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, l-adozzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ma tistax titqies li hija neċessarja sabiex “tiżgura li s-sigurtà tal-provvista jew is-sigurtà operattiva għall-infrastruttura inkwistjoni tiġi protetta”, fis-sens tal-Artikolu 6(12)(b) tar-Regolament 2019/942. Fil-fatt, din il-metodoloġija għandha bħala għan il-kondiviżjoni tal-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi u ma hijiex intiża li tiddetermina l-azzjonijiet korrettivi li għandhom jiġi implimentati sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista jew is-sigurtà tal-operat.

279

Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, tal-possibbiltà li jiġu adottati, f’ċirkustanzi ddefiniti b’mod ċar, deċiżjonijiet provviżorji, timmilita kontra r-rikonoxximent, favur l-ACER, ta’ kompetenza impliċita sabiex tiffissa, anki b’mod provviżorju, il-livell ta’ tolleranza fil-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż b’mod differenti minn dak stabbilit fl-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943.

280

Fit-tielet lok, konformement mal-ġurisprudenza, is-sempliċi invokazzjoni tal-interess marbut mal-effikaċja ma hijiex biżżejjed sabiex toħloq kompetenza favur aġenzija tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2019, E-Control vs ACER, T‑332/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:761, punt 69). Is-sempliċi invokazzjoni tal-interess marbut mal-effikaċja ma tistax, għaldaqstant, tkun suffiċjenti sabiex tippermetti lil aġenzija tal-Unjoni tidderoga mill-qafas ġuridiku applikabbli.

281

Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li l-interess marbut mal-effikaċja, sakemm dan jikkorrispondi għal ħtieġa reali sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati jew tar-regolament ikkonċernat, jista’ jiġġustifika l-eżistenza ta’ setgħa impliċita deċiżjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2019, E-Control vs ACER, T‑332/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:761, punt 69).

282

Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet sabiex tiġi rrikonoxxuta kompetenza impliċita favur l-ACER, skont din il-ġurisprudenza, kinux issodisfatti.

Fuq ir‑rikonoxximent ta’ kompetenza impliċita favur l‑ACER

283

Konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 281 iktar ’il fuq, sabiex jiġi vverifikat jekk l-ACER setgħetx tirrikorri għall-kompetenza impliċita, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikonoxximent ta’ tali kompetenza favur din kinitx tikkorrispondi għal bżonn reali sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

284

F’dan ir-rigward, mill-punti 924 sa 946 (paġni 140 sa 144) u 1206 sa 1220 (paġni 214 sa 216) tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ACER allegat li n-neċessità li tiġi adottata metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż fit-terminu stabbilit kienet ġegħlitha tiffissa hija stess il-livell ta’ tolleranza, u dan, minkejja l-assenza tal-analiżi normalment meħtieġa.

285

L-ewwel nett, fir-rigward tal-ħtieġa invokata fir-rigward tal-iskeda, għandu jiġi kkonstatat li huwa minnu li l-ACER kienet, bħala prinċipju, obbligata tadotta metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż fit-terminu previst mill-Artikolu 6(12)(a) tar-Regolament 2019/942 u mill-Artikolu 9(11) tar-Regolament 2015/1222, jiġifieri terminu ta’ sitt xhur mis‑27 ta’ Marzu 2020.

286

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li d-dritt tal-Unjoni ma jorbot ebda sanzjoni mal-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 6(12)(a) tar-Regolament 2019/942 u fl-Artikolu 9(11) tar-Regolament 2015/1222. Għaldaqstant, dan ma huwiex terminu mandatorju, iżda terminu indikattiv.

287

Konformement mal-ġurisprudenza, fil-preżenza ta’ tali terminu indikattiv, anki jekk l-organu tal-Unjoni li japplika għalih dan it-terminu għandu jipprova josservah, jista’ jkun neċessarju għalih, b’mod partikolari minħabba l-kumplessità tal-kompitu u bla ħsara għall-preġudizzju tal-interessi ta’ Stat Membru, li jkollu iktar żmien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2013, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑54/11, EU:T:2013:10, punt 27).

288

Konsegwentement, il-punt tat-tluq tar-raġunament tal-ACER huwa żbaljat, peress li ma kienx imperattiv għaliha li tadotta metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż fit-terminu stabbilit, jiġifieri qabel it‑28 ta’ Settembru 2020.

289

Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-analiżi “tal-livell mistenni mingħajr konġestjoni strutturali” hija kumplessa u teħtieġ żmien kunsiderevoli.

290

Għalhekk, bħala prinċipju, kien possibbli għall-ACER li tagħti lill-ĠRT biżżejjed żmien sabiex iwettqu l-analiżi meħtieġa mingħajr ma jiġu kkritikati li kisru t-terminu previst fl-Artikolu 6(12)(a) tar-Regolament 2019/942 u fl-Artikolu 9(11) tar-Regolament 2015/1222.

291

Dan huwa iktar u iktar minnu peress li l-obbligu li jiġi ddeterminat livell ta’ tolleranza billi ssir l-analiżi prevista mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 daħal fis-seħħ biss fl‑1 ta’ Jannar 2020.

292

Fil-mument meta l-ĠRT tar-reġjun CORE ssottomettew lill-ARN kollha tal-imsemmi reġjun, għall-approvazzjoni, il-proposta tagħhom ta’ metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż, jiġifieri fis‑27 ta’ Marzu 2019, ir-Regolament 2019/943 kien għadu ma ġiex adottat.

293

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li la d-Deċiżjoni Nru 30/2020 u lanqas id-Deċiżjoni kkontestata ma jesploraw l-konsegwenzi possibbli, fir-rigward tal-aġenda għall-adozzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż, tal-fatt li l-obbligu li jiġi ddeterminat livell ta’ tolleranza u, għaldaqstant, li ssir l-analiżi korrispondenti daħal fis-seħħ biss fl‑1 ta’ Jannar 2020.

294

Għaldaqstant, il-premessa tal-Bord tal-Appell fid-Deċiżjoni kkontestata, li skontha kien neċessarju, għall-ACER, li tadotta mingħajr ma tkun tista’ tistenna l-analiżi preskritta mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, il-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, minħabba t-terminu mogħti lilha sabiex tagħmel dan, tirriżulta minn qari tal-qafas regolatorju li la jieħu inkunsiderazzjoni n-natura indikattiva tat-terminu li għandu jiġi osservat mill-ACER u lanqas l-emenda tal-kuntest ġuridiku fis-seħħ.

295

Għaldaqstant, is-sempliċi invokazzjoni ta’ terminu indikattiv għall-adozzjoni mill-ACER tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ma tistax tkun biżżejjed sabiex jintwera bżonn reali li jiġi żgurat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

296

It-tieni nett, l-ACER iġġustifikat in-neċessità tal-azzjoni tagħha permezz tan-nuqqas ta’ azzjoni tal-ĠRT. Fil-fatt, mill-punt 955 (paġna 145) tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ACER sostniet li l-ĠRT ma kinux f’pożizzjoni, “għal perijodu ta’ kważi tliet snin”, li jwettqu l-analiżi meħtieġa mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943.

297

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu li jiġi ddeterminat il-livell ta’ tolleranza billi ssir l-analiżi stabbilita mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 daħal fis-seħħ biss fl‑1 ta’ Jannar 2020.

298

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-ACER fil-punt 926 (paġna 140) tad-Deċiżjoni kkontestata, il-ĠRT ma qisux obbligatorju, fid-dokument ta’ spjegazzjoni tat‑22 ta’ Frar 2019 li jakkumpanja l-proposta għall-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż tas‑27 ta’ Marzu 2019, li jiġi ddeterminat livell ta’ tolleranza, iżda pjuttost ipperċepixxew dan bħala għażla li tħalliet f’idejhom.

299

Anki jekk jiġi aċċettat li n-neċessità li jiġi stabbilit livell ta’ tolleranza ġiet irrikonoxxuta mill-ĠRT qabel l-adozzjoni tar-Regolament 2019/943, xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 jippreċiża l-mod kif il-livell ta’ tolleranza kellu jiġi ddeterminat, jiġifieri abbażi ta’ analiżi tal-“livell [tal-fluss ċirkolari] mistenni mingħajr konġestjoni strutturali” u “għal kull konfini taż-żona tal-offerti”.

300

L-ACER ma ssostnix li kien stabbilit, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2019/943, li l-livell ta’ tolleranza kellu jiġi ddeterminat b’dan il-mod.

301

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ACER ma setgħetx leġittimament tikkritika lill-ĠRT li ma kinux f’pożizzjoni, “għal perijodu ta’ kważi tliet snin”, li jwettqu l-analiżi meħtieġa mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943.

302

Din il-konklużjoni lanqas ma hija kkontestata mid-dokumenti prodotti mill-ACER waqt is-seduta, sabiex jintwera li l-ĠRT u l-ARN tar-reġjun CORE kienu għadhom jiddiskutu l-mod kif kellha ssir l-analiżi meħtieġa mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943.

303

Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn id-dokumenti humiex ammissibbli, għandu jiġi kkonstatat li n-negozjati pendenti, invokati mill-ACER, huma irrilevanti f’dan il-każ.

304

Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-legalità ta’ deċiżjoni għandha tiġi evalwata biss fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tagħha (ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2022, Roos et vs Il‑Parlament, T‑710/21, T‑722/21 u T‑723/21, EU:T:2022:262, punt 211 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, il-provi invokati mill-ACER, li seħħew wara d-Deċiżjoni kkontestata, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

305

It-tielet nett, l-ACER iġġustifikat in-neċessità tal-azzjoni tagħha bin-nuqqas ta’ osservanza mill-ĠRT tat-terminu li hija kienet iffissat għalihom. F’dan ir-rigward, hija tindika li imponiet fuq il-ĠRT terminu ta’ erba’ xhur, mit‑18 ta’ April sal‑20 ta’ Awwissu 2020, sabiex twettaq l-analiżi stabbilita mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 u żżid li dawn ma osservawx dan it-terminu.

306

Kif jirriżulta mill-punti 930 (paġna 141), 954 (paġna 145) u 1131 (paġna 202) tad-Deċiżjoni kkontestata, l-ACER stess kienet tqis li l-analiżi preskritta mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 kienet kumplessa u kienet teħtieġ żmien kunsiderevoli.

307

Barra minn hekk, l-ACER ma stabbilixxietx li, matul it-terminu ta’ erba’ xhur li hija kienet tat lill-ĠRT, hija ffaċilitat, b’mod jew ieħor, ix-xogħol ta’ dawn tal-aħħar bit-twettiq tal-analiżi meħtieġa mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943.

308

Konformement mal-Artikolu 6(11) tar-Regolament 2019/942, li jirrifletti l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, l-ACER hija obbligata tikkonsulta l-ARN u l-ĠRT meta hija tipprepara deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 6(10) tal-imsemmi regolament.

309

Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rieda ċara tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jrendi iktar effikaċi u iktar mgħaġġel it-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet transkonfinali diffiċli iżda indispensabbli, (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, BNetzA vs ACER, T‑631/19, EU:T:2022:509, punt 46), l-ACER kienet intiża li tiffaċilita l-iżvilupp, mill-ĠRT u mill-ARN, tal-analiżi meħtieġa mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943.

310

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ACER ma tistax leġittimament tikkritika lill-ĠRT li ma kinux f’pożizzjoni li jwettqu l-analiżi meħtieġa mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 fit-terminu stabbilit, jiġifieri erba’ xhur.

311

Ir-raba’ nett, l-ACER reġgħet iġġustifikat il-ħtieġa li tiġi adottata l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata mingħajr ma setgħet tistenna l-analiżi meħtieġa mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 permezz ta’ żewġ kunsiderazzjonijiet oħra.

312

Minn naħa, waqt is-seduta, l-ACER sostniet li kien neċessarju li l-ĠRT jingħataw iktar żmien, wara l-adozzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, sabiex huma jkunu jistgħu jieħdu l-mezzi neċessarji sabiex tiġi implimentata.

313

Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 13(2) tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, moqri flimkien mal-Artikolu 37(2) tal-metodoloġija RDCT, l-ewwel stadju tal-implimentazzjoni tal-ewwel waħda minn dawn il-metodoloġiji kien previst għall‑4 ta’ Ġunju 2023, filwaqt li l-applikazzjoni kompleta tagħha kienet prevista għall‑4 ta’ Ġunju 2025.

314

Għalhekk, peress li l-ewwel implimentazzjoni parzjali tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata kellha sseħħ biss sentejn u nofs wara l-adozzjoni tagħha u l-implimentazzjoni kompleta tagħha, erba’ snin u nofs wara l-imsemmija adozzjoni, is-sempliċi invokazzjoni tal-ħtieġa għall-ĠRT li jadottaw il-mezzi neċessarji għall-implimentazzjoni tajba ta’ din il-metodoloġija ma hijiex biżżejjed sabiex turi, fid-dawl tal-perijodu twil ħafna għall-implimentazzjoni tagħha, bżonn reali li jadottaw din il-metodoloġija mingħajr ma wieħed ikun jista’ jistenna l-analiżi meħtieġa mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943.

315

Min-naħa l-oħra, mill-punt 946 (paġna 144) tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ACER tqis li l-implimentazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata kellha ssir simultanjament ma’ dik tal-metodoloġija RDCT u dik tal-metodoloġija ROSC.

316

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, bl-ebda mod ma hija kwistjoni li jiġi deċiż dwar jekk l-ACER kinitx awtorizzata tipprevedi l-istess dati għall-implimentazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, tal-metodoloġija RDCT u tal-metodoloġija ROSC, iżda pjuttost li jiġi ddeterminat jekk l-ACER setgħetx tadotta l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata mingħajr ma tkun tista’ tistenna l-analiżi meħtieġa mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943.

317

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ibbażat fuq l-allegata neċessità li jiġu implimentati simultanjament il-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, il-metodoloġija RDCT u l-metodoloġija ROSC huwa irrilevanti fir-rigward tal-kwistjoni dwar f’liema mument għandha tiġi adottata l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż.

318

Għaldaqstant, l-ACER lanqas ma setgħet tiġġustifika n-neċessità tal-azzjoni tagħha permezz ta’ kunsiderazzjonijiet relatati max-xewqa li jingħata biżżejjed żmien lill-ĠRT sabiex ikunu jistgħu jadottaw il-mezzi għall-implimentazzjoni korretta tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata simultanjament ma’ żewġ metodoloġiji oħra.

319

Minn dan isegwi li l-ACER ma stabbilixxietx li kien neċessarju li tiġi adottata l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata mingħajr ma setgħet tistenna l-analiżi meħtieġa mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943.

320

Konsegwentement, l-ACER ma wrietx li kien jeżisti bżonn reali li jiġi żgurat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni li jiġġustifika r-rikonoxximent ta’ kompetenza impliċita favur tagħha.

321

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li d-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza mwettqa mill-ACER ma tistax tiżgura l-effett utli tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

322

Huwa minnu li din id-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza ppermettiet lill-ACER tadotta l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata fit‑30 ta’ Novembru 2020, jiġifieri ftit wara t-terminu li kien ingħatalha sabiex twettaq dan, li kien jiskadi fis‑27 ta’ Settembru 2020. Madankollu, dan ma ppermettiex li jiġi żgurat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet sostantivi inkwistjoni.

323

Fil-fatt, il-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata għandha, konformement mal-Artikolu 74(6)(a) tar-Regolament 2015/1222, tinkludi inċentivi sabiex isir investiment effikaċi favur il-ġestjoni tal-konġestjonijiet. Barra minn hekk, skont il-premessa 34 tar-Regolament 2019/943, l-imsemmija ġestjoni għandha tippermetti li jiġu pprovduti sinjali ekonomiċi korretti lill-ĠRT u lill-parteċipanti tas-suq.

324

Kif ġie kkonstatat fil-punt 272 iktar ’il fuq, il-livell ta’ tolleranza ddeterminat mill-ACER, ikkonfermat mid-Deċiżjoni kkontestata, ma josservax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, li jipprovdu li l-livell ta’ tolleranza għandu jikkorrispondi għal-“livell mistenni mingħajr konġestjoni strutturali” u jiġi ddefinit “għal kull konfini taż-żona tal-offerti”.

325

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, minħabba din id-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza, ma tistax tipprovdi, permezz tal-kondiviżjoni tal-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi, “sinjali ekonomiċi korretti” għall-investimenti fin-networks.

326

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-ibbilanċjar tal-interess li jiġi osservat it-terminu stabbilit u dak li jiġi osservat l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, apparentement imwettaq mill-ACER, ma jiġġustifikax id-determinazzjoni ta’ livell ta’ tolleranza mhux konformi mal-leġiżlazzjoni rilevanti.

327

Fil-fatt, kif ġie enfasizzat fil-punt 286 iktar ’il fuq, it-terminu li kien impost fuq l-ACER sabiex tadotta metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż kien biss indikattiv, b’tali mod li, f’ibbilanċjar tal-interessi, ir-rieda li jiġi osservat dan it-terminu ma tistax tipprevali fuq l-osservanza tar-rekwiżiti tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943.

328

Dan ir-riżultat ma jistax jiġi kkontestat mill-argument tal-ACER li jgħid li hija ddeterminat il-livell ta’ tolleranza biss b’mod provviżorju. Fil-fatt, in-natura provviżorja tal-imsemmija determinazzjoni bl-ebda mod ma tippermetti li jittaffa l-ksur, imwettaq mill-ACER u l-Bord tal-Appell, tal-qafas regolamentari rilevanti.

329

Il-fatt li n-natura provviżorja tad-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza teżisti biss de jure, ma jippermettix li jitnaqqas in-nuqqas ta’ osservanza mill-ACER tal-qafas regolamentari rilevanti.

330

Għaldaqstant, l-ACER ma tistax tiġġustifika l-approċċ tagħha li tagħti preċedenza, fl-ibbilanċjar tal-interessi, lill-interess li jiġi osservat it-terminu mogħti fuq l-interess li jiġu osservati r-rekwiżiti tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 billi tinvoka n-natura provviżorja tal-indħil konsegwenti mal-qafas regolamentari, b’determinazzjoni ta’ livell ta’ tolleranza li ma huwiex konformi ma’ dan il-qafas. Konsegwentement, l-ACER ma setgħetx tibbaża ruħha, għad-determinazzjoni tagħha tal-livell ta’ tolleranza, fuq kompetenza impliċita.

331

Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li d-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza mill-ACER, fil-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, kif ikkonfermata mid-Deċiżjoni kkontestata, tikser l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, sa fejn dan il-livell la jikkorrispondi għall-kriterju li skontu l-livell ta’ tolleranza għandu jikkorrispondi għal-“livell mistenni mingħajr konġestjoni strutturali”, u lanqas għall-kriterju li l-livell ta’ tolleranza għandu jiġi ddefinit “għal kull konfini taż-żona tal-offerti”. Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ACER lanqas ma kienet awtorizzata tiddetermina b’mod differenti livell ta’ tolleranza, sabiex tosserva t-terminu mogħti lilha għall-adozzjoni tal-metodoloġija ghħall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata.

332

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet motiv għandu jintlaqa’, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra invokati mir-rikorrenti insostenn tiegħu.

333

Sa fejn mill-eżami tal-ewwel parti tat-tieni motiv jirriżulta li d-Deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE u sa fejn it-tielet motiv jikkonċerna element ċentrali tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, li huwa s-suġġett tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiddikjara biss annullament parzjali tad-Deċiżjoni kkontestata.

334

Konsegwentement, ir-rikors tar-rikorrenti għandu jintlaqa’ abbażi tal-ewwel parti tat-tieni motiv u tat-tielet motiv u għandha tiġi annullata d-Deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonferma d-Deċiżjoni Nru 30/2020 u tiċħad ir-rikors tar-rikorrenti fil-Każ A‑001–2021 (konsolidat).

Fuq l‑eventwali żamma tad‑Deċiżjoni kkontestata

335

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 264(2) TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk tqis li jkun meħtieġ, tindika dawk l-effetti tal-att annullat li għandhom jitqiesu bħala definittivi.

336

B’risposta għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura deċiżi mill-Qorti Ġenerali, il-partijiet esprimew ruħhom f’dan ir-rigward.

337

F’dan il-każ, l-ACER issostni li l-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata u, konsegwentement, tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata ser ikollha konsegwenzi serji. Il-ĠRT għandhom isostnu l-ispejjeż kollha tal-azzjonijiet korrettivi kollha attivati fuq l-elementi tan-network tagħhom, anki jekk dawn l-azzjonijiet kienu meħtieġa minħabba flussi ċirkolari minn żoni oħra tal-offerti. Din is-sitwazzjoni probabbilment ikollha l-effett li l-ĠRT ikunu mħeġġa jillimitaw il-kapaċità ta’ interkonnessjoni, li jirriżulta fi spejjeż ikbar tal-elettriku.

338

Fid-dawl ta’ motivi relatati maċ-ċertezza legali, l-effetti ta’ att annullat jistgħu jinżammu b’mod partikolari meta l-effetti immedjati tal-annullament tiegħu jwasslu għal konsegwenzi negattivi serji għall-persuni kkonċernati u meta l-legalità tal-att ikkontestat ma tkunx ikkontestata minħabba l-għan jew il-kontenut tiegħu, iżda minħabba raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tiegħu jew ta’ ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. Sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C-584/20 P u C-621/20 P, EU:C:2021:601, punt 175 u l-ġurisprudenza ċċitata).

339

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata huwa bbażat, b’mod partikolari, fuq ksur tad-dritt sostantiv, jiġifieri ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 u mhux biss fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali.

340

Min-naħa l-oħra, l-argument tal-ACER huwa bbażat fuq l-ipoteżi li l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata hija diġà applikabbli.

341

Mir-risposti tal-partijiet għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, li hija s-suġġett tad-Deċiżjoni kkontestata, ma hijiex ser tiġi implimentata bis-sħiħ qabel l‑4 ta’ Ġunju 2025 u li, minħabba dewmien, din l-implimentazzjoni tista’ tiġi posposta anki iktar.

342

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi limitat l-effett tal-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata.

Fuq l‑ispejjeż

343

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

344

Peress li l-ACER tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mir-rikorrenti.

345

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) tat‑28 ta’ Mejju 2021, mogħtija fil-kuntest tal-Każ A-001–2021 (konsolidat), hija annullata, sa fejn tikkonferma d-Deċiżjoni Nru 30/2020 tal-ACER, tat‑30 ta’ Novembru 2020, dwar il-proposta tal-ġestjonarji tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku tar-reġjun li jinkludi l-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Franza, il-Kroazja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja għall-kalkolu tal-kapaċità msejħa “CORE”, dwar il-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż tar-ridispaċċ u tat-tpartit, u tiċħad l-appell tar-rikorrenti fl-imsemmi każ.

 

2)

L-ACER għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha u dawk sostnuti minn TenneT TSO GmbH u TenneT TSO BV.

 

3)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Schalin

Škvařilová-Pelzl

Nõmm

Steinfatt

Kukovec

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑25 ta’ Settembru 2024.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.