12.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/57


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/361

tal-10 ta' Marzu 2016

li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE fir-rigward tal-entrata taċ-Ċina fil-lista ta' pajjiżi terzi u ta' partijiet fit-territorju tagħhom li minnhom hija awtorizzata l-importazzjoni fl-Unjoni ta' ekwidi ħajjin u ta' semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina

(notifikata bid-dokument C(2016) 1450)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta' Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta', u l-importazzjoni fil-Komunità ta' annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta' saħħa tal-annimali meħtieġa f'regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(3)(a) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2009/156/KE tat-30 ta' Novembru 2009 dwar kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta' ekwidi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(1) u (4), u l-frażi introduttorja u l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 19 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 92/65/KEE tistabbilixxi kundizzjonijiet applikabbli għall-importazzjonijiet fl-Unjoni, fost l-oħrajn, ta' semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina. Tal-inqas, dawk il-kundizzjonijiet iridu jkunu ekwivalenti għal dawk applikabbli għall-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(2)

Id-Direttiva 2009/156/KE tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni tal-ekwidi ħajjin fl-Unjoni. Din tipprevedi li l-importazzjonijiet ta' ekwidi fl-Unjoni jiġu awtorizzati biss minn dawk il-pajjiżi terzi li jkunu jissodisfaw ċertu rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE (3) tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi, jew ta' partijiet fit-territorju tagħhom fejn tapplika r-reġjonalizzazzjoni, li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni ta' ekwidi u ta' semen, ova u embrijuni tagħhom, u tindika l-kundizzjonijiet l-oħra li huma applikabbli għal dawn l-importazzjonijiet. Din il-lista jistipulaha l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE.

(4)

Sabiex mid-29 ta' April sal-1 ta' Mejju 2016 jorganizzaw f'pajjiżhom l-avveniment ekwestri tal-Global Champions Tour, li qed jittella' fl-awspiċi tal-World Equestrian Federation (FEI), l-awtoritajiet kompetenti Ċiniżi talbu biex iż-żona metropolitana ta' Shanghai, li tinsab qrib l-ajruport internazzjonali, tiġi rikonoxxuta bħala żona ħielsa mill-mard tal-ekwini. Billi l-faċilitajiet li nbnew apposta fil-parkeġġ tal-EXPO 2010 huma biss temporanji, jixraq li dik iż-żona tingħata biss approvazzjoni temporanja.

(5)

Fid-dawl tal-garanziji u l-informazzjoni li taw l-awtoritajiet Ċiniżi, u sabiex, għal perjodu limitat, jitħallew jidħlu mill-ġdid żwiemel irreġistrati minn parti mit-territorju taċ-Ċina wara li jkunu ġew esportati biss temporanjament u dejjem skont ir-rekwiżiti tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/195/KEE (4), il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/557 (5) li permezz tagħha r-reġjun CN-2 kien ġie approvat b'mod temporanju għall-finijiet tal-avveniment ekwestri tal-Global Champions Tour mit-8 sal-10 ta' Mejju 2015.

(6)

Billi l-avveniment ekwestri se jerġa' jsir fl-2016 bl-istess kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u ta' kwarantina li kienu japplikaw fl-2015, jixraq li fil-każ tar-reġjun CN-2 tiġi adattata d-data li tidher fil-kolonna 15 tat-tabella fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE.

(7)

Id-Deċiżjoni 2004/211/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fil-kolonna 15 tal-linja li tikkorrispondi mar-reġjun CN-2 taċ-Ċina fit-tabella fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE, il-kliem “Validi mill-25 ta' April sal-25 ta' Mejju 2015” jinbidel bil-kliem: “Validi mill-15 ta' April sal-15 ta' Mejju 2016”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Marzu 2016.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.

(2)   ĠU L 192, 23.7.2010, p. 1.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE tas-6 ta' Jannar 2004 li tistabbilixxi l-lista ta' pajjiżi terzi u ta' partijiet mit-territorju tagħhom li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni ta' equidae ħajjin u ta' semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina, u li temenda d-Deċiżjonijiet 93/195/KEE u 94/63/KE (ĠU L 73, 11.3.2004, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/195/KEE tat-2 ta' Frar 1993 dwar is-saħħa tal-annimali u l-kundizzjonijiet tagħhom u ċ-ċertifikazzjoni veterinarja tagħhom għad-dħul mill-ġdid ta' żwiemel reġistrati għat-tiġrija, kompetizzjoni u okkażjonijiet kulturali wara esportazzjoni temporanja (ĠU L 86, 6.4.1993, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/557 tal-31 ta' Marzu 2015 li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE fejn tidħol l-entrata taċ-Ċina fil-lista ta' pajjiżi terzi u ta' partijiet fit-territorju tagħhom li minnhom hija awtorizzata l-importazzjoni fl-Unjoni ta' ekwidi ħajjin u ta' semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina (ĠU L 92, 8.4.2015, p. 107).