16.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 244/21


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-14 ta’ Settembru 2009

li tistabbilixxi Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Konsumaturi

(2009/705/KE)

Il-KUMMISSJONI TAL- KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Billi:

(1)

Ġewwa l-qafas tal-protezzjoni tal-konsumatur kif stipulat fl-Artikolu 153 tat-Trattat huwa xieraq għall-Kummissjoni li tikkonsulta lill-konsumaturi dwar il-problemi li jikkonċernaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom fil-livell Komunitarju.

(2)

Mill-1973 il-Kummissjoni kienet megħjuna minn grupp konsultattiv maħluq għal dan l-għan b'Deċiżjonijiet konsekuttivi, bl-aħħar waħda tkun id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/709/KE tad-9 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Konsumaturi (1).

(3)

Il-ħidma tal-Grupp fuq perjodu estensiv uriet il-ħtieġa li tittejjeb l-effiċjenza, ir-rappreżentanza u t-trasparenza tal-grupp. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet relatati mal-ħolqien ta’ sottogruppi u mal-adozzjoni tal-opinjonijiet tal-Grupp għandhom jiġu ċċarati u għandhom jinkorporaw l-aħjar prattika żviluppata tul l-aħħar snin.

(4)

F’dan ir-rigward, ikun ukoll xieraq li tiġi riveduta l-proċedura għall-ħatra ta’ membri tal-Grupp li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi u li jiġu introdotti obbligi ta’ rappurtar addizzjonali dwar il-membri tal-Grupp biex ikunu jistgħu jiġu involuti dejjem aktar l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi fil-ħidma tal-Grupp.

(5)

Huwa importanti li jkun żgurat li l-Grupp u l-membri tiegħu jieħdu sehem b’mod attiv u li tinħoloq effettivament perspettiva tal-konsumaturi fid-dibattiti wiesa’ tal-partijiet interessati li jirrappreżentaw in-norma għall-konsultazzjoni fl-Ewropa llum.

(6)

Għar-raġunijiet ta’ protezzjoni tad-dejta, huwa meħtieġ li l-ipproċessar tad-dejta personali relatata mal-membri tal-Grupp ikun suġġett għal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-Komunità.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Konsumaturi

B’dan, qed jiġi stabbilit Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Konsumaturi, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Grupp”.

Artikolu 2

Ħidma

(1)   Il-Grupp jista' jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni dwar il-kwistjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu mal-interessi tal-konsumaturi fil-livell Komunitarju.

(2)   Il-Grupp:

(a)

huwa magħmul minn grupp għal diskussjoniiet ġenerali dwar kwistjonijiet relatati mal-interessi tal-konsumaturi;

(b)

iħejji l-produzzjoni tal-konsumaturi f’fora oħra u jieħu sehem skont il-ħtieġa, fi gruppi waqt li jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet rilevanti għall-politika tal-konsumaturi fl-UE;

(c)

jagħti pariri lill-Kummissjoni meta tfassal il-linji politiċi u l-attivitajiet li jkollhom effett fuq il-konsumaturi;

(d)

jista’ jagħti opinjoni dwar kwistjonijiet Komunitarji li jaffettwaw lill-konsumaturi;

(e)

jgħarraf lill-Kummissjoni bi żviluppi fil-politika tal-konsumaturi fl-Istati Membri;

(f)

jaġixxi bħala għajn ta’ tagħrif u pubbliċità fir-rigward tal-azzjoni Komunitarja għall-organizzazzjonijiet nazzjonali.

Artikolu 3

Sħubija

(1)   Il-Grupp għandu jkun magħmul minn:

(a)

membru wieħed li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi għal kull Stat Membru;

(b)

membru wieħed minn kull organizzazzjoni Ewropea tal-konsumaturi.

(2)   L-organizzazzjonijet nazzjonali tal-konsumaturi msemmija fil-paragrafu 1(a) għandhom ikunu rappreżentattivi, konformi mar-regoli jew mal-prattika nazzjonali tal-konsumaturi u attivi f’livell nazzjonali.

(3)   L-organizzazzjonijiet Ewropej tal-konsumaturi msemmija fil-paragrafu 1(b) għandhom jissodisfaw waħda miż-żewġ sensieli ta' kriterji li ġejjin:

(a)

iridu jkunu mhux governattivi, ma jagħmlux qligħ, indipendenti minn interessi industrijali, kummerċjali u ta' negozju jew minn kunflitti ta' interess oħrajn; u

(i)

jkunu jħaddnu bħala l-għanijiet u l-attivitajiet ewlenin tagħhom il-promozzjoni u l-ħarsien tas-saħħa, is-sigurtà u l-interess ekonomiku tal-konsumaturi fil-Komunità;

(ii)

jkunu ġew mandati biex jirrappreżentaw l-interessi ta' konsumaturi fil-livell Komunitarju minn organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi f'mill-inqas nofs l-Istati Membri li huma rappreżentattivi, bi qbil mar-regoli jew mal-prattika nazzjonali, tal-konsumaturi u jkunu attivi fil-livell reġjonali jew nazzjonali; u

(iii)

jkunu pprovdew lill-Kummissjoni b’kontijiet sodisfaċenti tas-sħubija tagħhom, regoli interni u sorsi ta' finanzjament.

jew

(b)

iridu jkunu mhux governattivi, ma jagħmlux qligħ, indipendenti minn interessi industrijali, kummerċjali u ta' negozju jew minn kunflitti ta' interessi oħrajn; u

(i)

jkunu jħaddnu bħala l-għanijiet u l-attivitajiet ewlenin tagħhom ir-rappreżentanza tal-interessi tal-konsumaturi fil-proċess ta’ standardizzazzjoni fil-livell Komunitarju u

(ii)

jkunu ngħataw il-mandat f'mill-inqas żewġ terzi tal-Istati Membri biex jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumaturi fil-livell Komunitarju minn:

—

korpi li huma rappreżentattivi, skont ir-regoli jew il-prattika nazzjonali, tal-organizzazjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi fl-Istati Membri, jew

—

fin-nuqqas ta' dawn il-korpi, minn organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi fl-Istati Membri li huma rappreżentattivi, skont ir-regoli jew il-prattika nazzjonali, tal-konsumaturi u jkunu attivi fil-livell nazzjonali.

(4)   Lista indikattiva ta’ organizzazzjonijiet li attwalment jilħqu l-kriterji stipulati fil-paragrafu 3 tinsab imniżżla fl-Anness.

Artikolu 4

Ħatra

(1)   Il-membri tal-Grupp li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi għandhom jinħatru skont il-paragrafi 2 u 3.

(2)   Kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ tliet kandidati, minn entitajiet nazzjonali li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi stabbiliti minn dak l-Istat Membru, fejn jeżistu, jew mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-kandidati għandhom ikunu parti mill-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi l-iżjed rappreżentattivi skont ir-regoli u l-prattika nazzjonali.

(3)   Il-Kummissjoni għandha taħtar membru wieħed u persuna alternattiva għal kull Stat Membru skont il-kriterji li ġejjin:

(a)

il-kandidati għandu jkollhom kompetenza wiesgħa u esperjenza vasta fl-affarijiet tal-konsumaturi tal-UE;

(b)

kandidati li qabel ma kinux membri ta’ dan il-Grupp għandhom jingħataw prijorità;

(c)

bilanċ bejn is-sessi.

(4)   Il-membri tal-grupp li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-konsumaturi flimkien ma’ persuna alterattiva għal kull membru għandhom jinħatru mill-Kummissjoni fuq proposta mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-konsumaturi.

(5)   Il-persuni alternattivi għandhom awtomatikament jieħdu post il-membri assenti.

(6)   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista tal-membri u tal-persuni alternattivi fuq is-sit tal-Internet tad-Direttorat Ġenerali tas-Saħħa u l-Konsumaturi u fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-ismijiet tal-membri u tal-persuni alternattivi għandhom jinġabru, jiġu pproċessati u ppubblikati skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

Artikolu 5

Mandat ta' kariga

(1)   Il-mandat ta’ kariga tal-membri u tal-persuni alternattivi għandu jkun ta’ tliet snin u għandu jkun jista’ jiġġedded skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 4.

(2)   Wara t-tmiem ta’ perjodu ta' tliet snin, il-membri u l-persuni alternattivi għandhom jibqgħu fil-kariga tagħhom sakemm jiġu mibdula jew sakemm il-ħatriet tagħhom jiġġeddu.

(3)   Il-mandat ta’ kariga tal-membri u tal-persuni alternattivi għandu jiskadi qabel jintemm il-perjodu ta’ tliet snin:

(a)

fl-eventwalità tar-riżenja jew l-irtirar tagħhom jew f’każ ta’ mewt;

(b)

jekk l-entitajiet nazzjonali jew l-awtoritajiet li ressquhom bħala kandidati jitolbu s-sostituzzjoni tagħhom;

(c)

jekk il-Kummissjoni titlob is-sostituzzjoni tal-membri jew tal-persuni alternattivi li m’għadhomx jistgħu jikkontribwixxu b’mod effettiv jew li ma jaqdux l-obbligi stipulati fl-Artikolu 7(6).

(4)   Il-membri u l-persuni alternattivi għandhom jiġu sostituti għall-bqija tal-perjodu ta' tliet snin skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4. Minkejja l-Artikolu 4(2), jekk membru wieħed biss jew persuna alternattiva waħda li tirrappreżenta l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi jeħtieġ li tiġi sostitwita, l-entitajiet nazzjonali jew l-awtoritajiet għandhom jipproponu żewġ kandidati ġodda li minnhom il-Kummissjoni għandha taħtar wieħed skont l-Artikolu 4(3).

Artikolu 6

Soċji u esperti

(1)   Fuq il-proposta tal-Kummissjoni, il-Grupp jista' jistieden ir-rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet oħra li jkollhom il-promozzjoni tal-interessi tal-konsumaturi bħala waħda mill-miri prinċipali tagħhom u li jaħdmu b'mod attiv f’ livell Ewropew għal dan l-għan, biex ikunu assoċjati fix-xogħol tiegħu.

(2)   Il-Grupp jista' jistieden kwalunkwe persuna li jkollha kompetenza speċjali f’xi punt partikolari fuq l-aġenda biex tieħu sehem bħala espert fix-xogħol tal-grupp.

Artikolu 7

L-operat

(1)   Il-Kummissjoni għandha:

(a)

tiddetermina l-forma u l-iskeda ta’ ħin li skontha l-Grupp għandu jiltaqa’;

(b)

tippresiedi l-laqgħat tal-Grupp;

(c)

tipprovdi servizzi segretarjali u torganizza l-ħidma tal-Grupp.

(2)   Jistgħu jitwaqqfu sottogruppi biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi skont it-termini ta’ referenza stabbiliti mill-Grupp; Dawn il-gruppi għandhom jiġu xolti hekk kif jintemm il-mandat tagħhom.

(3)   Il-Grupp jista’ joħroġ opinjonijiet fuq talba jew tal-Kummissjoni jew ta’ proposta minn membru bil-kunsens tal-Kummissjoni. Meta titlob opinjoni, il-Kummissjoni tista' tiffissa d-data ta’ skadenza sa meta trid tingħata l-opinjoni. Għal kull opinjoni, il-Grupp jista’ jaħtar relatur wieħed jew aktar minn fost il-membri tiegħu. Ir-relatur għandu jerfa’ r-responsabbiltà ġenerali għat-tħejjija tal-opinjoni.

(4)   Il-grupp għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura fuq il-bażi ta’ proposta magħmula mill-Kummissjoni.

(5)   Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit tal-Internet tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi, bil-lingwa oriġinali tad-dokument ikkonċernat, kwalukwe opinjoni, sinteżi, konklużjoni, jew konklużjoni parzjali jew dokument ta' ħidma tal-grupp.

(6)   Il-membri tal-Grupp li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi għandhom jgħarrfu u jikkonsultaw lill-assoċjazzjonijiiet li jkunu jirrappreżentaw fil-Grupp. Kull membru għandu jistabbilixxi mekkaniżmi effettivi ta’ rappurtaġġ biex jgħarraf b'mod sistematiku lill-organizzazzjonijiet kollha tal-konsumaturi f’livell nazzjonali dwar il-ħidma tal-Grupp u għandu min-naħa tiegħu jwassal fehmiethom.

(7)   Kull membru għandu jressaq rapport lill-Kummissjoni sal-1 ta' Marzu dwar il-ħidma mwettqa fis-sena kalendarja ta' qabel bħala segwitu tal-obbligu tiegħu skont il-paragrafu 6. Il-kontenut ta’ dan ir-rapport għandu jiġi mfisser f'aktar dettall fir-regoli tal-proċedura.

Artikolu 8

Kunfidenzjalità

Bla ħsara għall-Artikolu 287 tat-Trattat, il-membri u l-persuni alternattivi tal-Grupp ma għandhom jiżvelaw l-ebda tagħrif miksub mix-xogħol tagħhom fil-Grupp jew fis-sottogruppi meta l-Kummissjoni tgħarrafhom li l-opinjoni mitluba jew il-kwistjoni mqajma huma ta' natura kunfidenzjali.

Artikolu 9

L-ispejjeż tal-laqgħat

(1)   Il-Kummissjoni għandha tħallas lura l-ispejjeż tal-vjaġġi u, fejn ikun xieraq, l-ispejjeż tal-għajxien imġarrbin mill-membri marbuta mal-attivitajiet tal-grupp, skont ir-regoli tal-Kummissjoni dwar il-kumpens għall-ispejjeż tal-esperti esterni.

(2)   Il-membri ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi tagħhom.

(3)   L-ispejjeż tal-laqgħat jitħallsu lura fil-limiti tal-baġit annwali allokat għall-grupp mis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni.

Artikolu 10

Revoka

Id-Deċiżjoni 2003/709/KE hija b'dan irrevokata.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Settembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Meglena KUNEVA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 258, 10.10.2003, p. 35.

(2)   ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS

L-organizzazzjonijiet li attwalment jissodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 3(3) huma:

—

il-BEUC — Bureau Européen des Unions des Consommateurs (L-Uffiċċju Ewropew tal-Organizzazzjonijiet tal-Konsumaturi),

—

l-ANEC — European Association for the Co-ordination of Consumer Representation in Standardisation (L-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Koordinament tar-Rappreżentanza tal-Konsumaturi fl-Istandardizzar)