Brussell, 1.2.2017

COM(2017) 37 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/31/KE dwar il-Ħżin Ġeoloġiku tad-Dijossidu tal-Karbonju


1.INTRODUZZJONI

Id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju 1 (magħrufa bħala d-Direttiva dwar il-Ġbir u l-Ħżin tal-Karbonju - minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva CCS”) tistabbilixxi qafas legali għall-ħżin ġeoloġiku ambjentalment sikur tad-dijossidu tal-karbonju (CO2). Id-Direttiva CCS għandha l-għan li tiżgura li ma jkun hemm l-ebda riskju sinifikanti ta’ tnixxija ta’ CO2 jew ta’ ħsara għas-saħħa jew għall-ambjent, u li tevita kull effett negattiv fuq is-sigurtà tan-netwerk tat-trasport jew fuq is-siti tal-ħżin.

Dan ir-rapport huwa t-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva CCS li jkopri l-perjodu Mejju 2013 - April 2016. Dan ikopri l-progress mill-ewwel rapport ta’ implimentazzjoni. 2 Fl-2015 ġie adottat rapport dwar rieżami tad-Direttiva dwar is-CCS 3 . Dan ir-rapport huwa bbażat fuq ir-rapporti li ressqu l-Istati Membri. Sitta u għoxrin Stat Membru 4 ressqu r-rapporti tagħhom fil-ħin sabiex jiġu kkunsidrati f’dan ir-rapport.

2.IL-PROGRESS ĠENERALI FIT-TRASPOŻIZZJONI

L-Istati Membri kollha nnotifikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni lill-Kummissjoni. Sal-lum, il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni ta’ sittax-il Stat Membru hija kompletament konformi mad-Direttiva. Għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet mal-Istati Membri l-oħra biex iġibu l-leġiżlazzjoni tagħhom konformi bis-sħiħ mar-rekwiżiti tad-Direttiva.

3.KWISTJONIJIET SPEĊIFIĊI TAL-IMPLIMENTAZZJONI FL-ISTATI MEMBRI

3.1.L-għażla tas-siti tal-ħżin

Bi tqabbil mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, l-Istati Membri ġeneralment ma ddeterminawx żoni ġodda li minn fosthom jistgħu jew ma jistgħux jintgħażlu siti tal-ħżin. Il-Polonja biss iddeterminat żona ta’ ħażna waħda. Ħames stati federali Ġermaniżi qed iħejju d-deċiżjonijiet jew għaddew il-liġijiet li jillimitaw jew li jipprojbixxu l-ħżin tad-CO2 taħt l-art, inkluż għal skopijiet ta’ riċerka.

Dawk l-Istati Membri li għandhom il-ħsieb li jippermettu l-ħżin fit-territorju tagħhom iridu jagħmlu evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħżin disponibbli. Twettqu, qed jitwettqu jew huma ppjanati li jitwettqu valutazzjonijiet ġodda dwar il-ħżin disponibbli fil-Bulgarija, fil-Ġermanja, fil-Greċja, fl-Ungerija, fl-Italja, fin-Netherlands, fl-Iżvezja u fir-Renju Unit.

Hemm aktar informazzjoni dettaljata pprovduta fl-Anness ta' dan ir-rapport.

3.2.Applikazzjonijiet għall-permessi għall-esplorazzjoni u l-ħżin

L-applikazzjonijiet għal permessi għall-esplorazzjoni ġew sottomessi biss fi Spanja. Proġett wieħed applika għal permess għall-ħżin fir-Renju Unit: il-proġett tas-CCS ta’ Peterhead. Il-Kummissjoni tat opinjoni dwar l-abbozz ta’ permess għall-ħżin f’Jannar 2016 5 . Applikazzjoni għal permess għall-ħżin qed tiġi evalwata fl-Italja u mistennija titressaq applikazzjoni għall-medda Maas Q16 bħala parti mill-proġett ROAD fin-Netherlands.

3.3.Il-fattibbiltà tar-retrofittjar tas-CCS għal impjanti tal-kombustjoni ġodda fuq skala kbira

Id-Direttiva dwar is-CCS tesiġi li meta wieħed japplika għal liċenzja, l-operaturi jevalwaw il-fattibilità teknika u ekonomika tal-ġbir, tat-trasport u tal-ħżin tal-karbonju. Jekk din l-evalwazzjoni tkun pożittiva, l-ispazju fuq is-sit tal-installazzjoni għandu jitwarrab għat-tagħmir meħtieġ għall-ġbir u l-kompressjoni tad-CO2.

Il-valutazzjonijiet twettqu fil-Belġju (waħda), fir-Repubblika Ċeka (waħda), fil-Ġermanja (ħamsa), fir-Rumanija (sitta), fil-Polonja (għaxra), fis-Slovenja (waħda) u fi Spanja (ħamsa). Il-valutazzjonijiet sabu li s-CCS mhix ekonomikament vijabbli. Instabu xi diffikultajiet oħra għal uħud mill-impjanti - l-assenza ta’ siti adatti għall-ħżin fil-Belġju u fl-Estonja jew l-inkompatibilità teknika mal-operat flessibbli ta’ impjant.

Madankollu, anki jekk il-valutazzjonijiet ma kinux pożittivi, ħafna minn dawn l-impjanti tal-enerġija qed iwarrbu l-art għal tagħmir li jneħħi u jikkompressa id-CO2 u huma mfassla b’tali mod li s-CCS jista’ jiġi konness iktar ’il quddiem mingħajr modifiki kbar fit-tqassim, pereżempju fir-Repubblika Ċeka, fl-Estonja, fil-Ġermanja u fil-Polonja.

Il-leġiżlazzjoni fir-Renju Unit tmur lil hinn mir-rekwiżiti tad-Direttiva u tagħti permessi lill-impjanti tal-enerġija biss jekk dawn ikunu jistgħu jippruvaw li se jilħqu l-kundizzjonijiet tekniċi u ta’ fattibilità matul il-ħajja tal-impjant tal-enerġija. Ġew approvati l-permessi għal 14-il impjant tal-enerġija abbażi tal-gwida mogħtija mill-awtoritajiet 6 . Il-valutazzjonijiet ekonomiċi juru li huwa ekonomikament fattibbli li s-CCS jistgħu jiġu retrommuntati skont il-proposta għall-impjanti tal-enerġija jekk ikun hemm prezz tal-karbonju xieraq.

3.4.Proġetti ta’ riċerka b’relevanza għad-Direttiva CCS

Minkejja li d-demostrazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tas-CCS ma mxewx 'il quddiem matul il-perjodu tar-rappurtar, għadd ta' Stati Membri, kif ukoll l-UE, komplew jappoġġaw jew għandhom pjan li jkomplu jappoġġaw l-attivitajiet tar-riċerka li jtejbu t-teknoloġija u l-għarfien tal-ħżin taħt l-art tad-CO2 - il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Franza, l-Ungerija, Malta, il-Litwanja, in-Netherlands, is-Slovakkja, Spanja u r-Renju Unit. Xi pajjiżi (eż. l-Estonja, in-Netherlands, is-Slovakkja, il-Polonja) jirrapportaw alternattivi esplorattivi minflok il-ħżin ġeoloġiku tad-CO2permezz ta' għadd ta' opzonijiet ta' utilizzazzjoni tad-CO2. Ara l-Anness għal aktar dettalji.

3.5.In-netwerk tat-trasport u tal-ħżin tad-CO2

Hemm żewġ netwerks reġjonali attivi tas-CCS li qed jaħdmu biex jiżviluppaw soluzzjonijiet transkonfinali komuni għat-trasport u l-ħżin ġeoloġiku tad-CO2 - it-Task Force fil-Baċir tal-Baħar tat-Tramuntana li tħaddan fiha r-Renju Unit, in-Netherlands, in-Norveġja, il-Ġermanja u l-Belġju u n-netwerk tas-CCS tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku li jħaddan fih l-Estonja, il-Ġermanja, il-Finlandja, in-Norveġja u l-Iżvezja. Dawn in-netwerks jistgħu jiffaċilitaw aċċess trasparenti u mhux diskriminatorju għan-netwerks tat-trasport tad-CO2 u għas-siti tal-ħżin tad-CO2 għal operaturi fi Stati Membri fejn ma hemm l-ebda possibbiltà ta’ ħżin taħt l-art. Il-Belġju, in-Netherlands, ir-Renju Unit u Franza wkoll qed jesploraw il-possibbiltajiet li jiżviluppaw ċentri għall-emissjonijiet tad-CO2 industrijali u mill-impjanti tal-enerġija fiż-żoni tal-portijiet ta' Amsterdam u Rotterdam, Grangemouth, Tees Valley u Fos‐sur‐Mer.

4.KONKLUŻJONIJIET

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-CCS ġew applikati b’mod konsistenti matul il-perjodu ta’ rapportar fl-Istati Membri tal-UE.

Xi Stati Membri għamlu progress fil-valutazzjonijiet tagħhom dwar il-kapaċità tal-ħżin, iżda aktar u aktar valutazzjonijiet dettaljati ser ikunu meħtieġa jekk ikunu se jinbdew proġetti tas-CCS.

Minkejja n-nuqqas ta’ valutazzjoni pożittiva tal-fattibbiltà teknika u ekonomika tar-retrommuntar tas-CCS, l-impjanti mibnija ġodda ġeneralment imorru lil hinn mir-rekwiżiti legali u qed iwarrbu l-art f'każ li l-kundizzjonijiet jinbidlu fil-ġejjieni.

(1)

   Id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006, ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114-135

(2)

     COM(2014)99, Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/31/KE dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju

(3)

     COM(2015)576, Rapport dwar ir-rieżami tad-Direttiva 2009/31/KE dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju, Anness li jakkumpanja d-dokument Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress tal-azzjoni klimatika

(4)

     L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju Unit

(5)

     C(2016)152, Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-abbozz ta’ permess għall-ħżin permanenti tad-dijossidu tal-karbonju fil-medda tal-gass kondensat ta' Goldeneye mbattla li tinsab fil-blokki 14/28b, 14/29a, 14/29e, 20/3b, 20/4b u 20/4c fuq il-Blata Kontinentali tar-Renju Unit

(6)

https://www.gov.uk/government/uploads/system/uploads/attachment_data/file/43609/Carbon_capture_readiness_-_guidance.pdf and www.gov.scot/resource/doc/917/0095764.doc