IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.5.2026
COM(2026) 228 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tar-Regolament (UE) 2021/782 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.5.2026
COM(2026) 228 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tar-Regolament (UE) 2021/782 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri
Werrej
1.Introduzzjoni
2.Implimentazzjoni u riżultati tar-Regolament (UE) 2021/782
2.1.Eżenzjonijiet (Artikolu 2)
2.2.Trattament ugwali (l-Artikolu 5)
2.3.Ġarr ta’ roti (l-Artikolu 6)
2.4.Informazzjoni dwar l-ivvjaġġar f’ħin reali (l-Artikolu 10)
2.5.Biljetti globali (Artikolu 12)
2.5.1.L-obbligu li jiġu offruti biljetti globali għal impriżi ferrovjarji uniċi
2.5.2.Kooperazzjoni għal servizzi ferrovjarji oħra tal-passiġġieri
2.5.3.Informazzjoni lill-passiġġieri dwar il-biljetti globali
2.5.4.Responsabbiltà għall-biljetti globali
2.6.Id-dritt ta’ ridirezzjonar awtonomu tar-rotta (l-Artikolu 18(3))
2.7.Kumpens – Force majeure (l-Artikolu 19(10))
2.8.Formola komuni għat-talbiet għal rimborż u għal kumpens (l-Artikoli 18(7) u 19(6))
2.9.Interruzzjonijiet maġġuri u ppjanar ta’ kontinġenza (l-Artikolu 20(6))
2.10.Persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa (Kapitolu V)
2.11.Trattament tal-ilmenti u l-infurzar (l-Artikolu 28 u l-Kapitolu VII)
2.11.1.Trattament tal-ilmenti mill-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi tal-istazzjonijiet u l-bejjiegħa tal-biljetti/operaturi tal-vjaġġi (l-Artikolu 28)
2.11.2.Stabbiliment ta’ korpi nazzjonali tal-infurzar (l-Artikolu 31)
2.11.3.Infurzar mill-NEBs (l-Artikolu 32)
2.11.3.1.Rapportar
2.11.3.2.Is-sottomissjoni u l-pubblikazzjoni sal-iskadenza
2.11.3.3.Kontenut tar-rapporti
2.11.4.Trattament tal-ilment mill-korpi nazzjonali tal-infurzar u korpi oħra (l-Artikolu 33)
2.11.5.Skambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni transfruntiera bejn l-NEBs (l-Artikolu 34)
3.Konklużjonijiet
Anness AĦarsa ġenerali lejn l-użu tal-eżenzjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2021/782()..............
Anness BTqabbil mal-eżenzjonijiet mill-Istati Membri skont ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007()
1.Introduzzjoni
Ir-Regolament (UE) 2021/782 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji( 1 ) (“ir-Regolament”) daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Ġunju 2021 u ilu japplika mis-7 ta’ Ġunju 2023. Dan ħassar u ħa post ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji li daħal fis-seħħ fl-2009( 2 ). Ir-Regolament emenda u introduċa dispożizzjonijiet dwar: l-eżenzjonijiet (l-Artikolu 2), it-trattament ugwali (l-Artikolu 5), il-ġarr ta’ roti (l-Artikolu 6), l-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar f’ħin reali (l-Artikolu 10), il-biljetti globali (l-Artikolu 12), id-dritt għar-ridirezzjonar awtonomu tar-rotta (l-Artikolu 18(3)), force majeure (l-Artikolu 19(10)), il-formola komuni għat-talbiet għal rimborż u għal kumpens (l-Artikoli 18(7) u 19(6)), interruzzjonijiet maġġuri u l-pjanijiet ta’ kontinġenza (l-Artikolu 20(6)), id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità jew b’mobbiltà mnaqqsa (il-Kapitolu V) u t-trattament tal-ilmenti u l-infurzar (l-Artikolu 28 u l-Kapitolu VII).
L-Artikolu 39 tar-Regolament jirrikjedi li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sas-7 ta’ Ġunju 2026 dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tar-Regolament. L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jissodisfa dan l-obbligu. Ir-rapport jiffoka fuq l-elementi ġodda introdotti mir-reviżjoni tal-2021.
Dan ir-rapport huwa bbażat fuq informazzjoni pprovduta skont ir-Regolament, inklużi rapporti mill-impriżi ferrovjarji dwar il-prestazzjoni tagħhom dwar il-kwalità tas-servizz, u rapporti mill-korpi nazzjonali tal-infurzar tal-Istati Membri (NEBs) dwar l-attivitajiet tagħhom( 3 ). Ir-rapport huwa bbażat ukoll fuq in-notifiki ppreżentati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni skont l-Artikoli 2(7), 11(4), 31(3) u l-Artikolu 35(1) tar-Regolament.
Barra minn hekk, dan ir-rapport jinkludi sejbiet minn studju ta’ sostenn immexxi mill-Kummissjoni ( 4 ), li ġabar data mill-Istati Membri kollha dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament. Peress li l-istudju ffoka fuq il-prattiki tal-impriża ferrovjarja ewlenija f’kull Stat Membru, ir-referenzi f’dan ir-rapport għas-sejbiet dwar l-applikazzjoni tar-regoli fi Stat Membru partikolari jenħtieġ li jinftiehmu bħala li jirreferu għall-prattiki tal-impriża ferrovjarja ewlenija f’dak l-Istat Membru, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor.
Is-sejbiet ta’ dan ir-rapport, b’mod partikolari fir-rigward tal-biljetti globali, huma rilevanti wkoll fil-kuntest ta’ proposta ġdida tal-Kummissjoni (COM(2026) 233) li testendi d-drittijiet tal-passiġġieri f’każ ta’ konnessjonijiet ferrovjarji mitlufa magħmula taħt biljett uniku mixtri fuq pjattaforma waħda bħala parti minn tranżazzjoni waħda.
2.Implimentazzjoni u riżultati tar-Regolament (UE) 2021/782
2.1.Eżenzjonijiet (Artikolu 2)
L-Artikolu 2 tar-Regolament jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu billi jistabbilixxi liema vjaġġi u servizzi ferrovjarji jaqgħu taħt ir-Regolament. Jispeċifika wkoll liema servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri l-Istati Membri jistgħu jeżentaw minn regoli partikolari skont ir-Regolament. Ir-raġunijiet għall-eżenzjonijiet iridu jiġu inklużi fin-notifiki lill-Kummissjoni. Ir-reviżjoni tal-2021 tar-reġim ta’ eżenzjonijiet kienet maħsuba biex tillimita l-użu eċċessiv tal-eżenzjonijiet skont ir-regoli preċedenti, testendi progressivament il-kopertura tar-Regolament għal aktar servizzi, u tiżgura li d-drittijiet tal-passiġġieri jkunu aktar konsistenti u prevedibbli. L-Istati Membri jridu jinnotifikaw dawn l-eżenzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea u jipprovdu r-raġunijiet għall-għoti tagħhom( 5 ).
L-Anness A jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-eżenzjonijiet għal kull Stat Membru skont ir-Regolament attwali. L-Anness B jipprovdi tqabbil tal-eżenzjonijiet użati għal kull servizz u għal kull Stat Membru bejn ir-Regolament (UE) 2021/782 u r-Regolament (KE) Nru 1371/2007.
Minn 27 Stat Membru, tnejn — Ċipru u Malta — ma għandhomx network ferrovjarju. Sitt Stati Membri( 6 ) b’network ferrovjarju ma użaw l-ebda eżenzjoni. Id-19-il Stat Membru li jifdal jużaw l-eżenzjonijiet: il-maġġoranza sa ċertu punt limitat, u grupp iżgħar b’mod aktar estensiv( 7 ).
Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) 2021/782, il-possibbiltà li jiġu applikati eżenzjonijiet relatati ma’ servizzi ferrovjarji domestiċi tal-passiġġieri fuq distanzi twal hija limitata għall-Istati Membri li kienu diġà użaw eżenzjoni simili għal dawk is-servizzi taħt ir-Regolament preċedenti sal-2024. Barra minn hekk, ir-Regolament il-ġdid naqqas l-għadd ta’ dispożizzjonijiet li jistgħu jiġu eżentati għal dawn is-servizzi( 8 ) u l-estensjoni tista’ tiġġedded darba biss sal-2029. Fil-prinċipju, dan kien jippermetti lil massimu ta’ għaxar Stati Membri jżommu eżenzjonijiet għal dawn is-servizzi sal-2029 ( 9 ) . Madankollu, ħames Stati Membri biss innotifikaw li se jkomplu japplikaw l-eżenzjonijiet sal-2029 ( 10 ).
Dan jissuġġerixxi li d-dipendenza fuq l-eżenzjonijiet nazzjonali għas-servizzi ferrovjarji domestiċi fuq distanzi twal naqset b’mod sinifikanti fil-prattika skont ir-Regolament (UE) 2021/782, u dan jista’ jappoġġa applikazzjoni usa’ u aktar konsistenti tad-drittijiet tal-passiġġieri madwar l-Istati Membri. Fl-istess ħin, il-kamp ta’ applikazzjoni reali tal-eżenzjonijiet ivarja bejn dawn il-ħames Stati Membri ( 11 ).
Barra minn hekk, ir-Regolament jippermetti wkoll lill-Istati Membri — bħal fil-każ tar-Regolament preċedenti — li jeżentaw servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri (sub)urbani u reġjonali mir-Regolament( 12 ), iżda bl-eċċezzjoni ta’ għadd akbar ta’ dispożizzjonijiet ewlenin obbligatorji li minnhom ma hemm l-ebda eżenzjoni u li, bħala konsegwenza, dejjem iridu japplikaw ( 13 ) . Hemm relattivament aktar dispożizzjonijiet obbligatorji għas-servizzi ferrovjarji reġjonali tal-passiġġieri milli għas-servizzi (sub)urbani ( 14 ).
Is-servizzi ferrovjarji reġjonali tal-passiġġieri huma soġġetti għal eżenzjonijiet( 15 ) fi 12 minn 25 Stat Membru. L-istess Stati Membri użaw ukoll eżenzjonijiet għas-servizzi ferrovjarji (sub)urbani tal-passiġġieri( 16 ).
F’dan ir-rigward, f’dak iż-żmien 18-il Stat Membru ( 17 ) użaw il-possibbiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 li jeżentaw is-servizzi ferrovjarji (sub)urbani u reġjonali tal-passiġġieri. Dan jikkonferma x-xejra osservata qabel fis-servizzi domestiċi fuq distanzi twal li hemm inqas Stati Membri li jużaw il-possibbiltajiet li jeżentaw is-servizzi skont ir-Regolament il-ġdid.
Erba’ Stati Membri eżentaw servizzi (sub)urbani mill-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament, u b’hekk żguraw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji ewlenin tar-Regolament( 18 ). Fi tliet Stati Membri oħra, jintuża approċċ simili għall-eżenzjonijiet (bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji ewlenin), bid-differenza notevoli li xi dispożizzjonijiet oħrajn li ma humiex obbligatorji jkomplu japplikaw ukoll( 19 ). Grupp ieħor ta’ ħames Stati Membri għażlu eżenzjonijiet aktar immirati u speċifiċi għad-dispożizzjonijiet( 20 ). Dawn ix-xejriet huma kkonfermati b’mod wiesa’ għall-istess Stati Membri fir-rigward tal-eżenzjonijiet għas-servizzi ferrovjarji reġjonali tal-passiġġieri( 21 ).
Seba’ Stati Membri eżentaw is-servizzi ferrovjarji internazzjonali lejn pajjiżi terzi mill-applikazzjoni tar-Regolament kurrenti( 22 ), meta mqabbla ma’ tmien Stati Membri skont ir-Regolament preċedenti. Barra minn hekk, 15-il Stat Membru użaw l-eżenzjoni għal servizzi mħaddma strettament għal skopijiet storiċi jew turistiċi( 23 ). F’dawn il-pajjiżi kollha, is-servizzi storiċi jew turistiċi huma eżentati mill-applikazzjoni tar-Regolament b’mod ġenerali, ħlief għall-Artikoli 13 (Responsabbiltà għall-passiġġieri u l-bagalji) u 14 (Assigurazzjoni u kopertura tar-responsabbiltà).
Sitt Stati Membri eżentaw l-applikabbiltà tal-Artikolu 10 tar-Regolament minħabba li ma huwiex teknikament fattibbli għall-amministraturi tal-infrastruttura li jiddistribwixxu data f’ħin reali lill-impriżi ferrovjarji, lill-bejjiegħa tal-biljetti, lill-operaturi tal-vjaġġi jew lill-amministraturi tal-istazzjonijiet ( 24 ). Fil-każijiet kollha l-eżenzjoni tapplika sas-7 ta’ Ġunju 2030 (l-Artikolu 2(5) tar-Regolament).
Tmien Stati Membri użaw il-possibbiltà li japplikaw perjodu itwal ta’ 36 siegħa għall-prenotifiki minflok 24 siegħa għall-assistenza lil persuni b’diżabbiltà u lil persuni b’mobbiltà mnaqqsa( 25 ). Fil-każijiet kollha, l-eżenzjoni tapplika sat-30 ta’ Ġunju 2026, f’konformità mal-perjodu massimu permess għal din l-eżenzjoni skont l-Artikolu 24(a), it-tielet subparagrafu tar-Regolament. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, il-perjodu massimu ta’ 24 siegħa għall-prenotifika diġà ilu japplika mid-dħul fis-seħħ fis-7 ta’ Ġunju 2023. Fid-Danimarka, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni huwa aktar limitat, peress li japplika biss għal servizzi ferrovjarji transfruntiera lejn il-Ġermanja aktar milli għas-servizzi ferrovjarji kollha tal-passiġġieri.
Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-użu tal-eżenzjonijiet skont ir-Regolament huwa relattivament mifrux iżda jvarja b’mod sinifikanti fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Diversi għażliet ta’ eżenzjoni jintużaw minn għadd imdaqqas ta’ Stati Membri, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw is-servizzi urbani, suburbani u reġjonali, kif ukoll l-għażla għas-servizzi ferrovjarji mħaddma strettament għal skopijiet storiċi jew turistiċi. B’kuntrast għal dan, grupp iżgħar ta’ Stati Membri juża possibbiltajiet oħra ta’ eżenzjoni, bħal dawk relatati mas-servizzi ferrovjarji domestiċi fuq distanzi twal u s-servizzi ferrovjarji internazzjonali lejn pajjiżi terzi.
Jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li jeżentaw ċerti servizzi ferrovjarji mill-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, huma jridu jinformaw lill-Kummissjoni kif xieraq. Meta jipprovdu din l-informazzjoni, l-Istati Membri jridu jippreżentaw ir-raġunijiet għall-għoti ta’ tali eżenzjonijiet. Il-premessa 10 tar-Regolament tiċċara li, meta jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-eżenzjonijiet li jkunu ngħataw, l-Istati Membri jenħtieġ li jispjegaw ukoll il-miżuri li jkunu ħadu jew li jipprevedu għall-konformità mal-obbligi skont ir-Regolament meta jiskadu l-eżenzjonijiet ikkonċernati. Kienu 26 Stat Membru( 26 ) li nnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali, inklużi l-eżenzjonijiet li kienu taw f’konformità mar-Regolament.
Meta mqabbel mal-approċċ skont ir-Regolament preċedenti, dan jissuġġerixxi bidla lejn użu aktar strutturat u differenzjat tal-eżenzjonijiet. Skont il-qafas preċedenti, l-eżenzjonijiet intużaw b’mod wiesa’ mill-Istati Membri u fil-kategoriji ta’ servizzi inġenerali, u spiss kellhom kamp ta’ applikazzjoni wiesa’, b’xi wħud rinnovabbli wkoll fuq perjodi twal. Skont il-qafas kurrenti, l-eżenzjonijiet għadhom jeżistu, b’mod partikolari għas-servizzi urbani, suburbani u reġjonali, iżda hemm distinzjoni aktar ċara bejn grupp limitat ta’ utenti aktar estensivi( 27 ) u sett dejjem jikber ta’ Stati Membri li ftit li xejn jużaw derogi( 28 ) jew (kważi)( 29 ) ma jużaw ebda deroga( 30 ). Barra minn hekk, l-eżenzjonijiet huma aktar spiss definiti bħala eċċezzjonijiet immirati u speċifiċi għad-dispożizzjonijiet jew differimenti b’terminu, aktar milli esklużjonijiet wesgħin u miftuħa, li jissuġġerixxi tnaqqis gradwali tar-rwol tal-eżenzjonijiet u espansjoni korrispondenti tal-firxa tar-Regolament fil-prattika.
2.2.Trattament ugwali (l-Artikolu 5)
L-Artikolu 5 tar-Regolament jirrikjedi li l-impriżi ferrovjarji, il-bejjiegħa tal-biljetti u l-operaturi tal-vjaġġi joffru kundizzjonijiet kuntrattwali u tariffi mingħajr diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità tal-passiġġier (ta’ Stat Membru) jew il-post tal-istabbiliment tal-fornitur fl-UE. Din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għat-tariffi soċjali u tapplika wkoll għar-riservazzjonijiet skont l-Artikolu 11 tar-Regolament. Dispożizzjonijiet simili kontra d-diskriminazzjoni diġà kienu jeżistu għal mezzi oħra ta’ trasport qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament, filwaqt li fil-kuntest tal-ivvjaġġar bil-ferrovija, kienet tintuża d-dispożizzjoni ġenerali dwar in-nondiskriminazzjoni tat-Trattat (l-Artikolu 18 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE). L-introduzzjoni tal-Artikolu 5 għalhekk iżżid iċ-ċertezza legali. Barra minn hekk, dan l-Artikolu huwa waħda mid-dispożizzjonijiet obbligatorji ewlenin tar-Regolament li ma tistax tiġi eżentata għal servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri (sub)urbani u reġjonali, u lanqas ma tista’ tiġi eżentata għal servizzi domestiċi fuq distanzi twal.
Abbażi tal-evidenza disponibbli miġbura fil-kuntest tal-istudju ta’ sostenn, jidher li ma hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta bbażata fuq in-nazzjonalità fi kwalunkwe Stat Membru. L-impriżi ferrovjarji kkonsultati kkonfermaw li, għalkemm jistgħu japplikaw tariffi differenti (eż. tariffa soċjali, skont għall-gruppi, żieda fil-prezz qrib id-data tal-ivvjaġġar, prezzijiet differenti skont il-bejjiegħ tal-biljetti), ma tiġi applikata l-ebda diskriminazzjoni jew pprezzar differenti abbażi tan-nazzjonalità.
Fl-istess ħin, hemm ukoll indikazzjonijiet fl-istudju ta’ sostenn li n-nonċittadini ta’ Stat Membru jistgħu jkunu soġġetti għal trattament differenti fil-prattika minħabba r-rekwiżiti biex jiġi żgurat l-aċċess għat-tariffi soċjali, eż. il-ħtieġa ta’ ċertifikati nazzjonali. Dan jista’ potenzjalment jillimita l-aċċess għal tali skontijiet għall-passiġġieri li ma jkunux ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat, peress li anke jekk normalment jikkwalifikaw għall-iskont (eż. minħabba li jkunu persuni b’diżabbiltà jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa jew studenti), jista’ ma jkollhomx iċ-ċertifikazzjoni nazzjonali meħtieġa biex jixtru biljett skontat. F’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE( 31 ), kull każ li jikkonċerna t-tariffi soċjali għar-residenti jrid jiġi vvalutat individwalment u jista’ jitqies aċċettabbli skont id-dritt tal-UE jekk ikun iġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess pubbliku, irrispettivament min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati, u jekk il-miżura tkun proporzjonata għall-objettiv segwit.
Ir-rapporti tal-NEB skont l-Artikolu 32 tar-Regolament minn tliet Stati Membri ( 32 ) isemmu l-Artikolu 5 fid-deskrizzjoni tal-attivitajiet ta’ infurzar tagħhom. Madankollu, bħalissa ma hemm l-ebda lment, investigazzjoni jew penali relatata b’mod espliċitu mal-Artikolu 5 tar-Regolament. Rapport wieħed biss ta’ NEB( 33 ) jelenka 14-il ilment bħala “Diskriminazzjoni ta’ passiġġieri bbażata fuq in-nazzjonalità” minn 647 inċident relatat mar-Regolament fl-2024, iżda ma hemmx dettalji dwar l-eżiti, l-investigazzjonijiet jew il-penali skont ir-Regolament. Rapport ta’ NEB ieħor( 34 ) jelenka l-Artikolu 5 tar-Regolament taħt il-penali iżda ma jsemmi l-ebda sanzjoni. Dan jaqbel mal-intervisti li saru fil-kuntest tal-istudju ta’ sostenn, li jindikaw li l-kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni bbażati direttament fuq in-nazzjonalità huma rari jew assenti għalkollox.
2.3. Ġarr ta’ roti (l-Artikolu 6)
Ir-Regolament isaħħaħ id-dritt preeżistenti għall-ġarr tar-roti skont ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 billi jistabbilixxi li l-passiġġieri għandhom ikunu intitolati li jieħdu roti abbord (għal tariffa raġonevoli fejn xieraq). Dan jinkludi d-dritt li ssir riservazzjoni għall-ġarr tar-rota fuq il-ferroviji li għalihom huma meħtieġa r-riservazzjonijiet, u l-għoti ta’ rimedji għal ċaħda mhux ġustifikata ta’ spazji riservati (ridirezzjonar tar-rotta skont l-Artikolu 18, kumpens skont l-Artikolu 19, assistenza skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament). Ir-Regolament jintroduċi wkoll obbligi ta’ stivar (l-użu ta’ spazji apposta fejn disponibbli, inkella l-passiġġier irid iżomm ir-rota stivata taħt għajnejh biex jiżgura li ma tkunx ta’ dannu għall-passiġġieri l-oħrajn jew ta’ tfixkil għall-operazzjonijiet ferrovjarji). L-impriżi ferrovjarji huma meħtieġa wkoll jippubblikaw il-limiti tal-kapaċità u l-kundizzjonijiet fuq is-siti web u fl-istazzjonijiet, billi japplikaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà relatati mal-applikazzjonijiet telematiċi għas-servizzi tal-passiġġieri. Ir-Regolament jintroduċi wkoll rekwiżit li, mis-7 ta’ Ġunju 2025, il-proċeduri ta’ akkwist għal vetturi ferrovjarji ġodda jew għal titjib kbir ta’ vetturi ferrovjarji eżistenti li jkunu jeħtieġu awtorizzazzjoni ġdida għall-vetturi biex jiġu introdotti fis-suq (esklużi l-vaguni ristoranti, tal-irqad jew tal-kuċċetti) iridu jinkorporaw għadd adegwat ta’ spazji apposta għar-roti mmuntati (għall-kuntrarju ta’ dawk li jintwew biss) fil-kompożizzjonijiet tal-ferroviji. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(5) u (6) jippermetti lill-impriżi ferrovjarji jew lill-awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jadottaw pjanijiet għall-ġarr tar-roti wara konsultazzjoni pubblika. Fin-nuqqas ta’ tali pjanijiet jew fejn il-pjanijiet ma jiddeterminawx għadd ta’ spazji apposta għar-roti mmuntati, kull kompożizzjoni tal-ferrovija għandu jkollha mill-inqas erba’ postijiet għar-roti. Dan ir-rekwiżit jista’ jkun soġġett għal eċċezzjonijiet iġġustifikati b’mod oġġettiv (eż. id-domanda staġunali għall-iskijjar fuq rotot fejn ftit jintużaw roti), filwaqt li l-Istati Membri jistgħu jimponu valuri minimi ogħla għal ċerti tipi ta’ servizzi.
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 jistgħu jiġu eżentati għas-servizzi ferrovjarji urbani u suburbani tal-passiġġieri (l-Artikolu 2(6)(a)), servizzi internazzjonali li parti sinifikanti minnhom titħaddem barra mill-UE (l-Artikolu 2(6)(b)), u servizzi li jitħaddmu strettament għal użu storiku jew turistiku (l-Artikolu 2(2)). Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 ma jistgħux jiġu eżentati u dejjem japplikaw bis-sħiħ għas-servizzi ferrovjarji reġjonali tal-passiġġieri (l-Artikolu 2(8), it-tieni subparagrafu) u għas-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri fuq distanzi twal, li huma definiti bħala mhux urbani, mhux suburbani, u mhux reġjonali (l-Artikolu 3(15)). Dan jiżgura li r-rekwiżiti tal-ġarr tar-roti jibqgħu obbligatorji għal dawn is-servizzi ewlenin tan-network. B’mod ġenerali, il-possibbiltà li tiġi eżentata din id-dispożizzjoni ma ntużatx ħafna madwar l-Istati Membri: għas-servizzi ferrovjarji urbani jew suburbani, seba’ Stati Membri( 35 ) innotifikaw eżenzjonijiet, filwaqt li seba’ Stati Membri( 36 ) innotifikaw eżenzjonijiet fir-rigward tas-servizzi internazzjonali li parti sinifikanti minnhom, inkluż mill-inqas waqfa waħda skedata fl-istazzjon, titħaddem barra mill-UE.
F’termini ta’ sejbiet, l-istudju ta’ sostenn jissuġġerixxi li ħames Stati Membri jirrikjedu li l-impriżi ferrovjarji jiżviluppaw pjanijiet għar-roti( 37 ). F’żewġ Stati Membri, l-impriżi ferrovjarji żviluppaw pjanijiet bħal dawn mingħajr rekwiżiti nazzjonali( 38 ). L-għadd ta’ spazji għar-roti huwa deskritt fil-pjanijiet għar-roti tal-impriżi ferrovjarji li joperaw f’erba’ Stati Membri( 39 ). L-istudju ta’ sostenn jindika li dawn il-pjanijiet ġew stabbiliti f’konsultazzjoni mal-pubbliku u mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi rilevanti.
Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, jidher ukoll li Stat Membru wieħed (Franza) għadda leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi għadd minimu ogħla ta’ spazji għar-roti: tmien spazji għal ferroviji ġodda u rinnovati destinati għal servizzi ta’ aċċess miftuħ, servizzi ta’ interess nazzjonali u ċerti servizzi reġjonali( 40 ).
L-istudju ta’ sostenn sab ukoll li l-għadd minimu ta’ erba’ spazji għar-roti huwa rispettat mill-impriżi ferrovjarji stabbiliti li joperaw fi 17-il Stat Membru( 41 ). F’ċirkostanzi speċifiċi, madankollu, jistgħu jkunu disponibbli anqas minn erba’ spazji għar-roti f’servizzi pprovduti minn impriżi ferrovjarji f’14-il Stat Membru( 42 ). Dan jista’ jkun, pereżempju, minħabba l-kapaċità limitata fuq ċerti ferroviji, rotot jew servizzi, jew minħabba limiti stabbiliti matul staġuni speċifiċi jew meta l-ferroviji jkunu affollati b’mod eċċessiv. L-għadd minimu ta’ spazji għar-roti magħmula disponibbli minn kull impriża ferrovjarja jista’ jvarja wkoll skont il-ferrovija jew is-servizz. Fl-istess ħin, f’xi sitwazzjonijiet, jistgħu jkunu disponibbli aktar minn erba’ spazji tar-roti f’servizzi pprovduti minn impriżi ferrovjarji stabbiliti fi 11-il Stat Membru( 43 ). Dan jista’ jkun, pereżempju, meta jintużaw vetturi ferrovjarji aktar ġodda.
Peress li l-Artikolu 6(4) tar-Regolament daħal fis-seħħ f’Ġunju 2025, fi kważi l-Istati Membri kollha b’servizzi ferrovjarji, l-impriżi ferrovjarji li ġew ivvalutati fl-istudju ta’ sostenn issa jidhru li qed iqisu r-rekwiżiti ta’ għadd minimu ta’ spazji għar-roti meta jakkwistaw vetturi ferrovjarji ġodda.
L-istudju ta’ sostenn jindika wkoll li l-impriżi ferrovjarji fi kważi l-Istati Membri kollha jirrikjedu tariffa biex jittrasportaw rota abbord ferrovija. Dawn it-tariffi fissi jew varjabbli huma tipikament fil-medda ta’ EUR 1,50 sa EUR 7,95. Il-biċċa l-kbira tal-impriżi ferrovjarji jirrikjedu wkoll riservazzjoni minn qabel, b’mod partikolari għal servizzi fejn ir-riservazzjoni tal-postijiet hija obbligatorja.
Il-biċċa l-kbira tal-impriżi ferrovjarji koperti mill-istudju ta’ sostenn jidhru li jimponu xi forma ta’ restrizzjoni operazzjonali (eż. il-ħinijiet l-aktar intensivi, regoli staġunali, fuq servizzi li jaħdmu minflok il-karozzi tal-linja), inkluż fir-rigward tal-piż u d-dimensjonijiet tar-roti ttrasportati (eż. restrizzjonijiet fuq ir-roti għall-ġarr tal-merkanzija jew fuq il-“fatbikes”).
Fi ftit kliem, jidher li hemm livell ġeneralment tajjeb ta’ implimentazzjoni li ħoloq ukoll momentum pożittiv biex jitħeġġeġ il-ġarr tar-roti fuq il-ferroviji.
Abbażi tar-rapporti tal-NEBs, kien hemm ftit każijiet ta’ lmenti relatati mar-roti fl-Istati Membri analizzati. Żewġ NEBs( 44 ) irreġistraw żewġ ilmenti kull wieħed, filwaqt li NEB ieħor( 45 ) irreġistra lment wieħed; NEB wieħed( 46 ) indika li 0,7 % tal-ilmenti li rċieva kienu jirrigwardaw ir-roti. NEB( 47 ) ieħor qed jimmonitorja jekk l-informazzjoni dwar il-ġarr tar-roti tintweriex fuq is-siti web tat-trasportaturi u ppjana attivitajiet ta’ infurzar fil-futur. Dwar il-monitoraġġ ġenerali tal-Artikolu 6 tar-Regolament mill-NEBs, huwa meħtieġ monitoraġġ kontinwu u, fejn rilevanti, trid tittieħed azzjoni dwar l-għadd minimu ta’ roti fuq il-ferroviji u l-informazzjoni lill-passiġġieri dwar il-kundizzjonijiet għall-ġarr tar-roti.
2.4.Informazzjoni dwar l-ivvjaġġar f’ħin reali (l-Artikolu 10)
L-Artikolu 10 tar-Regolament introduċa l-possibbiltà li jkun hemm aċċess għal informazzjoni f’ħin reali dwar id-dewmien, ir-riservazzjonijiet u d-disponibbiltà biex is-suq tal-biljettar ferrovjarju jsir aktar dinamiku u biex jiġi mħeġġeġ il-bejgħ ta’ biljetti aktar innovattivi. Din il-possibbiltà jenħtieġ li tippermetti lit-trasportaturi ferrovjarji, lill-bejjiegħa tal-biljetti u lill-operaturi tal-vjaġġi differenti jbigħu pakketti ta’ biljetti minn trasportaturi differenti u għal varjetà ta’ konnessjonijiet. Barra minn hekk, l-artikolu jelimina d-diskriminazzjoni preċedenti bejn il-passiġġieri, fejn dawk li jkunu xtraw il-biljett direttament mill-impriża ferrovjarja biss jiksbu informazzjoni sħiħa dwar id-dewmien (li jseħħ f’ħin reali, jekk it-trasportatur joffri tali informazzjoni, pereżempju f’applikazzjoni) u l-possibbiltajiet ta’ konnessjonijiet ulterjuri biex ikomplu l-vjaġġ.
L-Artikolu 10 tar-Regolament, li jibni fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007, fih żewġ raġunijiet għall-kondiviżjoni tad-data bejn atturi differenti fis-settur ferrovjarju usa’. L-ewwel nett, jobbliga lill-amministraturi tal-infrastruttura sabiex jikkondividu d-data f’ħin reali dwar il-wasla u t-tluq tal-ferroviji lill-impriżi ferrovjarji, lill-bejjiegħa tal-biljetti, lill-operaturi tal-vjaġġi u lill-amministraturi tal-istazzjonijiet. It-tieni, l-impriżi ferrovjarji jridu jipprovdu lill-impriżi ferrovjarji l-oħra, lill-bejjiegħa tal-biljetti u lill-operaturi tal-vjaġġi li jbigħu s-servizzi tagħhom b’aċċess għall-informazzjoni minima dwar l-ivvjaġġar (Anness II, il-Partijiet I u II) u b’aċċess għall-operazzjonijiet dwar is-sistemi ta’ riservazzjoni (Anness II, il-Parti III). Kif imsemmi aktar ’il fuq, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw dan l-Artikolu sas-7 ta’ Ġunju 2030 jekk ma jkunx teknikament fattibbli għall-amministratur tal-infrastruttura li jikkonforma mar-rekwiżit li jikkondividi data dwar it-traffiku f’ħin reali skont ir-regoli stabbiliti mill-Artikolu 10.
Jekk ikun teknikament impossibbli għall-amministraturi tal-infrastruttura li jippreżentaw data dwar it-traffiku f’ħin reali (jiġifieri din id-data ma tistax tiġi pprovduta lil xi entità), allura Stat Membru jista’ japplika eżenzjoni minn dan l-obbligu sal-2030. Madankollu, l-Istat Membru jrid jirrivaluta s-sitwazzjoni u jirrapporta lill-Kummissjoni Ewropea kull sentejn. Dan l-obbligu ta’ rapportar ġie introdott biex joħorġu d-diffikultajiet u biex jgħin biex jinstabu malajr soluzzjonijiet għal problemi tekniċi bħal dawn.
F’termini tad-distribuzzjoni ta’ data f’ħin reali mill-amministraturi tal-infrastruttura skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament, sitt Stati Membri( 48 ) innotifikaw lill-Kummissjoni b’eżenzjoni sħiħa għal dan l-Artikolu sal-2030. Ċerti Stati Membri oħra nnotifikaw eżenzjonijiet speċifiċi għal dan l-Artikolu għas-servizzi urbani u suburbani( 49 ); is-servizzi reġjonali( 50 ); is-servizzi internazzjonali lil hinn mill-UE( 51 ); u s-servizzi għal użu storiku jew turistiku( 52 ).
Fir-rigward tal-obbligu impost fuq l-amministraturi tal-infrastruttura mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament, l-istudju ta’ sostenn jindika distribuzzjoni mifruxa ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali lill-impriżi ferrovjarji, iżda l-informazzjoni f’ħin reali mogħtija lil atturi oħra ma hijiex uniformi. Skont l-istudju, l-amministraturi tal-infrastruttura jidhru li jagħtu informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali lill-impriżi ferrovjarji fi 22 Stat Membru( 53 ); lill-amministraturi tal-istazzjonijiet fi 11-il Stat Membru ( 54 ) ; lill-bejjiegħa tal-biljetti fi 12-il Stat Membru( 55 ); u lill-operaturi tal-vjaġġi f’għaxar Stati Membri( 56 ). L-istudju juri wkoll li l-amministraturi tal-infrastruttura jipprovdu data mingħajr ħlas fi 12-il Stat Membru( 57 ). Xi Stati Membri rrapportaw evidenza ta’ relazzjonijiet kuntrattwali għall-forniment ta’ tali data( 58 ). Fi Franza, l-amministratur tal-infrastruttura juri d-data f’żewġ forom. L-ewwel, fil-forma ta’ data miftuħa, li hija mingħajr ħlas għall-atturi kollha li jixtiequ jaċċessawha. Barra minn hekk, l-amministratur tal-infrastruttura joffri wkoll tipi differenti ta’ data li jistgħu jiġu integrati direttament fis-sistemi ta’ kull attur, bħall-bejjiegħa tal-biljetti u l-operaturi tal-vjaġġi. Dan it-tip ta’ data ma huwiex obbligatorju għal dawn id-distributuri tal-biljetti, għalkemm l-amministratur tal-infrastruttura jħeġġeġ l-użu u d-disponibbiltà tiegħu.
Fir-rigward tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament, li jobbliga lill-impriżi ferrovjarji jipprovdu lil impriżi ferrovjarji oħrajn, lill-bejjiegħa tal-biljetti u lill-operaturi tal-vjaġġi li jbigħu s-servizzi tagħhom b’aċċess għal informazzjoni minima dwar l-ivvjaġġar kif stabbilit mir-Regolament, jirriżulta mill-Artikolu 2(5) tar-Regolament li eżenzjoni minn Stat Membru testendi għad-dispożizzjonijiet kollha tal-Artikolu 10. Għalhekk, l-istess Stati Membri li eżentaw l-Artikolu 10(1) tar-Regolament huma eżentati wkoll mir-rekwiżiti tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament.
L-evidenza disponibbli mill-istudju ta’ sostenn tindika li fi tmien Stati Membri, l-impriżi ferrovjarji jikkondividu l-informazzjoni meħtieġa ma’ impriżi ferrovjarji oħrajn( 59 ); fi tmien Stati Membri mal-bejjiegħa tal-biljetti ( 60 ) u f’ħames Stati Membri mal-operaturi tal-vjaġġi( 61 ). L-evidenza tindika wkoll li ġiet kondiviża informazzjoni ta’ qabel il-vjaġġi fi 11-il Stat Membru( 62 ); informazzjoni relatata mal-vjaġġi f’seba’ Stati Membri( 63 ); u aċċess għall-operazzjonijiet dwar is-sistemi ta’ riservazzjoni f’għaxar Stati Membri( 64 ). Fir-rigward ta’ ħlasijiet, l-impriżi ferrovjarji f’żewġ Stati Membri jimponu xi tariffi( 65 ), filwaqt li l-aċċess huwa bla ħlas fi 12-il Stat Membru( 66 ). Kuntratti formali jew arranġamenti oħra ma’ impriżi ferrovjarji għal informazzjoni minima dwar l-ivvjaġġar ġew irrapportati f’erba’ Stati Membri( 67 ).
Ir-rapporti tal-NEBs jindikaw li xi NEBs( 68 ) irċevew ilmenti dwar l-informazzjoni mingħajr ma speċifikaw jekk l-ilment kienx relatat ma’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali. NEB wieħed( 69 ) enfasizza l-attivitajiet ta’ infurzar tiegħu dwar din il-kwistjoni fir-rapport tiegħu.
2.5.Biljetti globali (Artikolu 12)
2.5.1.L-obbligu li jiġu offruti biljetti globali għal impriżi ferrovjarji uniċi
L-Artikolu 12(1) tar-Regolament introduċa obbligu ġdid li s-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri reġjonali jew fuq distanzi twal imħaddma minn “impriża ferrovjarja waħda”( 70 ) għandhom jiġu offruti bħala biljett globali( 71 ) minn dawk l-impriżi. L-għan ta’ din il-miżura huwa li tiżgura protezzjoni aktar komprensiva tal-passiġġieri li jħabbtu wiċċhom ma’ konnessjonijiet mitlufa matul il-vjaġġ tagħhom u li żżid id-disponibbiltà ta’ biljetti globali fis-suq. B’mod partikolari, il-passiġġieri b’biljett globali li jitilfu konnessjoni bejn is-servizzi ferrovjarji koperti minn dak il-biljett għandhom id-dritt li jiġu offruti l-għażla bejn ir-rimborż tal-prezz tal-biljett jew il-kontinwazzjoni/ir-ridirezzjonar tar-rotta sad-destinazzjoni finali; id-dritt għal kumpens (ħlief meta l-biljett ikun ġie rrimborżat); u d-dritt għall-assistenza (xorb, ikel, akkomodazzjoni)( 72 ).
Is-sejbiet mill-istudju ta’ sostenn juru li fl-Istati Membri kollha fejn huma disponibbli s-servizzi ferrovjarji, l-impriżi ferrovjarji li jikkwalifikaw bħala “impriża ferrovjarja waħda” ġeneralment joffru vjaġġi fuq is-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri fuq distanzi twal u reġjonali tagħhom stess bħala biljett globali. Din il-konformità ġenerali tista’ tiġi spjegata mill-kamp ta’ applikazzjoni ristrett tal-obbligu, li huwa limitat għas-servizzi ta’ “impriża ferrovjarja waħda”, jiġifieri tal-istess impriża ferrovjarja jew ta’ diversi impriżi taħt l-istess sjieda sħiħa.
Barra minn hekk, f’xi Stati Membri ġew identifikati xi karatteristiċi partikolari. Pereżempju, fil-Lussemburgu, l-ivvjaġġar bil-ferrovija tat-tieni klassi fuq servizzi tal-passiġġieri mħaddma mill-impriża ferrovjarja ewlenija huwa mingħajr ħlas u ma jeħtieġx biljett (globali)( 73 ). Fin-Netherlands, hemm fis-seħħ sistema nazzjonali ta’ check-in u check-out. Il-vjaġġi tal-passiġġieri jibdew meta jagħmlu check-in fl-istazzjon tat-tluq u jintemmu meta jagħmlu check-out fl-istazzjon tad-destinazzjoni finali, irrispettivament minn kwalunkwe trasferiment, tip ta’ servizzi ferrovjarji użat jew tibdil tal-impriża ferrovjarja. Fil-prattika, dan jidher li jaħdem bħala sistema ta’ biljettar globali.
2.5.2.Kooperazzjoni għal servizzi ferrovjarji oħra tal-passiġġieri
Għas-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri minbarra s-servizzi fuq distanzi twal jew reġjonali mħaddma minn impriżi ferrovjarji uniċi, l-Artikolu 12(1) tar-Regolament jiddikjara li l-impriżi ferrovjarji għandhom jagħmlu l-isforzi raġonevoli kollha biex joffru biljetti globali u għandhom jikkooperaw bejniethom għal dak il-għan.
Fir-rigward tas-servizzi ferrovjarji urbani u suburbani tal-passiġġieri, is-sejbiet tal-istudju ta’ sostenn juru li l-biljetti globali jiġu offruti wkoll għal dawn is-servizzi mħaddma mill-impriżi ferrovjarji fi 17-il Stat Membru( 74 ). Jidher li saħansitra jiġu offruti mill-impriża ferrovjarja ewlenija f’żewġ Stati Membri li nnotifikaw eżenzjoni mill-Artikolu 12(1) tar-Regolament għas-servizzi (sub)urbani( 75 ). Dawn il-każijiet jindikaw li l-biljetti globali jistgħu jkunu qed jiġu offruti fil-prattika b’mod aktar wiesa’ għal dawn is-servizzi milli jista’ jiġi dedott mill-qafas tal-eżenzjonijiet waħdu. Min-naħa l-oħra, il-biljetti globali għas-servizzi (sub)urbani ma jidhrux li huma disponibbli fi tliet Stati Membri li ma nnotifikawx eżenzjoni għall-Artikolu 12(1) tar-Regolament( 76 ).
Fir-rigward tal-ivvjaġġar domestiku bil-ferrovija (jiġifieri fi Stat Membru wieħed), instabet evidenza ta’ skemi ta’ biljettar globali li jkopru diversi impriżi ferrovjarji f’għadd limitat ta’ Stati Membri:
-Fiċ-Ċekja, taħt is-sistema Oneticket, il-vjaġġ kollu jitqies bħala kuntratt ta’ trasport wieħed meta jseħħ fi ħdan in-network ferrovjarju tal-pajjiż, irrispettivament mill-għadd ta’ impriżi ferrovjarji. Japplikaw id-drittijiet tal-passiġġieri għall-interruzzjonijiet tal-vjaġġ( 77 ).
-Fil-Ġermanja, l-impriżi ferrovjarji jipparteċipaw f’sistema ta’ noll komuni taħt id-Deutschlandtarif. Il-biljetti maħruġa għal vjaġġ li jikkonsisti f’servizzi ferrovjarji direttament biswit xulxin ta’ impriżi li jipparteċipaw fid-Deutschlandtarif, inklużi passes temporanji bħad-Deutschlandticket ta’ xahar, jitqiesu bħala biljett globali skont ir-Regolament. Id-Deutschlandtarif tikkonċerna prinċipalment is-servizzi ferrovjarji reġjonali u (sub)urbani tal-passiġġieri pprovduti minn madwar 50 impriża ferrovjarja pubblika u privata u ma tinkludix servizzi fuq distanzi twal minn eż. DB Fernverkehr AG, Flixtrain jew Eurostar( 78 ).
-Fl-Ungerija, il-biljetti kollha għall-vjaġġi domestiċi huma meqjusa bħala biljetti globali, inklużi l-biljetti għall-vjaġġi li jkopru diversi impriżi ferrovjarji differenti. Madankollu, il-biċċa l-kbira tas-servizzi ferrovjarji domestiċi tal-passiġġieri huma mħaddma minn MÁV u GYSEV. Din tal-aħħar tħaddem biss xi servizzi ferrovjarji fil-Majjistral tal-pajjiż. GYSEV hija wkoll parzjalment proprjetà tal-Istat Ungeriż, bħal MÁV( 79 ).
-Fil-Polonja, PKP Intercity tikkoopera ma’ disa’ impriżi ferrovjarji reġjonali biex toffri biljetti konġunti li jintegraw in-nollijiet (Wspolny Bilet, jew WB). Il-biljett WB ma huwiex estiż għall-vjaġġi fuq il-ferroviji TLK( 80 ) jew Intercity (IC) f’vaguni tal-irqad jew bil-kuċċetti, jew għas-servizzi ferrovjarji mħaddma minn impriżi ferrovjarji li ddeċidew li ma jiħdux sehem f’din il-kooperazzjoni( 81 ). Fil-każ ta’ dewmien jew ta’ ostakli oħra li jikkawżaw konnessjonijiet mitlufa, il-passiġġieri jistgħu jiksbu ċertifikat ta’ dewmien għall-kontinwazzjoni b’kundizzjonijiet tal-vjaġġ tagħhom fuq il-ferrovija disponibbli li jkun imiss tal-impriża ferrovjarja parteċipanti, suġġett għad-disponibbiltà tal-postijiet, bi dritt għal rifużjoni jew kumpens mill-impriża ferrovjarja li toħroġ il-biljett għan-noll integrat kollu( 82 ). Madankollu, l-iskema ma tkoprix xi impriżi ferrovjarji indipendenti attivi fis-suq Pollakk bħal RegioJet u Leo Express( 83 ).
-Fl-Iżvezja, Resplus tagħti lill-passiġġieri l-possibbiltà li jikkombinaw l-ivvjaġġar ma’ diversi operaturi tat-trasport (ferrovija, xarabank, lanċa, eċċ.) taħt biljett wieħed ta’ Resplus, bis-saħħa tal-kooperazzjoni bejn l-operaturi tat-trasport pubbliku tal-Iżvezja. Kull ferrovija li tibda jew tispiċċa fl-Iżvezja hija koperta minn Resplus. F’każ ta’ konnessjoni mitlufa matul vjaġġ ta’ Resplus, tapplika l-Kom-Fram-Garanti (garanzija tal-wasla). Dan ifisser li l-operatur tat-trasport, li minħabba fih il-passiġġier jitlef il-konnessjoni tiegħu, ikun responsabbli: biex jiżgura li l-passiġġier ikun jista’ jkompli l-vjaġġ tiegħu; biex jipprovdi alternattivi għall-prenotazzjoni mill-ġdid; biex joffri akkomodazzjoni, ikel u xorb; u biex jagħti rimborż jew kumpens parzjali jew sħiħ għad-dewmien (għall-vjaġġi kkombinati b’distanza totali ta’ aktar minn 150 km), bl-użu tal-istess limiti u valuri bħal fir-Regolament( 84 ).
Ma jidhirx li hemm kooperazzjoni domestika bejn l-impriżi ferrovjarji fi Stati Membri oħra biex joffru biljetti globali. F’xi każijiet, dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li impriża ferrovjarja waħda biss bħalissa tipprovdi servizzi ferrovjarji domestiċi tal-passiġġieri fit-territorju tagħhom.
Il-kooperazzjoni dwar is-servizzi ferrovjarji transfruntiera tal-passiġġieri qed isseħħ fuq bażi volontarja biex jiġu offruti biljetti globali għal xi vjaġġi b’konnessjoni waħda jew aktar, iżda din il-kooperazzjoni ma tidhirx li sseħħ fuq bażi sistematika fi ħdan l-UE( 85 ).
2.5.3.Informazzjoni lill-passiġġieri dwar il-biljetti globali
Jirriżulta mill-Artikolu 12(2) tar-Regolament li għall-vjaġġi li jinkludu konnessjoni waħda jew aktar, il-passiġġier għandu jkun infurmat qabel ma jixtri biljett jew biljetti jekk dak il-biljett jew dawk il-biljetti jkunux jikkostitwixxu biljett globali( 86 ). Mill-perspettiva tal-passiġġier, dan ir-rekwiżit huwa essenzjali biex jifhem u jantiċipa l-livell ta’ protezzjoni assoċjat mal-biljett(i) f’każ ta’ interruzzjonijiet matul vjaġġ li jaffettwaw il-konnessjoni tal-passiġġier bejn diversi servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri.
L-istudju ta’ sostenn għal dan ir-rapport sab varjetà ta’ mezzi li permezz tagħhom il-partijiet ikkonċernati (prinċipalment l-impriżi ferrovjarji stabbiliti) jidhru li jikkonformaw ma’ dan ir-rekwiżit ta’ informazzjoni ta’ qabel ix-xiri. Eżempji msemmija mill-partijiet ikkonċernati jinkludu tikketta jew avviż f’punti differenti fil-ħin tal-proċess tal-prenotazzjoni online( 87 ), informazzjoni bil-fomm mill-persunal fl-uffiċċji tal-biljetti, fl-uffiċċji tas-servizzi jew waqt il-bejgħ bit-telefown, u informazzjoni fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-impriża ferrovjarja. Fl-istess ħin, l-istudju jirrapporta wkoll li, f’xi Stati Membri, il-passiġġieri ma jiġux infurmati qabel ma jixtru dwar jekk il-biljett jew il-biljetti jikkostitwux biljett globali. Għal żewġ Stati Membri, dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li l-biljetti domestiċi kollha mixtrija fi tranżazzjoni waħda jitqiesu bħala biljetti globali, u b’hekk tonqos il-ħtieġa li l-passiġġieri jiġu informati b’mod espliċitu qabel ix-xiri( 88 ). Mill-istudju ta’ sostenn jirriżulta wkoll li f’mill-inqas Stat Membru wieħed, l-impriża ferrovjarja ewlenija u l-organizzazzjoni li tirrappreżenta lill-passiġġieri ma qablux dwar jekk din l-informazzjoni ngħatatx qabel ix-xiri( 89 ).
Għalhekk, jidher li l-passiġġieri mhux dejjem ikunu informati b’mod konsistenti u b’mod ċar qabel ix-xiri dwar jekk il-biljett jew il-biljetti li jixtru għal vjaġġ bil-ferrovija jikkostitwux biljett globali. Il-firxa ta’ mezzi potenzjali ta’ komunikazzjoni madwar l-Istati Membri li bihom tista’ tingħata din l-informazzjoni lill-passiġġieri f’mumenti differenti fil-proċess tal-prenotazzjoni — jekk l-informazzjoni effettivament tingħata — tagħmilha diffiċli għall-passiġġieri biex jinnavigaw il-proċess biex jiksbu l-informazzjoni u jifhmu d-drittijiet tagħhom. Dan huwa saħansitra aktar problematiku meta passiġġier jivvjaġġa ma’ diversi impriżi ferrovjarji (fin-nuqqas ta’ obbligu li jipprovdu biljetti globali), potenzjalment madwar diversi Stati Membri.
Rapport ta’ NEB wieħed isemmi lment relatat ma’ informazzjoni dwar il-biljetti globali, mingħajr ma jagħti aktar dettalji( 90 ).
2.5.4.Responsabbiltà għall-biljetti globali
F’konformità mal-Artikolu 12(3) tar-Regolament, u kif diġà ssemma aktar ’il fuq, meta vjaġġ li jinkludi konnessjoni waħda jew aktar jinbiegħ bħala biljett globali, l-impriża ferrovjarja għandha tkun responsabbli li tirrimborża jew tipprovdi r-ridirezzjoni( 91 ), tikkumpensa( 92 ) u tassisti( 93 ) lill-passiġġier jekk jitlef konnessjoni waħda jew aktar.
Fl-istudju ta’ sostenn, għalkemm il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati kkonsultati madwar l-Istati Membri analizzati ma setgħux jipprovdu informazzjoni dwar il-kwistjoni, l-evidenza disponibbli, meħuda primarjament mill-impriżi ferrovjarji stabbiliti, tissuġġerixxi li l-maġġoranza l-kbira tal-passiġġieri jagħżlu r-ridirezzjonar tar-rotot meta jitilfu l-konnessjonijiet fuq il-vjaġġi mixtrija b’biljetti globali( 94 ).
Ir-Regolament iqis ukoll sitwazzjoni fejn impriża ferrovjarja, fuq inizjattiva proprja, tbigħ biljetti kkombinati għal vjaġġ li jinvolvi impriżi ferrovjarji li ma jkunux parti mill-istess impriża ferrovjarja, u tagħmel dan fi tranżazzjoni kummerċjali waħda. F’dak il-każ, hemm suppożizzjoni ġenerali li dan jikkostitwixxi biljett globali — sakemm l-impriża ma tinformax lill-passiġġier, qabel ma jixtri, li l-biljetti jirrappreżentaw kuntratti ta’ trasport separati( 95 ).
Informazzjoni korretta dwar is-servizz ferrovjarju hija essenzjali wkoll meta l-passiġġieri jixtru l-biljetti minn bejjiegħ tal-biljetti jew minn operatur tal-vjaġġi. Meta l-bejjiegħa tal-biljetti jew l-operaturi tal-vjaġġi jbiegħu biljetti separati bħala pakkett fi tranżazzjoni kummerċjali waħda, jenħtieġ li jinformaw b’mod ċar lill-passiġġieri qabel ix-xiri li dawk il-biljetti ma joffrux l-istess livell ta’ protezzjoni bħall-biljetti globali, u li dawk il-biljetti ma nħarġux bħala biljetti globali mill-impriża ferrovjarja jew mill-impriżi ferrovjarji li jipprovdu s-servizz. Inkella, il-bejjiegħ tal-biljetti jew l-operatur tal-vjaġġi għandu jkun responsabbli biex jirrimborża l-ammont totali mħallas f’dik it-tranżazzjoni għall-biljett jew għall-biljetti u, barra minn hekk, li jħallas kumpens ekwivalenti għal 75 % ta’ dak l-ammont f’każ li l-passiġġier jitlef konnessjoni waħda jew aktar( 96 ).
Is-sejbiet tal-istudju ta’ sostenn jidhru li jissuġġerixxu li, f’konformità mal-konklużjonijiet li saru fit-Taqsima 2.5.3 aktar ’il fuq, meta tingħata informazzjoni dwar in-natura kuntrattwali separata tal-biljetti lill-passiġġieri, dan isir b’diversi modi jew qabel ix-xiri (eż. fuq sit web jew matul il-proċess ta’ prenotazzjoni online) jew wara x-xiri permezz ta’ messaġġ fuq il-biljett. F’xi Stati Membri, ma setgħet tinstab l-ebda evidenza li din l-informazzjoni ngħatat, u dan jista’ jiġi spjegat f’xi każijiet mill-fatt li s-servizzi ferrovjarji domestiċi kollha f’dak l-Istat Membru jitqiesu bħala biljetti globali.
Biex iżid ma’ din il-kumplessità, ir-Regolament jipprevedi reġim ta’ eżenzjonijiet li taħtu l-Istati Membri jistgħu, soġġett għal kundizzjonijiet speċifiċi, jeżentaw ċerti servizzi ferrovjarji( 97 ) mill-obbligi fl-Artikoli 18 sa 20 tar-Regolament (jiġifieri r-rimborż jew ir-ridirezzjonar, il-kumpens, u l-assistenza). Dawn l-eżenzjonijiet japplikaw kemm jekk il-passiġġier ikollu biljett globali kif ukoll jekk le. Minħabba dan, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn l-impriżi ferrovjarji jkunu meħtieġa joffru biljetti globali għal tip ta’ servizz partikolari skont l-Artikolu 12(1), filwaqt li l-istess tip ta’ servizz ikun, sa ċertu punt, eżentat mir-regoli korrispondenti dwar ir-responsabbiltà għall-konnessjonijiet mitlufa skont l-Artikoli 18 sa 20( 98 ).
Xi impriżi ferrovjarji daħlu fi ftehimiet settorjali multilaterali biex jassistu lill-passiġġieri jekk jitilfu konnessjoni bejn is-servizzi ferrovjarji ta’ impriżi differenti li ma jkunux koperti minn biljett globali (eż. l-Agreement on Journey Continuation (AJC) 99 ), il-Hop On the Next Available Train (HOTNAT)( 100 )). L-istruttura legali ġenerali dwar ir-responsabbiltà u l-għoti ta’ informazzjoni lill-passiġġieri tidher li tikkontribwixxi għal sitwazzjoni fejn il-passiġġieri jkollhom diffikultajiet biex ikunu jafu d-drittijiet tagħhom f’każ li jitilfu konnessjoni matul il-vjaġġ tagħhom bil-ferrovija( 101 ).
Rapport ta’ NEB wieħed( 102 ) jirreferi għal żewġ ilmenti relatati mar-responsabbiltà għall-kontinwazzjoni tal-vjaġġi u jekk tapplikax ir-responsabbiltà għal biljetti globali. F’każ wieħed, tqies hekk, filwaqt li fil-każ l-ieħor, dan ma seħħx.
2.6.Id-dritt ta’ ridirezzjonar awtonomu tar-rotta (l-Artikolu 18(3))
L-Artikolu 18(3) tar-Regolament jintroduċi dritt għall-passiġġieri għar-“ridirezzjonar awtonomu tar-rotta”, li jfisser li l-passiġġieri mhux biss jistgħu jieħdu l-inizjattiva biex isibu pjan ta’ vjaġġar alternattiv meta l-impriża ferrovjarja ma toffrix (immedjatament) alternattiva vijabbli. Ifisser ukoll, aktar importanti minn hekk, li l-passiġġieri jistgħu jiġu rimborżati mill-impriża ferrovjarja għall-kostijiet biex jippjanaw il-vjaġġ tagħhom huma stess. Fin-nuqqas ta’ dritt bħal dan, il-passiġġieri li jsibu rotta alternattiva huma stess ikunu intitolati l-aktar għar-rimborż tal-prezz tal-biljett u jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jirkupraw l-kostijiet tal-arranġamenti tal-aħħar minuta bir-rati applikabbli tal-jum (li jistgħu jkunu ferm ogħla mill-prezz tal-biljett oriġinali meta jkun ġie pprenotat).
Din id-dispożizzjoni tar-Regolament fiha approċċ f’żewġ stadji għall-passiġġieri.
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament jiddikjara li l-impriża ferrovjarja tista’ tippermetti lill-passiġġier, fuq talba tiegħu, li jikkonkludi kuntratti ma’ fornituri oħra ta’ servizzi tat-trasport li jippermettu lill-passiġġier jilħaq id-destinazzjoni finali taħt kondizzjonijiet komparabbli, f’liema każ l-impriża ferrovjarja għandha tirrimborża lura lill-passiġġier għall-kostijiet imġarrba minnu. Dan jippresupponi li l-impriża ferrovjarja taqbel mat-talba tal-passiġġier.
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament introduċa dritt ġdid sabiex jekk passiġġier ma jkunx ġie offrut soluzzjoni f’waqtha minn impriża ferrovjarja fi żmien 100 minuta f’każ ta’ interruzzjoni fil-vjaġġ tiegħu, il-passiġġier jista’ jorganizza trasport pubbliku alternattiv bil-ferrovija, bil-coach jew bix-xarabank u jiġi rrimborżat mill-impriża għall-kostijiet “meħtieġa, xierqa u raġonevoli” tal-biljett addizzjonali. Wara li jkunu għaddew 100 minuta, il-passiġġier ma jibqax jeħtieġ il-kunsens tat-trasportatur biex jorganizza trasport alternattiv.
F’seba’ Stati Membri, is-servizzi ferrovjarji reġjonali bħalissa huma eżentati b’mod espliċitu mill-applikazzjoni tal-Artikolu 18(3)( 103 ). Din l-eżenzjoni suppost tiskadi fis-7 ta’ Ġunju 2028( 104 ). F’għaxar Stati Membri( 105 ) l-Artikolu 18(3) ma japplikax għas-servizzi urbani u suburbani. F’sitt Stati Membri( 106 ), is-servizzi ferrovjarji internazzjonali lejn pajjiżi terzi huma eżentati mill-applikazzjoni tal-Artikolu 18.
L-istudju ta’ sostenn juri stampa frammentata tal-applikazzjoni tal-Artikolu 18(3), l-ewwel subparagrafu fil-prattika (jiġifieri fejn ikun meħtieġ il-kunsens tal-impriża ferrovjarja għat-talba tal-passiġġier għal ridirezzjonar awtonomu tar-rotta). Għalkemm il-maġġoranza tal-impriżi ferrovjarji eżaminati fl-istudju jidhru li jippermettu lill-passiġġieri jorganizzaw il-vjaġġ alternattiv tagħhom huma stess f’każ ta’ interruzzjoni, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt u r-rimborż korrispondenti tal-kostijiet jistgħu jkunu soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet minn xi wħud minn dawn l-impriżi. Dawn jinkludu l-aħħar ferrovija tal-ġurnata li tkun qed taħdem, dewmien fit-tul jew nuqqas ta’ informazzjoni, l-inkapaċità tal-ferrovija li toffri għażla xierqa, jew id-dritt għal rimborż jista’ jkun limitat għal ċerti mezzi ta’ trasport (ferrovija jew xarabank/coach) jew għal alternattivi bi prezz baxx. F’żewġ Stati Membri, huwa rrapportat ukoll li l-impriżi ferrovjarji jidhru li jiddependu fuq il-kapaċità tagħhom stess biex jorganizzaw alternattivi, u ġeneralment ma jirrimborżawx it-trasport organizzat b’mod awtonomu( 107 ). Fi ftit Stati Membri, ġew irrapportati fehmiet differenti dwar l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt il-ġdid bejn l-impriżi ferrovjarji, minn naħa waħda, u l-organizzazzjonijiet tal-passiġġieri jew l-NEBs min-naħa l-oħra( 108 ).
Fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (jiġifieri meta l-kunsens tal-impriża ferrovjarja ma jibqax meħtieġ wara 100 minuta), il-maġġoranza tal-impriżi ferrovjarji jsostnu li huma jirrimborżaw lill-passiġġieri li jeżerċitaw id-dritt li jagħmlu ridirezzjonar tar-rotta huma nfushom. Madankollu, is-sejbiet tal-istudju ta’ sostenn waħedhom ma jurux jekk dan id-dritt huwiex fil-fatt irrispettat b’mod konsistenti fil-prattika.
Dawn is-sejbiet jikkonfermaw l-osservazzjonijiet tan-Network taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC-Net) li jindikaw l-isfidi relatati mal-applikazzjoni tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament. Pereżempju, il-passiġġieri spiss ma jkunux jafu bil-limitu ta’ żmien ta’ 100 minuta u identifikawh bħala mhux prattiku f’xenarji tal-aħħar ferrovija, fl-interruzzjonijiet tal-ferroviji ta’ billejl, u fi vjaġġi transfruntieri kumplessi. L-ECC-Net irrimarka wkoll in-nuqqas ta’ vjaġġar bl-ajru bħala mezz alternattiv validu ta’ trasport għal offerti ta’ ridirezzjonar tar-rotot skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament( 109 ).
NEB( 110 ) wieħed osserva fir-rapport biennali tiegħu li kien hemm ħtieġa akbar ta’ spjegazzjonijiet għall-infurzar, speċjalment għall-Artikolu 18. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 jipprovdu biss possibbiltajiet limitati għall-passiġġier biex jorganizza huwa stess il-vjaġġ tiegħu. NEB ieħor( 111 ) innota waqt avveniment wieħed fejn kien hemm diversi kanċellazzjonijiet ta’ vjaġġi bil-ferrovija fuq distanzi twal minħabba strajk jew ħsara fil-binarji, li l-passiġġieri ma tħallewx jagħżlu ridirezzjonar tar-rotta mingħajr ħlas minflok il-vjaġġ ikkanċellat. Wara l-intervent mill-NEB, l-impriża ferrovjarja ħadet miżuri biex tikkonforma mar-regoli.
Minħabba dan ta’ hawn fuq, id-dritt tar-ridirezzjonar awtonomu tar-rotta introdott mir-Regolament ma jidhirx li huwa applikat b’mod konsistenti madwar l-UE. Jidher li r-regoli jwasslu għal varjetà ta’ prattiki differenti ta’ rimborż — jekk jiġu applikati — li jsaħħu n-nuqqas perċepit ta’ ċarezza għall-passiġġieri fir-rigward ta’ dan id-dritt.
2.7.Kumpens – Force majeure (l-Artikolu 19(10))
L-Artikolu 19(1) tar-Regolament jistabbilixxi l-prinċipju li passiġġier huwa intitolat għal kumpens mingħand l-impriża ferrovjarja jekk jiffaċċja dewmien bejn il-post ta’ tluq u d-destinazzjoni finali mogħtija fuq il-biljett jew il-biljett globali li l-kost tiegħu ma jkunx ġie rrimborżat f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament. Ir-Regolament jistabbilixxi wkoll il-kumpens minimu għad-dewmien, li huwa stabbilit bħala perċentwal tal-prezz tal-biljett( 112 ). L-Artikolu 19(10) tar-Regolament jipprojbixxi lill-impriżi ferrovjarji milli jħallsu kumpens għal dewmien fi tliet xenarji: (1) jekk iġibu prova li d-dewmien, il-konnessjoni mitlufa, jew il-kanċellazzjoni kienet ikkawżata direttament minn ċirkostanzi straordinarji mhux relatati mal-operazzjonijiet ferrovjarji. Dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji jistgħu jinkludu temp estrem, diżastri naturali kbar, jew kriżijiet kbar tas-saħħa pubblika bħall-pandemiji, minkejja li jittieħdu l-miżuri raġonevoli kollha biex jiġu evitati jew immitigati; (2) jekk ikun it-tort tal-passiġġieri; jew (3) atti speċifiċi ta’ partijiet terzi (eż. sabotaġġ, serq tal-kejbils), li ma jinkludux strajks mill-persunal ta’ impriża ferrovjarja, jew atti jew ommissjonijiet minn impriżi ferrovjarji oħrajn, amministraturi tal-infrastruttura, jew amministraturi tal-istazzjonijiet. Dawn id-dispożizzjonijiet huma differenti mill-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007, li kien jimponi responsabbiltà stretta mingħajr eżenzjonijiet bħal dawn (kif ikkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti( 113 ). Huwa importanti wkoll li wieħed jinnota li din il-klawżola ta’ force majeure tapplika biss għall-kumpens u ma taffettwax l-applikazzjoni ta’ drittijiet oħra tal-passiġġieri, bħar-ridirezzjonar tar-rotta u l-assistenza.
L-ebda Stat Membru ma eżenta speċifikament l-Artikolu 19(10) tar-Regolament. Madankollu, xi Stati Membri eżentaw l-Artikolu 19 għalkollox għas-servizzi ferrovjarji fuq distanzi twal( 114 ); għas-servizzi ferrovjarji reġjonali( 115 ); għas-servizzi ferrovjarji urbani u suburbani( 116 ); għas-servizzi ferrovjarji offruti strettament għal użu storiku jew turistiku( 117 ); u għas-servizzi internazzjonali lejn pajjiżi terzi( 118 ).
L-istudju ta’ sostenn juri li l-użu ta’ din l-eżenzjoni jvarja bejn l-Istati Membri. Dan sab li fi 13-il Stat Membru( 119 ) l-impriżi ferrovjarji analizzati fl-istudju allegatament ma japplikawx l-eżenzjoni fil-prattika u jħallsu kumpens anke meta d-dewmien, il-kanċellazzjonijiet jew il-konnessjonijiet mitlufa jistgħu jkunu marbuta ma’ ċirkostanzi straordinarji. F’għaxar Stati Membri( 120 ), l-impriżi ferrovjarji eżaminati fl-istudju rrapportaw li invokaw l-eżenzjoni, u ma jħallsux kumpens meta d-dewmien, il-kanċellazzjonijiet jew il-konnessjonijiet mitlufa jkunu kkawżati minn avvenimenti li huma evidentement ma jistgħux jikkontrollaw (bħal temp sever, aċċidenti jew theddid għas-sigurtà).
L-istudju sab ukoll li f’19-il Stat Membru, il-passiġġieri jidhru li jirċievu kumpens mill-impriżi eżaminati meta d-dewmien, il-kanċellazzjonijiet u l-konnessjonijiet mitlufa jiġu kkawżati minn strajks mill-persunal tal-impriża ferrovjarja, azzjonijiet minn impriżi oħra li jużaw l-istess infrastruttura, jew mill-amministraturi tal-infrastruttura u tal-istazzjonijiet( 121 ). Fil-Greċja, huma biss id-detenturi ta’ kards ta’ aktar minn vjaġġ wieħed li jissemmew b’mod espliċitu bħala eliġibbli għal kumpens f’sitwazzjonijiet ta’ strajk. L-istudju sab ukoll li l-impriżi ferrovjarji eżaminati f’erba’ Stati Membri( 122 ) jidhru li jeskludu għalkollox tali dewmien, kanċellazzjonijiet u konnessjonijiet mitlufa mill-kumpens. L-impriża ferrovjarja eżaminata fir-Rumanija toffri kumpens biss f’każ ta’ strajks, iżda mhux għal azzjonijiet oħra minn partijiet terzi fuq in-network.
B’mod ġenerali, l-evidenza disponibbli miġbura fil-kuntest tal-istudju ta’ sostenn turi li l-klawżola ta’ “force majeure” fl-Artikolu 19(10) tar-Regolament ma hijiex applikata b’mod konsistenti madwar l-UE. B’mod partikolari, jidher li l-impriżi ferrovjarji ewlenin f’madwar nofs l-Istati Membri jirrinunzjaw għar-raġunijiet għall-eżenzjoni għall-ħlas ta’ kumpens introdotti mir-reviżjoni tar-Regolament fl-2021 u xorta jħallsu kumpens għall-avvenimenti msemmija fl-Artikolu 19(10) tar-Regolament. Barra minn hekk, jidher li f’għadd limitat ta’ każijiet, id-dritt ta’ passiġġier li jkompli jirċievi kumpens fil-każ ta’ dewmien, kanċellazzjonijiet u konnessjonijiet mitlufa kkawżati minn strajks mill-persunal tal-impriża ferrovjarja, azzjonijiet minn impriżi oħra li jużaw l-istess infrastruttura, jew mill-amministraturi tal-infrastruttura u tal-istazzjonijiet, ma jiġix applikat fil-prattika.
NEB wieħed( 123 ) iddikjara fir-rapport li r-raġunijiet għall-esklużjoni stabbiliti fl-Artikolu 19(10) tar-Regolament wasslu biex il-passiġġieri ressqu lment aktar ta’ spiss wara li t-talba tagħhom għal kumpens ġiet miċħuda.
2.8.Formola komuni għat-talbiet għal rimborż u għal kumpens (l-Artikoli 18(7) u 19(6))
F’konformità mal-Artikoli 18(7) u 19(6) tar-Regolament, il-passiġġieri għandhom id-dritt li jressqu t-talbiet tagħhom għal rimborż u kumpens lill-impriżi ferrovjarji billi jużaw formola komuni. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/949( 124 ). Abbażi tal-Anness ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, il-Kummissjoni żviluppat formola komuni fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE u li hija adattata għall-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabbiltà fil-vista. Din il-formola hija disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni( 125 ). Il-formola komuni tista’ tiġi ppreżentata bħala dokument fiżiku jew b’mezzi elettroniċi( 126 ). Il-formola hija mfassla b’tali mod li l-passiġġieri jistgħu jispeċifikaw x’tip ta’ talba qed jagħmlu u jipprovdu d-dettalji meħtieġa lill-impriżi ferrovjarji.
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota għadd ta’ karatteristiċi speċifiċi relatati mal-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħa li tinsab fl-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament (UE) 2021/782 biex tadotta regoli ta’ implimentazzjoni dwar din il-kwistjoni.
L-ewwel nett, il-formola komuni tista’ tintuża biss fir-rigward tal-impriżi ferrovjarji u mhux tal-bejjiegħa tal-biljetti u tal-operaturi tal-vjaġġi, li jistgħu jkunu wkoll responsabbli biex jirrimborżaw u jikkumpensaw lill-passiġġieri skont il-kundizzjonijiet speċifiċi ħafna deskritti fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2021/782. Dan għaliex dik id-dispożizzjoni ma fihiex setgħa għall-Kummissjoni biex tadotta regoli ta’ implimentazzjoni dwar il-kwistjoni skont dak ir-Regolament.
It-tieni, l-impriżi ferrovjarji jaf ikollhom formola online tagħhom stess jew sistema simili fis-seħħ fuq is-sit web tagħhom jew permezz ta’ applikazzjoni għall-apparati mobbli biex jipproċessaw it-talbiet għal rimborż jew kumpens. Dawn il-formoli jew is-sistemi integrati jenħtieġ li jippermettu trattament aktar effiċjenti u f’waqtu tat-talbiet. Fl-istess ħin, is-setgħa li tinsab fl-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament li jiġu adottati r-regoli ta’ implimentazzjoni tippermetti biss il-ħolqien ta’ formola separata mill-Kummissjoni( 127 ) u ma tipprovdix bażi għar-regolamentazzjoni tal-kontenut u l-preżentazzjoni tal-formoli prodotti mill-impriżi ferrovjarji.
NEB wieħed( 128 ) semma l-formola komuni taħt l-attivitajiet ta’ infurzar fir-rapport tiegħu.
2.9. Interruzzjonijiet maġġuri u ppjanar ta’ kontinġenza (l-Artikolu 20(6))
Skont l-Artikolu 20(6) tar-Regolament, meta jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ kontinġenza skont l-Artikolu 13a(3) tad-Direttiva 2012/34/UE( 129 ), l-impriżi ferrovjarji għandhom jikkoordinaw mal-amministraturi tal-istazzjonijiet u mal-amministraturi tal-infrastruttura sabiex ikunu ppreparati għal interruzzjoni maġġuri u għal dewmien twil li jwassal biex numru konsiderevoli ta’ passiġġieri jitħallew l-art fl-istazzjon. Tali pjanijiet ta’ kontinġenza għandhom jinkludu rekwiżiti għall-aċċessibbiltà tas-sistemi ta’ twissija u ta’ informazzjoni.
F’termini ta’ eżenzjonijiet, filwaqt li s-servizzi ferrovjarji fuq distanzi twal ma jistgħux jiġu eżentati mill-obbligu skont l-Artikolu 20(6) tar-Regolament, is-servizzi ferrovjarji reġjonali ġew eżentati fi tmien Stati Membri( 130 ); is-servizzi ferrovjarji urbani u suburbani ġew eżentati f’għaxar Stati Membri( 131 ); is-servizzi storiċi jew turistiċi ġew eżentati fi 15-il Stat Membru( 132 ); u s-servizzi internazzjonali lejn pajjiżi terzi ġew eżentati f’seba’ Stati Membri( 133 ).
L-evidenza disponibbli miġbura għall-istudju ta’ sostenn tindika li l-impriżi ferrovjarji fi 18-il Stat Membru( 134 ) jidhru li jikkoordinaw mal-amministraturi tal-istazzjonijiet u tal-infrastruttura dwar il-pjanijiet ta’ kontinġenza għal interruzzjonijiet maġġuri, u jqisu wkoll formalment l-aċċessibbiltà tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa fis-sistemi ta’ twissija u informazzjoni. F’erba’ Stati Membri, l-impriżi ferrovjarji jidhru li jikkoordinaw mal-amministraturi tal-istazzjonijiet u tal-infrastruttura, iżda jew ma għandhomx pjanijiet formali ta’ kontinġenza jew ma jqisux il-kwistjoni tal-aċċessibbiltà fihom( 135 ). F’erba’ Stati Membri oħra( 136 ) ma hemm l-ebda pjan ta’ kontinġenza fis-seħħ, jew ma nkisbet l-ebda informazzjoni ċara dwar is-suġġett.
Tali pjanijiet ta’ kontinġenza huma essenzjali biex jiġu żgurati reazzjonijiet rapidi, koordinati u ffokati fuq il-passiġġieri f’każ ta’ interruzzjonijiet, inklużi informazzjoni f’waqtha, assistenza, u, fejn meħtieġ, arranġamenti alternattivi tat-trasport. Il-mistoqsija tqajmet ukoll fil-laqgħa ta’ Diċembru 2025 tal-Grupp ta’ Esperti dwar id-Drittijiet tal-passiġġieri (sottogrupp għall-NEBs għad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferrovija), li fiha l-NEBs issuġġerew il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar kif il-pjanijiet ta’ kontinġenza jiġu żviluppati fl-Istat Membru rispettiv tagħhom( 137 ). Il-kondiviżjoni tal-aħjar prattika hija importanti għat-tisħiħ tal-kwalità u tal-konsistenza tal-ippjanar ta’ kontinġenza madwar l-Istati Membri, u għat-tisħiħ tar-reżiljenza ġenerali tas-sistema ferrovjarja. L-ippjanar ta’ kontinġenza huwa proċess kontinwu aktar milli eżerċizzju ta’ darba, u diversi aċċidenti reċenti fis-settur ferrovjarju enfasizzaw l-importanza li jkun hemm pjanijiet ta’ kontinġenza robusti u ttestjati fis-seħħ, kemm biex jiġu protetti l-passiġġieri kif ukoll biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi meta jseħħu interruzzjonijiet serji.
L-ippjanar ta’ kontinġenza jissemma minn diversi NEBs fir-rapporti tagħhom, fejn jirreferu għad-dmirijiet ta’ monitoraġġ għall-pjanijiet ta’ kontinġenza( 138 ) kif ukoll għall-attivitajiet ta’ infurzar ippjanati għall-perjodu ta’ rapportar li ġej( 139 ). NEB( 140 ) wieħed ipprovda informazzjoni dwar l-attività tiegħu biex iqabbel u jeżamina r-relazzjoni bejn ir-Regolament u leġiżlazzjoni oħra tal-UE u nazzjonali li tistabbilixxi rekwiżiti għall-pjanijiet ta’ kontinġenza.
2.10.Persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa (Kapitolu V)
Wieħed mill-prinċipji ċentrali tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri, inklużi d-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferrovija, huwa li l-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jingħataw l-istess opportunitajiet ta’ vjaġġar bħal dawk ta’ persuni oħra billi jiġu stabbiliti regoli għan-nondiskriminazzjoni u dwar l-assistenza matul il-vjaġġ tagħhom( 141 ). Diversi dispożizzjonijiet ġodda fir-Regolament itejbu d-dispożizzjonijiet preeżistenti dwar l-assistenza għal persuni b’diżabbiltà u għal persuni b’mobbiltà mnaqqsa li jivvjaġġaw bil-ferrovija skont ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007. Tali assistenza — ipprovduta minn impriżi ferrovjarji u amministraturi tal-istazzjonijiet — hija indispensabbli, peress li ħafna stazzjonijiet u ferroviji madwar l-UE għadhom inaċċessibbli għal dan il-grupp. Sakemm tinkiseb aċċessibbiltà sħiħa fin-networks ferrovjarji Ewropej, dawn il-passiġġieri se jkomplu jiddependu fuq assistenza ddedikata sabiex jivvjaġġaw.
Sabiex jiġi żgurat li tiġi pprovduta assistenza xierqa, l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-istazzjonijiet spiss ikollhom bżonn iż-żmien biex jużaw persunal imħarreġ u tagħmir xieraq. Għalhekk, huma jistgħu jirrikjedu li l-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jinnotifikaw minn qabel il-ħtiġijiet ta’ assistenza tagħhom. Impriża ferrovjarja jew amministratur tal-istazzjon huwa responsabbli biss biex jiggarantixxi li persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa tkun tista’ titla’ fuq il-ferrovija, tittrasferixxi għal servizz ferrovjarju ta’ konnessjoni li għalih ikollha biljett, jew tinżel mill-ferrovija jekk din il-persuna tinnotifika minn qabel il-ħtiġijiet ta’ assistenza tagħha fil-ħin. Waħda mill-kisbiet ewlenin tar-reviżjoni tar-Regolament fl-2021 kienet li l-ħin tal-prenotifika jitnaqqas bin-nofs minn 48 siegħa għal 24 siegħa( 142 ). Sabiex l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-istazzjonijiet ikunu jistgħu jħejju għal din il-bidla, ir-Regolament jipprevedi perjodu ta’ tranżizzjoni: l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw perjodu itwal sa massimu ta’ 36 siegħa għall-prenotifika sat-30 ta’ Ġunju 2026. Għal dan il-għan, kellhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’din l-eżenzjoni filwaqt li jipprovdu wkoll informazzjoni dwar il-miżuri meħuda jew previsti biex il-perjodu ta’ prenotifika jitnaqqas għal 24 siegħa( 143 ). Tmien Stati Membri( 144 ) nnotifikaw lill-Kummissjoni li kienu qed jużaw din l-eżenzjoni. Min-naħa l-oħra, l-istudju ta’ sostenn sab li diversi impriżi ferrovjarji jirrikjedu ħinijiet ta’ prenotifika li huma inqas minn 24 siegħa( 145 ). Madankollu, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà li wieġbu għall-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u li saret fil-kuntest tal-istudju ta’ sostenn indikaw li l-proċessi ta’ prenotifika spiss huma kkumplikati u ineffettivi għal ħafna impriżi ferrovjarji.
Ir-Regolament introduċa wkoll ir-rekwiżit li meta impriża ferrovjarja tirrikjedi li persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa tkun akkumpanjata abbord ferrovija, li huwa permess biss meta jkun strettament meħtieġ biex ikun hemm konformità mar-regoli ta’ aċċess nondiskriminatorju tal-impriża ferrovjarja, bħal għal raġunijiet ta’ sikurezza, l-akkumpanjatur ikollu d-dritt jivvjaġġa mingħajr ħlas u fejn fattibbli, li jkun bilqiegħda maġenb il-persuna li jkun qed jakkumpanja (l-Artikolu 23(1)(b) moqri flimkien mal-Artikolu 21(2) tar-Regolament). Il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jistgħu jittrasportaw il-klieb ta’ assistenza tagħhom mingħajr ħlas, f’konformità mal-liġi nazzjonali rilevanti (l-Artikolu 23(1)(c) tar-Regolament). Il-partijiet ikkonċernati li wieġbu għall-konsultazzjoni qablu b’mod ġenerali li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet kienu ġew implimentati bis-sħiħ.
Ir-Regolament jipprevedi wkoll li fejn la jkun hemm uffiċċju tal-biljetti, la magna tal-biljetti aċċessibbli fl-istazzjon tat-tluq u l-ebda mezz ieħor aċċessibbli biex jinxtara biljett minn qabel, il-persuni b’diżabbiltà għandhom ikunu jistgħu jixtru l-biljetti fuq il-ferrovija mingħajr ebda kost addizzjonali (l-Artikolu 11(4), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament). Għalkemm l-impriżi ferrovjarji jistgħu jillimitaw jew jiċħdu dan id-dritt għal raġunijiet ġustifikabbli relatati mas-sigurtà jew mar-riservazzjoni obbligatorja tal-ferrovija, il-maġġoranza tal-impriżi ferrovjarji eżaminati mill-istudju ta’ sostenn implimentaw dan l-obbligu mingħajr ebda restrizzjoni( 146 ). Huwa biss fl-Istati Membri fejn l-istazzjonijiet ferrovjarji kollha huma mgħammra b’magni tal-biljetti aċċessibbli( 147 ), jew fejn l-impriża ferrovjarja toffri diversi alternattivi oħra (xiri ta’ biljetti online, bit-telefown, jew mill-ħwienet ta’ konvenjenza fl-istazzjonijiet ferrovjarji jew qribhom)( 148 ), li l-impriżi ferrovjarji ma jippermettu lil ħadd (lanqas lil persuni b’diżabbiltà) jixtri biljetti minn fuq il-ferrovija.
Ir-Regolament jirrikjedi li l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-istazzjonijiet iħallsu kumpens għal tagħmir tal-mobbiltà mitluf jew li tkun saritlu ħsara( 149 ) abbażi tal-kost tas-sostituzzjoni jew tat-tiswija tat-tagħmir (l-Artikolu 25(1) tar-Regolament), u jagħmlu malajr l-isforzi raġonevoli kollha biex jipprovdu minnufih it-tagħmir tal-mobbiltà ta’ sostituzzjoni temporanja meħtieġ (l-Artikolu 25(2) tar-Regolament). Għalkemm l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-istazzjonijiet kollha eżaminati mill-istudju ta’ sostenn irrispettaw l-obbligu li jħallsu kumpens, il-biċċa l-kbira tal-impriżi ferrovjarji stabbiliti ammettew li ma jistgħux joffru tagħmir tal-mobbiltà ta’ sostituzzjoni temporanja.
Ir-Regolament jirrikjedi li l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-istazzjonijiet jipprovdu taħriġ ta’ sensibilizzazzjoni dwar id-diżabbiltà lill-persunal kollu li jkollu kuntatt mal-klijenti. Dawk li regolarment jipprovdu assistenza diretta lill-passiġġieri b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa jridu jingħataw ukoll taħriġ apposta, billi jiksbu l-ħiliet meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dawn il-passiġġieri (l-Artikolu 26(1) tar-Regolament). Għalkemm l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-istazzjonijiet eżaminati mill-istudju ta’ sostenn implimentaw taħriġ bħal dan, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà spiss iqajmu dubji dwar il-kwalità tat-taħriġ. Huma jinnutaw ukoll li r-Regolament ma jirrikjedix li l-impriżi ferrovjarji jew l-amministraturi tal-istazzjonijiet jinvolvuhom fit-tfassil jew fit-twettiq ta’ dawn il-programmi ta’ taħriġ. Għalkemm dan l-obbligu ma jeżistix, il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji ferrovjarji diġà stabbiliti rrapportaw li kkooperaw ma’ organizzazzjonijiet tad-diżabbiltà għal dan il-għan, jew li involvew lill-persunal b’diżabbiltà tagħhom stess f’taħriġ bħal dan.
Ir-Regolament jirrikjedi li l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-istazzjonijiet jagħmlu “sforzi raġonevoli” biex jippermettu lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jaċċessaw it-trasport bil-ferrovija fl-istazzjonijiet ferrovjarji meta ma jkun hemm l-ebda persunal imħarreġ biex jipprovdilhom assistenza u l-ferroviji li jkunu jridu jitilgħu fuqhom jew jinżlu minnhom ukoll ma jkunux akkumpanjati minn tali persunal (l-Artikolu 23(1)(g) tar-Regolament). Skont l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà, dan ma wassalx għal titjib sinifikanti fil-prattika. Dawn il-gruppi kkritikaw ukoll ir-Regolament talli ma jirrikjedix assistenza kontinwa fl-istazzjonijiet b’persunal imħarreġ biex jassisti lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa kull meta l-ferroviji jkunu qed jaħdmu. Minflok, l-għajnuna hija rikjesta biss meta l-persunal imħarreġ ikun xogħol. L-organizzazzjonijiet jargumentaw li dan jirrestrinġi ferm id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa li jivvjaġġaw bil-ferrovija b’mod ugwali u indipendenti bħal ħaddieħor u l-libertà tagħhom li jagħżlu kwalunkwe ferrovija( 150 ).
Għadd ta’ korpi nazzjonali tal-infurzar irrimarkaw li ċerti dispożizzjonijiet dwar l-assistenza għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa ma humiex ċari, u għalhekk ifixkel l-infurzar effettiv tagħhom. L-ambigwitajiet indikati jinkludu d-definizzjoni ta’ amministratur tal-istazzjon, il-kriterji biex jiġi ddeterminat meta stazzjon jew ferrovija tista’ titqies li għandha l-persunal (l-Artikolu 23(1)(d) sa (g)( 151 ), u t-tifsira preċiża tad-dispożizzjoni li tiggarantixxi t-trasport liberu għal assistent personali li jakkumpanja persuna b’diżabbiltà (l-Artikolu 21(1)(a)).
Mill-adozzjoni tar-Regolament preċedenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferroviji, it-twettiq tal-obbligi ta’ assistenza tal-impriżi ferrovjarji u tal-amministraturi tal-istazzjonijiet ġie msawwar b’mod sinifikanti mir-regoli ta’ aċċess nondiskriminatorju tagħhom (l-Artikolu 23(2)), li jridu jiġu żviluppati bil-parteċipazzjoni attiva tar-rappreżentanti tal-persuni b’diżabbiltà (l-Artikolu 21(1)). Il-pubblikazzjoni ta’ regoli dwar l-aċċess nondiskriminatorju bħal dawn tista’ tiżgura li l-persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu jiffamiljarizzaw ruħhom faċilment mal-aċċess u jinfurzaw id-drittijiet tagħhom. L-istudju ta’ sostenn innota, abbażi ta’ riċerka bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni mwettqa minn organizzazzjoni li tirrappreżenta persuni b’diżabbiltà, li għadd żgħir biss ta’ impriżi ferrovjarji u amministraturi tal-istazzjonijiet għamlu r-regoli dwar l-aċċess nondiskriminatorju disponibbli għall-pubbliku fuq is-siti web tagħhom.
Impriża ferrovjarja, amministratur ta’ stazzjon, bejjiegħ tal-biljetti jew operatur tal-vjaġġi jrid jipprovdi informazzjoni (inkluż f’formati aċċessibbli), fuq talba, dwar l-aċċessibbiltà tal-istazzjonijiet u tal-faċilitajiet assoċjati magħhom bħall-ispazji għall-parkeġġ u l-ħwienet, kif ukoll il-ferroviji. Barra minn hekk, fi stazzjonijiet mingħajr persunal trid tintwera informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà sabiex il-passiġġier ikun jaf kif jikseb l-assistenza u fejn ikun jista’ jsib l-istazzjon aċċessibbli li jmiss (l-Artikolu 22 tar-Regolament). Ir-riċerka tal-istudju ta’ sostenn ibbażata biss fuq id-dokumentazzjoni rigward il-paġni web u l-applikazzjonijiet ta’ diversi impriżi ferrovjarji żvelat li dawn jipprovdu informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà fi gradi differenti, għalkemm l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà kienu kritiċi ħafna matul il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 22. Ftit organizzazzjonijiet biss (l-aktar nazzjonali jew reġjonali) li jirrappreżentaw persuni b’diżabbiltà ħadu sehem fil-konsultazzjoni mmirata organizzata fil-kuntest tal-istudju, li ffokat primarjament fuq il-prattiki tal-impriżi ferrovjarji stabbiliti fl-Istat Membru tagħhom. Huma enfasizzaw diversi kwistjonijiet: kopertura mhux kompluta (eż. dettalji dwar l-aċċessibbiltà tal-istazzjonijiet iżda mhux tal-ferroviji), paġni ewlenin tal-ferroviji ma jkunux aċċessibbli għall-utenti b’vista batuta, diffikultà biex tinstab l-informazzjoni fuq il-paġna ewlenija tal-impriża ferrovjarja, u ħafna aktar kontenut fil-lingwa/i uffiċjali tal-Istat Membru milli f’lingwi oħra. Peress li l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet ta’ persuni b’diżabbiltà fil-konsultazzjoni kienet limitata, ikun meħtieġ kontribut usa’ biex tiġi evalwata bis-sħiħ l-effettività tal-implimentazzjoni tar-regoli tar-Regolament f’dan il-qasam.
Prinċipju ewlieni tal-inklużjoni tad-diżabbiltà huwa l-involviment ta’ persuni b’diżabbiltà f’deċiżjonijiet li jaffettwawlhom ħajjithom u l-isfruttament tal-esperjenzi tagħhom. Għaldaqstant, l-istandards emendati tal-kwalità tas-servizz jirrikjedu li l-impriżi ferrovjarji jikkonsultaw lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa dwar kif tiġi pprovduta l-assistenza( 152 ). L-aħħar rapporti mill-impriżi ferrovjarji dwar l-implimentazzjoni tal-istandards tal-kwalità tas-servizz tagħhom juri li disa’ impriżi ferrovjarji stabbiliti u entrant ġdid wieħed biss issodisfaw dan l-obbligu. Ħafna minnhom stabbilew pjattaformi permanenti għall-kooperazzjoni( 153 ), xi wħud jillimitaw il-kooperazzjoni biex jinvestigaw flimkien l-aċċessibbiltà tal-istazzjonijiet u tal-ferroviji( 154 ) jew jinvolvu lill-organizzazzjonijiet fit-taħriġ dwar l-assistenza għad-diżabbiltà offrut lill-persunal ferrovjarju( 155 ).
L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-amministraturi tal-istazzjonijiet u l-impriżi ferrovjarji li joperaw fit-territorju tagħhom jikkooperaw biex jistabbilixxu u joperaw Punti Uniċi ta’ Kuntatt għal persuni b’diżabbiltajiet u persuni b’mobbiltà mnaqqsa. Dawn il-Punti Uniċi ta’ Kuntatt ikunu responsabbli biex jirċievu talbiet għall-assistenza, jibagħtuhom lill-amministraturi tal-istazzjonijiet u l-impriżi ferrovjarji rilevanti, u jipprovdu informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà. Arranġament bħal dan jiżgura li l-passiġġieri b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa ma jkunux meħtieġa jissottomettu diversi talbiet għal assistenza, anke meta l-vjaġġ tagħhom ikun jinvolvi aktar minn impriża ferrovjarja waħda (l-Artikolu 24(f) tar-Regolament). Sa issa Stat Membru wieħed biss( 156 ) innotifika lill-Kummissjoni l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi li l-amministraturi tal-istazzjonijiet u l-impriżi ferrovjarji li joperaw fit-territorju tiegħu jistabbilixxu Punti Uniċi ta’ Kuntatt( 157 ).
Fir-rapporti tal-attività tagħhom, kważi nofs l-NEBs( 158 ) jindikaw li wettqu attivitajiet ta’ monitoraġġ jew infurzar (eż. spezzjoni ta’ informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà tal-istazzjonijiet, l-għoti ta’ assistenza fl-istazzjon ferrovjarju, informazzjoni fuq is-siti web tal-impriżi ferrovjarji, taħriġ għall-assistenza għad-diżabbiltà), filwaqt li disa’ NEBs( 159 ) irrapportaw li rċevew ilmenti dwar allegat ksur tad-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa.
2.11.Trattament tal-ilmenti u l-infurzar (l-Artikolu 28 u l-Kapitolu VII)
2.11.1.Trattament tal-ilmenti mill-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi tal-istazzjonijiet u l-bejjiegħa tal-biljetti/operaturi tal-vjaġġi (l-Artikolu 28)
Ir-Regolament introduċa qafas ta’ infurzar imtejjeb li jinkludi regoli ġodda dwar it-trattament tal-ilmenti, bħal skadenzi ċari (l-Artikolu 28(2)) u obbligu għall-entitajiet legali minbarra l-impriżi ferrovjarji li jkollhom proċedura biex jittrattaw l-ilmenti, inkluż għall-amministraturi ta’ stazzjonijiet li jittrattaw medja ta’ aktar minn 10 000 passiġġier kuljum fuq perjodu ta’ sena (l-Artikolu 28(1)). Skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament, il-passiġġieri jistgħu jressqu lment lil kwalunkwe impriża ferrovjarja jew amministratur ta’ stazzjon rigward id-drittijiet u l-obbligi koperti minn dan ir-Regolament fl-oqsma ta’ responsabbiltà rispettivi tagħhom. Tali lment għandu jitressaq fi żmien 3 xhur minn meta jseħħ l-inċident inkwistjoni. Fi żmien xahar minn meta jirċievi l-ilment, id-destinatarju għandu jew jagħti tweġiba raġunata jew, f’każijiet ġustifikati, jinforma lill-passiġġier li se jirċievi tweġiba fi żmien 3 xhur mid-data li fiha jkun irċieva l-ilment. L-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-istazzjonijiet għandhom iżommu d-data meħtieġa biex jivvalutaw l-ilment tul il-proċedura kollha biex jiġi ttrattat l-ilment, inkluż il-proċeduri msemmija fl-Artikoli 33 u 34, u għandhom jagħmlu dik id-data disponibbli għall-korpi nazzjonali tal-infurzar fuq talba. Id-dettalji dwar il-proċedura tat-trattament tal-ilmenti jridu jkunu aċċessibbli għall-pubbliku, inkluż għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa.
L-istudju ta’ sostenn sab li fi 15-il Stat Membru( 160 ) l-ilmenti jridu jiġu sottomessi fi żmien 3 xhur mill-inċident li jkunu jikkonċernaw. Fi tliet Stati Membri( 161 ), l-impriżi ferrovjarji stabbiliti stabbilew skadenza ta’ sena biex jirċievu lment. Fi tliet Stati Membri( 162 ), l-impriżi ferrovjarji ma stabbilewx skadenza għas-sottomissjoni tal-ilmenti. Fi Stat Membru wieħed( 163 ), il-liġi nazzjonali tistabbilixxi skadenza ta’ 6 xhur għall-preżentazzjoni ta’ talbiet rigward it-trasport domestiku, iżda organizzazzjoni tal-konsumatur ikkonsultata għall-istudju nnutat li fil-prattika tiġi applikata skadenza ta’ 3 xhur. Fi Stat Membru wieħed( 164 ), l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ talba għal rimborż jew kumpens f’każ ta’ dewmien hija ta’ 30 jum, skont il-kundizzjonijiet ġenerali tat-trasport tal-impriża ferrovjarja stabbilita.
Erba’ Stati Membri( 165 ) qatt ma użaw perjodu ta’ estensjoni sa 3 xhur biex iwieġbu għal ilment, 15-il Stat Membru( 166 ) użaw din l-għażla rarament biss, tliet Stati Membri( 167 ) użaw l-estensjoni xi drabi u Stat Membru wieħed( 168 ) juża l-estensjoni b’mod regolari.
2.11.2.Stabbiliment ta’ korpi nazzjonali tal-infurzar (l-Artikolu 31)
L-Artikolu 31(1) tar-Regolament jirrikjedi li kull Stat Membru jaħtar korp wieħed jew aktar biex ikunu responsabbli għall-infurzar ta’ dan ir-Regolament. Kull korp għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li d-drittijiet tal-passiġġieri jiġu rrispettati. L-Istati Membri kollha ħlief wieħed( 169 ) ħatru NEB wieħed jew aktar għall-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferrovija. L-organizzazzjoni, id-deċiżjonijet ta’ finanzjament, l-istruttura legali u t-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-NEBs maħtura jenħtieġ li jkunu indipendenti minn kwalunkwe amministratur tal-infrastruttura, korp tal-imposti, korp tal-allokazzjoni jew impriża ferrovjarja( 170 ). Lista tal-NEBs responsabbli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/782 hija disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni( 171 ).
2.11.3.Infurzar mill-NEBs (l-Artikolu 32)
Skont l-Artikolu 32(2) tar-Regolament, il-korpi nazzjonali tal-infurzar għandhom jimmonitorjaw mill-qrib il-konformità ma’ dan ir-Regolament. L-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi tal-istazzjonijiet u l-amministraturi tal-infrastruttura, il-bejjiegħa tal-biljetti u l-operaturi tal-vjaġġi għandhom jipprovdu lill-korpi nazzjonali tal-infurzar bid-dokumenti u bl-informazzjoni rilevanti fuq talba tagħhom mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien xahar minn meta jirċievu t-talba. L-impriżi ferrovjarji għandhom jagħtu d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom lill-korp jew korpi nazzjonali tal-infurzar tal-Istati Membri fejn joperaw (l-Artikolu 32(4) tar-Regolament). Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda informazzjoni mill-NEBs dwar in-nuqqas ta’ konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti.
2.11.3.1.Rapportar
L-Artikolu 32(3) tar-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżit għall-korpi nazzjonali tal-infurzar li jippubblikaw rapporti biennali bl-istatistika dwar l-attività tagħhom, inkluż dwar il-penali applikati. Dawk ir-rapporti għandhom ikunu disponibbli fuq is-sit web tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji( 172 ). L-istess sit web juri wkoll ir-rapporti dwar il-kwalità tas-servizz( 173 ) tal-impriżi ferrovjarji, kif diġà meħtieġ skont ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007. L-NEBs għandhom jimmonitorjaw ukoll jekk l-impriżi ferrovjarji jistabbilux standards ta’ kwalità tas-servizz u jimplimentawx sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità biex tinżamm il-kwalità tas-servizz. L-istudju ta’ sostenn sab li l-biċċa l-kbira tal-istandards tal-kwalità tas-servizz elenkati fl-Anness III huma koperti b’mod wiesa’ fir-rapporti dwar il-kwalità tas-servizz tal-impriżi ferrovjarji analizzati. Is-sejbiet tal-istudju jissuġġerixxu wkoll li l-impriżi ferrovjarji li joperaw fi 23 Stat Membru tal-UE( 174 ) implimentaw sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità biex iżommu l-kwalità tas-servizz.
Ir-rapporti dwar l-istandards tal-kwalità tas-servizzi huma għodda importanti għall-infurzar. Diversi NEBs( 175 ) irrapportaw li jirreferu għar-rapporti dwar il-kwalità tas-servizz meta jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tar-Regolament u jindirizzaw l-ilmenti tal-passiġġieri. NEBs oħra ma koprewx dan l-aspett fir-rapporti tagħhom. B’mod aktar ġenerali, l-NEBs huma mħeġġa jimmonitorjaw dawn ir-rapporti u jenħtieġ li jiżguraw li l-impriżi jippubblikawhom b’mod regolari u f’waqtu.
2.11.3.2.Is-sottomissjoni u l-pubblikazzjoni sal-iskadenza
L-ewwel sett ta’ rapporti kellu jasal fis-7 ta’ Ġunju 2025. NEB wieħed minn Stat Membru wieħed bagħat ir-rapport sal-iskadenza( 176 ), l-NEBs ta’ 25 Stat Membru ieħor bagħtu r-rapporti tagħhom qabel tmiem l-2025( 177 ), u Stat Membru wieħed ma bagħat l-ebda rapport( 178 ).
2.11.3.3.Kontenut tar-rapporti
Dawn is-sottomissjonijiet regolari għandhom rwol importanti fl-iżgurar ta’ sistema ta’ infurzar konsistenti u trasparenti. Dawn jippermettu kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-NEBs iżommu perspettiva madwar l-UE trasversali dwar kif id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferrovija qed jiġu implimentati, immonitorjati u infurzati fil-prattika. Din il-ħarsa ġenerali usa’ hija essenzjali biex jiġu identifikati x-xejriet, tittejjeb il-koordinazzjoni, u tissaħħaħ l-effettività ġenerali tal-qafas regolatorju. Ir-rapporti jissupplimentaw il-laqgħat annwali tal-grupp ta’ esperti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferrovija organizzati mill-Kummissjoni, fejn l-NEBs jiskambjaw l-esperjenzi tagħhom dwar il-prattiki ta’ infurzar, kwistjonijiet emerġenti u soluzzjonijiet possibbli.
L-ewwel sett ta’ rapporti li waslu fl-2025 jiżvela diversi xejriet. L-NEBs qed jimxu dejjem aktar lil hinn mit-trattament purament reattiv tal-ilmenti lejn mudell ta’ infurzar aktar proattiv ibbażat fuq spezzjonijiet, awditi u kontrolli tematiċi (pereżempju dwar dewmien u kanċellazzjonijiet, obbligi ta’ informazzjoni u assistenza għal persuni b’diżabbiltà u b’mobbiltà mnaqqsa). Id-data dwar l-ilmenti qed tintuża b’mod aktar sistematiku biex jiġu identifikati problemi rikorrenti, bid-dewmien, il-konnessjonijiet mitlufa, il-kanċellazzjonijiet u l-kumpens joħorġu bħala l-aktar sorsi frekwenti ta’ tilwim, flimkien ma’ nuqqasijiet persistenti fl-għoti tal-informazzjoni u, sa ċertu punt, l-aċċessibbiltà. Xi NEBs ilhom jużaw formoli online u hotlines strutturati biex jikkategorizzaw l-ilmenti, jiddistingwu bejn il-kwistjonijiet koperti u dawk mhux koperti mir-Regolament, u jimmiraw investigazzjonijiet dwar oqsma b’xejriet ta’ nonkonformità.
Il-Kummissjoni pprovdiet mudell għar-rapport li l-NEBs jistgħu jużaw fuq bażi volontarja. Ftit NEBs użaw il-mudell meta kienu qed iħejju r-rapport tagħhom tal-2025 iżda diversi NEBs irrapportaw fil-qosor l-informazzjoni għal kull taqsima kif issuġġerit fil-mudell. Is-suġġerimenti dwar x’jista’ jiġi inkluż fir-rapport ġew allinjati, meta kien fattibbli, mal-mudelli ta’ rapportar rakkomandati dwar id-drittijiet tal-passiġġieri bix-xarabank u bil-coach, u ta’ fuq l-ilma. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-fatt li jkun hemm rekwiżiti komuni ta’ rapportar jgħin biex tiġi pprovduta informazzjoni kwalitattiva u komparabbli għall-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferrovija. Barra minn hekk, iċ-ċikli ta’ rapportar regolari fis-snin li ġejjin se jgħinu biex jiġu segwiti x-xejriet emerġenti ta’ infurzar b’mod aktar preċiż, biex jiġi mmonitorjat jekk ir-reġimi ta’ penali jibqgħux effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-prattika, u biex tiġi pprovduta viżibbiltà akbar tal-problemi fil-prattika, inklużi każijiet fejn jistgħu jkunu meħtieġa aktar gwida, koordinazzjoni jew aġġustament leġiżlattiv.
2.11.4.Trattament tal-ilment mill-korpi nazzjonali tal-infurzar u korpi oħra (l-Artikolu 33)
L-istudju ta’ sostenn juri li l-biċċa l-kbira tal-NEBs jirċievu dokumenti b’mod elettroniku (permezz tal-posta elettronika, pjattaformi online jew korrispondenza uffiċjali) u li t-tweġiba mill-NEB għall-ilment tal-passiġġier tingħata fi żmien 10 ijiem ta’ xogħol sa xahar, bil-possibbiltà li tiġi estiża sa 3 xhur f’każijiet kumplessi( 179 ). Grupp iżgħar jopera bi skadenzi awtomatikament qosra ħafna, bħal bejn 10 u 15-il jum( 180 ), filwaqt li oħrajn jistabbilixxu perjodi ta’ żmien miftiehma jew skont il-każ( 181 ). Il-prattika hija inqas ċara fi ftit sistemi biss, minħabba li sa issa ma kien hemm l-ebda każ( 182 ).
Abbażi tal-istudju ta’ sostenn, jidher li f’21 Stat Membru, il-passiġġieri għandhom disponibbli wkoll korp għas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim( 183 ).
2.11.5.Skambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni transfruntiera bejn l-NEBs (l-Artikolu 34)
L-Artikolu 33, il-paragrafi (4), (5) u (6) u l-Artikolu 34 tar-Regolament isaħħu obbligu għall-kooperazzjoni bejn il-Korpi Nazzjonali tal-Infurzar: meta jinħatru korpi differenti skont l-Artikoli 31 u 33, irid jiġi żgurat l-iskambju ta’ informazzjoni bejniethom. Fl-Istati Membri kollha, il-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-NEBs tidher li għadha limitata fil-prattika. Dan jista’ jkun dovut għall-fatt li s-suq ferrovjarju transfruntier jikkostitwixxi madwar 7 % tat-traffiku ferrovjarju kollu fl-UE( 184 ), ftit ogħla mir-rata ta’ 6 % fl-2013( 185 ). L-istudju ta’ sostenn sab li tliet NEBs biss( 186 ) irrappurtaw diffikultajiet konkreti biex jiddeterminaw liema NEB tal-Istat Membru jenħtieġ li jittratta lment transfruntier, filwaqt li 19-il NEBs jindikaw li ma kellhomx kwistjonijiet bħal dawn( 187 ). Ġie rrapportat trasferiment wieħed biss ta’ lment lill-NEB ta’ Stat Membru ieħor( 188 ).
3.Konklużjonijiet
L-applikazzjoni tar-Regolament għadha relattivament reċenti peress li daħal fis-seħħ biss fis-7 ta’ Ġunju 2023, u ħafna mill-effetti maħsuba tiegħu bilfors se jieħdu ż-żmien biex jimmaterjalizzaw fil-prattika. Għalhekk, is-sejbiet sal-lum jenħtieġ li jitqiesu bħala preliminari biss.
Madankollu, jidher li x-xejra tal-eżenzjonijiet saret aktar strutturata u aktar limitata milli skont ir-Regolament preċedenti. Filwaqt li għadhom jeżistu derogi, speċjalment għas-servizzi urbani, suburbani u reġjonali, dawn issa huma aktar spiss immirati, limitati fiż-żmien u speċifiċi għal ċerti dispożizzjonijiet. Dan jindika tnaqqis gradwali tal-eżenzjonijiet u espansjoni korrispondenti tal-kamp ta’ applikazzjoni effettiv tar-Regolament fil-prattika.
L-effetti tar-Regolament jidhru wkoll li wasslu għal ambjent imtejjeb għall-passiġġieri tal-ferrovija fl-UE. L-applikazzjoni tar-regoli estiżi dwar il-ġarr tar-roti abbord il-ferroviji turi li r-rekwiżiti minimi għall-ispazji għar-roti fuq il-ferroviji jistgħu jintlaħqu fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Iż-żieda fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar u t-traffiku bejn atturi differenti sservi wkoll l-interessi tal-passiġġieri, b’mod partikolari fejn ikunu jeħtieġu informazzjoni f’ħin reali dwar il-vjaġġ tagħhom. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-TEL TSI li ġie adottat reċentement, li jistabbilixxi tragwardi differenti sal-2029, se jappoġġa wkoll lill-atturi biex jilħqu dan il-għan( 189 ). Barra minn hekk, bis-saħħa tal-formola komuni, li l-użu tagħha jeħtieġ li jiġi promoss ulterjorment, il-passiġġieri issa għandhom ukoll għodda addizzjonali biex jesiġu d-drittijiet tagħhom. Is-sejbiet juru li qed issir ukoll ħidma fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri biex jitħejjew pjanijiet ta’ kontinġenza f’każ ta’ interruzzjoni maġġuri.
Madankollu, ċerti oqsma fejn seta’ kien raġonevolment mistenni progress aktar rapidu għadhom ma wrewx titjib suffiċjenti. B’mod partikolari, il-kwistjonijiet relatati mal-biljettar u mal-biljetti globali għadhom persistenti u jeħtieġu azzjoni fi żmien qasir. Għalhekk, dan ir-rapport huwa akkumpanjat minn proposta għal reviżjoni mmirata tar-Regolament biex jiġi żgurat li l-passiġġieri li jixtru biljett wieħed għal vjaġġ b’konnessjoni waħda jew aktar imħaddma minn aktar minn impriża ferrovjarja waħda jiġu żgurati livell ta’ protezzjoni simili għal dik tal-passiġġieri b’biljett globali( 190 ). L-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali u t-tariffi nondiskriminatorji, id-dritt għar-ridirezzjonar awtonomu tar-rotta u l-eżenzjoni għad-dritt għal kumpens (force majeure) ukoll jeħtieġu aktar skrutinju. Se tkun meħtieġa wkoll attenzjoni kontinwa biex jiġi żgurat li l-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jkunu f’pożizzjoni li jivvjaġġaw b’mod komparabbli għal passiġġieri oħra.
B’mod aktar ġenerali, dan ir-rapport juri wkoll il-ħtieġa ta’ monitoraġġ imtejjeb tar-regoli fil-livell tal-Istati Membri. L-infurzar effettiv u konsistenti se jkun essenzjali wkoll biex jiġi żgurat li l-atturi differenti — l-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi tal-istazzjonijiet, il-bejjiegħa tal-biljetti u l-operaturi tal-vjaġġi — japplikaw ir-regoli b’mod xieraq sabiex l-objettivi tar-Regolament jintlaħqu fil-prattika. Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-implimentazzjoni tar-Regolament u tieħu azzjoni fejn meħtieġ.
Annex AĦarsa ġenerali lejn l-użu tal-eżenzjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2021/782( 191 )
|
Kategorija ta’ eżenzjoni |
l-AT |
il-BE |
il-BG |
iċ-CZ |
il-DE |
id-DK |
l-EE |
il-EL |
ES |
il-FI |
FR |
il-HR |
l-HU |
l-IE |
l-IT |
il-LT |
il-LU |
il-LV |
in-NL |
il-PL |
il-PT |
ir-RO |
is-SI |
is-SK |
l-SE |
Total |
|
Distanzi twal |
|
|
√ |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
√ |
|
|
|
|
|
|
|
√ |
√ |
|
√ |
|
5 |
|
Urban/suburban |
√ |
|
√ |
|
√ |
|
|
|
|
√ |
√ |
|
√ |
|
|
|
√ |
|
|
√ |
√ |
√ |
|
√ |
√ |
12 |
|
Reġjonali |
√ |
|
√ |
|
√ |
|
|
|
|
√ |
√ |
|
√ |
|
|
|
√ |
|
|
√ |
√ |
√ |
|
√ |
√ |
12 |
|
Użu storiku jew turistiku |
|
|
√ |
√ |
√ |
|
|
|
|
√ |
√ |
|
√ |
|
√ |
√ |
|
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
|
√ |
√ |
15 |
|
Internazzjonali lejn pajjiżi terzi |
|
|
√ |
√ |
|
|
|
|
|
√ |
|
|
√ |
|
|
|
|
√ |
|
√ |
|
√ |
|
|
|
7 |
|
Aċċess għall-informazzjoni dwar it-traffiku u l-ivvjaġġar |
√ |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
√ |
√ |
|
|
|
|
√ |
|
√ |
√ |
|
|
|
6 |
|
|
Perjodu ta’ prenotifika għall-persuni b’ diżabbiltà u b’mobbiltà mnaqqsa |
|
|
√ |
√ |
√ |
√ |
|
|
|
|
|
√ |
√ |
|
|
|
|
√ |
|
|
|
√ |
|
|
|
8 |
|
Total |
3 |
0 |
6 |
3 |
4 |
1 |
0 |
0 |
0 |
4 |
3 |
2 |
7 |
0 |
1 |
1 |
2 |
4 |
1 |
5 |
4 |
7 |
0 |
4 |
3 |
|
Annex BTqabbil mal-eżenzjonijiet mill-Istati Membri skont ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007( 192 )
Ir-Regolament (UE) 2021/782 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (eżenzjonijiet applikabbli fiż-żmien il-pubblikazzjoni tar-rapport)
|
Kategorija ta’ eżenzjoni għal kull servizz |
l-AT |
il-BE |
il-BG |
iċ-CZ |
il-DE |
id-DK |
l-EE |
il-EL |
ES |
il-FI |
FR |
il-HR |
l-HU |
l-IE |
l-IT |
il-LT |
il-LU |
il-LV |
in-NL |
il-PL |
il-PT |
ir-RO |
is-SI |
is-SK |
l-SE |
Total |
|
Urban/suburban |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
12 |
|||||||||||||
|
Reġjonali |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
12 |
|||||||||||||
|
Internazzjonali lejn pajjiżi terzi |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
7 |
||||||||||||||||||
|
Domestiku fuq distanzi twal |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
5 |
||||||||||||||||||||
|
Total |
2 |
0 |
4 |
1 |
2 |
0 |
0 |
0 |
0 |
3 |
2 |
0 |
4 |
0 |
0 |
0 |
2 |
1 |
0 |
3 |
3 |
4 |
0 |
3 |
2 |
Ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (eżenzjonijiet applikabbli fi żmien it-tħassir tiegħu fis-7 ta’ Ġunju 2023)
|
Kategorija ta’ eżenzjoni għal kull servizz |
l-AT |
il-BE |
il-BG |
iċ-CZ |
il-DE |
id-DK |
l-EE |
il-EL |
ES |
il-FI |
FR |
il-HR |
l-HU |
l-IE |
l-IT |
il-LT |
il-LU |
il-LV |
in-NL |
il-PL |
il-PT |
ir-RO |
is-SI |
is-SK |
l-SE |
Total |
|
Urban/suburban |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
18 |
||||||||
|
Reġjonali |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
18 |
||||||||
|
Internazzjonali lejn pajjiżi terzi |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
8 |
||||||||||||||||||
|
Fuq distanzi twal/domestiku |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
√ |
11 |
|||||||||||||||
|
Total |
2 |
0 |
3 |
0 |
2 |
0 |
4 |
0 |
2 |
3 |
2 |
0 |
4 |
3 |
0 |
4 |
2 |
4 |
0 |
4 |
3 |
4 |
0 |
3 |
2 |
() BE, EE, EL, ES, IE, SI.
()
It-tqabbil twettaq abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni. Qed jintwerew biss eżenzjonijiet komuni għaż-żewġ Regolamenti.
Didaskalija: √ - Eżenzjoni użata mill-Istat Membru.