Brussell, 25.3.2024

COM(2024) 135 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni u l-impatt tad-Deċiżjoni (UE) 2018/646 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' April 2018










dwar qafas komuni għall-għoti ta’ servizzi aħjar għall-ħiliet u l-kwalifiki (Europass) u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE





















(imressaq skont l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni (UE) 2018/646)




























{SWD(2024) 71 final}


Werrej

1.    Introduzzjoni    

1.1    L-Europass u l-implimentazzjoni tiegħu    

1.2    Ħarsa ġenerali lejn il-metodoloġija tal-evalwazzjoni    

2.    Is-sejbiet u l-Konklużjonijiet ewlenin tal-Evalwazzjoni    

2.1 Effettività    

2.2 Effiċjenza    

2.3. Koerenza    

2.4 Il-valur miżjud u l-impatt tal-UE    

2.5 Rilevanza    

3.    Tagħlimiet meħuda    



1.Introduzzjoni

Dan ir-rapport jippreżenta s-sejbiet tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tad-Deċiżjoni (UE) 2018/646 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ April 2018 dwar qafas komuni għall-għoti ta’ servizzi aħjar għall-ħiliet u l-kwalifiki (Europass) u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE 1 . Huwa akkumpanjat mid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jivvaluta sa liema punt l-Europass huwa effettiv, effiċjenti u koerenti, jipprovdi valur miżjud tal-UE u jibqa’ rilevanti biex jindirizza l-ħtiġijiet preżenti u futuri. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni rrieżaminat l-adozzjoni u l-impatt usa’ tal-Europass fuq is-suq tax-xogħol Ewropew u fuq il-politiki dwar il-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja. Hija eżaminat aspetti li jinkludu trasparenza u komparabbiltà aħjar tal-kwalifiki, il-ħiliet u l-kompetenzi u l-konsistenza ta’ ħiliet u għodod ta’ kwalifiki differenti. L-evalwazzjoni teżamina wkoll il-grad sa fejn l-Europass jipprovdi aċċess għall-informazzjoni u gwida dwar l-opportunitajiet ta’ impjieg u ta’ apprendiment u l-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol. L-evalwazzjoni tkopri l-perjodu mill-2018, meta ġiet adottata d-Deċiżjoni Europass, sal-2022. Hija tiffoka fuq l-2020, meta tnediet il-pjattaforma l-ġdida u lil hinn. L-ambitu ġeografiku tal-evalwazzjoni jkopri s-27 Stat Membru tal-UE, iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), kif ukoll il-pajjiżi kandidati u dawk kandidati potenzjali skont il-ftehimiet tagħhom konklużi mal-UE.

1.1L-Europass u l-implimentazzjoni tiegħu

L-Europass huwa waħda mit-12-il azzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet tal-2020 2 , bil-għan li l-individwi u n-negozji jiġu megħjuna jiżviluppaw aktar ħiliet u ħiliet aħjar biex jappoġġaw it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid. Dan se jikkontribwixxi għall-kisba ta’ tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali soċjalment ġusti. Barra minn hekk, il-pjattaforma tal-Europass tappoġġa direttament iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u d-Deċennju Diġitali tal-Ewropa.

Id-Deċiżjoni tal-2018 kellha l-għan li ttejjeb l-Europass u li tiżviluppah minn portal li jipprovdi mudelli li jistgħu jitniżżlu fi pjattaforma bbażata fuq is-servizzi. Dan l-iżvilupp ikkunsidra l-avvanzi fit-teknoloġija u l-bidliet fis-suq tax-xogħol, fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u fis-soċjetà inġenerali li kienu seħħew sa mit-tnedija inizjali tal-Europass fl-2004.

Il-pjattaforma l-ġdida tal-Europass tnediet mill-Kummissjoni f’Lulju 2020. L-għan tagħha huwa li tipprovdi pjattaforma online ġdida fl-UE kollha, li toffri lill-utenti aċċess għal firxa ta’ għodod u servizzi online. Dawn jistgħu jintużaw minn studenti, ħaddiema, persuni li qed ifittxu impjieg u voluntiera biex jikkomunikaw u jippreżentaw il-ħiliet, il-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom b’mod ċar u konsistenti fl-Ewropa kollha. Partijiet ikkonċernati oħrajn jinkludu fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, prattikanti tal-gwida, impjegaturi, servizzi pubbliċi tal-impjiegi, sħab soċjali, fornituri ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, organizzazzjonijiet volontarji u dawk li jfasslu l-politika.

L-Europass il-ġdid huwa “punt uniku ta’ servizz” għal diversi għodod u servizzi eżistenti tal-UE, li jappoġġaw l-iskambju ta’ informazzjoni u l-fehim tal-ħiliet u l-kwalifiki, inklużi dawk meħtieġa għall-mobilità, it-taħriġ u l-impjegabbiltà.

Għalkemm ħafna mill-għodod, mis-servizzi u mill-informazzjoni dwar l-Europass ġew implimentati u kienu disponibbli fuq il-pjattaforma meta tnediet f’Lulju 2020, sussegwentement żdiedu għodod addizzjonali, bħall-Kredenzjali Diġitali Ewropej għall-Apprendiment f’Ottubru 2021, l-għodda ta’ awtovalutazzjoni tal-ħiliet Diġitali f’Diċembru 2021 u l-għodda tax-Xejriet tal-Impjiegi u tal-Ħiliet 3 f’Ġunju 2023.

L-għodod u s-servizzi differenti jiġu aġġornati regolarment, u l-intelliġenza artifiċjali u l-analiżi tad-data qed jibdew jintużaw aktar sabiex il-pjattaforma tiġi adattata aktar għall-ħtiġijiet tal-utenti, eż. permezz ta’ suġġerimenti personalizzati ta’ opportunitajiet ta’ impjieg u ta’ apprendiment. L-għan huwa li jittejjeb is-servizz tal-pjattaforma lill-utenti finali sabiex il-profili, il-ħiliet, il-kwalifiki u l-interessi jitqabblu aħjar mal-impjiegi u mal-opportunitajiet ta’ apprendiment u volontarjat, eċċ.

L-Istati Membri qed jimplimentaw il-kompiti stabbiliti fid-Deċiżjoni Europass l-aktar permezz taċ-Ċentri Nazzjonali tal-Europass (NECs), li diġà kienu jeżistu qabel id-Deċiżjoni Europass tal-2018. Iċ-ċentri huma magħżula fil-livell nazzjonali, joperaw b’mod indipendenti u huma kofinanzjati permezz ta’ għotjiet tal-UE. Huma jappoġġaw lill-utenti u jippromwovu d-dokumentazzjoni tal-ħiliet u l-kwalifiki permezz tal-Europass. B’mod ġenerali, huma jikkontribwixxu għall-appoġġ operazzjonali u promozzjonali tal-Europass, is-sensibilizzazzjoni nazzjonali tiegħu u l-konnessjoni tal-pjattaforma ma’ utenti individwali u l-ħtiġijiet tagħhom.

1.2Ħarsa ġenerali lejn il-metodoloġija tal-evalwazzjoni

Approċċ b’metodu mħallat 4 li jikkombina data primarja u sekondarja ġie implimentat bħala parti mill-istudju estern li jappoġġa l-evalwazzjoni 5 . Dan kien jinkludi analiżi mhux fuq il-post tad-dokumenti u l-letteratura uffiċjali rilevanti, analiżi tad-data (data tal-utent tal-pjattaforma tal-Europass, data dwar il-kostijiet ipprovduta mill-Kummissjoni, tiftix ta’ Google u analiżi tal-media soċjali), il-ġbir ta’ data primarja kwantitattiva (tliet stħarriġiet immirati għall-utenti tal-Europass u dawk li ma humiex utenti, l-impjegaturi, u l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ) u għarfien kwalitattiv minn intervisti fil-fond mal-partijiet ikkonċernati, osservazzjonijiet kwalitattivi mmirati ta’ dawk li ma humiex utenti, konsultazzjoni pubblika u sejħa għal evidenza 6 .

Ġiet żviluppata loġika ta’ intervent 7 bħala parti minn din l-evalwazzjoni, kif ukoll matriċi ta’ evalwazzjoni. Il-matriċi għaqqdet il-kriterji tal-evalwazzjoni mal-loġika tal-intervent u użat l-elementi ewlenin biex tfassal mistoqsijiet ta’ riċerka.

Waħda mill-isfidi tal-evalwazzjoni hija relatata ma’ bidliet strutturali bejn il-qafas tal-Europass ta’ qabel l-2018 u l-qafas tal-2018, li għandu kamp ta’ applikazzjoni ferm usa’ (u wassal għat-tnedija tal-pjattaforma l-ġdida fl-2020). Dan għamel l-oqfsa parzjalment komparabbli biss. Sfida oħra kienet tikkonċerna l-granularità tad-data disponibbli biex jitħejja l-istudju ta’ sostenn.

Għal din l-evalwazzjoni, l-Istati Membri ġew ikkonsultati fuq bażi regolari permezz tal-Grupp Konsultattiv tal-Europass 8 .

2.Is-sejbiet u l-Konklużjonijiet ewlenin tal-Evalwazzjoni

Din it-taqsima tiġbor fil-qosor is-sejbiet u l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni dwar l-impatt u l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Europass f’konformità mal-ħames kriterji stabbiliti fil-linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar: l-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza, il-valur miżjud tal-UE u r-rilevanza.

2.1 Effettività

F’termini ta’ effettività, l-utenti u l-partijiet ikkonċernati japprezzaw il-pjattaforma l-ġdida tal-Europass bħala punt uniku ta’ servizz li jgħaqqad flimkien il-ħiliet, il-kwalifiki u l-għodod tal-mobilità tal-forza tax-xogħol. Xi karatteristiċi tal-Europass ma humiex kompluti (informazzjoni dwar il-kwalifiki u dwar l-opportunitajiet ta’ apprendiment), minħabba li d-data mill-awtoritajiet nazzjonali għadha nieqsa. L-għodda tax-Xejriet tal-Impjiegi u tal-Ħiliet, li ġiet rilaxxata f’Ġunju 2023, hija mistennija li tkompli ssaħħaħ il-proċess ta’ integrazzjoni tal-pjattaforma ma’ inizjattivi u sorsi ta’ data oħrajn.

L-istħarriġ tal-utenti u ta’ dawk li ma humiex utenti juri li hemm differenzi fl-użu tal-għodod u s-servizzi tal-Europass. Is-CV tal-Europass u l-Ittra ta’ Akkumpanjament huma l-aktar għodod tal-Europass magħrufa u użati ta’ spiss. Il-biċċa l-kbira tal-utenti tal-Europass (76 %) jużaw is-CV u l-ittra ta’ akkumpanjament spiss jew kultant. L-għodod u s-servizzi tal-Europass huma ġeneralment meqjusa bħala utli. Il-maġġoranza tar-rispondenti għall-konsultazzjoni pubblika (mill-inqas 80 %) isibu l-għodod u s-servizzi utli jew utli ħafna, filwaqt li l-biċċa l-kbira japprezzaw is-CV tal-Europass (90 %). Funzjonalitajiet oħrajn, bħall-ħolqien u t-traċċar tal-applikazzjonijiet, il-mudelli tas-supplimenti, l-għodda ta’ awtovalutazzjoni tal-ħiliet Diġitali u l-Kredenzjali Diġitali Ewropej għall-Apprendiment, jintużaw f’livell inqas (37 %, 31 %, 28 % u 28 %, rispettivament, tal-utenti tal-Europass mistħarrġa użaw dawn l-għodod spiss jew kultant). Għandu jiġi nnotat li d-diversi għodod huma differenti fin-natura tagħhom u għandhom gruppi fil-mira kemxejn differenti, li jistgħu jispjegaw xi differenzi fin-numri. Dan jissuġġerixxi li hija meħtieġa aktar analiżi mmirata lejn il-kawżi ewlenin ta’ dan l-użu aktar baxx. Dan jissuġġerixxi wkoll li l-għodod differenti tal-Europass jeħtieġ li jiġu integrati aħjar f’sistema mtejba ta’ analiżi tad-data biex jipprovdu lill-utenti b’suġġerimenti mfassla aħjar għax-xogħol u l-apprendiment fl-Ewropa.

L-Europass jipprovdi għodod, servizzi u informazzjoni li jappoġġaw il-mobilità tax-xogħol u tal-apprendiment tal-individwi fl-UE u li jiffaċilitaw l-istandardizzazzjoni transfruntiera. L-għodod u s-servizzi jippermettu lill-utenti jippreżentaw informazzjoni personali u jiddokumentaw il-ħiliet, il-kwalifiki u l-eżiti tal-apprendiment tagħhom f’format Ewropew standardizzat b’sa 31 lingwa. L-impjegaturi u l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ prinċipalment jużaw l-Europass bħala għodda biex jappoġġaw il-mobilità u jippreżentaw l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi b’mod standardizzat. Barra minn hekk, l-intervisti mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali u tal-UE wrew li l-biċċa l-kbira tagħhom iqisu l-Europass bħala pjattaforma li tappoġġa l-mobilità għax-xogħol u l-opportunitajiet edukattivi fl-UE. Dawk intervistati fil-livell tal-UE sabu wkoll li l-Europass jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ politiki Ewropej oħrajn (eż. programmi ta’ mobilità tal-UE).

L-Europass huwa effettiv fit-trawwim ta’ qafas komuni għat-trasparenza u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki fost l-Istati Membri. Dan jiddependi fuq diversi elementi: ir-rabta mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-kwalifiki u l-opportunitajiet ta’ apprendiment (għalkemm dan il-qasam għadu għaddej), il-mudelli tas-supplimenti komuni u l-Kredenzjali Diġitali Ewropej għall-Apprendiment.

Il-komunikazzjoni dwar l-Europass isseħħ fil-livell nazzjonali u f’dak tal-UE, immexxija miċ-Ċentri Nazzjonali tal-Europass. Hija rriżultat f’involviment b’suċċess mal-utenti finali u mal-partijiet ikkonċernati. Id-data tal-pjattaforma turi żieda sostanzjali fl-għadd ta’ utenti rreġistrati wara t-tnedija tal-pjattaforma l-ġdida (sal-aħħar tal-2022 inħolqu aktar minn 4,5 miljun profil mill-utenti). Sal-31 ta’ Jannar 2023, il-pjattaforma l-ġdida kellha madwar 32,4 miljun viżitatur uniku 9 u kien hemm aktar minn 261 miljun persuna li daħlu jaraw il-paġna fuq 58,8 miljun sessjoni.

Is-sensibilizzazzjoni dwar il-Europass tvarja bejn il-pajjiżi. Abbażi ta’ stħarriġ tal-utenti u ta’ dawk li ma humiex utenti mwettaq f’10 pajjiżi, il-Portugall, ir-Rumanija u l-Kroazja huma l-pajjiżi fejn l-Europass huwa magħruf l-aktar: 88 %, 79 % u 77 % tar-rispondenti tal-istħarriġ, rispettivament, kienu konxji tal-Europass. Żewġ pajjiżi fejn l-Europass huwa magħruf inqas huma Franza u l-Ġermanja (24 % u 19 %, rispettivament) 10 . Abbażi tad-data tal-pjattaforma tal-2022 u l-istatistika tal-Eurostat dwar il-popolazzjoni tal-UE, il-biċċa l-kbira tal-utenti tal-Europass jinsabu fl-Italja, fil-Portugall u fir-Rumanija (f’numri totali). Dawn il-pajjiżi jospitaw ukoll ishma ogħla ta’ profili tal-Europass meta mqabbla mal-popolazzjoni totali. Il-perċentwal ta’ profili għal kull pajjiż (mill-popolazzjoni totali) għall-Portugall, ir-Rumanija u l-Italja huwa ta’ 4,5 %, 1,9 % u 1,8 %, rispettivament. Hemm ukoll perċentwali relattivament għoljin ta’ profili (mill-popolazzjoni totali) f’Malta, fil-Kroazja, fis-Slovenja u fil-Latvja. Pajjiżi b’perċentwali relattivament aktar baxxi ta’ utenti tal-Europass (mill-popolazzjoni totali) jinkludu d-Danimarka, l-Iżvezja, il-Ġermanja, in-Netherlands, il-Polonja, Franza u l-Irlanda 11 . Tista’ tittieħed aktar azzjoni biex jiġi promoss l-Europass f’dawk il-pajjiżi fejn huwa magħruf u użat inqas, kemm mill-Kummissjoni kif ukoll miċ-Ċentri Nazzjonali tal-Europass ta’ dawk il-pajjiżi.

Il-biċċa l-kbira tal-utenti tal-Europass għandhom inqas minn 35 sena u għandhom edukazzjoni tajba. L-attrazzjoni qawwija tal-Europass għaż-żgħażagħ li jkunu fil-bidu tal-karrieri tagħhom hija saħħa partikolari li għandhom jibnu fuqha. Hemm sottorappreżentanza żgħira tan-nisa fost l-utenti. Il-biċċa l-kbira tal-utenti għandhom xi livell ta’ esperjenza tax-xogħol. F’termini ta’ lingwi tal-profil, l-Ingliż huwa l-aktar lingwa użata segwit mit-Taljan, mill-Portugiż u mir-Rumen. Il-lingwi li jifdal huma inqas irrappreżentati.

Kien hemm titjib fl-aċċessibbiltà tal-pjattaforma sa mit-tnedija tagħha. Madankollu, għad hemm xi kwistjonijiet li jaffettwaw gruppi differenti ta’ persuni, inklużi persuni b’ħiliet diġitali aktar baxxi, anzjani u persuni b’diżabilità. Nuqqas ta’ ħiliet diġitali jitqies bħala l-ostaklu ewlieni għall-aċċessibbiltà.

Żewġ terzi tal-parteċipanti fil-konsultazzjoni pubblika qiesu l-pjattaforma bħala faċli biex tintuża. Madankollu, ir-rispondenti qajmu wkoll kwistjonijiet rigward il-kumplessità tagħha, li skont huma din tagħmel il-pjattaforma inqas faċli għall-utenti u intuwittiva.

2.2 Effiċjenza

F’termini tal-baġit allokat għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Europass, iż-żieda sinifikanti fl-utenti ġodda sa mit-tnedija tal-pjattaforma f’Lulju 2020 (inħolqu medja ta’ 150 000 profil kull xahar bejn Lulju 2020 u Diċembru 2022) u l-istabbiltà mistennija tal-kostijiet fis-snin li ġejjin marbuta mal-maturità tal-pjattaforma u t-tlestija tal-biċċa l-kbira tal-għodod għandhom jikkontribwixxu għal tnaqqis tal-kost għal kull profil tal-Europass (kost għal kull profil addizzjonali tal-Europass fl-2022: EUR 1,22). Il-kosteffettività tal-pjattaforma tjiebet bejn l-2021 u l-2022, u dan it-titjib huwa mistenni li jkompli hekk kif il-pjattaformi diġitali għandhom it-tendenza li jkollhom kostijiet marġinali baxxi għal utenti addizzjonali.

Mill-2018, il-governanza kienet aktar effiċjenti minn qabel minħabba struttura aktar solida f’diversi livelli u d-distribuzzjoni usa’ tar-responsabbiltajiet u tal-kompiti kemm mill-Kummissjoni lill-Istati Membri kif ukoll f’diversi organizzazzjonijiet fil-livell nazzjonali u f’dak tal-UE. Il-partijiet ikkonċernati u ċ-Ċentri Nazzjonali tal-Europass esprimew il-ħtieġa għal aktar riżorsi minħabba li hemm kompiti addizzjonali li jridu jiġu koperti u l-pjattaforma l-ġdida tipprovdi aktar għodod u servizzi minn dik preċedenti. Il-fatt li jitwettqu kompiti addizzjonali b’baġit 12 simili għal dak ta’ qabel it-tnedija tal-pjattaforma f’Lulju 2020 juri titjib fil-kosteffettività.

Il-partijiet ikkonċernati jirrikonoxxu li sar ħafna xogħol biex tittejjeb il-faċilità tal-użu tal-Europass u biex jiġu indirizzati kwistjonijiet tekniċi. Dan jinkludi tnaqqis sinifikanti ta’ bugs irrapportati mill-utenti finali fit-tieni nofs tal-2022 u fl-ewwel nofs tal-2023. Il-partijiet ikkonċernati jemmnu li hija meħtieġa aktar attenzjoni biex jissolvew il-kwistjonijiet tekniċi tal-pjattaforma aktar milli biex jiġu żviluppati aktar għodod ġodda. Dan jgħin sabiex il-pjattaforma ssir aktar funzjonali, viżibbli u faċli biex tintuża.

2.3. Koerenza

L-Europass huwa koerenti mal-kuntest ta’ politika usa’. Il-pjattaforma tal-Europass tappoġġa direttament l-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet, iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u d-Deċennju Diġitali tal-Ewropa. Ħafna mill-inizjattivi tal-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet jiddependu fuq l-Europass għall-implimentazzjoni prattika tagħhom fil-livell tal-UE, eż. informazzjoni dwar il-ħiliet. Barra minn hekk, l-Europass jikkontribwixxi għall-prijoritajiet taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, li huma li jittejbu l-kwalità, l-ekwità, l-inklużjoni u s-suċċess fl-edukazzjoni u t-taħriġ għal kulħadd u li l-apprendiment tul il-ħajja u l-mobilità jsiru realtà għal kulħadd. Fl-aħħar nett, l-evoluzzjoni tal-Europass minn pjattaforma li kienet tikkonsisti f’ħames mudelli ta’ dokumenti f’soluzzjoni diġitali ta’ punt uniku ta’ servizz hija allinjata direttament mad-Deċennju Diġitali tal-Ewropa.

L-Europass huwa marbut ħafna mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki minħabba li l-informazzjoni dwar il-qafas u l-għodod (l-għodda ta’ tqabbil, l-interkonnessjoni tar-reġistri nazzjonali tal-kwalifiki) huma integrati fl-Europass. L-Europass huwa allinjat ukoll mal-prijoritajiet adottati mill-Kummissjoni von der Leyen: “Ewropa lesta għall-era diġitali” u “Ekonomija għas-servizz tan-nies”. Barra minn hekk, l-Europass għandu sinerġiji qawwija u interoperabbiltà teknika mal-għodod u l-inizjattivi tal-UE fl-impjiegi, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-gwida, bħall-EURES, il-Klassifikazzjoni Ewropea tal-Impjiegi u tal-Ħiliet (ESCO), l-Erasmus+ u l-EQAR (ir-Reġistru Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja). F’dan il-kuntest, jistgħu jinħolqu aktar sinerġiji bejn l-Europass u dawk il-pjattaformi nazzjonali u tal-UE li jipprovdu għodod u servizzi simili (pereżempju, dwar l-informazzjoni dwar il-ħiliet, l-informazzjoni dwar il-gwida għall-karriera, l-informazzjoni dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol). Sinerġiji addizzjonali mal-EURES, b’kooperazzjoni mal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA), jistgħu jinkludu għodda unika għall-bini ta’ CV u tal-profil, li tallinja l-identitajiet viżwali, filwaqt li żżomm markar separat, ittejjeb in-navigazzjoni bejn iż-żewġ pjattaformi u tiżgura li s-servizzi fuq iż-żewġ pjattaformi jkunu jikkomplementaw lil xulxin.

2.4 Il-valur miżjud u l-impatt tal-UE

L-Europass jipprovdi valur miżjud permezz ta’ għodod u servizzi uniċi, multilingwi u standardizzati mingħajr ħlas, kif ukoll aċċess għal informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ xogħol, opportunitajiet ta’ apprendiment u kwalifiki. L-għodod standardizzati jgħinu lill-impjegaturi u lill-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Istati Membri kollha tal-UE u pajjiżi oħrajn tal-Europass jifhmu u jqabblu aħjar l-isfondi edukattivi u professjonali tal-kandidati u jqabblu l-ħiliet tagħhom mar-rekwiżiti tal-impjiegi.

B’riżultat ta’ dan, l-Europass jappoġġa l-apprendiment u l-mobilità tal-forza tax-xogħol tal-kandidati bejn il-fruntieri u, b’hekk, jgħin biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet fl-UE. Barra minn hekk, l-għodod u s-servizzi standardizzati tal-Europass jgħinu biex jinħolqu opportunitajiet indaqs fost l-applikanti għall-impjiegi. Skont il-parteċipanti tal-osservazzjonijiet kwalitattivi, dan huwa partikolarment minnu għaż-żgħażagħ li jgħaddu mill-edukazzjoni u t-taħriġ għas-suq tax-xogħol.

Bħalissa, l-Europass qed jintuża bħala parti standard mill-applikazzjonijiet tas-settur pubbliku f’diversi pajjiżi Ewropej (eż. il-Portugall, ir-Rumanija u l-Italja). L-Europass jista’ jkollu wkoll rwol essenzjali fl-istandardizzazzjoni tal-għodod u tas-servizzi fl-istess pajjiż, fejn il-politiki tas-suq tax-xogħol ivarjaw bejn ir-reġjuni. Barra minn hekk, l-Europass jimla l-lakuni fis-suq, fejn ma hemm l-ebda alternattiva nazzjonali ekwivalenti disponibbli.

Fir-rigward tal-użu tal-Europass fis-settur privat, 66 % tal-impjegaturi li wieġbu għall-istħarriġ huma konxji tal-Europass u 44 % jużawh. L-istandardizzazzjoni twassal għal aktar konsistenza u komparabbiltà tal-ħiliet fost il-pajjiżi Ewropej kollha. Il-promozzjoni tal-użu tal-Europass tista’ tgħin biex dan isir standard mhux biss għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, iżda wkoll għall-inizjattivi tal-UE, għall-programmi ta’ mobilità u għal istituzzjonijiet differenti tas-suq tax-xogħol u tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Il-biċċa l-kbira tar-rispondenti tal-konsultazzjoni pubblika (77 %) iqisu bħala l-vantaġġ ewlieni tal-Europass li jipprovdi servizzi bla ħlas, segwit mill-mudelli standardizzati u l-karatteristiċi multilingwi tal-pjattaforma (66 % u 65 % rispettivament).

2.5 Rilevanza

L-Europass x’aktarx li jkompli jkun rilevanti minħabba l-ħtieġa li l-kwalifiki u l-ħiliet tan-nies jinftiehmu f’kuntest Ewropew u fid-dawl tal-importanza li jitrawmu l-mobilità tal-forza tax-xogħol fl-UE kollha u l-iżviluppi fid-diġitalizzazzjoni. F’dan ir-rigward, ikun importanti li tiġi żviluppata aktar is-sistema ta’ analiżi tad-data tal-Europass. Dan se jagħmilha possibbli li tintuża data dwar l-interazzjoni tal-utenti mill-għodod differenti tal-pjattaforma biex jiġu personalizzati s-suġġerimenti għax-xogħol u l-apprendiment fl-Ewropa.

L-informazzjoni u l-gwida dwar l-opportunitajiet ta’ xogħol huma pprovduti permezz tal-għodda ta’ tiftix għax-xogħol tal-EURES u informazzjoni speċifika għall-pajjiż kemm dwar l-Europass kif ukoll dwar l-EURES. Aktar informazzjoni speċifika għas-settur jew għall-industrija tista’ tkompli żżid l-attraenza u r-rilevanza tal-għodod tal-Europass.

Fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-apprendiment tul il-ħajja u l-mobilità tranżnazzjonali għall-finijiet ta’ apprendiment, l-Europass jiddependi fuq l-Istati Membri u l-pajjiżi tal-Europass biex jipprovdu informazzjoni dwar il-kwalifiki u l-opportunitajiet ta’ apprendiment.

L-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ xogħol u l-opportunitajiet ta’ apprendiment titqies bħala partikolarment rilevanti minn persuni iżgħar li jkunu qed jibdew il-karrieri tagħhom, kif ukoll minn persuni minn pajjiżi terzi (iż-Żona Ekonomika Ewropea u pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali) 13 .

Gwida aktar personalizzata tista’ tkompli żżid ir-rilevanza tal-għodod tal-Europass. Ir-rakkomandazzjonijiet personalizzati dwar l-opportunitajiet ta’ xogħol jistgħu jgħinu wkoll biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta’ ħiliet u ta’ ħaddiema. Dan ikun jeħtieġ aktar informazzjoni nazzjonali dwar il-gwida għall-karriera, li tista’ tiġi integrata fl-Europass għall-utenti tiegħu.

L-integrazzjoni ta’ diversi għodod ta’ ħiliet, kwalifiki u mobilità tal-forza tax-xogħol li qabel kienu awtonomi, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ għodod ġodda (eż. l-għodda ta’ awtovalutazzjoni tal-ħiliet Diġitali) għenu biex titnaqqas il-frammentazzjoni f’dan il-qasam. Il-partijiet ikkonċernati jfittxu aktar interoperabbiltà ma’ strumenti u inizjattivi oħrajn tal-UE. Madankollu, jeħtieġ li jiġi żgurat bilanċ bejn il-kumplessità u l-faċilità tal-użu tal-pjattaforma biex jiġi evitat li din titgħabba żżejjed b’għodod differenti mmirati lejn il-partijiet ikkonċernati minflok lejn l-utenti finali.

L-Europass jikkontribwixxi għat-trasparenza, għal fehim komuni tal-ħiliet u l-kwalifiki u għall-komparabbiltà. F’dan il-kuntest, l-utenti u l-partijiet ikkonċernati jqisu li l-Kredenzjali Diġitali Ewropej għall-Apprendiment (EDC) huma rilevanti ħafna, billi l-istandards tal-UE jiżguraw l-interoperabbiltà u jevitaw il-frammentazzjoni f’qasam li għadu qed jiġi żviluppat.

3.Tagħlimiet meħuda

L-Europass jappoġġa l-objettivi tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet biex tissaħħaħ ir-rilevanza tal-ħiliet u biex l-aspirazzjonijiet, il-ħtiġijiet u s-settijiet ta’ ħiliet tan-nies jitqabblu mal-ħtiġijiet u l-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol. L-informazzjoni u l-gwida dwar il-ħiliet meħtieġa mis-suq tax-xogħol huma meqjusa bħala importanti ħafna mill-utenti u mill-partijiet ikkonċernati. L-Europass jipprovdi wkoll għodod li jgħinu lill-utenti jirriflettu fuq il-ħiliet u l-interessi tagħhom.

L-Europass diġà għandu rabtiet ma’ diversi inizjattivi tal-UE, bħall-EURES, l-ESCO, il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u l-Mudell ta’ Apprendiment Ewropew. Barra minn hekk, l-interoperabbiltà u s-sinerġiji tal-Europass ma’ portali nazzjonali u tal-UE rilevanti oħrajn, inklużi servizzi ta’ gwida nazzjonali, jistgħu jiġu esplorati aktar.

L-Europass huwa rilevanti għat-tiftix tal-impjiegi u jwieġeb għall-ħtieġa ta’ informazzjoni u gwida dwar l-opportunitajiet ta’ xogħol billi jipprovdi aċċess għall-għodda ta’ tiftix tal-impjiegi tal-EURES. Sinerġiji aktar b’saħħithom bejn l-Europass u l-EURES jistgħu jsaħħu l-impatt taż-żewġ pjattaformi u jkunu ta’ benefiċċju għall-utenti kollha.

L-Istati Membri u l-pajjiżi tal-Europass jeħtieġ li jagħmlu aktar sforzi biex jiżviluppaw bażijiet ta’ data u reġistri tal-opportunitajiet ta’ kwalifiki u ta’ apprendiment. Dawn jintrabtu mal-pjattaforma tal-Europass permezz tar-Reġistru tas-Sett ta’ Data tal-Kwalifiki, sabiex b’hekk l-informazzjoni tkun disponibbli għall-utenti tal-Europass.

Kieku l-Europass jiġi adottat minn aktar partijiet ikkonċernati bħala għodda ta’ profil standard għall-apprendiment u l-impjiegi fl-UE, kif ukoll fil-kuntest tal-inizjattivi u l-programmi ta’ mobilità tal-UE, dan jiżgura li aktar utenti finali jużaw l-għodod u s-servizzi, u b’hekk jinħolqu ekonomiji ta’ skala. Dan ikompli jsaħħaħ ukoll ir-rilevanza u l-impatt tal-Europass. Barra minn hekk, l-użu tal-Europass fis-settur privat jista’ jiġi esplorat aktar. F’termini ta’ kopertura ġeografika, l-attivitajiet promozzjonali tal-Europass jistgħu jiffokaw fuq pajjiżi fejn l-Europass huwa magħruf u użat inqas. Filwaqt li l-attraenza tal-Europass għaż-żgħażagħ hija saħħa partikolari li wieħed jista’ jibni fuqha, l-attivitajiet ta’ promozzjoni jistgħu jiffokaw ukoll fuq persuni li għandhom aktar minn 35 sena.

Jeħtieġ li jiġi żgurat bilanċ bejn l-integrazzjoni ulterjuri ta’ inizjattivi ġodda tal-UE fil-Europass (li jwassal għal aktar kumplessità) u l-faċilità tal-użu tal-pjattaforma.

Sabiex l-Europass jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu bħala pjattaforma għall-immaniġġar tal-karriera u l-apprendiment tul il-ħajja, l-informazzjoni dwar il-gwida għall-karriera, l-opportunitajiet ta’ validazzjoni u r-rikonoxximent tal-kwalifiki tista’ tittejjeb, minħabba li l-informazzjoni kurrenti dwar il-pjattaforma tibqa’ ġenerali. Dan ikun jeħtieġ b’mod partikolari rabtiet aktar b’saħħithom mas-servizzi u l-istituzzjonijiet nazzjonali.

L-użu tal-Europass bħala soluzzjoni sabiex l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi jiġu ppreżentati b’mod standardizzat huwa partikolarment effettiv fil-kuntest tal-mobilità għal skopijiet ta’ xogħol u apprendiment fl-UE kollha.

Hemm ħtieġa ċara li titlesta l-infrastruttura tal-EDC u li jiġu ingranati l-Kredenzjali Diġitali Ewropej għall-istandards tal-Apprendiment sabiex l-Istati Membri jiġu appoġġati fit-trasformazzjoni diġitali tagħhom tal-kredenzjali u tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn il-pjattaformi nazzjonali tal-kredenzjali fil-livell tal-UE.

L-użu tal-analiżi tad-data u tal-intelliġenza artifiċjali fl-Europass jista’ jiġi żviluppat aktar. Ir-rakkomandazzjonijiet personalizzati dwar l-opportunitajiet ta’ xogħol jistgħu jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta’ ħiliet u ta’ ħaddiema.

Sabiex tittejjeb il-faċilità tal-użu tal-pjattaforma tal-Europass, huwa importanti li tingħata prijorità lis-soluzzjoni tal-kwistjonijiet tekniċi qabel ma jiġu żviluppati għodod ġodda. Dan jagħmel il-pjattaforma aktar funzjonali, viżibbli u faċli biex tintuża.

L-iżviluppi futuri għall-Europass jistgħu jiġu implimentati permezz ta’ approċċ ta’ “aċċessibbiltà skont id-disinn” biex jiġi żgurat li l-pjattaforma tkun aċċessibbli għall-akbar numru ta’ nies possibbli, inklużi dawk b’livelli aktar baxxi ta’ ħiliet diġitali, persuni anzjani, persuni qiegħda fit-tul u persuni b’diżabilità. Bl-implimentazzjoni ta’ dawn il-prinċipji, l-Europass jista’ jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-inklużività u tal-opportunitajiet indaqs.

Sabiex jitkejlu l-impatt u l-użu tal-Europass, jista’ jiġi stabbilit pjan ta’ monitoraġġ tad-data u jistgħu jitwettqu stħarriġiet regolari dwar is-sodisfazzjon tal-utenti.

Din l-evalwazzjoni tagħmilha possibbli li l-isforzi jiffokaw fuq l-implimentazzjoni tat-titjib li jirriżulta minn dawn it-tagħlimiet meħuda. Diġà qed isir xi titjib. Dawn l-iżviluppi u dawk futuri se jkunu jeħtieġu sforz u impenn ulterjuri kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali.

(1)

Ara d-Deċiżjoni (UE) 2018/646 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill - tat-18 ta’ April 2018 - dwar qafas komuni għall-għoti ta’ servizzi aħjar għall-ħiliet u l-kwalifiki (Europass) u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE .

(2)

 Ara EUR-Lex - 52020DC0274 - MT - EUR-Lex (europa.eu) .

EUR-Lex - 52020DC0274 - EN - EUR-Lex (europa.eu)

(3)

L-għodda tax-Xejriet tal-Impjiegi u tal-Ħiliet issejħet “għodda ta’ Informazzjoni dwar il-Ħiliet” matul il-fażi tal-iżvilupp.

(4)

Aktar informazzjoni dwar l-għodod għall-ġbir tad-data, il-gruppi tal-partijiet ikkonċernati koperti u l-għadd ta’ rispondenti hija inkluża fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal, it-taqsima 1.2 “Ħarsa ġenerali lejn il-metodoloġija” u l-Anness V “Rapport fil-qosor”.

(5)

 Ara “Studju li jappoġġa l-evalwazzjoni ex post tal-Europass”, Verian Group (li qabel kien Kantar Public) ( https://op.europa.eu/en/web/general-publications ).

(6)

  https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13323-Lifelong-learning-and-career-management-evaluation-of-Europass-since-2018/public-consultation_mt .

(7)

Ara l-Illustrazzjoni 10 (Loġika ta’ Intervent għall-Europass) fl-Anness II għad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.

(8)

Il-Grupp Konsultattiv tal-Europass huwa korp konsultattiv fil-livell tal-UE magħmul mill-partijiet ikkonċernati. Il-Kummissjoni waqqfet il-Grupp Konsultattiv tal-Europass biex jappoġġa l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Europass.

(9)

Viżitatur uniku huwa kull min iżur il-pjattaforma minn indirizz IP speċifiku. Dawn jingħaddu darba biss, anki jekk iżuru l-pjattaforma permezz ta’ profili differenti.

(10)

Abbażi ta’ stħarriġ tal-utenti u ta’ dawk li ma humiex utenti mwettaq f’10 pajjiżi: il-Ġermanja, Spanja, il-Greċja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, il-Portugall, il-Polonja, ir-Rumanija, l-Iżvezja.

(11)

Għal ħarsa ġenerali kompluta lejn is-sehem ta’ profili tal-Europass għal kull Stat Membru bħala perċentwal tal-popolazzjoni totali, ara l-Anness VII tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.

(12)

B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tat madwar EUR 6 miljun lill-NECs għaż-żewġ perjodi qabel u wara t-tnedija tal-pjattaforma f’Lulju 2020 (jiġifieri 2018-2020 u 2021-2023).

(13)

Ir-rispondenti għall-istħarriġ tal-utenti u ta’ dawk li ma humiex utenti mill-Bożnija-Ħerzegovina, il-Georgia, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja, is-Serbja u l-Ukrajna.