|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
|
C/2024/1989 |
12.3.2024 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(C/2024/1989)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
DOKUMENT UNIKU
“Bingöl Balı”
Nru tal-UE: PDO-TR-02886 – 5.1.2023
DOP (x) IĠP ( )
1. Isem/Ismijiet
“Bingöl Balı”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
It-Turkija
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.4. Prodotti oħrajn li joriġinaw mill-annimali (bajd, għasel, diversi prodotti mill-ħalib għajr butir, eċċ.)
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
Il-“Bingöl Balı” huwa għasel poliflorali miksub miż-żona ġeografika speċifikata fit-Taqsima 4. Il-kulur tiegħu jista’ jvarja minn ambra ċar għal ambra skur. Jiġi kkummerċjalizzat bħala xehda u għasel estratt. Fil-produzzjoni, jintużaw ir-razez tan-naħal Apis mellifera anatoliaca, A. mellifera caucasica, A. mellifera meda u l-ibridi tagħhom.
Il-karatteristiċi tal-għabra tad-dakra tal-“Bingöl Balı” huma kif ġej:
|
i) |
L-għabra tad-dakra għandha tinkludi mill-inqas waħda mill-unitajiet tassonomiċi relatati Astragalus sp. (milkvetch), Centaurea sp. (ċentawrja), Hypericum sp. (fexfiex), Trifolium sp. (xnien) u Xeranthemum sp. (immortali jew dejjiema annwali), |
|
ii) |
L-għabra tad-dakra għandha wkoll tkun konformi mal-ispettru tal-għabra tad-dakra elenkat fit-Tabella 2 (il-preżenza tal-unitajiet tassonomiċi tal-għabra tad-dakra kollha elenkati flimkien ma hijiex meħtieġa). Tabella 1 Karatteristiċi fiżikokimiċi tal-“Bingöl Balı”
Tabella 2 Karatteristiċi melissopalinoloġiċi tal-“Bingöl Balı”
|
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
—
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
L-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tal-preparazzjoni jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.
L-għasel jinbiegħ f’vażetti tal-ħġieġ ta’ piż massimu ta’ 1 kg.
L-għasel tax-xehda jinbiegħ f’imballaġġi rettangolari, kwadri jew bil-kisi ta’ piż ta’ 3-5 kg, xierqa biex jiġu f’kuntatt mal-ikel.
L-għasel għall-bejgħ irid ikun protett mid-dawl tax-xemx dirett u jrid jinħażen f’postijiet nodfa u xotti b’temperatura interna li ma taqbiżx l-20 °C, mingħajr irwejjaħ.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
L-isem “Bingöl Balı”, u wieħed mil-logos li ġejjin tal-“Bingöl Balı” jrid ikun fuq l-imballaġġ tal-prodott.
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika demarkata tkopri l-irħula u l-ibliet kollha li jappartjenu għall-provinċja ta’ Bingöl fl-Anatolja tal-Lvant fit-Turkija.
5. Rabta maż-żona ġeografika
L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini tal-“Bingöl Balı” hija bbażata biss fuq il-kwalità u fuq il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott, li jirriżultaw mill-fatturi naturali u umani preżenti fiż-żona ġeografika.
Speċifiċità taż-żona ġeografika
Il-provinċja ta’ Bingöl hija mdawra bil-muntanji. L-unitajiet morfoloġiċi ewlenin huma plateaux vulkaniċi f’elevazzjonijiet differenti f’żoni muntanjużi madwar il-provinċja, widien iffurmati minn nixxigħat li jaqsmu ż-żoni muntanjużi u li joqogħdu fuq il-linji tal-qasmiet, u pjanuri u baċiri li ffurmaw minħabba attività tettonika fost il-mases muntanjużi. L-altitudnijiet u r-riżalti li jinbidlu fuq distanzi qosra jwasslu għal diversità fit-topografija, fl-elementi klimatiċi u fil-veġetazzjoni.
Il-flora taż-żona ġeografika hija rikka bis-saħħa tax-xita annwali u tal-għadd kbir ta’ ġranet xemxin f’Bingöl. Il-ballut (Quercus petraea subsp. pinnatiloba (K.Koch) Menitsky u Quercus libani Oliv.) jifformaw il-kopertura dominanti fiż-żoni tal-foresti. Fiż-żoni tal-isteppa, l-ispeċi ta’ milkvetch Astragalus muschianus Kotschy & Boiss. ex Boiss. u Astragalus gummifer Labill. huma abbundanti.
Peress li l-għoli medju tal-plateaux huwa ta’ 1 500-2 000 m, il-perjodu tas-sajf huwa frisk u l-perjodu tal-fjoritura jdum iżjed. Dan iwassal għall-formazzjoni ta’ siti naturali għall-bejtiet li jistgħu jintużaw minn Ġunju sa Ottubru f’termini ta’ attivitajiet tat-trobbija tan-naħal, u jipprovdi wkoll id-disponibbiltà ta’ żoni lokali kennija għat-trobbija tan-naħal.
In-nuqqas ta’ intrapriżi tal-industrija peżanti f’Bingöl żgura li r-riżorsi tal-ħamrija u tal-ilma jibqgħu nodfa.
Speċifiċità tal-prodott
Il-provinċja ta’ Bingöl għandha post importanti għall-attivitajiet tat-trobbija tan-naħal f’termini tal-pożizzjoni ġeografika tagħha, il-kundizzjonijiet naturali u l-valuri tal-produzzjoni tagħha. Il-provinċja ta’ Bingöl, li tinsab fil-Lvant tad-Dijagonali Anatoljan fir-reġjun tal-flora Iranjan-Turaniża, għandha topografija distinta meta mqabbla mar-reġjun usa’ u mal-pajjiż, u għandha potenzjal kbir għat-trobbija tan-naħal minħabba d-diversità floristika rikka tagħha u l-firxa wiesgħa tal-perjodi tal-fjoritura tal-pjanti li jinsabu fiha. Għal din ir-raġuni, il-provinċja ta’ Bingöl għandha diversità rikka ta’ pjanti u rata għolja ta’ endemiżmu. Hemm madwar 1 700 speċi ta’ pjanti, li 300 minnhom huma endemiċi għal Bingöl. Barra minn hekk, aktar minn 200 unità tassonomika ta’ pjanti ġew irreġistrati bħala pjanti tan-naħal b’analiżijiet melissopalinoloġiċi. Il-familji ewlenin tal-pjanti fost dawn il-pjanti tan-naħal huma l-Asteraceae (il-familja tal-margeriti), il-Fabaceae (il-familja tal-legumi) u l-Hypericaceae (il-familja tal-fexfiex). Din id-diversità tal-fjuri hija riflessa b’mod ovvju fl-oriġini botanika tal-“Bingöl Balı”.
Botanikament, il-“Bingöl Balı” huwa kkaratterizzat mill-kontenut rikk tiegħu ta’ għabra tad-dakra, inkluża l-preżenza ta’ mill-inqas wieħed mill-unitajiet tassonomiċi relatati Astragalus sp. (milkvetch), Centaurea sp. (ċentawrja), Hypericum sp. (fexfiex), Trifolium sp. (xnien) u Xeranthemum sp. (immortali jew dejjiema annwali), u ta’ wħud mit-tipi ta’ għabra tad-dakra indikati fit-Tabella 2 tal-punt 3.2.
Fattur uman
L-attivitajiet tat-trobbija tan-naħal, li twettqu għal ħafna snin fil-provinċja ta’ Bingöl, huma sors importanti ta’ introjtu għaż-żona ġeografika.
L-attivitajiet tat-trobbija tan-naħal fil-biċċa l-kbira tagħhom jitwettqu fil-forma ta’ trobbija tan-naħal migratorja. L-attivitajiet tat-trobbija tan-naħal jibdew fil-bidu ta’ Marzu, bl-indukrar tal-kolonji tan-naħal u t-tmigħ tagħhom matul ix-xitwa, u bl-immaniġġjar tar-reġina tan-naħal. Din il-preparazzjoni tkompli sa nofs Mejju. In-naħħala jistgħu jirrilokaw in-naħal tagħhom fiż-żona ġeografika f’Mejju, skont ir-rata tal-fluss tan-nektar.
Il-bidla fil-post tan-naħal tiddependi l-aktar fuq l-altitudni. Il-veġetazzjoni ssir aktar skarsa minn altitudni ta’ 1 100 m ’l fuq, u b’hekk in-naħal jiċċaqalqu għal altitudni ta’ 1 900 m u ogħla, 3–4 km ’il bogħod mill-abitazzjonijiet, lejn sorsi tal-ilma naturali u żoni bi fluss abbundanti ta’ nektar u għabra tad-dakra.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
—
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1151/oj
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1989/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)