Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fil‑5 ta’ Novembru 2026 (1)
Kawża C‑654/25 [Undelam] (i)
US,
DR
vs
KY
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Konsultazzjoni ta’ sit internet li jinkludi librerija dinamika ta’ Google Fonts – Trasferiment tal-indirizz tal-protokoll tal-internet (IP) tal-viżitatur lil Google fl-Istati Uniti – Natura personali tal-indirizz IP dinamiku – Possibbiltà ta’ identifikazzjoni minn terz – Dritt għad-danni”
I. Introduzzjoni
1. Indirizz ta’ protokoll tal-internet (IP) dinamiku huwa data personali fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (iktar ’il quddiem, “GDPR”) (2), meta jiġi trażmess awtomatikament minn operatur ta’ sit internet lil entità terza bħal Google? Din hija l-mistoqsija li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb f’din il-kawża, li tqum fil-kuntest ta’ tilwima bejn operatur ta’ sit internet u utent li żviluppa mezzi tekniċi intiżi sabiex jinċita din it-trażmissjoni, sabiex imbagħad jitlob kumpens finanzjarju.
2. Dan il-kuntest partikolari ser iwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tindirizza wkoll il-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tad-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 82(1) tal-GDPR.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
3. Il-premessi 10 u 26 tal-GDPR huma fformulati kif ġej:
“(10) Sabiex ikun żgurat livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi u sabiex jitneħħew l-ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni tad-data personali fl-Unjoni, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data għandu jkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. L-applikazzjoni konsistenti u omoġenea tar-regoli għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali għandha tkun żgurata fl-Unjoni kollha. Fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali għall-konformità ma’ obbligu legali, għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali biex jispeċifikaw aktar l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dan ir-Regolament. Flimkien mal-liġi ġenerali u orizzontali dwar il-protezzjoni tad-data għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE, l-Istati Membri għandhom diversi liġijiet speċifiċi għas-settur f’oqsma li jeħtieġu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi. Dan ir-Regolament jipprovdi wkoll marġni ta’ manuvrar għall-Istati Membri biex jispeċifikaw ir-regoli tagħhom, inkluż għall-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali (‘data sensittiva’). Sa dak il-punt, dan ir-Regolament ma jeskludix il-liġijiet tal-Istati Membri li jispeċifikaw iċ-ċirkostanzi għal sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ pproċessar, inkluż li jiġu ddeterminati b’mod aktar preċiż il-kondizzjonijiet li taħthom l-ipproċessar ta’ data personali jkun legali.
[...]
(26) Il-prinċipji ta’ protezzjoni tad-data għandhom japplikaw għal kwalunkwe informazzjoni dwar persuna fiżika identifikata jew identifikabbli. Id-data personali li tkun għaddiet minn psewdonimizzazzjoni, li tista’ tiġi attribwita lil persuna fiżika bl-użu ta’ informazzjoni addizzjonali, għandha titqies bħala informazzjoni dwar persuna fiżika identifikabbli. Sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna fiżika hijiex identifikabbli, għandhom jitqiesu l-mezzi kollha li raġonevolment x’aktarx ikunu jintużaw, bħas-singolarizzazzjoni, mill-kontrollur jew minn kwalunkwe persuna oħra sabiex persuna fiżika tiġi identifikata direttament jew indirettament. Sabiex jiġi aċċertat liema mezzi huma raġonevolment mistennija jintużaw għall-identifikazzjoni tal-persuna fiżika, għandu jittieħed kont tal-fatturi oġġettivi kollha, bħall-ispejjeż tal-identifikazzjoni u l-ammont ta’ żmien meħtieġ għall-identifikazzjoni, b’kont meħud tat-teknoloġija disponibbli fil-mument tal-ipproċessar u tal-iżviluppi teknoloġiċi. Il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data m’għandhomx għalhekk japplikaw għall-informazzjoni anonima, jiġifieri informazzjoni li mhijiex marbuta ma’ persuna fiżika identifikat jew identifikabbli jew għal data personali li ssir anonima b’tali mod li s-suġġett tad-data ma jkunx jew ma jkunx għadu identifikabbli. Għaldaqstant, dan ir-Regolament ma jikkonċernax l-ipproċessar ta’ tali informazzjoni anonima, inkluż għal finijiet ta’ statistika jew ta’ riċerka.”
4. L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni materjali”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.”
5. L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:
“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
(1) ‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;
[...]”.
6. L-Artikolu 6 tal-istess regolament, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:
(a) is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;
[...]
(f) l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni.
[...]”
7. L-Artikolu 44 tal-GDPR, intitolat “Prinċipju ġenerali għal trasferimenti”, jipprovdi:
“Kwalunkwe trasferiment ta’ data personali li tkun qed tiġi pproċessata jew hija maħsuba li tiġi pproċessata wara trasferiment lejn pajjiż terz jew lejn organizzazzjoni internazzjonali għandu jseħħ biss jekk, soġġett għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-Regolament, il-kontrollur u l-proċessur ikunu f’konformità mal-kondizzjonijiet stipulati f’dan il-Kapitolu, inkluż għal trasferimenti ulterjuri ta’ data personali mill-pajjiż terz jew minn organizzazzjoni internazzjonali lejn pajjiż terz ieħor jew lejn organizzazzjoni internazzjonali oħra. Id-dispożizzjonijiet kollha f’dan il-Kapitolu għandhom jiġu applikati sabiex jiġi żgurat li ma għandux jiddgħajjef il-livell ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi ggarantit minn dan ir-Regolament.”
8. L-Artikolu 82 tal-GDPR, intitolat “Dritt għal kumpens u responsabbiltà”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Kwalunkwe persuna li tkun ġarrbet xi dannu materjali jew mhux materjali b’riżultat ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament għandu jkollha d-dritt li tirċievi kumpens mill-kontrollur jew il-proċessur għad-dannu mġarrab.”
B. Id-dritt Ġermaniż
9. L-Artikolu 812, intitolat “Dritt għall-ħlas lura”, tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġermaniż), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (BGBl. 2002 I, p. 42, 2909 u BGBl. 2003 I, p. 738), jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Kull min jikseb xi ħaġa għad-detriment ta’ terz mingħajr bażi legali, kemm permezz ta’ servizz ta’ dan it-terz, kif ukoll b’kull mod ieħor, għandu l-obbligu tal-ħlas lura [...]”
10. L-Artikolu 826 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Ksur intenzjonali u li jmur kontra l-ordni pubbliku u l-moralità”, jistabbilixxi:
“Kull min jikkawża ħsara lil persuna intenzjonalment u bi ksur tal-moralità għandu l-obbligu li jikkumpensa lil dik il-persuna għad-dannu.”
III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
11. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, KY, jopera sit internet li fih integra s-servizz Google Fonts, li jippermetti lill-operaturi ta’ siti internet jużaw mingħajr ħlas karattri tat-tipa mqiegħda għad-dispożizzjoni minn Google. Dan is-servizz, fil-konfigurazzjoni dinamika awtomatika tiegħu, jimplika li dawn il-karattri ta’ tipa jittieħdu minn server ta’ Google, li jwassal għat-trażmissjoni awtomatika tal-indirizz IP tal-viżitatur lil Google fl-Istati tal-Uniti. Bidla fil-konfigurazzjonijiet tippermetti lill-operatur tas-sit jintegra l-karattri tat-tipa għall-kitba lokalment, b’tali mod li jevita t-trażmissjoni tad-data lejn l-Istati Uniti. Madankollu, KY ma għamilx dan.
12. L-ewwel konvenut fil-kawża prinċipali, US, stabbilixxa sistema awtomatizzata magħmula, minn naħa, minn software tat-tip web crawler intiż sabiex jidentifika l-preżenza ta’ din il-konfigurazzjoni dinamika ta’ Google Fonts fuq numru kbir ta’ siti internet, u min-naħa l-oħra, software komplementari li jippermetti li ssir awtomatikament żjara fis-siti hekk identifikati. Peress li b’dan il-mod saret żjara fis-sit internet ta’ KY, l-indirizz IP dinamiku assenjat lil US ġie trażmess lil Google fl-Istati Uniti.
13. F’Ottubru 2022, KY irċieva mingħand DR, it-tieni konvenut fil-kawża prinċipali, li jaġixxi fil-kwalità ta’ avukat imqabbad minn US, ittra ta’ intimazzjoni li tallega li huwa bagħat l-indirizz IP ta’ US lil Google fl-Istati Uniti, mingħajr bażi legali u kunsens, bi ksur, b’mod partikolari, tal-Artikolu 6(1)(a) u (f) tal-GDPR. F’din l-ittra, DR ippropona, f’isem il-klijent tiegħu, iċ-ċediment ta’ kwalunkwe azzjoni fil-konfront tiegħu inkambju għall-waqfien tal-ksur u għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 170 lil US. KY ottempora ruħu fit-terminu mogħti.
14. Wara li sussegwentement ġie informat li l-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu użaw l-istess metodu fir-rigward ta’ eluf ta’ operaturi oħra ta’ siti internet, KY talab ir-rimbors ta’ din is-somma mingħand US.
15. Adita bil-kawża, l-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover, il-Ġermanja) ikkundannat lil US iħallas lura lil KY is-somma ta’ EUR 70. Fl-appell, il-Landgericht Hannover (il-Qorti Reġjonali ta’ Hannover, il-Ġermanja) bidlet din is-sentenza u kkundannat lil US u DR in solidum bejniethom iħallsu lura lil KY is-somma kollha ta’ EUR 170, għar-raġuni li huma kienu kkawżaw dannu intenzjonalment lil dan tal-aħħar, bi ksur tal-moralità. Din il-qorti, ma ddeċidietx dwar il-kwistjoni tal-ksur tal-GDPR, peress li hija kkunsidrat li, jekk jitqies li dan huwa l-każ, ebda dannu morali ma jista’ jiġi rrikonoxxut peress li US kien konsapevolment ipprovoka t-trażmissjoni kontenzjuża, bl-uniku għan li jikseb vantaġġ pekunjarju minnha.
16. Fil-kuntest tal-appell għal reviżjoni ppreżentat minn US u DR, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, tirrileva li d-dritt għall-ħlas lura tal-ammont imħallas minn KY wara l-ittra ta’ intimazzjoni jeżisti biss peress li US ma kellux dritt, b’konformità mal-Artikolu 82 tal-GDPR, għall-kumpens tad-dannu morali li rriżulta mit-trażmissjoni, mir-rikorrent, tal-indirizz IP dinamiku tiegħu lil Google fl-Istati Uniti.
17. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju qieset li s-soluzzjoni tat-tilwima kienet tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tal-imsemmi regolament li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja kienet għadha ma ddeċidietx b’mod inekwivoku.
18. Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-qorti tal-appell eskludiet kull dritt għall-kumpens ta’ US għar-raġuni li t-trażmissjoni tal-indirizz IP dinamiku tiegħu lil Google fl-Istati Uniti ma kinitx tirrigwarda data personali fis-sens tal-istess regolament, peress li din tal-aħħar ma kellhiex mezzi legali li setgħu jiġu implimentati raġonevolment sabiex jiġi identifikat is-suġġett tad-data ta’ din id-data, kif jirriżulta mis-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2016, Breyer (3).
19. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar din l-interpretazzjoni ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li indirizz IP dinamiku jikkostitwixxi data personali fir-rigward ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ media online meta dan tal-aħħar ikollu mezzi legali li jistgħu jiġu raġonevolment implimentati sabiex jiġi identifikat is-suġġett tad-data permezz tal-informazzjoni addizzjonali li għandu l-fornitur ta’ aċċess għall-internet. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-imsemmija sentenza kienet tirrigwarda l-legalità taż-żamma ta’ indirizz IP u mhux tat-trażmissjoni tiegħu.
20. Barra minn hekk, din il-qorti tipprevedi l-possibbiltà li jiġi sostnut “kriterju oġġettiv” (jew “assolut”), li jipprovdi li jkun suffiċjenti li kwalunkwe terz ikun jista’ jidentifika s-suġġett tad-data permezz tal-informazzjoni trażmessa sabiex din tkun ikklassifikata bħala data personali. Minn dan isegwi li l-indirizz IP dinamiku jikkostitwixxi fi kwalunkwe każ data personali, peress li l-fornitur ta’ aċċess għall-internet ikun dejjem jista’ jidentifika d-detentur tal-konnessjoni. Min-naħa l-oħra, jekk tiġi sostnuta l-interpretazzjoni tal-istess sentenza kif tirriżulta mis-sentenza tal-appell, għandu jiġi ddeterminat jekk huwiex suffiċjenti li jeżistu possibbiltajiet legali jippermettu li jiġi identifikat is-suġġett tad-data jew jekk il-kundizzjonijiet tagħhom ta’ implimentazzjoni għandhomx ukoll jiġu ssodisfatti fil-fatt u fil-liġi.
21. Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-qorti tal-appell eskludiet li t-trażmissjoni tal-indirizz IP ta’ US lil Google fl-Istati Uniti kienet ikkawżatlu dannu. Fil-fatt, skont il-qorti tal-appell, il-kunċett ta’ “dannu” jippreżupponi telf involontarju tal-kontroll fuq id-data tiegħu stess, li huwa nieqes fil-kawża prinċipali. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li tali soluzzjoni hija bbażata fuq kunċett ta’ “dannu” li japplika fid-dritt nazzjonali, li madankollu ma jistax jipprevali fuq id-definizzjoni awtonoma u uniformi li għandu jirċievi l-kunċett ta’ “dannu morali” fid-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ dannu għandu jiġi interpretat f’sens wiesa’. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi telf ta’ kontroll fuq id-data personali tiegħu jista’ jikkostitwixxi tali dannu, l-istess bħall-biża’ fondata ta’ użu futur abbużiv, bla ħsara għall-fatt li tkun fondata fir-rigward ta’ ċirkustanzi speċifiċi u li s-suġġett tad-data ma jallegax sempliċement biża’ mingħajr ma jistabbilixxi konsegwenza negattiva (4). Min-naħa l-oħra, fil-mument tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet għadha ma ddeċidietx dwar jekk l-inċitazzjoni delibera tat-trażmissjoni ta’ data personali f’numru kbir ta’ każijiet u b’mod awtomatizzat tostakolax ir-rikonoxximent ta’ dannu morali fis-sens tal-Artikolu 82(1) tal-GDPR.
22. Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-individwi ma jistgħux jinvokaw ir-regoli tal-Unjoni b’mod frawdolenti jew abbużiv, inkluż fir-relazzjonijiet bejn l-individwi. Il-prova ta’ abbuż ta’ dritt teħtieġ li jiġu ssodisfatti element oġġettiv (jiġifieri li l-għan tal-leġiżlazzjoni ma jkunx intlaħaq minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet tagħha) u element suġġettiv (ir-rieda li jinkiseb vantaġġ billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa) (5).
23. Din il-qorti tqis li ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali huma a priori suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit l-element suġġettiv. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ħalliet miftuħa l-possibbiltà li l-projbizzjoni tal-abbuż ma tkunx rilevanti meta l-atti inkwistjoni jista’ jkollhom ġustifikazzjoni oħra minbarra s-sempliċi kisba ta’ vantaġġ. Madankollu, f’dan il-każ, ma jistax jiġi eskluż li l-aġir ta’ US kellu wkoll l-għan li jiġbed l-attenzjoni tal-operaturi ta’ siti internet għall-problema li tqajjem l-integrazzjoni dinamika ta’ Google Fonts għall-protezzjoni tad-data. L-imsemmija qorti tixtieq tkun taf jekk il-motivazzjoni finanzjarja għandhiex tkun l-unika motivazzjoni tal-inċitazzjoni ta’ ksur tal-GDPR sabiex l-abbuż ikun ikkaratterizzat, jew jekk huwiex suffiċjenti li din tikkostitwixxi l-motivazzjoni prinċipali.
24. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Il-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-[GDPR] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ trażmissjoni awtomatizzata ta’ indirizz tal-protokoll tal-internet dinamiku (indirizz IP), dan ikun jikkostitwixxi diġà data personali meta terz ikollu l-għarfien addizzjonali neċessarju sabiex jidentifika s-suġġett tad-data?
Jew l-eżistenza ta’ data personali hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-kontrollur tat-trażmissjoni jew id-destinatarju ikollhom mezzi li jistgħu raġonevolment jintużaw sabiex jiġi identifikat is-suġġett tad-data, skont il-każ, bl-għajnuna ta’ terz?
F’dan l-aħħar każ: huwa suffiċjenti li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jista’ jkun hemm possibbiltajiet legali sabiex jiġi identifikat is-suġġett tad-data, jew dawn il-kundizzjonijiet għandhom, minn perspettiva fattwali u legali, jiġu ssodisfatti fil-każ partikolari?
2) L-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jkun hemm ukoll dannu morali meta s-suġġett tad-data jinċita deliberament lill-kontrollur sabiex iwettaq ksur tal-GDPR bl-għan uniku li jattesta dan il-ksur u jinvokah kontra l-kontrollur?
Fl-affermattiv: jista’ dannu morali jiġi kkonstatat jekk numru kbir ta’ istanzi ta’ ksur tal-istess natura jiġi kkawżat b’mod awtomatizzat?
3) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għaż-żewġ partijiet tat-tieni domanda:
L-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ bħal dak deskritt fit-tieni domanda, dritt għal kumpens għad-dannu morali minħabba aġir abbużiv tas-suġġett tad-data jista’ jiġi miċħud peress li, minkejja li l-kundizzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni ġew formalment osservati, l-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx, u peress li kienet teżisti intenzjoni li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tiegħu? Huwa rilevanti, f’dan ir-rigward, li l-kisba ta’ vantaġġ finanzjarju kienet l-unika motivazzjoni sabiex jiġi pprovokat il-ksur tar-Regolament?”
25. Ma nżammitx seduta.
IV. Analiżi
A. Fuq l-ewwel domanda preliminari
26. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li indirizz IP dinamiku trażmess awtomatikament mill-operatur ta’ sit internet jikkostitwixxi data personali meta terz ikollu informazzjoni addizzjonali neċessarja għall-identifikazzjoni tas-suġġett tad-data, jew meta l-kontrollur tat-trażmissjoni jew id-destinatarju tagħha jkollhom mezzi li jistgħu jiġu implimentati raġonevolment sabiex jiġi identifikat is-suġġett tad-data, jekk ikun il-każ bl-għajnuna ta’ terzi, u fl-affermattiv, jekk possibbiltà legali ta’ identifikazzjoni hijiex suffiċjenti jew jekk għandhomx ukoll jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tagħha ta’ implimentazzjoni fil-fatt u fil-liġi.
27. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar iċ-ċirkustanzi li fihom indirizz IP dinamiku jista’ jikkostitwixxi data personali fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.
28. Skont din id-dispożizzjoni, data personali hija kull informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli, filwaqt li huwa ppreċiżat li hija meqjusa “persuna fiżika identifikabbli”, persuna fiżika li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew iktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tagħha.
29. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-użu mil-leġiżlatur tal-Unjoni tal-kelma “indirettament” donnu jissuġġerixxi li, sabiex informazzjoni tiġi kklassifikata bħala “data personali”, ma huwiex neċessarju li din l-informazzjoni tippermetti, waħedha, li jiġi identifikat is-suġġett tad-data (6). Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li mill-punt 5 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, moqri flimkien mal-premessa 26 ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li d-data personali li tista’ tiġi attribwita lil persuna fiżika permezz ta’ informazzjoni addizzjonali għandha titqies li hija informazzjoni dwar persuna fiżika identifikabbli (7).
30. Barra minn hekk, din il-premessa 26 tippreċiża li, “[s]abiex jiġi ddeterminat jekk persuna fiżika hijiex identifikabbli, għandhom jitqiesu l-mezzi kollha li raġonevolment x’aktarx ikunu jintużaw, bħas-singolarizzazzjoni, mill-kontrollur jew minn kwalunkwe persuna oħra sabiex persuna fiżika tiġi identifikata direttament jew indirettament” (8). Għalhekk, huwa paċifiku li din il-formulazzjoni tissuġġerixxi li, sabiex data tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “data personali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, ma huwiex meħtieġ li l-informazzjoni kollha li tippermetti li jiġi identifikat is-suġġett tad-data tkun f’idejn persuna waħda biss (9).
31. Huwa preċiżament rigward dan ir-rekwiżit li d-dibattitu sar polarizzat, kemm fid-duttrina kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali (10), b’mod partikolari dak Ġermaniż (11). Fil-fatt, fir-rigward tal-punt dwar jekk utent huwiex identifikabbli minħabba l-eżistenza ta’ informazzjoni li tippermetti li ssir din l-identifikazzjoni f’idejn diversi entitajiet differenti, hemm żewġ linji ta’ ħsieb opposti, waħda “assoluta” u l-oħra “relattiva” (12).
1. L-adozzjoni ta’ approċċ “relattiv” tal-kunċett ta’ “data personali” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR: it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perspettiva tad-destinatarju tat-trażmissjoni
32. Skont l-approċċ “assolut” tal-kunċett ta’ data personali, informazzjoni titqies bħala data personali meta terz, ikun min ikun, jista’ jidentifika l-persuna billi jikkombina din l-informazzjoni ma’ data oħra.
33. Skont l-approċċ “relattiv”, informazzjoni hija data personali meta l-persuna li jkollha aċċess għaliha għandha, jew tista’ raġonevolment tikseb il-mezzi neċessarji sabiex jiġi identifikat l-utent. Fi kliem ieħor, il-klassifikazzjoni ta’ “data personali” tiddependi mill-entità li għandha aċċess għal din l-informazzjoni. Meta din tal-aħħar tista’ tidentifika l-persuna fiżika li għaliha tirrelata l-informazzjoni, l-imsemmija informazzjoni għandha titqies bħala data personali fir-rigward ta’ din l-entità biss.
34. Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “data personali” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza tagħha, iffavorixxiet l-approċċ relattiv.
35. Għalhekk, b’effett mis-sentenza Breyer, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “indirizz IP dinamiku rreġistrat minn fornitur tas-servizzi ta’ media online [...] jikkostitwixxi, fir-rigward tal-imsemmi fornitur, data personali” meta jkollu mezzi li jistgħu raġonevolment jiġu implimentati sabiex jiġi identifikat, bl-għajnuna ta’ persuni oħra, is-suġġett tad-data abbażi tal-indirizz IP ikkonċernat (13).
36. Fuq l-istess linja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-numru ta’ identifikazzjoni ta’ vettura, minkejja li fih innifsu ma huwiex ta’ natura “personali” “[j]ikseb din in-natura fir-rigward ta’ kull min raġonevolment għandu mezzi li jippermettu li jassoċja[wh] ma’ persuna speċifika” (14).
37. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li informazzjoni inkluża fi stqarrija għall-istampa tikkostitwixxi data personali fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR sa fejn hija ta’ natura li tippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna kkonċernata minn din l-istqarrija “għal persuni li jaħdmu fl-istess qasam xjentifiku” (15).
38. Iktar reċentement, hija stabbilixxiet b’mod ċar li l-perspettiva rilevanti sabiex tiġi evalwata n-natura identifikabbli tas-suġġett tad-data tiddependi essenzjalment miċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw l-ipproċessar tad-data f’kull każ partikolari (16). Għalhekk, il-klassifikazzjoni ta’ informazzjoni bħala “data personali” ma tiddependix mill-possibbiltà astratta ta’ identifikazzjoni tas-suġġett tad-data, iżda għandha tiġi evalwata b’mod konkret, mill-perspettiva tal-persuna jew tal-entità li għandhom aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni.
39. Fil-konfigurazzjoni partikolari ta’ trasferiment ta’ data, kif ippreżentata fil-kawża prinċipali, tqum għalhekk il-kwistjoni tal-perspettiva li għandha tiġi adottata sabiex jiġi ddeterminat jekk id-data inkwistjoni tistax tiġi kklassifikata bħala “data personali” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi f’dan ir-rigward indikazzjonijiet preċiżi.
40. Għalhekk, hija ddeċidiet li meta operaturi indipendenti jistgħu raġonevolment ikollhom mezzi li jippermettulhom jorbtu numru ta’ identifikazzjoni ta’ vettura ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli, din l-informazzjoni tikkostitwixxi għalihom data personali, kif ukoll, indirettament, għall-manifatturi tal-vetturi bil-mutur li jqiegħduh għad-dispożizzjoni, anki jekk dan in-numru ma huwiex, fih innifsu, għal dawn tal-aħħar, data personali (17). Fi kliem ieħor, data li fiha nnifisha hija impersonali tista’ tikseb natura “personali”, meta l-kontrollur iqegħedha għad-dispożizzjoni ta’ persuni oħra li għandhom mezzi li raġonevolment jistgħu jippermettu l-identifikazzjoni tas-suġġett tad-data (18). Fil-kuntest ta’ tali tqegħid għad-dispożizzjoni, l-imsemmija data jkollha natura personali kemm għal dawn il-persuni, kif ukoll, indirettament, għall-kontrollur.
41. Għalhekk, meta, fil-kuntest ta’ trażmissjoni awtomatika ta’ indirizz IP dinamiku, id-destinatarju tad-data inkwistjoni jkollu mezzi li raġonevolment jistgħu jippermettu identifikazzjoni tas-suġġett tad-data, dan l-indirizz IP dinamiku jikkostitwixxi data personali fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR kemm fir-rigward tad-destinatarju tat-trażmissjoni awtomatika tal-indirizz IP kif ukoll tal-persuna jew l-entità li wettqet din it-trażmissjoni, u dan minkejja li fir-rigward ta’ din tal-aħħar tali data ma tkunx, fiha nnifisha, ta’ natura personali.
42. Barra minn hekk, fir-rigward tal-eventwali klassifikazzjoni ta’ indirizz IP dinamiku bħala “data personali” fl-okkażjoni tat-trażmissjoni awtomatika tiegħu, jidhirli li ma huwiex importanti l-punt dwar jekk din id-data hijiex direttament data personali, fir-rigward tal-persuna li minnha oriġinat it-trażmissjoni. Fil-fatt, il-fatt li din il-persuna tista’ torbot l-identità tal-persuna mal-indirizz IP dinamiku tagħha ma jidhirlix li huwa rilevanti peress li hija tittrażmetti biss dan l-indirizz IP dinamiku u mhux, preżunt li hija għandha, l-identità tal-persuna li magħha jirrelata. Tista’ ssir analoġija mat-trażmissjoni lil terz ta’ data li kienet is-suġġett ta’ psewdonimizzazzjoni. F’tali sitwazzjoni, il-fatt li l-attur li pproċeda b’din il-psewdonimizzazzjoni jkollu informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-utenti ma huwiex rilevanti sabiex tiġi evalwata n-natura personali tal-informazzjoni: qabel kollox għandu jiġi ddeterminat jekk id-destinatarju tad-data jistax iwettaq l-identifikazzjoni tagħhom (19).
43. Għalhekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-indirizz IP dinamiku biss huwa awtomatikament trażmess, għandu jiġi ddeterminat jekk din id-data hijiex ta’ natura personali fir-rigward tad-destinatarju tat-trażmissjoni, sa fejn huwa għandu mezzi li raġonevolment jistgħu jippermettu identifikazzjoni tal-persuna li magħha huwa marbut l-indirizz IP dinamiku awtomatikament trażmess, b’tali mod li hija tikkostitwixxi data personali wkoll għall-entità emittenti, indirettament.
44. Għalhekk, ma jidhirlix li huwa utli li tiġi indirizzata t-tieni parti tal-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk l-indirizz IP dinamiku jistax jiġi kkunsidrat bħala data personali fir-rigward tal-entità emittenti tat-trażmissjoni direttament, minħabba l-eżistenza, għaliha, ta’ possibbiltajiet legali ta’ identifikazzjoni tal-persuna li magħha huwa marbut dan l-indirizz IP. Tali kwistjoni kienet tkun importanti biss kieku mill-analiżi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kien jirriżulta li din għażlet approċċ assolut tal-kunċett ta’ “data personali”. Peress li dan ma huwiex il-każ, hija biss il-perspettiva tal-entità destinatarja tat-trażmissjoni li jidhirli li hija rilevanti f’dan ir-rigward.
2. Il-mezzi li raġonevolment jistgħu jiġu implimentati għall-identifikazzjoni tas-suġġett tad-data
45. Nenfasizza li minkejja li tali eżami, fl-aħħar mill-aħħar, għandu jsir mill-qorti tar-rinviju, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi, madankollu, l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ dan l-eżami. Fi kwalunkwe każ, hija għandha tipprovdilha l-elementi ta’ interpretazzjoni utli għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni.
46. Il-premessa 26 tal-GDPR tistabbilixxi li “[s]abiex jiġi aċċertat liema mezzi huma raġonevolment mistennija jintużaw għall-identifikazzjoni tal-persuna fiżika, għandu jittieħed kont tal-fatturi oġġettivi kollha, bħall-ispejjeż tal-identifikazzjoni u l-ammont ta’ żmien meħtieġ għall-identifikazzjoni, b’kont meħud tat-teknoloġija disponibbli fil-mument tal-ipproċessar u tal-iżviluppi teknoloġiċi”.
47. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li mezz ma jistax raġonevolment jiġi implimentat sabiex jiġi identifikat is-suġġett tad-data meta l-identifikazzjoni ta’ dan is-suġġett tad-data tkun ipprojbita mil-liġi jew ma tistax titwettaq fil-prattika, pereżempju minħabba l-fatt li timplika sforz sproporzjonat f’termini ta’ ħin, ta’ spejjeż u ta’ ħaddiema, b’tali mod li r-riskju ta’ identifikazzjoni jidher fir-realtà insinjifikattiv (20).
48. Għalhekk, jidhirli li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kriterju ċentrali sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistux mezzi li raġonevolment jistgħu jiġi implimentati sabiex jiġi identifikat is-suġġett tad-data huwa l-eżistenza ta’ riskju ta’ identifikazzjoni.
49. Barra minn hekk, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza b’mod kostanti l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jattribwixxi sens wiesa’ lill-kunċett ta’ “data personali” (21). Bl-istess mod, wieħed mill-għanijiet tal-GDPR huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom (22). Għalhekk, jidhirli li l-livell ta’ riskju ta’ identifikazzjoni li jippermetti l-klassifikazzjoni tal-eżistenza ta’ mezzi li raġonevolment jistgħu jiġu implimentati sabiex jippermettu tali identifikazzjoni, u għalhekk, tal-eżistenza ta’ data personali, għandu jiġi interpretat bħala li huwa livell relattivament baxx.
50. Fi kliem ieħor, l-għan ma huwiex li jintwera riskju reali li bla dubju ma jistax jimmaterjalizza, iżda sempliċement li jeżisti riskju li ma huwiex insinjifikattiv.
51. F’dan ir-rigward, nirrileva li l-indirizz IP dinamiku awtomatikament trażmess lil Google mill-operaturi ta’ siti internet li jużaw is-servizz Google Fonts fil-konfigurazzjoni awtomatika tiegħu jagħmel parti minn ġabra ta’ data ferm ikbar miġbura minn din tal-aħħar (23), li magħquda flimkien, tista’ tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-utent. Fil-fatt, l-għan innifsu ta’ dan il-ġbir huwa l-personalizzazzjoni u t-titjib tas-servizzi proposti lill utent skont il-preferenzi u l-użanzi ta’ navigazzjoni tiegħu. Għalhekk, l-indirizz IP dinamiku miġbur minn Google permezz tas-servizz tagħha jista’ jkun is-suġġett ta’ verifika ma’ din id-data l-oħra.
52. Minkejja li din id-data ma tippermettix, meħuda b’mod iżolat, li jiġi identifikat is-suġġett tad-data inkwistjoni, madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kombinazzjoni tagħha tistax twassal għal dan ir-riżultat. F’tali sitwazzjoni, jeżisti riskju mhux insinjifikattiv li Google tista’ twettaq, permezz tal-kombinazzjoni tal-indirizz IP dinamiku awtomatikament trażmess u tad-data miġbura minnha stess, l-identifikazzjoni ta’ utent (24), b’tali mod li għandu jiġi konkluż li Google għandha mezzi li raġonevolment jistgħu jiġu implimentati sabiex jiġi identifikat is-suġġett tad-data li miegħu huwa marbut l-indirizz IP awtomatikament trażmess waqt l-użu tas-servizz tagħha Google Fonts. Għalhekk, dan tal-aħħar jikkostitwixxi, fir-rigward tiegħu, data personali fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR.
53. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minnha jirriżulta wkoll li dan l-indirizz IP dinamiku jikkostitwixxi wkoll, indirettament, data personali fir-rigward tal-entità emittenti.
54. Madankollu, tali soluzzjoni ma jidhirlix li hija totalment sodisfaċenti. Fil-fatt, hija timplika li l-entità emittenti titqies bħala proċessur ta’ data personali. B’dan il-mod, hija tkun suġġetta għall-obbligi kollha previsti mill-GDPR imposti fuq il-kontrolluri, skont ċirkustanza esklużivament esterna għaliha, jiġifieri, jekk id-destinatarju tat-trażmissjoni jistax iwettaq l-identifikazzjoni tas-suġġett tad-data. Barra minn hekk, ma jidhirlix irraġonevoli li jitqies li, f’numru kbir ta’ sitwazzjonijiet, l-entità li minnha toriġina t-trażmissjoni, fir-realtà ma għandha ebda mezz sabiex tkun taf jekk id-destinatarju għandux tali mezzi, u saħansitra ma tkunx taf li tali data qiegħda tiġi trażmessa lilu.
55. Minn dan jirriżulta li l-persuna jew l-entità li minnha toriġina tali trażmissjoni tista’ tinżamm responsabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament minkejja li la hija konxja li din hija data personali u lanqas li wettqet l-ipproċessar tagħha.
56. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, sabiex indirizz IP dinamiku trażmess awtomatikament lil entità terza jiġi kklassifikat bħala data personali fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, din l-entità mhux biss għandu jkollha mezzi li raġonevolment jistgħu jiġi implimentati sabiex jiġi identifikat is-suġġett tad-data, iżda wkoll il-persuna jew l-entità li minnhom toriġina t-trażmissjoni għandu jkollhom għarfien, jew kellu jkollhom għarfien, li dan kien il-każ.
3. Il-proposta ta’ risposta għall-ewwel domanda
57. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fehma tiegħi, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li indirizz IP dinamiku trażmess awtomatikament minn operatur ta’ sit internet lil entità terza li għandha mezzi li raġonevolment jistgħu jiġu implimentati sabiex tiġi identifikata l-persuna inkwistjoni, huwa data personali fir-rigward ta’ din l-entità, direttament, u fir-rigward tal-operatur tas-sit internet, indirettament meta dan tal-aħħar ikollu għarfien, jew kellu jkollu għarfien, li dan kien il-każ.
B. Fuq it-tieni domanda preliminari
58. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li dannu morali jista’ jiġi rrikonoxxut meta s-suġġett tad-data jkun konxjament inċita ksur ta’ dan ir-regolament, b’mod awtomatizzat u repetut, sabiex jikseb kumpens.
59. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tad-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 82(1) tal-imsemmi regolament, b’mod partikolari dwar l-eżistenza ta’ dannu morali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
60. B’mod iktar preċiż, hija tixtieq tkun taf jekk il-fatt li s-suġġett tad-data inċita deliberatament il-ksur tal-istess regolament inkwistjoni, fuq skala kbira u b’mod awtomatiku, jistax jipprevjeni l-implimentazzjoni tal-Artikolu 82(1) tal-GDPR.
61. Jidhirli li r-risposta għal dawn il-mistoqsijiet tista’ tiġi dedotta mill-ġurisprudenza l-iktar reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.
62. Għalhekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-GDPR ma jagħmilx riferiment għad-dritt tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda s-sens u l-portata tal-kliem li jinsabu fl-Artikolu 82(1) ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-kunċetti ta’ “dannu materjali jew morali” u ta’ “kumpens għad-dannu mġarrab”. Għalhekk, dawn il-kliem għandhom jitqiesu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmi regolament, li jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni, li għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha (25).
63. Barra minn hekk, mhux kull ksur tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR jagħti, waħdu, dritt għal kumpens favur is-suġġett tad-data. Mill-kliem tal-Artikolu 82(1) tal-GDPR jirriżulta b’mod ċar li l-eżistenza ta’ “dannu” jew ta’ “preġudizzju” li jkun “iġġarrab” tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet tad-dritt għal kumpens previsti f’din id-dispożizzjoni, l-istess bħall-eżistenza ta’ ksur ta’ dan ir-regolament u ta’ rabta kawżali bejn dan id-dannu u dan il-ksur, peress li dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi (26).
64. Għalhekk, il-persuna li titlob kumpens għal dannu jew għal dannu morali abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni hija obbligata tistabbilixxi mhux biss il-ksur ta’ dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, iżda wkoll li dan il-ksur ikkawżalha tali dannu jew tali preġudizzju. Tali dannu jew preġudizzju ma jistgħux għalhekk jiġu preżunti biss minħabba l-okkorrenza tal-imsemmi ksur (27).
65. Fir-rigward preċiżament tad-dannu morali, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont il-lista illustrattiva tad-“danni” li jistgħu jiġġarrbu mis-suġġetti tad-data li tinsab fl-ewwel sentenza tal-premessa 85 tal-istess regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jinkludi f’dawn il-kunċetti, b’mod partikolari, is-sempliċi “telf ta’ kontroll” fuq id-data personali tagħhom stess, wara ksur tal-GDPR, anki jekk użu abbużiv tad-data inkwistjoni ma jkunx seħħ konkretament (28).
66. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-biża’ kkawżat mit-telf ta’ kontroll tas-suġġett tad-data fuq id-data tiegħu minħabba l-ksur ta’ dan ir-regolament jista’ jagħti lok għal kumpens skont l-Artikolu 82(1) tal-imsemmi regolament, meta din il-biża tista’ titqies bħala fondata, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi inkwistjoni u fir-rigward tas-suġġett tad-data, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali (29).
67. Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk is-suġġett tad-data ġarrabx dannu morali minħabba l-ksur tal-istess regolament, meta dan il-ksur kien inċitat b’mod deliberat, awtomatizzat u repetut minn dan is-suġġett tad-data, għandu jiġi vverifikat jekk huwa setax, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jinvoka telf ta’ kontroll fuq id-data tiegħu, jew tal-inqas, biża’ fondata tal-użu abbużiv tagħha b’rabta ma’ dan il-ksur.
68. Minkejja li dan l-eżami għandu jsir, fl-aħħar mill-aħħar, mill-qorti tar-rinviju fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ dan il-każ, madankollu nirrileva li ma jidhirlix li dan huwa l-każ.
69. Minn naħa, fl-opinjoni tiegħi, f’sitwazzjoni fejn is-suġġett tad-data fittex l-operaturi ta’ sit internet li jistgħu jittrażmettu l-indirizz IP tiegħu lil entità terza bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR, sabiex jikkonsulta dawn is-siti u jitlob, sussegwentement, kumpens finanzjarju għall-ksur hekk imġarrab, is-suġġett tad-data ma għandu ebda telf ta’ kontroll tad-data tiegħu. Għall-kuntrarju, id-data personali li tikkonċernah kienet użata preċiżament bil-mod li huwa kien ippreveda.
70. Min-naħa l-oħra, l-istess japplika għall-biża’ ta’ użu abbużiv tad-data tiegħu kkawżat mill-ksur ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, in-natura repetuta u fuq skala kbira (30) tal-konsultazzjoni ta’ siti internet sabiex tiġi inċitata trażmissjoni tal-indirizz IP tiegħu lil entità terza, jidhirli li tindika li s-suġġett tad-data ma kellu ebda biża’ ta’ użu abbużiv tad-data tiegħu. Barra minn hekk, dan tal-aħħar kien żviluppa software intiż preċiżament għal dan il-għan, b’tali mod li l-proċess implimentat jidhirli li jindika li, tal-inqas, is-suġġett tad-data kien lest li jinkorri r-riskju ta’ użu tal-indirizz IP tiegħu.
71. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li dannu morali ma jistax jiġi rrikonoxxut meta s-suġġett tad-data inċita konxjament ksur ta’ dan l-istess regolament, b’mod awtomatizzat u repetut, sabiex jikseb kumpens għalih.
72. Għalhekk, ma jidhirlix li huwa utli li nindirizza t-tielet domanda, li tirrigwarda l-possibbiltà li talba għal kumpens skont l-Artikolu 82(1) tal-GDPR tiġi miċħuda, meta tali talba tikkostitwixxi abbuż ta’ dritt. Madankollu, ser nagħmel tali eżami, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni tal-kawża prinċipali, jista’ jiġi rrikonoxxut dannu morali fir-rigward tas-suġġett tad-data.
C. Fuq it-tielet domanda preliminari
73. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li persuna li ġarrbet dannu morali minħabba ksur ta’ dan ir-regolament, tista’ tikseb kumpens għal dan id-dannu meta din it-talba tikser il-prinċipju ġenerali tad-dritt li jipprovdi li l-individwi ma jistgħux jinvokaw b’mod frawdolenti jew abbużiv regoli tad-dritt tal-Unjoni, u jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet.
74. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod iktar partikolari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-abbuż ta’ dritt f’sitwazzjoni li fiha permezz tal-introduzzjoni ta’ talba abbażi tal-Artikolu 82(1) tal-imsemmi regolament, is-suġġett tad-data jfittex, essenzjalment iżda mhux esklużivament, li jikseb gwadann finanzjarju.
75. F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li mill-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxi lill-individwi milli jinvokaw ir-regoli ta’ dan id-dritt b’mod frawdolenti jew abbużiv jirriżulta li Stat Membru għandu jirrifjuta, anki fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprevedu tali rifjut, il-benefiċċju tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni meta dawn ir-regoli jiġu invokati minn suġġett tad-data mhux sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dawn ir-regoli, iżda bil-għan li jibbenefika minn vantaġġ mogħti lil dan is-suġġett tad-data mid-dritt tal-Unjoni, minkejja li l-kundizzjonijiet oġġettivi meħtieġa sabiex jinkiseb il-vantaġġ imfittex, previsti mid-dritt tal-Unjoni, ikunu biss formalment issodisfatti (31).
76. Kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, il-prova ta’ prattika abbużiva teħtieġ, minn naħa, numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja l-osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mill-imsemmija leġiżlazzjoni tal-Unjoni bil-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex dan jinkiseb (32).
77. Għalhekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-eżistenza ta’ prattika abbużiva billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni intiżi sabiex jiffaċilitaw l-evalwazzjoni tagħha (33).
78. Fir-rigward preċiżament tal-element suġġettiv li jirrigwarda l-għan imfittex mis-suġġett tad-data bil-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba ta’ dan l-għan, li fir-rigward tiegħu l-qorti tar-rinviju tfittex kjarifika, nirrileva li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, is-suġġett tad-data ressaq eluf ta’ talbiet għal kumpens finanzjarju inkambju għaċ-ċediment tal-proċeduri relatati mad-dannu allegatament imġarrab minħabba t-trażmissjoni awtomatika tal-indirizz IP tiegħu lil entità terza. Għalhekk, preliminarjament, huwa kkonsulta l-istess numru ta’ siti internet, b’mod awtomatizzat, mingħajr interess għall-kontenut tagħhom peress li dawn is-siti kienu magħżula permezz ta’ web crawler minħabba l-integrazzjoni tagħhom tas-servizz Google Fonts fil-verżjoni awtomatika tiegħu.
79. Għalhekk, jidhirli li s-suġġett tad-data pprovda d-data personali tiegħu bi kwantità vasta, mingħajr ma kien imġiegħel u bl-iskop ewlieni li jkun jista’ jinvoka ksur tal-GDPR sabiex jikseb kumpens finanzjarju. Barra minn hekk, f’dan il-każ, huwa aċċetta gwadann finanzjarju inkambju għaċ-ċediment tal-proċeduri. Dawn l-elementi jwassluni sabiex nikkunsidra li s-suġġett tad-data ried qabel kollox u prinċipalment jikseb korrispettiv finanzjarju, u fil-fatt, ikkawża d-dannu allegat billi ssottometta d-data tiegħu bl-iskop li joħloq artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR.
80. Is-suġġett tad-data jargumenta li huwa ried, fl-istess ħin, jiġbed l-attenzjoni tal-operaturi ta’ siti internet għall-problema ta’ protezzjoni tad-data personali li tirriżulta mill-integrazzjoni ta’ Google Fonts. Madankollu, ma jidhirlix li dan l-element jista’ jqiegħed f’dubju din il-konklużjoni.
81. Fil-fatt, minn naħa, l-eżistenza ta’ intenzjoni abbużiva tista’ tiġi kkonstatata meta s-suġġett tad-data jkollu għan differenti minn dak previst mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (34), mingħajr ma jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tali għan għandu jkun neċessarjament esklużiv.
82. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, minkejja li l-azzjoni tas-suġġett tad-data seta’ kellha l-effett li tiġbed l-attenzjoni tal-operaturi ta’ siti internet għall-konfigurazzjoni magħżula għall-integrazzjoni tas-servizz Google Fonts, xorta jibqa’ l-fatt li l-għan prinċipali ta’ dan tal-aħħar kien il-kisba ta’ gwadann finanzjarju.
83. F’dan ir-rigward, analoġija mas-sentenza M.I.C.M. (35) hija partikolarmentilluminanti. F’dik il-kawża, kienet suġġetta għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja l-prattika tal-copyright troll, li permezz tagħha impriża tikseb drittijiet ta’ sfruttament ta’ xogħol protett bl-uniku għan li tkun tista’ tuża l-proċeduri ġudizzjarji sabiex tikseb l-ismijiet u l-indirizi tal-utenti tan-networks peertopeer, sabiex sussegwentement tibgħat lil dawn l-utenti talbiet għal kumpens fir-rigward ta’ allegati danni mġarrba minn dawn l-impriżi, b’theddida ta’ proċeduri ġudizzjarji (36).
84. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt minħabba tali prattika, il-qorti tar-rinviju tista’ b’mod partikolari teżamina l-mod li bih joperaw dawn l-impriżi, billi tevalwa l-mod kif dawn jipproponu soluzzjonijiet bonarji lill-persuni li allegatament ikunu wettqu l-ksur u billi tivverifika jekk huma effettivament iressqux kawżi ġudizzjarji fil-każ ta’ rifjut ta’ soluzzjoni bonarja. Hija tista’ teżamina wkoll jekk jidhirx, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari kollha tal-każ inkwistjoni, li dawn l-istess impriżi jipprovaw fir-realtà, taħt pretest ta’ proposti ta’ soluzzjonijiet bonarji minħabba allegat ksur, jisiltu dħul ekonomiku mill-affiljazzjoni stess tal-utenti kkonċernati ma’ network peer‑to‑peer, mingħajr ma jfittxu speċifikament li jiġġieldu l-ksur tad-drittijiet tal-awtur li jikkawża dan in-network (37).
85. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li, minkejja li tali prattika tikkontribwixxi ċertament sabiex tikkumbatti l-ksur tad-dritt tal-awtur f’network peer‑to‑peer, dan ma jkunx suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt possibbli, jekk barra minn hekk, mill-eżami magħmul mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-għan prinċipali tal-impriżi inkwistjoni kien fir-realtà l-kisba ta’ gwadann finanzjarju.
86. Għalhekk, l-eżistenza ta’ konsegwenzi tajbin iżda aċċessorji ma tistax, fil-fehma tiegħi, twassal sabiex jitqies li l-aġir tas-suġġett tad-data ma kienx intiż għall-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba ta’ kumpens skont l-Artikolu 82(1) tal-GDPR.
87. Għalhekk, jiena tal-opinjoni li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi l-eżistenza ta’ dannu morali fir-rigward tas-suġġett tad-data, l-Artikolu 82(1) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li suġġett tad-data li ġarrab dannu morali minħabba ksur tal-imsemmi regolament jista’ jikseb kumpens għal dan id-dannu meta din it-talba tikser il-prinċipju ġenerali tad-dritt li jipprovdi li l-individwi ma jistgħux jinvokaw b’mod frawdolenti jew abbużiv ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni. Il-prova ta’ prattika abbużiva teħtieġ, minn naħa, numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx, u min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mill-imsemmija leġiżlazzjoni billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tiegħu. Il-fatt li r-rieda li jinkiseb tali vantaġġ ma tkunx l-għan uniku tas-suġġett tad-data iżda sempliċement l-għan prinċipali ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward.
V. Konklużjoni
88. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja):
1) Il-punt 1 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data),
għandu jiġi interpretat fis-sens li
indirizz IP dinamiku trażmess awtomatikament minn operatur ta’ sit internet lil entità terza, li għandha mezzi li raġonevolment jistgħu jiġu implimentati sabiex jiġi identifikat is-suġġett tad-data inkwistjoni, huwa data personali fir-rigward ta’ din l-entità, direttament, u fir-rigward tal-operatur tas-sit internet, indirettament, meta dan tal-aħħar ikollu għarfien, jew kellu jkollu għarfien, li dan kien il-każ.
2) L-Artikolu 82(1) tar-Regolament (UE) 2016/679,
għandu jiġi interpretat fis-sens li
dannu morali ma jistax jiġi rrikonoxxut meta s-suġġett tad-data jkun inċita konxjament ksur ta’ dan ir-regolament, b’mod awtomatizzat u repetut, sabiex jikseb kumpens għalih.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
2 ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”.
3 C‑582/14, iktar ’il quddiem, is-“sentenza Breyer”, EU:C:2016:779.
4 Il-qorti tar-rinviju tinvoka, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Agentsia po vpisvaniyata (C‑200/23, EU:C:2024:827, punti 143 sa 145).
5 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinvoka, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et (C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punt 287) u tad‑9 ta’ Jannar 2025, Österreichische Datenschutzbehörde (Talbiet eċċessivi) (C‑416/23, EU:C:2025:3, punt 49).
6 Ara, b’analoġija, is-sentenzi Breyer (punt 41), u tas‑7 ta’ Marzu 2024, IAB Europe (C‑604/22, EU:C:2024:214, punt 39). Hawnhekk nenfasizza li l-ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “data personali” u b’mod iktar partikolari n-natura identifikabbli ta’ informazzjoni kienet żviluppata parzjalment qabel id-dħul fis-seħħ tal-GDPR, jew b’rabta ma’ regolament simili u speċifiku, bħar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39). Kemm fir-rigward ta’ dan l-aħħar test jew tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), li ppreċediet il-GDPR, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “data personali” li tinsab fihom hija identika f’kull aspett għal dik tal-punt 1 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, għall-finijiet ta’ semplifikazzjoni, fl-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, ser nirreferi b’analoġija għall-ġurisprudenza rilevanti, mingħajr ma nispeċifika neċessarjament id-dispożizzjoni taħt eżami.
7 Sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Nacionalinis visuomenės sveikatos centras (C‑683/21, EU:C:2023:949, punt 43) u tas‑7 ta’ Marzu 2024, IAB Europe (C‑604/22, EU:C:2024:214, punt 39).
8 Korsiv miżjud minni.
9 Ara, b’analoġija, is-sentenzi Breyer (punt 43), u tas‑7 ta’ Marzu 2024, IAB Europe (C‑604/22, EU:C:2024:214, punt 40).
10 Ara, għal espożizzjoni ddettaljata tal-kurrenti differenti duttrinali u quddiem il-qrati nazzjonali, Andersen, K. B. H., “Pseudonymised (Personal) Data as Resolution: The Final Chapter in the Legal Saga of Third-Country Transfers?”, European Data Protection Law Review, Vol. 11, Nru 3, 2025, p. 312-332.
11 Kif diġà enfasizza l-Avukat Ġenerali Campos Sánchez‑Bordona fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Breyer (C‑582/14, EU:C:2016:339, punt 52).
12 Ara, dwar l-approċċi differenti relattivi u assoluti, Lubasz, D., Szkurłat, A., “Relatywizacja pojęcia danych osobowych w świetle orzecznictwa polskich sądów administracyjnych i powszechnych”, Monitor Prawniczy, Nru 23, 2021, p. 1575.
13 Sentenza Breyer (punti 48 u 49). Korsiv miżjud minni.
14 Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Gesamtverband Autoteile-Handel (Aċċess għall-informazzjoni dwar il-vetturi) (C‑319/22, EU:C:2023:837, punt 46). Korsiv miżjud minni.
15 Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2024, OC vs Il‑Kummissjoni (C‑479/22 P, EU:C:2024:215, punt 61). Korsiv miżjud minni.
16 Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, KEPD vs SRB (Kunċett ta’ data personali) (C‑413/23 P, EU:C:2025:645, punt 100).
17 Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Gesamtverband Autoteile‑Handel (Aċċess għall-informazzjoni dwar il-vetturi) (C‑319/22, EU:C:2023:837, punt 49).
18 Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, KEPD vs SRB (Kunċett ta’ data personali) (C‑413/23 P, EU:C:2025:645, punt 84).
19 Dwar il-kunċett ta’ “data personali” fil-kuntest ta’ proċess ta’ psewdonimizzazzjoni, ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2025, KEPD vs SRB (Kunċett ta’ data personali) (C‑413/23 P, EU:C:2025:645, punti 68 sa 89).
20 Sentenzi Breyer (punt 46) u tas‑7 ta’ Marzu 2024, OC vs Il‑Kummissjoni (C‑479/22 P, EU:C:2024:215, punt 51).
21 Sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 2024, OC vs Il‑Kummissjoni (C‑479/22 P, EU:C:2024:215, punt 45) u IAB Europe (C‑604/22, EU:C:2024:214, punt 36).
22 Premessa 10 tal-GDPR.
23 Għalhekk, mir-regoli ta’ kunfidenzjalità u mill-kundizzjonijiet ta’ użu ta’ Google jirriżulta li Google tiġbor, b’mod partikolari, l-identifikaturi uniċi, it-tip u l-parametru tan-navigatur u tal-apparat użat, l-informazzjoni dwar l-interazzjonijiet bejn l-applikazzjonijiet, in-navigaturi, l-apparat tal-utenti u s-servizzi ta’ Google, bħar-rapporti ta’ żbalji, l-attività tas-sistema, kif ukoll id-data, il-ħin u l-URL li minnu toriġina t-talba. Bl-istess mod, tinġabar l-informazzjoni dwar l-attività tal-utenti bħall-kliem imfittxija, il-vidjows li wieħed jara, l-attività marbuta max-xiri, il-persuni li magħhom l-utent jikkomunika jew jaqsam il-kontenut. Jinġabar ukoll l-indirizz IP tal-utent ta’ Google, kif ukoll id-data ta’ lokalizzazzjoni tiegħu.
24 Ara, dwar l-iżviluppi tekniċi li jiffaċilitaw l-identifikazzjoni ta’ persuni fiżiċi, Finck, M., u Pallas, F., “They who must no be identified – distinguishing personal from non personal data under the GDPR”, International Data Privacy Law, Vol. 10, Nru. 1, 2020, p. 11-36.
25 Sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali) (C‑300/21, EU:C:2023:370, punt 30); tal‑4 ta’ Settembru 2025, Quirin Privatbank (C‑655/23, EU:C:2025:655, punt 55); u tad‑19 ta’ Marzu 2026, Brillen Rottler (C‑526/24, EU:C:2026:216, punt 58).
26 Sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data pesonali) (C‑300/21, EU:C:2023:370, punti 31 sa 33); tal‑4 ta’ Settembru 2025, Quirin Privatbank (C‑655/23, EU:C:2025:655, punt 56) u tad‑19 ta’ Marzu 2026, Brillen Rottler (C‑526/24, EU:C:2026:216, punt 59).
27 Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2026, Brillen Rottler (C‑526/24, EU:C:2026:216, punt 60).
28 Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2026, Brillen Rottler (C‑526/24, EU:C:2026:216, punt 61).
29 Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2026, Brillen Rottler (C‑526/24, EU:C:2026:216, punt 63).
30 Skont il-qorti tar-rinviju, il-proċess kien intuża iktar minn 100 000 darba.
31 Sentenzi tat‑30 ta’ Ottubru 2025, Mercedes‑Benz Bank u Volkswagen Bank (C‑143/23, EU:C:2025:837, punti 78 u 80) kif ukoll tal‑1 ta’ Ottubru 2026, Premium Food Kebab (C‑209/25, EU:C:2026:804, punt 32).
32 Sentenzi tal‑1 ta’ Ottubru 2026, Premium Food Kebab (C‑209/25, EU:C:2026:804, punt 33) u tat‑30 ta’ Ottubru 2025, Mercedes‑Benz Bank u Volkswagen Bank (C‑143/23, EU:C:2025:837, punt 81).
33 Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2026, Premium Food Kebab (C‑209/25, EU:C:2026:804, punt 34).
34 Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2026, Brillen Rottler (C‑526/24, EU:C:2026:216, punt 40).
35 Sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021 (C‑597/19, EU:C:2021:492).
36 Ara, għal deskrizzjoni iktar dettaljata ta’ din il-prattika, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża M.I.C.M. (C‑597/19, EU:C:2020:1063, punti 1 et seq.).
37 Sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M. (C‑597/19, EU:C:2021:492, punt 95).