|
19.9.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 241/3 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1610
tat-13 ta’ Settembru 2022
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 738/2000 fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ vettura mgħammra b’apparat idrawliku għall-irfigħ mgħammar bi pjattaforma tax-xogħol fin-Nomenklatura Magħquda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 738/2000 (2), l-oġġett elenkat fil-punt 5 tal-Anness ta’ dak ir-Regolament, vettura b’erba’ roti li taħdem b’mutur elettriku, mgħammra b’apparat idrawliku għall-irfigħ b’ġibb teleskopiku, b’għoli massimu ta’ 15,5 m u b’kapaċità ta’ rfigħ ta’ 227 kg, immuntat b’mod permanenti fuq wiċċ ċatt u mgħammar bi pjattaforma tax-xogħol b’poġġaman tas-sikurezza, ġiet ikklassifikata taħt il-kodiċi 8428 90 90 tan-Nomenklatura Magħquda (NM), bħala makkinarju ieħor għall-irfigħ. |
|
(2) |
Ir-raġuni għall-esklużjoni tal-klassifikazzjoni tal-apparat għall-irfigħ mill-intestatura 8427 kienet li mhuwiex adattat għat-trasport tal-oġġetti, peress li huwa maħsub biss biex jgħolli l-oġġetti u l-persuni. Madankollu, l-intestatura 8427 ma teskludix oġġetti li mhumiex maħsuba għat-trasport tal-oġġetti. Barra minn hekk, skont in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata tal-intestatura 8427, il-parti (B), il-punt (1), l-intestatura 8427 tinkludi t-trakkijiet bi pjattaformi li jgħollu mekkanikament għall-manutenzjoni ta’ kejbils tal-elettriku, sistemi ta’ tidwil pubbliku, eċċ. |
|
(3) |
Matul it-68 sessjoni tiegħu f’Settembru 2021, il-Kumitat tas-Sistema Armonizzata (HSC) tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) approva l-opinjoni ta’ klassifikazzjoni 8427.10/1 li tikklassifika prodott imsejjaħ “Boom Lift Artikolat Awtopropulsiv”, li huwa trakk tax-xogħol bażiku bir-roti li jaħdem b’mutur elettriku li jkollu boom idrawliku artikolat għall-irfigħ, u li jkollu pjattaforma tax-xogħol (gaġġa jew kompartiment fejn toqgħod persuna) immuntata fuq il-boom. Dan il-lift għandu veloċità massima ta’ 5,2 km/h (magħluq) u ta’ 0,8 km/h (mhux magħluq), għoli operattiv massimu ta’ 15,7 m, piż gross massimu ta’ 6 500 kg u kapaċità tal-pjattaforma ta’ 227 kg. Huwa maħsub biex jakkomoda ħaddiem sabiex ikun jista’ jaħdem fl-għoli. Ġie kklassifikat fis-subintestatura 8427 10 tas-Sistema Armonizzata (SA) u, skont il-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, jikkorrispondi għall-Kodiċi NM 8427 10 10, bħala trakkijiet awtopropulsivi li jaħdmu b’mutur elettriku, b’għoli ta’ rfigħ ta’ 1 m jew iktar. |
|
(4) |
Minħabba l-karatteristiċi identiċi jew simili ħafna tal-prodott mal-oġġett deskritt fil-punt 5 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 738/2000, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġett, kif stabbilita fl-Anness ta’ dak ir-Regolament, mhijiex f’konformità mal-opinjoni ta’ klassifikazzjoni 8427.10/1. |
|
(5) |
Bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE (3), l-Unjoni hija parti kontraenti għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija, imfassla mill-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali tad-WCO. L-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni approvati mill-HSC huma strumenti ta’ gwida għall-miżuri tariffarji tal-Unjoni. |
|
(6) |
Bil-ħsieb li tiġi żgurata uniformità fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tas-SA fil-livell internazzjonali u meta jitqies li l-opinjoni ta’ klassifikazzjoni 8427.10/1 hija konformi mal-kliem tal-intestatura HS 8427 u tas-subintestatura 8427 10, jeħtieġ li jitħassar il-punt 5 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 738/2000. |
|
(7) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 738/2000 jiġi emendat skont dan. |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 738/2000, ir-ringiela li tikkorrispondi mal-punt 5 tat-tabella u l-illustrazzjoni C jitħassru.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Settembru 2022.
Għall-Kummissjoni
F’isem il-President,
Gerassimos THOMAS
Direttur Ġenerali
Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni
(1) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 738/2000 tas-7 ta’ April 2000 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 87, 8.4.2000, p. 10).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti u tal-Protokoll li Jemendaha (ĠU L 198, 20.7.1987, p. 1).