Brussell, 24.4.2023

COM(2023) 204 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċitar tas-setgħa għall-adozzjoni tal-atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni

skont id-Direttiva (UE) 2018/2001 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli








1.INTRODUZZJONI

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (“id-Direttiva”) tistabbilixxi qafas komuni għall-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Daħlet fis-seħħ fl-24 ta’ Diċembru 2018. Tistabbilixxi mira vinkolanti tal-Unjoni għas-sehem globali ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija tal-Unjoni fl-2030. Tistabbilixxi wkoll regoli dwar appoġġ finanzjarju għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli, dwar l-awtokonsum ta’ tali elettriku, dwar l-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ u fis-settur tat-trasport, dwar il-kooperazzjoni reġjonali bejn l-Istati Membri, u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, dwar garanziji tal-oriġini, dwar proċeduri amministrattivi u dwar informazzjoni u taħriġ. Tistabbilixxi wkoll kriterji ta’ sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa.

Skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, il-Kummissjoni ingħatat is-setgħa li tadotta atti delegati f’għadd ta’ oqsma. Id-Direttiva timponi wkoll fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tirrapporta lill-koleġiżlaturi fir-rigward tad-delega tas-setgħa mogħtija lilha.

2.BAŻI ĠURIDIKA

Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 35(2) tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, li tistipula li l-Kummissjoni għandha tħejji rapport rigward is-setgħat delegati sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin li beda fl-24 ta’ Diċembru 2018.

Skont l-Artikolu 35, il-Kummissjoni ingħatat is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 7(3), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(2), ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 26(2), il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 26(2), il-punt (c) tal-Artikolu 27(1), is-seba’ subparagrafu tal-Artikolu 27(3), l-Artikolu 28(5), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(6), u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(5). Is-setgħa li tadotta l-atti delegati ingħatat lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-24 ta’ Diċembru 2018 skont l-Artikolu 35(2), bl-eċċezzjoni tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 7(3), fejn skont l-Artikolu 35(3), il-perjodu huwa biss ta’ sentejn.

Ħlief għas-setgħa li jiġu adottati atti delegati kif stabbilit fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 7(3), id-delega tas-setgħa se tiġi estiża awtomatikament għall-perjodi ta’ żmien identiċi, sakemm ma l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonawx għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.EŻERĊITAR TAD-DELEGA

a)Ġew adottati l-atti delegati li ġejjin:

Matul il-perjodu tar-rapportar, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħat delegati tagħha billi adottat l-atti delegati li ġejjin:

Qasam tad-delega

Bażi għad-delega

Ir-REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/759 tal-14 ta’ Diċembru 2021 li jemenda l-Anness VII tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ metodoloġija għall-kalkolu tal-ammont ta’ enerġija rinnovabbli użata għat-tkessiħ u għat-tkessiħ distrettwali

L-Artikolu 7(3)

Ir-REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2003 tas-6 ta’ Awwissu 2021 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-pjattaforma għall-iżvilupp rinnovabbli tal-Unjoni

L-Artikolu 8(3)

Ir-REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/807 tat-13 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ materja prima b’riskju għoli ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art li għaliha qed tiġi osservata espansjoni sinifikanti taż-żona ta’ produzzjoni f’art b’ħażna kbira ta’ karbonju u ċ-ċertifikazzjoni ta’ bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti mill-bijomassa b’riskju baxx ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art

L-Artikolu 26(2), ir-raba’ subparagrafu

Ir-REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) …/... tal-10 ta’ Frar 2023 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi metodoloġija tal-Unjoni li tistipula regoli dettaljati għall-produzzjoni ta’ karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika

C (2023) 1087 final

L-Artikolu 27(3) is-seba’ subparagrafu

Ir-REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) …/... tal-10 ta’ Frar 2023 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi livell limitu minimu għall-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ fjuwils tal-karbonju riċiklat u billi jispeċifika metodoloġija għall-valutazzjoni tal-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn fjuwils rinnovabbli likwidi u gassużi għat-trasport ta’ oriġini mhux bijoloġika u minn fjuwils tal-karbonju riċiklat

C(2023) 1086 final

L-Artikolu 25(2) u l-Artikolu 28(5)

L-aħħar żewġ atti delegati ġew adottati fl-10 ta’ Frar 2023. Kienu għadhom ma daħlux fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni ta’ dan ir-Rapport u kienu għadhom taħt skrutinju mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

b)Il-ħidma fuq l-atti delegati li ġejjin għadha għaddejja:

Bħalissa qed jitħejjew l-atti li ġejjin:

Qasam tad-delega

Data tal-adozzjoni mistennija

Bażi għad-delega

Ir-rieżami tal-kriterji dwar il-bijokarburanti f’riskju kbir ta’ ILUC, inkluż trajettorja għat-tnaqqis tal-bijokarburanti b’riskju għoli ta’ ILUC

Settembru 2023

L-Artikolu 26(2), ir-raba’ subparagrafu

Il-materja prima li tista’ tiġi pproċessata biss b’teknoloġiji avvanzati se tiżdied mal-Parti A tal-Anness IX

Adozzjoni probabbli fit-tieni kwart tal-2023

L-Artikolu 28(6), it-tieni subparagrafu

c)S’issa ma kien meħtieġ l-ebda eżerċitar tas-setgħa msemmija:

Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni qieset li ma kienx meħtieġ tadotta atti delegati għall-punti li ġejjin:

Qasam tad-delega

Bażi għad-delega

L-adattament tal-kontenut tal-enerġija għall-karburanti tat-trasport, kif stabbilit fl-Anness III, f’konformità mal-progress xjentifiku u tekniku

L-Artikolu 27(1)(c)

L-emenda, fejn xieraq, tal-Annessi V u VI billi jiżdiedu jew jiġu riveduti l-valuri prestabbiliti jew tiġi modifikata l-metodoloġija.

L-Artikolu 31(5)

d) Konsultazzjoni qabel l-adozzjoni

Waqt it-tħejjija tal-atti delegati skont id-Direttiva, il-Kummissjoni dejjem ikkonsultat l-esperti nnominati mill-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, permezz ta’ laqgħat dedikati regolari tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni u konsultazzjonijiet bil-miktub. Il-Parlament Ewropew ukoll kien mistieden jieħu sehem f’dawn l-attivitajiet kollha ta’ konsultazzjoni. Id-dokumenti rilevanti ta’ dawn il-konsultazzjonijiet intbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess waqt, kif previst fil-Fehim Komuni dwar l-atti delegati. Barra minn hekk, saru konsultazzjonijiet pubbliċi biex il-partijiet ikkonċernati kollha jkollhom iċ-ċans jagħtu l-feedback tagħhom.

Matul it-tħejjija tal-verżjonijiet finali tal-atti delegati, ġew ikkunsidrati l-osservazzjonijiet ippreżentati f’dawn il-konsultazzjonijiet.

4.KONKLUŻJONI

Matul dawn l-aħħar ħames snin, il-Kummissjoni eżerċitat kif xieraq is-setgħat delegati mogħtija lilha skont id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Minħabba l-fatt li fil-mument li tlesta dan ir-rapport kienu għadhom ma ġewx adottati l-atti delegati kollha li għalihom il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa, il-Kummissjoni tara l-ħtieġa li jiġu estiżi s-setgħat kollha tal-adozzjoni tal-atti delegati previsti fid-Direttiva lil hinn mill-perjodu attwali ta’ ħames snin. Hija tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.