Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija Ewropea mal-Bożnja u Ħerzegovina u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/55/KE /* KUMM/2007/0657 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 6.11.2007 KUMM(2007) 657 finali Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija Ewropea mal-Bożnja u Ħerzegovina u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/55/KE (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Il-Kunsill Ewropew ta’ Tessaloniki tad-19 u l-20 ta’ Ġunju 2003 approva “L-Aġenda ta’ Tessaloniki għall-Balkani tal-Punent”, li introduċiet is-sħubiji bħala mezz biex titwettaq il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Fit-30 ta’ Jannar 2006 il-Kunsill adotta l-verżjoni riveduta tas-Sħubija Ewropea għall-Bożnja u Ħerzegovina, imsejsa fuq il-proposta mill-Kummissjoni ppreżentata fid-9 ta’ Novembru 2005. Il-sħubiji fihom prijoritajiet għal terminu qasir u medju. Il-pajjiżi huma mistennija li jissodisfaw il-prijoritajiet fuq terminu qasir fi żmien sena jew sentejn. Għalhekk il-Kummissjoni tikkunsidra li jkun xieraq li tiġi ppreżentata proposta għal verżjoni aġġornata tas-Sħubija Ewropea għall-Bożnja u Ħerzegovina. Din is-sħubija mġedda hija bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 533/2004 tat-22 ta’ Marzu 2004 u tqis l-iżviluppi l-ġodda kif deskritti fir-Rapport ta’ Progress ta' l-2007. Telenka l-prijoritajiet fuq terminu qasir u medju ta’ żmien għall-preparamenti tal-pajjiż għal aktar integrazzjoni ma’ l-Unjoni Ewropea. Biex jirreaġixxu għas-Sħubija Ewropea, l-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnja u Ħerzegovina għandhom jiżviluppaw pjan bi skeda u miżuri speċifiċi li l-Bożnja u Ħerzegovina biħsiebha tieħu għal dan il-għan. Il-progress fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ser jiġi segwit regolarment mill-Kummissjoni. Il-prijoritajiet tas-Sħubija Ewropea jiffurmaw il-bażi għall-ipprogrammar ta’ l-għajnuna finanzjarja tal-Komunità, li se tkompli tkun provduta taħt l-istrumenti finanzjarji rilevanti, b'mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA). Id-Deċiżjoni proposta tal-Kunsill m’għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill sabiex jadotta l-proposta mehmuża għal Deċiżjoni tal-Kunsill. Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija Ewropea mal-Bożnja u Ħerzegovina u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/55/KE IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 533/2004 tat-22 ta' Marzu 2004 dwar it-twaqqif ta’ sħubiji ( partnerships ) Ewropej fil-qafas tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni[1], kif emendat, u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Billi: (1) Il-Kunsill Ewropew ta’ Tessaloniki tad-19 u l-20 ta’ Ġunju 2003 approva l-introduzzjoni tas-Sħubiji Ewropej bħala mezz biex isseħħ il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. (2) Ir-Regolament (KE) Nru 533/2004 jipprovdi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li għandhom ikunu inkorporati fis-sħubiji flimkien ma' kull tibdil sussegwenti. Huwa jiddikjara wkoll li s-segwitu tas-sħubiji Ewropej se jkun żgurat permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti skond il-Proċess ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, l-aktar permezz tar-rapporti annwali ta’ progress. (3) Fit-30 ta’ Jannar 2006 il-Kunsill adotta t-tieni Sħubija Ewropea mal-Bożnja u Ħerzegovina[2]. (4) Id-Dokument tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija tat-tkabbir u l-isfidi ewlenin 2006-2007 indika li l-sħubiji għandhom ikunu aġġornati sa l-aħħar ta’ l-2007. (5) Fit-12 ta’ Ġunju 2006 il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1085/2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA)[3], li jġedded il-qafas għall-għajnuna finanzjarja għall-pajjiżi ta’ qabel l-adeżjoni. (6) Jixraq għalhekk li tiġi adottata verżjoni riveduta tas-Sħubija Ewropea li taġġorna s-sħubija attwali sabiex tidentifika prijoritajiet imġedda għal iżjed xogħol, abbażi tal-konklużjonijiet tar-Rapport ta' Progress ta' l-2007 dwar il-preparamenti tal-Bożnja u Ħerzegovina għal aktar integrazzjoni ma' l-Unjoni Ewropea. (7) Sabiex iħejju għal integrazzjoni akbar ma’ l-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet kompetenti fil-Bożnja u Ħerzegovina għandhom jiżviluppaw pjan bi skeda u bil-miżuri speċifiċi biex jindirizzaw il-prijoritajiet ta’ din is-sħubija Ewropea. (8) Id-Deċiżjoni 2006/55/KE għandha għalhekk tiġi mħassra, IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 Il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet fis-Sħubija Ewropea mal-Bożnja u Ħerzegovina huma stabbiliti fl-Anness. Artikolu 2 L-implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea ser tkun eżaminata permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti bil-proċess ta’ stabilizzazzjoni u assoċjazzjoni, l-aktar ir-rapporti tal-progress annwali ippreżentati mill-Kummissjoni. Artikolu 3 Id-Deċiżjoni 2006/55/KE għandha tiġi mħassra. Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ANNESS: SĦUBIJA EWROPEA 2007 TAL-BOŻNJA U ĦERZEGOVINA 1. DAĦLA Il-Kunsill Ewropew approva l-introduzzjoni tas-Sħubiji Ewropej bħala mezz biex isseħħ il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Is-sħubija riveduta proposta taġġorna t-tieni waħda, fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tar-Rapport ta' Progress tal-Kummissjoni ta' l-2007 dwar il-Bożnja u Ħerzegovina. Hija tfakkar ċerti oqsma ta’ azzjoni prijoritarja u tidentifika prijoritajiet ġodda għal azzjoni. Il-prijoritajiet ġodda huma adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi u għall-istadju tat-tħejjijiet tal-pajjiż u ser ikunu aġġornati kif ikun meħtieġ. Il-Bożnja u Ħerzegovina hija mistennija tiżviluppa pjan li jinkludi skeda u miżuri speċifiċi li jindirizzaw il-prijoritajiet tas-Sħubija Ewropea għall-Adeżjoni. Is-sħubija tipprovdi wkoll gwida għall-għajnuna finanzjarja lill-pajjiż. 2. PRINĊIPJI Il-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jibqa' l-qafas għat-triq lejn l-Ewropa tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, sa l-adeżjoni futura tagħhom. Il-prijoritajiet identifikati għall-Bożnja u Ħerzegovina huma marbuta mal-kapaċità tagħha li tissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-Kunsill Ewropej ta’ Kopenħagen ta' l-1993 u l-kondizzjonijiet stabbiliti bil-proċess ta’ stabbilizazzjoni u assoċjazzjoni, speċjalment il-kondizzjonijiet definiti mill-Kunsill fil-Konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta’ April 1997 u tal-21 u t-22 ta’ Ġunju 1999, id-dikjarazzjoni finali tas-Samit ta’ Żagreb ta’ l-24 ta’ Novembru 2000 u l-Aġenda ta’ Tessaloniki. 3. PRIJORITAJIET Il-prijoritajiet elenkati f’din is-Sħubija Ewropea ntgħażlu fuq il-bażi li huwa realistiku li l-Bożnja u Ħerzegovina tkun mistennija tilħaqhom jew li tagħmel progress sostanzjali fir-rigward tagħhom fis-snin li ġejjin. Qiegħda ssir distinzjoni bejn prijoritajiet għat-terminu qasir, li huma mistennija li jitlestew fi żmien sena jew sentejn, u prijoritajiet għat-terminu medju, li huma mistennija jitlestew fi żmien tlieta jew erba' snin. Il-prijoritajiet jikkonċernaw kemm il-leġiżlazzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni tagħha. Fid-dawl tal-bżonn li jiġu stabbiliti l-prijoritajiet, huwa ċar li hemm kompiti oħra li l-Bożnja u Ħerzegovina trid twettaq u li jistgħu jsiru prijoritajiet fi kwalunkwe sħubija fil-futur, filwaqt li jitqies ukoll il-progress futur li jkun sar mill-Bożnja u Ħerzegovina. Fost il-prijoritajiet fuq medda qasira ta’ żmien, il-prijoritajiet ewlenin ġew identifikati u miġbura flimkien fil-bidu tal-lista. Dawn ma ġewx ikklassifikati skond l-ordni ta’ importanza. 3.1. Prijoritajiet fuq medda qasira ta’ żmien Prijoritajiet Ewlenin - Tiġi adottata, fil-livelli ta’ l-Istat u ta’ l-Entitajiet, leġiżlazzjoni li tirriforma l-forzi tal-puliziji skond it-tliet prinċipji ta' l-UE u tinbeda l-implimentazzjoni ta' din ir-riforma. - Ikun hemm kooperazzjoni sħiħa mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugożlavja (ICTY), inkluż rwol proattiv għall-arrest ta' l-akkużati maħruba mill-ICTY. - Tiġi adottata l-leġiżlazzjoni neċessarja fil-qasam tax-xandir pubbliku fuq il-livell tal-Federazzjoni tal-Bożnja u Ħerzegovina. Tiġi implimentata riforma fix-xandir pubbliku. - Tiġi implimentata l-istrateġija għal riforma fl-amministrazzjoni ta' l-2006 u jiġi żgurat li l-ministri u l-istituzzjonijiet fil-livell Statali jkunu ffinanzjati kif xieraq, ikunu operattivi u mgħammra sew, speċjalment f'termini ta' bini u persunal. - Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fit-tħejjija għall-implimentazzjoni ta' l-impenji tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) u tal-Ftehim Temporanju (FT). - Ikomplu l-isforzi għar-rikonċiljazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-pajjiżi fir-reġjun u jiżdiedu l-isforzi biex jinstabu soluzzjonijiet definittivi għall-kwistjonijiet bilaterali pendenti, partikolarment kwistjonijiet tal-fruntieri. - Isir progress sostanzjali għall-ħolqien ta’ żona ekonomika unika fil-Bożnja u Ħerzegovina li tappoġġja ċ-ċaqliq ħieles tal-prodotti, il-kapital, is-servizzi u l-persuni. - Jitnaqqsu r-riġiditajiet strutturali li jxekklu t-tħaddim tas-suq tax-xogħol, partikolarment it-tassazzjoni tax-xogħol, il-livelli ta’ trasferimenti soċjali u l-mekkaniżmi ta’ l-iffissar tal-pagi sabiex tiżdied ir-rata ta’ parteċipazzjoni u impjieg. - Jittieħdu miżuri biex jinkisbu strutturi istituzzjonali aktar funzjonali u sostenibbli u jiżdied ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż billi jiġu approvati u adottati tibdiliet li jistgħu jkunu neċessarji fil-kostituzzjoni tal-Bożnja u Ħerzegovina. Kriterji Politiċi Demokrazija u stat tad-dritt Kostituzzjoni/Governanza - Jittieħdu miżuri ġodda biex l-Assemblea Parlamentari tal-Bożnja u Ħerzegovina jkollha riżorsi tekniċi u umani suffiċjenti. - Tiġi żgurata koordinazzjoni strutturata u istituzzjonalizzata bejn l-Istat u l-Entitajiet bit-twaqqif ta’ mekkaniżmi li jaħdmu għall-koordinazzjoni politika, leġiżlattiva u teknika bejn dawn iż-żewġ livelli ta’ poter. - Jiġi żgurat is-segwitu għar-rapporti maħruġa mill-istituzzjonijiet supremi ta’ verifika tal-Bożnja u Ħerzegovina u jittieħdu miżuri kontra dawk responsabbli għal irregolaritajiet. Parlament/Elezzjonijiet - Tiġi emendata l-leġiżlazzjoni dwar il-membri tal-Presidenza tal-Bożnja u Ħerżegovina u d-deputati tal-House of Peoples biex tkun żgurata konformità sħiħa mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-impenji ta' wara l-adeżjoni mal-Kunsill ta' l-Ewropa. Amministrazzjoni pubblika - Jiġu pprovduti r-riżorsi umani u l-materjal meħtieġ biex iwettaq xogħolu lill-Uffiċċju tal-Koordinatur ta' l-Amministrazzjoni Pubblika. - Aktar titjib fil-proċeduri ta’ reklutaġġ ibbażati fuq kriterji objettivi abbażi tal-mertu, biex b'hekk tiġi żgurata t-trasparenza u l-ħatra f’waqtha ta' impjegati fis-servizz ċivili kwalifikati biżżejjed. - Jiġu armonizzati l-liġijiet tas-servizz ċivili sabiex jinbena servizz ċivili responsabbli u effiċjenti bbażat fuq kriterji ta’ żvilupp fil-karriera professjonali. - Titlesta l-għaqda ta’ l-ombudsmen ta' l-Istat u ta’ l-Entitajiet u jiġi żgurat li l-uffiċċju Statali jkollu r-riżosi neċessarji biex jaħdem kif suppost. Sistema ġudizzjarja - Tissaħħaħ l-indipendenza u r-responsabbiltà tas-sistema ġudizzjarja u titjieb l-effettività tagħha, inkluż it-tnaqqis tal-każijiet b’lura. - Tiġi adottata u tinbeda l-implimentazzjoni ta’ strateġija għall-iżvilupp tas-settur ġudizzjarju. - Jiġi żgurat taħriġ xieraq tal-ġudikatura, partikolarment rigward il-leġiżlazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-kwistjonijiet relatati ma’ l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Politika kontra l-korruzzjoni - Jiġi adottat u implimentat pjan ta’ azzjoni dettaljat kontra l-korruzzjoni, ibbażat fuq l-istrateġija nazzjonali ta’ kontra l-korruzzjoni. - Jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) u l-obbligi li joħorġu mill-konvenzjonijiet internazzjonali dwar il-korruzzjoni. - Issir prosekuzzjoni dinamika tal-korruzzjoni u tiġi adottata politika ta’ tollerenza żero lejn il-korruzzjoni. - Tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-liġi dwar il-kunflitti ta’ l-interessi. Drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi - Jitneħħew id-dispożizzjonijiet dwar il-piena kapitali mill-kostituzzjoni tar-Republika Srpska. - Titjieb l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali ratifikati mill-Bożnja u Ħerzegovina, inkluż ir-rekwiżiti ta’ rappurtar. - Jinlaħaq ftehim fuq riforma penitenzjarja komprensiva u jiġi żgurat il-bini ta' ħabs Statali. - Jitjieb aktar il-qafas legali dwar il-minoranzi sabiex jilħaq għal kollox ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill ta’ l-Ewropa dwar il-Minoranzi Nazzjonali u tiġi żgurata l-implimentazzjoni tiegħu fil-Bożnja u Ħerzegovina kollha. - Jiġi żgurat it-tħaddim xieraq tal-Kunsill tal-Minoranzi Nazzjonali tal-Bożnja u Ħerzegovina u l-korpi korrispondenti fuq il-livell ta’ l-Entità. - Jiġu żviluppati u implimentati l-pjanijiet ta’ azzjoni settorjali kollha taħt l-istrateġija nazzjonali għar-Rom bħala parti minn strateġija komprensiva biex jitnaqqas il-faqar u għall-inklużjoni soċjali. - Jitkomplew it-tneħħija ta' l-istituzzjonalizzjoni, is-servizzi bbażati fuq il-komunità u l-għajnuna lill-persuni dipendenti, inkluż fil-qasam tas-saħħa mentali. Kwistjonijiet reġjonali u obbligi internazzjonali - Tingħata kontribuzzjoni għat-tisiġ tal-kooperazzjoni reġjonali, ir-rikonċiljazzjoni u relazzjonijiet tajba mal-viċinat, inkluż bil-promozzjoni tat-tranżizzjoni mill-Patt ta’ Stabilità għal qafas ta’ kooperazzjoni b’dimensjoni aktar reġjonali u l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles ta' l-Ewropa Ċentrali (CEFTA). - Tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-viċinat, partikolarment dwar il-kooperazzjoni transkonfinali, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar u l-kuntrabandu, il-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-ġestjoni tal-fruntieri. - Tingħata kontribuzzjoni għas-soluzzjoni tal-problemi mhux riżolti dwar il-fruntieri mal-pajjiżi tal-viċinat. - Jiġi żgurat finanzjament xieraq tal-fond għar-ritorn tar-refuġjati u li dan ikun għal kollox operattiv; tingħata kontribuzzjoni għall-implimentazzjoni sħiħa tad-Dikjarazzjoni ta’ Sarajevo; jitlesta l-proċess tar-ritorn tar-refuġjati u jinkiseb progress sinifikanti lejn l-integrazzjoni ekonomika u soċjali tagħhom. Kriterji ekonomiċi - Tissaħħaħ l-istabbiltà makroekonomika billi jkun żgurat li l-qagħda finanzjarja tkun stabbli u jintużaw istrumenti prudenzjali ta' politika biex tkun mħarsa l-istabbiltà finanzjarja fid-dawl ta’ l-iżvilupp mgħaġġel fl-intermedjazzjoni finanzjarja. - Jitħaffef il-proċess ta’ privatizzazzjoni, bil-għan li jiġu trasferiti 5 sa 10% mill-kapital pubbliku fis-settur privat, bil-Federazzjoni li timmira għall-ogħla limitu. - Jiġu żviluppati mekkaniżmi ta’ sorveljanza fiskali bbażati fuq regoli fiskali u kooperazzjoni istituzzjonali għall-promozzjoni tad-dixxipplina baġitarja fi ħdan l-Entitajiet u bejn l-Entitajiet u l-istituzzjonijiet ta’ l-Istat; jiġi żgurat ambjent xieraq għall-kooperazzjoni istituzzjonali fi ħdan il-qafas ta’ Kunsill Nazzjonali Fiskali li jiffunzjona tajjeb. - Tiġi ffinalizzata r-rikonċiljazzjoni tal-pretensjonijiet domestiċi skond il-kapaċità ta’ rimbors tal-baġit u d-dejn pubbliku jingħata tendenza sostenibbli u li jonqos. - Titjieb il-governanza korporattiva billi jinkiseb progress sostenibbli fir-ristrutturar u l-likwidazzjoni ta’ l-impriżi pubbliċi li jagħmlu t-telf. - Jiġi żgurat li l-qrati kummerċjali jaħdmu tajjeb u, partikolarment, titjieb il-kapaċità tal-qrati biex jipproċessaw il-proċeduri ta’ falliment/stralċ ta’ l-impriżi b’mod aktar effiċjenti. Standards Ewropej Suq intern Moviment liberu tal-merkanzija - Titjieb l-implimentazzjoni tal-qafas legali għall-istandardizzazzjoni, il-metroloġija, l-akkreditazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-merkanzija biex isir konformi ma’ l-istandards u l-aħjar prassi ta’ l-UE. jiġu approssimati aktar ir-regolamenti tekniċi ma’ dawk ta’ l- acquis ; tissaħħaħ il-kapaċità ta’ l-infrastruttura tal-kwalità u l-istituzzjonijiet, u tinħoloq bażi legali għall-proċeduri ta’ l-evalwazzjoni tal-konformità. - Jiġi żgurat progress kontinwu fl-adozzjoni ta’ l-istandards Ewropej (ENs). - Jitwaqqfu mekkaniżmi għal konsultazzjoni interna u ta’ notifika għar-regolamenti tekniċi ġodda qabel ma jiġu adottati miżuri li jkollhom impatt fuq il-kummerċ. - Jiġi żgurat li l-aġenzija ta’ sorveljanza tas-suq taħdem għal kollox u li jitkomplew jittieħdu passi għall-istabbiliment ta’ struttura ta’ sorveljanza tas-suq li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ l- acquis dwar il-moviment tal-merkanzija. - Tiġi adottata liġi Statali dwar it-tagħmir farmaċewtiku u mediċinali u tiġi stabbilita Aġenzija Farmaċewtika ta’ l-Istat. Moviment tal-persuni, is-servizzi u d-dritt ta’ l-istabbiliment - Jiġi organizzat il-kontroll bankarju fil-livell Statali (flimkien ma’ l-attivitajiet anċillari ta' kontroll) u jiġi żgurat li din l-awtorità ta’ kontroll taħdem effettivament, skond il-prinċipji fundamentali ta’ Basel għal kontroll bankarju effettiv. - Jiġu adottati l-liġijiet dwar l-obbligi fil-livell ta’ l-Istat. - Jiġi żgurat li l-aġenzija ta’ assigurazzjoni tal-Bożnja u Ħerżegovina taħdem tajjeb u li tiggarantixxi l-eżistenza ta’ suq intern uniku ta’ l-assigurazzjoni. - Jinħoloq qafas leġiżlattiv u regolatorju konsistenti għas-swieq tal-kapital biex tkun żgurata l-eżistenza ta’ żona ekonomika unika u jinħoloq ambjent istituzzjonali xieraq għall-koordinazzjoni tal-politiki u l-leġiżlazzjoni tas-swieq tal-kapital. Moviment liberu tal-kapital - Titkompla l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-ħruġ tal-kapital. Dwana u t-tassazzjoni - Jiġu approssimati aktar il-leġiżlazzjoni u l-proċeduri tad-dwana u tat-taxxa ma’ l- acquis u jiġi żgurat li t-tariffa tal-Bożnja u Ħerzegovina tkun aġġornata f’waqtha abbażi tan-Nomenklatura Magħquda l-aktar riċenti. - Jiġi żgurat li l-qafas legali għaż-żoni ħielsa jkun kompatibbli ma’ l-istandards ta’ l-UE u li jiggarantixxi kontroll xieraq taż-żoni ħielsa. - Tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tar-regoli ta’ oriġini, inkluż il-kumulazzjoni djagonali. - Jiġu implimentati r-regoli ta’ valutazzjoni doganali skond l-istandards u l-prassi internazzjonali. - Jitneħħew it-taxxi li għandhom effett ekwivalenti għad-dazji doganali (miżati doganali għall-ipproċessar tad-dikjarazzjonijiet doganali). - Titjieb aktar il-kapaċità amministrattiva biex tiġi implimentata leġiżlazzjoni tad-dazji u t-taxxa u għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità transkonfinali u l-evazjoni tat-taxxa. - Jintlaħaq ftehim fuq formola permanenti għall-allokazzjoni tad-dħul mit-tassazzjoni indiretta bejn l-Istat, l-Entitajiet u d-distrett Brčko. - Ikun hemm impenn favur il-prinċipji tal-Kodiċi ta' Kondotta fil-qasam tat-tassazzjoni tan-negozju u tiġi żgurata l-konformità ta' miżuri ġodda tat-taxxa ma' dawn il-prinċipji. Kompetizzjoni - Titjieb il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-antitrust skond ir-rekwiżiti tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni. - Jitħaffu t-tħejjijiet fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat, partikolarment bl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni neċessarja, billi tkun stabbilita awtorità ta’ monitoraġġ ta’ l-għajnuna mill-Istat indipendentement operattiva u billi tkun żgurata t-trasparenza ta' l-għajnuna kollha mogħtija lill-Bożnja u Ħerzegovina. Akkwist pubbliku - Jiġi żgurat li s-sistema unika ta’ l-akkwist pubbliku taħdem tajjeb u jiġu implimentati l-leġiżlazzjoni u l-proċeduri ta’ l-akkwist pubbliku. Jitkompla l-iżvilupp tal-kapaċità amministrattiva. Liġi dwar il-proprjetà intelletwali - L-Istitut għall-Proprjetà Intellettwali għandu jsir operattiv għal kollox sabiex ikun jista’ jwettaq il-missjonijiet tiegħu b’mod effettiv u jimplimenta u jinforza l-qafas legali kurrenti. - Jitħejja pjan ta’ azzjoni għall-bini tal-kapaċità neċessarja għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet tal-proprjetà intellettwali, b’enfasi partikolari fuq il-bżonn li jiġi pprovdut taħriġ speċjalizzat għall-korpi ta’ l-infurzar tal-liġijiet, l-imħallfin, il-prosekuturi u l-uffiċjali tad-dwana. - Titjieb il-kooperazzjoni fost il-korpi ta’ l-infurzar tal-liġi u bejn il-partijiet interessati rilevanti kollha bil-għan li jissaħħaħ l-infurzar u jiġu żviluppati kampanji biex titqajjem il-kuxjenza pubblika. L-Impjiegi u l-Politika Soċjali - Jiġu żviluppati aktar il-politiki ta’ l-inklużjoni soċjali u l-protezzjoni soċjali. - Jiġu żviluppati mekkaniżmi għal djalogu soċjali. - Isiru aktar sforzi biex titjieb il-qagħda tal-persuni b’diżabilità. - Jiġu żviluppati l-istrutturi u l-kapaċità amministrattiva xierqa fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur u tas-saħħa. Edukazzjoni u riċerka - Tiġi implimentata l-Liġi fil-livell Statali dwar l-edukazzjoni avvanzata biex b’hekk titwitta t-triq għall-implimentazzjoni tal-komponenti ewlenin tal-proċess ta’ Bologna u l-Konvenzjoni tar-Rikonoxximent ta’ Liżbona. - Tiġi riżolta l-frammentazzjoni tas-sistema edukattiva u l-koinċidenza tal-funzjonijiet bejn il-livelli differenti ta’ organizzazzjoni. Jissaħħu l-iżvilupp tal-politika u l-ippjanar strateġiku biex titjieb il-kwalità ta’ l-edukazzjoni - Jittieħdu miżuri biex tkun evitata s-segregazzjoni tat-tfal għal raġunijiet etniċi fl-iskola. - Tiġi ffirmata u rratifikata l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta’ l-Espressjonijiet Kulturali. - Jinbeda t-tfassil ta’ politika integrata dwar ir-riċerka. Kwistjonijiet dwar id-WTO - Jitkomplew ir-riformi neċessarji għall-konformità mar-regoli u l-obbligi tad-WTO u titkompla l-ħidma lejn il-kisba ta’ l-adeżjoni mad-WTO. Linji ta' politika Settorjali Industrija u SMEs - Jinħoloq qafas legali u istituzzjonali għall-SMEs sabiex tkun implimentata kif xieraq il-Karta ta’ l-SMEs. - Tiġi adottata l-istrateġija proposta madwar il-pajjiż kollu dwar l-SMEs u jiġu stabbiliti l-kapaċitajiet minimi meħtieġa fil-livell ta’ l-Istat biex tkun żgurata politika koerenti u koordinata ta’ l-SMEs fil-pajjiż kollu, inkluż Aġenzija ta’ l-SMEs nazzjonali u forum għal djalogu u kunsultazzjoni ma’ l-SMEs. - Tiġi żviluppata politika industrijali komprensiva. Agrikoltura u sajd - Tiġi adottata l-Liġi dwar l-Agrikoltura, l-Ikel u l-Iżvilupp Rurali u jiġi żgurat qafas legali xieraq għall-implimentazzjoni armonizzata tal-politiki agrikoli, ta’ l-ikel u ta’ l-iżvilupp rurali. Tiġi żviluppata strateġija komprensiva dwar l-agrikoltura fil-livell ta’ l-Istat. - Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fil-livell ta’ l-Istat fir-rigward ta’ l-agrikoltura, l-ikel u l-iżvilupp rurali sabiex tkun koordinata effettivament l-implimentazzjoni tal-politiki tas-suq u ta’ l-iżvilupp rurali madwar il-pajjiż kollu. Issir ħidma lejn l-istabbiliment ta’ Ministeru ta’ l-Agrikoltura, l-Ikel u l-Iżvilupp Rurali fil-livell ta’ l-Istat b’riżorsi suffiċjenti biex jimplimenta l-missjonijiet tiegħu. - Tiġi żgurata l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni konformi ma’ l-istandards Ewropej fis-settur tas-sigurtà ta’ l-ikel, is-settur veterinarju u dak fitosanitarju u l-bidu ta’ l-implimentazzjoni tagħha. - Titjieb il-kapaċità tal-laboratorju u ta' l-ispezzjoni fis-settur tas-sigurtà ta’ l-ikel u fis-settur veterinarju u dak fitosanitarju, jiġu stabbiliti laboratorji ta’ referenza u jiġu żviluppati proċeduri tat-teħid ta’ kampjuni skond ir-rekwiżiti ta’ l-UE. - Titjieb is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni taċ-ċaqliq ta' l-annimali ta' l-ifrat u tinbeda l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni taċ-ċaqliq tal-ħnieżer, in-nagħaġ u l-mogħoż. L-Ambjent - Tiġi adottata liġi ambjentali Statali biex jinħoloq il-qafas għal protezzjoni armonizzata ta’ l-ambjent fil-livell nazzjonali. - Tiġi implimentata aktar il-leġiżlazzjoni dwar l-istima ta’ l-impatt ambjentali. - Jiġu ratifikati u jingħata bidu għall-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali relevanti, inklużi l-Konvenzjonijiet Aarhus u Espoo. - Jiġi stabbilit u żgurat it-tħaddim tajjeb ta’ l-Aġenzija Ambjentali ta’ l-Istat. - Tissaħħaħ aktar il-kapaċità amministrattiva ta’ l-istituzzjonijiet relatati ma’ l-ambjent, partikolarment fil-livell ta’ l-Istat, u titjieb il-komunikazzjoni u l-koordinazzjoni bejn dawk l-istituzzjonijiet. L-enerġija - Jiġu ssodissfati l-obbliġi li joħorġu mit-Trattat dwar il-Komunità ta' l-Enerġija mill-1 ta’ Lulju 2007 fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni sħiħa ta’ l- acquis fuq is-suq intern tal-gass u ta’ l-elettriku u fuq l-iskambji transkonfinali ta’ l-elettriku. - Tiġi żviluppata u adottata strateġija komprensiva dwar l-enerġija. Il-politika tat-trasport - Titkompla l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-Memorandum ta’ Ftehim dwar l-Iżvilupp tan-Netwerk ta' Qofol tat-Trasport Reġjonali ta' l-Ewropa tax-Xlokk, inkluż l-Addendum dwar il-ħolqien ta’ żona ferrovjarja fix-Xlokk ta’ l-Ewropa u jiġi kkonsolidat l-ippjanar ta’ l-infrastrutturi tat-trasport fil-livell ta’ l-Istat u ta’ l-Entitajiet, biex jiġu stabbiliti b’mod koerenti l-prijoritajiet fir-rigward tal-proġetti tat-trasport li għandhom jitwettqu fuq in-Netwerk ta' Qofol tat-Trasport Reġjonali ta' l-Ewropa tax-Xlokk. - Jiġu approssimati l-liġijiet ma’ l- acquis dwar ut-trasport bit-triq (standards tekniċi u ta’ sikurezza, regoli soċjali u aċċess għas-suq). - Tiġi implimentata bis-sħiħ il-Liġi ta’ l-Istat dwar il-Ferroviji. Tiġi mħejjija l-istqarrija tan-netwerk ferrovjarju għal aċċess miftuħ għall-użu ta' l-infrastruttura. - Jiġu implimentati l-impenji taħt l-ewwel fażi tranżitorja tal-Ftehim dwar iż-Żona ta’ Avjazzjoni Komuni Ewropea, inkluża l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ l-avjazzjoni rilevanti. Is-soċjetà ta’ l-informazzjoni u l-midja - Tiġi adottata Liġi dwar l-Aġenzija tas-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni u tiġi stabbilita l-Aġenzija. - Jiġu implimentati u infurzati r-regolamenti dwar it-telekomunikazzjonijiet/il-komunikazzjonijiet elettroniċi bl-għan li jkun hemm suq għal kollox ħieles u kompetittiv. Jiġu introdotti s-salvagwardji neċessarji kompetittivi fis-suq. - Tinżamm il-pożizzjoni indipendenti ta’ l-Awtorità Regolatorja tal-Komunikazzjonijiet. Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tagħha. Il-kontroll finanzjarju - Tiġi żviluppata u adottata strateġija ta’ kontroll intern tal-finanzi pubbliċi. - Tiġi adottata u implimentata leġiżlazzjoni fuq il-kontroll intern u l-verifika fis-settur pubbliku. Statistiċi - Jiġi implimentat il-ftehim bejn l-Entitajiet fis-sistema ta’ l-istatistika dwar it-titjib tax-xogħol ta’ l-Aġenzija ta’ l-Istatistika Ċentrali fil-Bożnja u Ħerżegovina u titjieb il-firxa u l-kwalità ta’ l-istatistika, partikolarment fil-livell ta’ l-Istat. - Jitjiebu l-ġbir u l-ipproċessar ta’ statistika dwar l-agrikoltura skond l-istandards u l-metodoloġija ta’ l-UE. - Titjieb il-kwalità u l-kopertura ta’ l-istatistika dwar il-kontijiet konsolidati tal-gvern. - Jiġi stabbilit il-qafas finanzjarju neċessarju għat-twettiq taċ-ċensiment tal-popolazzjoni. Tiġi stabbilita data għaċ-ċensiment u jingħata bidu għat-tħejjijiet biex jiġi implimentat. Ġustizzja, libertà u sigurtà Il-viża, il-kontroll tal-fruntieri, l-ażil u l-migrazzjoni - Jiġi provdut il-persunal xieraq għas-sezzjoni tal-migrazzjoni fi ħdan il-Ministeru tas-Sigurtà u l-faċilitajiet, it-tagħmir, il-persunal u t-taħriġ xieraq għad-Dipartiment għall-Affarijiet Barranin. - Tiġi adottata strateġija tal-migrazzjoni fil-livell ta’ l-Istat u l-Liġi l-ġdida dwar iċ-ċaqliq u r-residenza tal-barranin. - Jiġi implimentat il-ftehim ta’ riammissjoni KE/Bożnja u Ħerzegovina u jiġu negozjati l-ftehimiet ta’ riammissjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini tal-migranti fi tranżitu. - Jiġi żgurat li ċ-ċentri ta’ lqugħ jilħqu l-istandards internazzjonali u jkunu ffinanzjati u ġestiti b’mod awtonomu. - Tiġi adottata u implimentata l-istrateġija nazzjonali riveduta dwar il-ġestjoni integrata tal-fruntieri (ĠIF), fuq il-bażi tal-linji gwida tal-ĠIF għall-Balkani tal-Punent, kif ukoll il-pjan ta’ azzjoni korrispondenti. - Ikomplu jitjiebu l-punti ta’ qsim tal-fruntieri. Il-ħasil tal-flus - Jiġi impjegat persunal għall-Unità ta' Intelliġenza Finanzjarja . - Tiġi mtejba aktar il-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus, inkluż l-implimentazzjoni u l-infurzar. Id-drogi - Tiġi żviluppata politika fil-livell ta’ l-Istat dwar id-drogi skond l-istandards Ewropej. - Jiġi żgurat it-tħaddim sħiħ ta’ uffiċċju fil-livell ta’ l-Istat għan-narkotiċi Il-Pulizija - Tissaħħaħ aktar l-Aġenzija ta’ l-Investigazzjoni u l-Protezzjoni ta’ l-Istat, partikolarment billi jitlesta r-reklutaġġ tal-persunal tagħha. Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu - Jitħejjew u jiġu implimentati l-pjanijiet ta’ azzjoni kollha previsti mill-istrateġija nazzjonali għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. - Jiġi aġġornat u implimentat il-pjan ta’ azzjoni nazzjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. - Tiġi ratifikata l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa dwar l-azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin. - Tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-kooperazzjoni internazzjonali ma’ l-aġenziji ta’ l-infurzar tal-liġi. - Jittieħdu miżuri addizzjonali biex jiġu protetti l-vittmi tat-traffikar u tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni li tħares lix-xhieda. - Tiġi miżjuda l-kapaċità ta’ l-Aġenzija ta’ l-Investigazzjoni u l-Protezzjoni ta’ l-Istat fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali f’dan il-qasam, inkluż permezz ta' l-implimentazzjoni xierqa tal-konvenzjonijiet internazzjonali. Protezzjoni tad-data personali - Tiġi stabbilita awtorità indipendenti ta’ superviżjoni (aġenzija tal-protezzjoni tad- data ) b’biżżejjed poteri u b’biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani. 3.2. Prijoritajiet fuq terminu medju ta’ żmien Kriterji Politiċi Demokrazija u stat tad-dritt Kostituzzjoni/Governanza - Jitkompla l-proċess biex jintlaħaq ftehim dwar u jiġu adottati l-bidliet fil-kostituzzjoni tal-Bożnja u Ħerzegovina li għandhom jikkontribwixxu biex joħolqu strutturi istituzzjonali aktar sostenibbli mil-lat funzjonali u fiskali, itejbu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali u jappoġġjaw l-proċess ta’ l-integrazzjoni Ewropea. - Jiġi żgurat li jkompli l-progress tal-pajjiż fit-teħid ta' responsabbiltà sħiħa għall-formulazzjoni tal-politika u għat-teħid tad-deċiżjonijiet. Amministrazzjoni pubblika - Tiġi implimentata r-riforma ta’ l-amministrazzjoni pubblika u tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħha. Tiżdied il-kapaċità għal armonizzazzjoni legali progressiva u għall-implimentazzjoni progressiva ta' l- acquis . Is-sistema ġudizzjarja - Tiġi implimentata l-istrateġija għall-iżvilupp tas-settur tal-ġustizzja, tiġi kkonsolidata ġudikatura indipendenti, affidabbli u effiċjenti li tiggarantixxi l-istat tad-dritt u l-aċċess ugwali taċ-ċittadini għall-ġustizzja u jiġi ggarantit li l-qrati jkollhom it-tagħmir tekniku u l-mezzi finanzjarji neċessarji biex tingħata ġustizzja effiċjenti u kif xieraq. Id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi - Jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija għal kollox kompatibbli mal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. - Tiġi żgurata l-protezzjoni tal-minoranzi skond l-istandards ta’ l-UE u dawk internazzjonali; tiġi implimentata bis-sħiħ l-istrateġija nazzjonali għar-Rom u l-pjanijiet ta’ azzjoni settorjali tagħha; tiġi żviluppata data li tista’ tikkostitwixxi bażi soda għal aktar żviluppi ta’ strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni għall-inklużjoni soċjali u l-evalwazzjoni tagħhom. Kwistjonijiet reġjonali u obbligi internazzjonali - Jiġu inkoraġġuti aktar id-djalogu reġjonali, l-istabbiltà, ir-relazzjonijiet tajba mal-viċinat u l-kooperazzjoni. - Il-ftehim konkluż ma’ l-Istati Uniti rigward il-kondizzjonijiet ta’ ċessjoni tal-persuni lill-Qorti Kriminali Internazjonijiet għandu jinġieb skond il-prinċipji ta’ gwida ta’ l-UE adottati mill-Kunsill ta’ l-Ewropa f’Settembru 2002. Kriterji ekonomiċi - Titjieb il-kwalità tal-finanzi pubbliċi billi jitnaqqas l-infiq pubbliku fir-rigward tad-PGD, billi l-infiq jiġi ristrutturat lejn kategoriji li jiffavorixxu t-tkabbir ekonomiku u billi tissaħħaħ il-kapaċità ta’ ppjanar tal-politika ekonomika. - Jitlesta l-proċess ta’ privatizzazzjoni u jiġu likwidati l-bqija ta’ l-impriżi pubbliċi li jagħmlu t-telf u li ma jistgħux jinbiegħu. - Titjieb il-parteċipazzjoni fl-ekonomija formali billi jitnaqqsu r-rati tal-kontribuzzjoni soċjali u tiġi riformata s-sistema tal-pensjonijiet u tiġi ffaċilitata l-mobilità tax-xogħol madwar il-pajjiż. - Titħaffef is-separazzjoni ta’ l-indusriji f’netwerk sabiex jinfetħu s-swieq ta’ l-elettriku, il-gass u t-telekomunikazzjonijiet għal aktar fornituri sabiex tikber il-kompetizzjoni u għal allokazzjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi. - Jitkomplew ir-riformi fl-oqsma tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà, l-infurzar tal-kuntratti, il-proċeduri ta’ falliment, ir-reġistrazzjoni, it-tassazzjoni u l-liċenzjar tan-negozji sabiex jitjieb l-ambjent tan-negozju u għall-promozzjoni ta’ l-intraprenditorija. Jitneħħew ir-regolamenti li jikkoinċidu bejn il-livelli differenti ta’ gvern u titneħħa t-tassazzjoni doppja tal-kumpaniji mill-entitajiet. Standards Ewropej Is-suq intern Il-Moviment liberu tal-merkanzija - Jitkompla l-istabbiliment ta’ infrastruttura tal-kwalità, bl-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni fl-oqsma ta’ l-istandardizzazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni, il-metroloġija, l-akkreditazzjoni u l-evalwazzjoni tal-konformità ma’ l-acquis, kif ukoll titkompla t-traspożizzjoni tad-direttivi b’“approċċ ġdid u globali” u d-direttivi b’“approċċ qadim”. - Isir aktar progress fl-adozzjoni ta’ l-istandards Ewropej u jitħaffu l-isforzi biex issir membru sħiħ tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni, tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika u ta’ l-Istitut Ewropew ta’ l-Istandards tat-Telekomunikazzjoni. - Tiġi stabbilita sistema ta’ sorveljanza tas-suq skond l-istandards Ewropej. Id-Dwana u t-tassazzjoni - Tiġi żgurata l-approssimazzjoni kontinwata tal-leġiżlazzjoni doganali u tat-tassazzjoni ma’ l- acquis u tiżdied aktar il-kapaċità amministrattiva biex tiġi implimentata din il-leġiżlazzjoni u biex issir il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità transkonfinali u l-evażjoni tat-taxxa. - Jissaħħu t-trasparenza u l-iskambju ta’ l-informazzjoni fi ħdan ir-reġjun u ma’ l-UE sabiex jiġi ffaċilitat l-infurzar ta’ miżuri li jipprevjenu li t-taxxi jiġu evitati jew evażi. Kompetizzjoni - Tiġi implimentata leġiżlazzjoni ta’ l-għajnuna mill-Istat u jiġi żgurat li l-awtorità ta’ monitoraġġ ta’ l-għajnuna mill-Istat tiffunzjoni b’mod effettiv. - Isir inventarju sħiħ ta’ l-għajnuniet mill-Istat. Akkwist pubbliku - Jiġi żgurat li l-qafas legali għall-akkwist pubbliku jkun kompatibbli ma’ l- acquis u li l-proċeduri ta’ l-akkwist pubbliku jkunu implimentati sew. Xogħol u l-Politika Soċjali - Fil-qasam tas-saħħa mentali, jiġu żviluppati servizzi bbażati fuq il-komunità bħala alternattiva għall-istituzzjonalizzazzjoni, filwaqt li titqies l-allokazzjoni ta’ biżżejjed riżorsi finanzjarji għall-kura tas-saħħa mentali. Edukazzjoni u riċerka - Jittieħdu miżuri biex titjieb is-sistema ta’ l-edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni primarja, u biex tinħoloq sistema moderna ta’ edukazzjoni vokazzjonali u ta’ taħriġ. - Tiġi promossa l-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam ta’ l-edukazzjoni superjuri. Statistika - Tiġi żviluppata statistika ekonomika affidabbli u tinbena kapaċità istituzzjonali biex tiġi prodotta u ppubblikata data bażika statistika armonizzata ma’ l-istandards Ewropej, partikolarment fl-oqsma tal-kontijiet nazzjonali, l-agrikoltura, l-istatistika makroekonomika u tan-negozju, u l-istatistika soċjali, inkluża l-istatistika ta’ l-edukazzjoni, ix-xogħol u s-saħħa. - Jitwettaq iċ-ċensiment tal-popolazzjoni. Linji ta' politika settorjali Industrija u SMEs - Tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-Karta ta’ l-SMEs. - Tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-politika industrijali. Agrikoltura u sajd - Tiġi implimentata l-istrateġija komprensiva dwar l-agrikoltura fil-livell ta’ l-Istat madwar il-pajjiż kollu. - Tissaħħaħ aktar il-kapaċità fil-livell ta’ l-Istat għall-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-politika ta’ l-agrikoltura, ta’ l-ikel u ta’ l-iżvilupp rurali, jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni u ssir aktar approssimazzjoni ma’ l- acquis . - Titkompla l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni konformi fis-settur tas-sigurtà ta’ l-ikel, fis-settur veterinarju u dak fitosanitarju u tiġi żviluppata sistema ta’ kontrolli effettiva. - Tiġi evalwata l-konformità ta’ l-istabbilimenti agroalimentari ma’ l-istandards ta’ l-UE u jitħejja u jinbeda programm għall-modernizzazzjoni ta’ dawn l-istabbilimenti. L-Ambjent - Titkompla l-ħidma fuq it-traspożizzjoni progressiva ta' l- acquis ta' l-UE, b'enfasi partikolari fuq il-ġestjoni ta' l-iskart, il-kwalità ta' l-ilma, il-kwalità ta' l-arja, il-ħarsien tan-natura u l-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis. - Jiġu implimentati pjanijiet strateġiċi, inkluż strateġiji ta’ investiment, u jiżdiedu l-investimenti fl-infrastruttura ambjentali, b’enfasi partikolari fuq il-ġbir u t-trattament tad-drenaġġ, il-provvista ta’ l-ilma tax-xorb u l-ġestjoni ta’ l-iskart solidu. - Tiġi żgurata l-integrazzjoni tar-rekwiżiti tal-ħarsien ta' l-ambjent fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' linji politiċi settorjali oħrajn. Il-politika tat-trasport - Jinħolqu kondizzjonijiet għall-kompetizzjoni fuq il-linji tal-ferroviji, inkluż istituzzjonijiet regolatorji u responsabbli għas-sikurezza tal-ferroviji. - Tiġi żgurata aktar approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni ma’ l- acquis tat-trasport, partikolarment fir-rigward ta’ l-istandards tekniċi u tas-sikurezza (inkluż l-implimentazzjoni tat-takografu diġitali), l-istandards soċjali u l-liberalizzazzjoni tas-suq. - Jiġu implimentati l-impenji meħuda taħt it-tieni fażi tranżitorja tal-Ftehim dwar Żona Ewropea Komuni ta’ l-Avjazzjoni. L-enerġija - Titħaffef ir-riforma tal-kumpaniji ta' l-enerġija, partikolarment fis-setturi ta’ l-enerġija elettrika u tal-gass, jiġu implimentati l-pjanijiet ta’ azzjoni ta’ l-Entitajiet għar-ristrutturar tas-settur ta’ l-enerġija elettrika, jiġu żviluppati u implimentati pjanijiet paralleli għar-riforma tas-settur tal-faħam, jiġi stabbilit operatur tas-sistema ta' trażmissjoni u operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni fis-settur tal-gass u jiġi żviluppat is-suq intern tal-gass. - Tiġi żgurata sistema konsolidata ta’ regolazzjoni ta’ l-enerġija elettrika u l-gass, lesta li tinkorpora setturi oħra ta’ l-enerġija, skond it-Trattat dwar il-Komunità ta’ l-Enerġija, u b’mod parallel, jiġi żgurat li l-kwistjonijiet relatati ma’ konsumaturi f’sitwazzjoni soċjali vulnerabbli jkunu indirizzati. Is-soċjetà ta’ l-informazzjoni u l-midja - Tiġi implimentata bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tax-xandir pubbliku u titlesta r-riforma strutturali tas-settur tax-xandir pubbliku. - Il-leġiżlazzjoni għandha tiġi armonizzata mal-qafas regolatorju ta’ l-UE għan-netwerks u s-servizzi ta' komunikazzjoni elettronika u jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar tagħhom. - Ikun hemm armonizzazzjoni mal-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni Trans-fruntieri u d-Direttiva tat-televiżjoni mingħajr fruntieri. Il-kontroll finanzjarju - Jiġi implimentat id-dokument strateġiku u l-pjan ta’ azzjoni fil-qasam tal-kontroll intern tal-finanzi pubbliċi. - Jissaħħu l-kapaċitajiet operattivi u funzjonali u l-indipendenza finanzjarja ta’ l-istituzzjonijiet supremi ta’ verifika. - Jiġu żviluppati proċeduri u kapaċità amministrattiva sabiex jiżguraw protezzjoni effettiva ta’ l-interessi finanzjarji ta’ l-UE. Ġustizzja, libertà u sigurtà Il-viża, il-kontroll tal-fruntieri, l-ażil u l-migrazzjoni - Jiġu implimentati l-politiki tal-viża, l-ażil u l-migrazzjoni skond l-istandards ta’ l-UE. - Titjieb aktar il-ġestjoni tal-fruntieri, b’enfasi speċjali fuq l-infrastruttura u s-sorveljanza fil-fruntiera tal-fruntiera l-ħadra Il-ħasil tal-flus - Jiġi żgurat titjib kontinwu tar-rekord ta’ l-infurzar rigward il-ħasil tal-flus. Id-drogi - Jiġi żgurat li l-awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi jkunu mgħammra sew biex jiġġieldu kontra t-traffikar tad-drogi. Tinkiseb kooperazzjoni sodisfaċenti bejn l-aġenziji u kooperazzjoni internazzjonali, li twassal għal riżultati mtejba b’mod konsiderevoli f’dan il-qasam. Il-Pulizija - Ikun hemm implimentazzjoni sħiħa tar-riforma tal-pulizija. Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu - Jinkisbu riżultati sinifikanti kontra l-kriminalità organizzata, it-tipi kollha ta’ traffikar u terroriżmu u tiġi żgurata prosekuzzjoni xierqa. Protezzjoni tad-data personali - Tiġi implimentata l-liġi nazzjonali dwar id- data personali skond l- acquis u jiġu żgurati monitoraġġ u infurzar effiċjenti. 4. PROGRAMMAZZJONI L-għajnuna Komunitarja taħt il-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ser tingħata taħt l-istrumenti finanzjarji eżistenti, partikolarment mir-Regolament (KE) Nru 1085/2006 (IPA), u għall-programmi adottati qabel l-2007, ir-Regolament tal-Kunsill Nru 2666/2000 tal-5 ta’ Diċembru 2000 (Regolament CARDS)[4]. Il-ftehimiet ta’ finanzjament iservu bħala bażi legali għall-implimentazzjoni tal-programmi konkreti. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni ma jkollha l-ebda implikazzjoni finanzjarja. Il-Bożnja u Ħerzegovina jista' jkollha aċċess għal finanzjamenti minn programmi multinazzjonali u orizzontali. 5. KONDIZZJONIJIET L-għajnuna lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent tiddependi fuq il-progress li jkunu wettqu biex jirrispettaw il-kriterji ta’ Kopenħagen u jissodisfaw il-prijoritajiet speċifiċi ta’ din is-Sħubija Ewropea. Jekk ma jiġux rispettati dawn il-kondizzjonijiet, il-Kunsill jista’ jieħu miżuri xierqa fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 jew, fil-każ tal-programmi ta’ qabel l-2007, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2666/2000. L-għajnuna Komunitarja hija wkoll soġġetta għall-kundizzjonijiet definiti mill-Kunsill fil-Konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta' April 1997, b’mod partikulari fejn għandu x’jaqsam l-impenn tal-benefiċjarji li jwettqu riformi demokratiċi, ekonomiċi u istituzzjonali. Kondizzjonijiet speċifiċi huma wkoll inklużi fil-programmi individwali ta' kull sena. Id-deċiżjonijiet ta’ finanzjament ser jiġu segwiti minn ftehim ta’ finanzjament iffirmat mal-Bożnja u Ħerżegovina. 6. MONITORAĠĠ L-implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea se tkun eżaminata permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti bil-Proċess ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, l-aktar ir-rapporti annwali ppreżentati mill-Kummissjoni. [1] ĠU L 86, 24.3.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 269/2006 (ĠU L 47, tal-17.2.2006, p. 7). [2] Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/55/KE tat-30 ta’ Jannar 2006 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija Ewropea mal-Bożnja u Ħerzegovina u li tħassar id-Deċiżjoni 2004/515/KE (ĠU L 35, 7.2.2006, p.32). [3] ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82. [4] ĠU L 306, 7.12.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2112/2005 (ĠU L 344, 27.12.2005, p. 23).