SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
4 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )
“Direttiva 92/51/KEE — Rikonoxximent ta’ diplomi — Studji mwettqa f’‘Ċentru ta’ studji Liberi’ li mhuwiex rikonoxxut bħala stabbiliment ta’ tagħlim mill-Istat Membru ospitanti — Ottiku”
Fil-Kawża C-151/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja), permezz ta’ Deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Marzu 2007, fil-kawża
Theologos-Grigorios Chatzithanasis
vs
Ypourgos Ygeias kai Koinonikis Allilengyis,
Organismos Epangelmatikis Ekpaidefsis kai Katartisis (OEEK),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ Awla, J.-C. Bonichot, K. Schiemann (Relatur), J. Makarczyk u P. Kūris, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Jannar 2008,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għall-Gvern Elleniku, minn E. Skandalou, bħala aġent, |
|
— |
għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent, |
|
— |
għall-Gvern Slovakk, minn J. Čorba, bħala aġent, |
|
— |
għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Zavvos u H. Støvlbæk, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1(a), 3 u 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/51/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, dwar it-tieni sistema ġenerali għar-rikonoxximent tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali sabiex tiġi ssupplimentata d-Direttiva 89/48/KEE (ĠU L 209, p. 25), kif emendata bid-Direttiva 2001/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Mejju 2001 (ĠU L 206, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/52”). Hija tirrigwarda l-kwistjoni jekk dawn id-dispożizzjonijiet jistgħux jiġu invokati sabiex Stat Membru jiġi obbligat jirrikonoxxi diplomi mogħtija wara t-twettiq ta’ studji fit-territorju tiegħu, mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor. |
|
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, T-G Chatzithanasis u, min-naħa l-oħra, il-Ypourgos Ygeias Kai Koinonikis Allilengyis (Ministru tas-Saħħa u tas-Solidarjetà Soċjali, li preċedentement kien jissejjaħ il-“Ministru tas-Saħħa u l-Welfare”), u l-Organismos Epangelmatikis Ekpaidefsis kai Katartisis (Awtorità għat-tagħlim u għat-taħriġ professjonali, iktar ’il quddiem l-“ΟΕΕΚ”), dwar iċ-ċaħda mis-Symvoulio Epangelmatikis Anagnorisis Titlon Ekpaidefsis kai Katartisis (Kunsill inkarigat mir-rikonoxximent tal-ekwivalenza tal-kwalifiki fir-rigward ta’ tagħlim u taħriġ, iktar ’il quddiem is-“Seatek”), tat-talba mressqa minn T-G Chatzithanasis sabiex jiġi awtorizzat jeżerċita l-professjoni ta’ ottiku fil-Greċja. |
|
3 |
T-G Chatzithanasis ressaq din it-talba abbażi ta’ diploma ta’ ottiku mogħtija mill-Istitut reġjonali għall-istudji dwar l-ottika u l-ottometrija ta’ Vinci (l-Italja), stabbiliment li jinsab involut ukoll fil-kawża li wasslet għas-sentenza mogħtija llum, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-84/07). Il-kwistjoni legali prinċipali li tqum f’din il-kawża hija, barra minn hekk, simili għal dik imqajma, fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 89/48 KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin (ĠU 1989, L 19, p 16), kif emendata bid-Direttiva 2001/19 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/48”), fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-274/05, Ġabra p. I-7969). |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
|
4 |
Id-Direttiva 92/51 tistabbilixxi sistema ġenerali supplimentari għar-rikonoxximent tat-taħriġ professjonali li jkopri l-livelli ta’ edukazzjoni u taħriġ li mhumiex koperti bis-sistema ġenerali inizjali mwaqqfa bid-Direttiva 89/48, li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa limitat għall-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ livell ogħla. Essenzjalment, id-Direttiva 92/51 tkopri l-kwalifiki miksubin wara taħriġ li jdum minn sena sa tliet snin u d-Direttiva 89/48 tkopri dawk il-kwalifiki li jeħtieġu studji ta’ tliet snin jew iktar. |
|
5 |
Skont il-ħames premessa tad-Direttiva 92/51, din is-sistema ġenerali supplimentari hija bbażata fuq l-istess prinċipji u hija magħmula, mutatis mutandis, mill-istess regoli bħas-sistema inizjali ġenerali. |
|
6 |
L-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/51 jistipula: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
|
|
7 |
Fil-punt 1 tal-Anness Ċ tad-Direttiva 92/51, intitolat “Korsijiet ta’ taħriġ paramediku u ta’ kura tat-tfal”, hemm elenkat fil-lista ta’ korsijiet li għandhom struttura speċjali msemmija fil-punt (ii) tat-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(a) ta’ din id-Direttiva, fit-tieni inċiż tat-taqsima relattiva għar-Repubblika Taljana, it-taħriġ għal ottiku (“ottico”). |
|
8 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/51 jistipula: “Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull ċittadin ta’ Stat Membru li jixtieq iwettaq professjoni regolata fi Stat Membru ospitanti fil-kapaċità ta’ persuna li taħdem għal rasha jew bħala persuna impjegata.” |
|
9 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/51 jimponi dmir ġenerali sabiex jiġu rikonoxxuti d-diplomi mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra. Dan jipprovdi li Stat Membru ospitanti li jirregola l-aċċess għal professjoni, ma jistax jirrifjuta li jawtorizza lil ċittadin ta’ Stat Membru biex ikollu aċċess għal din il-professjoni, fuq il-bażi ta’ kwalifiki inadegwati, b’mod partikolari, jekk l-applikant ikollu diploma meħtieġa minn Stat Membru ieħor sabiex ikollu aċċess għall-istess professjoni fit-territorju tiegħu. |
|
10 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/51 jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li jista’ jkun hemm differenzi kunsiderevoli bejn it-taħriġ meħtieġ mill-Istati Membri differenti għall-aċċess għall-istess professjoni regolata. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istat Membru ospitanti jitlob mill-applikant li jagħti prova tal-fatt li jkollu esperjenza professjonali ta’ żmien determinat jew li jkun suġġett għal “miżuri ta’ kumpens”, jiġifieri li jwettaq perijodu ta’ adattament jew jieħu test għall-kapaċità (aptitude test), fil-każ li jkun hemm differenza sostanzjali, fir-rigward ta’ tul taż-żmien jew tal-kontenut, bejn it-taħriġ li jkun wettaq l-applikant u dak normalment meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti. |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
|
11 |
Ir-Repubblika Ellenika tirriżerva, skont l-Artikolu 16 tal-Kostituzzjoni tagħha, il-fakultà li l-edukazzjoni universitarja u ogħla tiġi pprovduta minn stabbilimenti pubbliċi biss. |
|
12 |
Skont is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat), din id-dispożizzjoni ma tfissirx, madankollu, li l-edukazzjoni għandha tiġi pprovduta esklużivament mill-Istat. Għalkemm il-Kostituzzjoni ma tipprevedix dritt partikolari għall-individwi li jiftħu stabbilimenti ta’ tagħlim professjonali, hija madankollu, ma twaqqafhomx milli jiftħu stabbilimenti li joffru taħriġ ta’ dan it-tip. Għaldaqstant, il-Kostituzzjoni ħalliet f’idejn il-leġiżlatur il-kompitu li jirregola l-kwistjoni tal-ftuħ ta’ stabbilimenti ta’ din il-kategorija minn individwi, filwaqt li ħallietlu l-fakultà li jippermetti jew jipprekludi l-ftuħ ta’ tali stabbilimenti. |
|
13 |
Jeżistu wkoll “Ċentri ta’ studji liberi” (“Ergastiria Eleftheron Spoudon”) privati, li l-ftuħ u t-tmexxija tagħhom huwa regolat mid-Digriet Legiżlattiv 9/1935 tad-9 ta’ Ottubru 1935, li jemenda u jissupplimenta d-dispożizzjonijiet dwar it-taħriġ professjonali (FEK A’ 451), kif ukoll mil-liġi 1966/1991, b’mod partikolari, dwar dispożizzjonijet relativi għat-trasferiment ta’ studenti tal-isabbilimenti ta’ tagħlim ogħla (AEI) u ta’ studenti tal-istabbilimenti ta’ tagħlim tekniku (TEI) (FEK A’ 147/26.9.1991). Skont il-leġiżlazzjoni Griega, dawn l-entitajiet mhumiex stabbilimenti ta’ tagħlim u lanqas ma joffru tagħlim professjonali rikonoxxut ta’ kwalunkwe livell. Huma jippermettu lill-istudenti li jattenduhom li jsegwu studji li jiġu rikonoxxuti b’ċertifikati li ma għandhom ebda valur uffiċjali. |
|
14 |
Fil-Greċja, il-professjoni ta’ ottiku hija rregolata. L-aċċess għal din il-professjoni, skont id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Presidenzjali 83/1989, relativ għad-drittijiet professjonali tad-detenturi ta’ diplomi fis-sezzjonijiet […] e) Ottika mill-iskola tal-professjonijiet tas-saħħa u l-welfare tal-isabbilimenti ta’ tagħlim tekniku (TEI) (FEK A’ 37/7.2.1989) u d-dispożizzjonijiet tal-liġi 971/1979 dwar l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ ottiku u l-postijiet fejn jinbiegħu prodotti relatati mal-ottika (FEK A’ 223/22.9.1979), huwa suġġett għall-pussess ta’ diploma fil-qasam tal-“ottika” minn stabbiliment ta’ tagħlim tekniku, jiġifieri diploma kif definita fid-Direttiva 89/48. |
|
15 |
Id-Digriet Presidenzjali 231/1998 dwar it-tieni sistema ġenerali għar-rikonoxximent tat-taħriġ professjonali (FEK A’ 178/29.7.1998) huwa ntiż biex jittrasponi d-Direttiva 92/51 fis-sistema legali Griega. |
|
16 |
Skont l-Artikolu 13 ta’ dan id-Digriet Presidenzjali, l-awtorità kompetenti sabiex tirċievi l-applikazzjonijiet ta’ dawk ikkonċernati u sabiex tadotta d-deċiżjonijiet fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ taħriġ professjonali, hija l-Ministeru kompetenti ratione materiae sabiex jawtorizza l-eżerċizzju ta’ professjoni regolata. |
|
17 |
L-Artikolu 14(1) tal-imsemmi Digriet Presidenzjali jipprovdi għall-ħolqien fi ħdan l-OEEK, tas-Seatek. Dan tal-aħħar huwa nkarigat jeżamina l-każ ta’ kull applikant, fuq rapport tal-Ministeru kompetenti ratione materiae, u li jagħti deċiżjoni, indirizzata lil dan il-Ministeru, dwar il-kwistjoni jekk jeżistux il-kundizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza tat-taħriġ inkwistjoni għal finijiet professjonali. Fil-każ li tingħata deċiżjoni favorevoli għall-awtorizzazzjoni tal-eżerċizzju ta’ professjoni regolata, il-Ministru kompetenti jkun marbut minn din id-deċiżjoni. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
18 |
Matul is-sentejn universitarji 1997/1998 u 1998/1999, T-G Chatzithanasis wettaq kors ta’ studji dwar l-ottika ċċertifikat b’diploma mill-Istitut reġjonali għall-istudji dwar l-ottika u l-ottometrija ta’ Vinci. Din tippermettilu jeżerċita l-professjoni ta’ ottiku fl-Italja. |
|
19 |
Matul is-sena universitarji 1999/2000, T-G Chatzithanasis segwa wkoll kors ta’ studji dwar l-ottometrija, iċċertifikat permezz ta’ kwalifika mogħtija mill-istess stabbiliment ta’ tagħlim. |
|
20 |
T-G Chatzithanasis ma segwiex dawn iż-żewġ korsijiet mal-Istitut reġjonali għall-istudji dwar l-ottika u l-ottometrija ta’ Vinci fl-Italja, iżda fil-Greċja, fiċ-Ċentru ta’ studji liberi dwar l-Optometriki AE, li jinsab f’Metamorfosi. |
|
21 |
Madankollu, huwa attenda l-istabbiliment ta’ tagħlim fl-Italja sabiex isegwi hemmhekk kors ta’ perfezzjonament, ta’ 300 siegħa u jagħmel xi eżamijiet, bl-għan li jikseb l-awtorizzazzjoni biex jeżerċita l-professjoni ta’ ottiku msemmija hawn fuq. |
|
22 |
T-G Chatzithanasis ma eżerċitax il-professjoni ta’ ottiku fl-Italja. Peress li xtaq jeżerċita din il-professjoni fil-Greċja, fit-22 ta’ Frar 2002 huwa ressaq applikazzjoni quddiem il-Ministru tas-Saħħa u l-Welfare għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza tad-diploma Taljana tiegħu ta’ ottiku. |
|
23 |
Dan il-Ministeru ħareġ rapport fejn laqa’ t-talba ta’ T-G Chatzithanasis b’riżerva għal miżuri ta’ kumpens iġġustifikati mill-fatt li kienu jeżistu differenzi sostanzjali bejn it-taħriġ għall-professjoni ta’ ottiku mogħti fil-Greċja u dak mogħti fl-Italja. L-imsemmi Ministeru bagħat ir-rapport tiegħu, flimkien mal-applikazzjoni ppreżentata minn T-G Chatzithanasis, lill-OEEK. |
|
24 |
Fi ħdan l-OEEK, is-Seatek adotta d-deċizjoni Nru 16 fit-23 ta’ April 2003, li ċaħdet it-talba ta’ T-G Chatzithanasis. Il-motiv ta’ din iċ-ċaħda kien, sostanzjalment, il-fatt li d-diploma li l-persuna kkonċernata pprovdiet ngħatat wara t-twettiq ta’ studji prinċipalment imwettqa f’ Ċentru ta’ studji liberi stabbilit fil-Greċja u li mhuwiex rikonoxxut bħala stabbiliment ta’ tagħlim mil-legiżlazzjoni Griega. |
|
25 |
Fil-5 ta’ Frar 2004 T-G Chatzithanasis ressaq rikors quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni tas-Seatek. |
|
26 |
Skont l-opinjoni prevalenti fi ħdan is-Symvoulio tis Epikrateias, il-kundizzjonijiet li għalihom id-Direttiva 92/51 tissuġġetta r-rikonoxximent tad-diplomi huma sodisfatti f’dan il-każ u, b’riżerva għal miżuri ta’ kumpens, is-Seatek ma kinitx iġġustifikata tiċħad it-talba ta’ T-G Chatzithanasis. |
|
27 |
Iżda skont l-opinjoni kuntrarja tal-minoranza, minn naħa jeżistu dubji dwar il-kwistjoni jekk id-diploma ta’ T-G Chatzithanasis tistax tkun ikkunsidrata bħala “diploma” skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/51 u, min-naħa l-oħra, peress li skont l-Artikoli 149 KE u 150 KE, il-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistema tal-edukazzjoni kif ukoll il-kontenut u l-organizzazzjoni tat-taħriġ professjonali jaqgħu esklużivament taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, ir-Repubblika Ellenika mhijiex obbligata tirrikonoxxi l-kwalifiki mogħtija wara li jitwettqu studji f’Ċentri ta’ studji liberi li mhumiex rikonoxxuti uffiċjalment. |
|
28 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustnazi li s-Symvoulio tis Epikrateias iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “Meta ċittadin ta’ Stat Membru, li jsostni kwalifika li taqa’, fil-fehma tiegħu, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/51 […] jitlob lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti sabiex jagħtuh il-permess li jkollu aċċess għal professjoni regolata fit-tali Stat jew li jeżerċitaha, dawn l-awtoritajiet għandhom id-dritt, skont l-Artikoli 1, 2, 3 u 4 tad-Direttiva 92/51, interpretati fid-dawl tal-Artikoli 149 [KE] u 150 [KE], jiċħdu t-talba tal-persuna kkonċernata (u b’hekk jeskludu b’mod assolut il-possibbiltà li dan ikollu aċċess għat-tali professjoni jew jeżerċitaha fl-Istat Membru ospitanti), għas-sempliċi raġuni li l-imsemmija kwalifika ngħatat mill-Awtorità tal-Istat Membru minn fejn ġej, iżda wara studji li saru fil-parti l-kbira fl-Istat Membru ospitanti u minn stabbiliment li, minkejja li jopera liberament fl-Istat Membru ospitanti, mhuwiex rikonoxxut fit-tali Stat bħala stabbiliment ta’ tagħlim taħt dispożizzjoni ġenerali tal-leġiżlazzjoni tagħha?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
29 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ospitanti humiex marbuta, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/51, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva, jirrikonoxxu diploma mogħtija minn awtorità kompetenti fi Stat Membru ieħor, minkejja li tali diploma tkun ingħatat għal taħriġ imwettaq, kompletament jew parzjalment, fi stabbiliment li jinsab fl-Istat Membru ospitanti li, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat tal-aħħar, mhuwiex rikonoxxut bħala stabbiliment ta’ tagħlim. |
|
30 |
Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward, li għal dak li għandu x’jaqsam mad-Direttiva 89/48, ġie deċiż, minn naħa, li din ma għandhiex limitazzjonijiet għal dak li jikkonċerna l-Istat Membru fejn l-applikant għandu jkun kiseb il-kwalifiki professjonali tiegħu u, min-naħa l-oħra, li huma biss l-awtoritajiet kompetenti li jagħtu d-diplomi li permezz tagħhom jingħata aċċess għal professjoni regolata,li għandhom jivverifikaw, fid-dawl tar-regoli applikabbli fil-qasam tas-sistema ta’ taħriġ professjonali tagħhom, jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex dawn jingħataw ikunux sodisfatti, partikolarment dawk dwar l-istabbiliment ta’ tagħlim fejn id-detentur ikun wettaq it-taħriġ tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 28, 31 u 32). |
|
31 |
Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li din l-interpretazzjoni tad-Direttiva 89/48 ma tqajjimx dubji dwar il-kompetenza tar-Repubblika Ellenika f’dak li jirrigwarda l-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistema tal-edukazzjoni, peress li d-diploma inkwistjoni, fid-dawl tad-Direttiva 89/48, ma taqax taħt is-sistema tal-edukazzjoni Griega, iżda taħt is-sistema tal-edukazzjoni tal-Istat Membru li għalih hija suġġetta l-awtorità kompetenti li tat din id-diploma. Għaldaqstant, hija din l-awtorità tal-aħħar li għandha tiżgura l-kwalità tat-taħriġ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-274/05, iċċitata iktar ’il fuq, punti 36 u 40). |
|
32 |
Barra minn hekk, ġie deċiż li l-fatt, għal ċittadin ta’ Stat Membru li jixtieq jeżerċita professjoni regolata, li jagħżel li jibda jeżerċita din il-professjoni fl-Istat Membru li jippreferi ma jistax, minnu nnifsu, jikkostitwixxi użu abbużiv tas-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent stabbilita mid-Direttiva 89/48 u li d-dritt taċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jagħżlu l-Istat Membru li fih jixtiequ jiksbu l-kwalifiki professjonali tagħhom huwa inerenti fl-eżerċizzju, f’suq wieħed, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat KE. (ara s-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-286/06, Ġabra p. I-8025, punt 72). |
|
33 |
Peress illi d-dispożizzjonijiet relevanti tad-Direttiva 92/51 huma, essenzjalment, identiċi għal dawk tad-Direttiva 89/48 u peress li, skont il-ħames premessa tad-Direttiva 92/51, is-sistema ġenerali supplimentari mwaqqfa minnha, hija espressament ibbażata fuq l-istess prinċipji u għandha, mutatis mutandis, l-istess regoli tas-sistema ġenerali inizjali mwaqqfa permezz tad-Direttiva 89/48, l-istess kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġu applikati għal dak li jikkonċerna d-direttiva 92/51. |
|
34 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li saru, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 1(a), 3 u 4 tad-Direttiva 92/51 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ospitanti huma marbuta, skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4 ta’ din l-istess direttiva, jirrikonoxxu diploma mogħtija minn awtorità kompetenti fi Stat Membru ieħor, minkejja li tali diploma tkun ingħatat għal taħriġ imwettaq, kompletament jew parzjalment, fi stabbiliment li jinsab fl-Istat Membru opsitanti li, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat tal-aħħar, mhuwiex rikonoxxut bħala stabbiliment ta’ tagħlim. |
Fuq l-ispejjeż
|
35 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikoli 1(a), 3 u 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/51/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, dwar it-tieni sistema ġenerali għar-rikonoxximent tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali sabiex tiġi ssupplimentata d-Direttiva 89/48/KEE, kif emendata bid-Direttiva 2001/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Mejju 2001, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ospitanti huma marbuta, skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4 ta’ din l-istess direttiva, jirrikonoxxu diploma mogħtija minn awtorità kompetenti fi Stat Membru ieħor, minkejja li tali diploma tkun ingħatat għal taħriġ imwettaq, kompletament jew parzjalment, fi stabbiliment li jinsab fl-Istat Membru opsitanti li, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat tal-aħħar, mhuwiex rikonoxxut bħala stabbiliment ta’ tagħlim. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.