|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2024/248 |
17.1.2024 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/248
tas-16 ta’ Jannar 2024
li jemenda l-Anness II tad-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-idrossidu tal-ħadid adipat tartrat użat fil-manifattura tas-supplimenti tal-ikel
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(5) tagħha,
Billi:
|
(1) |
L-Annessi I u II tad-Direttiva 2002/46/KE jistabbilixxu l-lista ta’ vitamini u s-sustanzi minerali, u għal kull wieħed minnhom il-forom li jistgħu jintużaw fil-manifattura tas-supplimenti tal-ikel. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2002/46/KE, wara li ssir konsultazzjoni mal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”), għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet dwar il-vitamini u s-sustanzi minerali fis-supplimenti tal-ikel li jista’ jkollhom effett fuq is-saħħa pubblika. |
|
(3) |
Wara talba mill-Kummissjoni Ewropea biex tagħti opinjoni dwar l-idrossidu tal-ħadid adipat tartrat bħala ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u bħala sors tal-ħadid fil-kuntest tad-Direttiva 2002/46/KE, fis-27 ta’ Ottubru 2021 l-Awtorità adottat opinjoni xjentifika dwar il-kwistjoni (3). |
|
(4) |
Minn dik l-opinjoni jirriżulta li l-idrossidu tal-ħadid adipat tartrat użat fis-supplimenti tal-ikel ma jqajjimx tħassib dwar is-sikurezza jekk jiġu rispettati ċerti kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1373 (4). Abbażi tal-opinjoni favorevoli tal-Awtorità u tal-awtorizzazzjoni bħala ingredjent ġdid tal-ikel kif stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1373, jenħtieġ li l-idrossidu tal-ħadid adipat tartrat jiddaħħal fil-lista stabbilita fl-Anness II tad-Direttiva 2002/46/KE sabiex ikun permess l-użu tiegħu bħala sors tal-ħadid fis-supplimenti tal-ikel. |
|
(5) |
Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2002/46/KE tiġi emendata skont dan. |
|
(6) |
Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness II tad-Direttiva 2002/46/KE huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Jannar 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51.
(2) Ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1).
(3) Bord tal-EFSA dwar l-NDA. Safety of iron hydroxide adipate tartrate as a novel food pursuant to Regulation (UE) 2015/2283 and as a source of iron in the context of Directive 2002/46/KE, EFSA Journal 2021;19(12):6935.
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1373 tal-5 ta’ Awwissu 2022 li jawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-idrossidu tal-ħadid adipat tartrat bħala ikel ġdid u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 (ĠU L 206, 8.8.2022, p. 28).
ANNESS
Fil-punt B tal-Anness II tad-Direttiva 2002/46/KE, tiddaħħal l-entrata li ġejja wara l-entrata “EDTA ferriku tas-sodju”:
“idrossidu tal-ħadid adipat tartrat (nano) (*1)
(*1) Kif elenkat fil-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).” ”
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/248/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)