European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2674

14.10.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2674

tas-26 ta’ Lulju 2024

dwar l-għajnuna mill-Istat SA.39235 (2015/C) — L-Ungerija — Tassazzjoni tal-fatturat mir-reklamar

(notifikata bid-dokument C(2024) 5283)

(It-test bl-Ungeriż biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Billi:

1.   Proċedura

(1)

F’Lulju 2014, il-Kummissjoni saret taf li l-Ungerija kienet adottat l-Att XXII tal-2014 dwar it-taxxa fuq ir-reklamar (1) (minn hawn ’il quddiem: “l-Att dwar it-taxxa fuq ir-reklamar”) li abbażi tiegħu ġie ntaxxat il-fatturat minn attivitajiet ta’ reklamar (minn hawn ’il quddiem: “it-taxxa fuq ir-reklamar”). Permezz tal-ittri tat-13 ta’ Awwissu u tal-1 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lill-awtoritajiet Ungeriżi, li għalihom huma wieġbu permezz tal-ittri tat-2 ta’ Ottubru u tas-16 ta’ Diċembru 2014.

(2)

Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Ungeriżi li kienet biħsiebha toħroġ deċiżjoni ta’ inġunzjoni ta’ sospensjoni f’konformità mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (2). Bl-ittra tas-17 ta’ Frar 2015, l-awtoritajiet Ungeriżi ressqu l-kummenti tagħhom dwar dik l-ittra.

(3)

Bid-Deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE (minn hawn ’il quddiem: “id-Deċiżjoni tal-Ftuħ”) u ħarġet inġunzjoni ta’ sospensjoni skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 fir-rigward tal-miżura inkwistjoni.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ u l-inġunzjoni ta’ sospensjoni ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar din il-miżura.

(5)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn tliet partijiet interessati u għaddiethom lill-awtoritajiet Ungeriżi li ngħataw l-opportunità jirreaġixxu.

(6)

Fl-21 ta’ April 2015, l-awtoritajiet Ungeriżi bagħtu lill-Kummissjoni abbozz ta’ proposta ta’ emenda tal-Att dwar it-taxxa fuq ir-reklamar. Fit-8 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni talbet informazzjoni mingħand l-Ungerija dwar din l-emenda ppjanata.

(7)

Fl-4 ta’ Ġunju 2015, l-Ungerija emendat l-Att dwar it-taxxa fuq ir-reklamar. Fil-5 ta’ Lulju 2015, din l-emenda daħlet fis-seħħ.

(8)

Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Lulju 2015, l-Ungerija pprovdiet osservazzjonijiet dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ u dwar il-kummenti tal-partijiet interessati, kif ukoll kjarifiki dwar l-emenda għall-Att dwar it-taxxa fuq ir-reklamar.

(9)

Fl-4 ta’ Novembru 2016, permezz tad-deċiżjoni tagħha dwar il-miżura implimentata mill-Ungerija dwar it-tassazzjoni tal-fatturat mid-dħul mir-reklamar (4) (id-“Deċiżjoni Finali”), il-Kummissjoni għalqet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali billi kkonkludiet li l-miżura kienet tammonta għal għajnuna illegali u inkompatibbli mill-Istat u ordnat l-irkupru tal-għajnuna.

(10)

Fis-16 ta’ Diċembru 2016, l-awtoritajiet Ungeriżi infurmaw lis-servizzi tal-Kummissjoni li, skont il-premessa 96 tad-Deċiżjoni Finali, huma kellhom l-intenzjoni jadottaw Att li jabolixxi t-taxxa fuq ir-reklamar u jissostitwixxuha b’waħda ġdida għall-futur.

(11)

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Jannar 2017, l-Ungerija ppreżentat rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni Finali (il-Kawża T-20/17).

(12)

Fis-16 ta’ Diċembru 2016, fis-26 ta’ Jannar u fis-17 ta’ Frar 2017, is-servizzi tal-Kummissjoni u l-Ungerija skambjaw korrispondenza, li wasslet għal konferenza telefonika li saret fis-27 ta’ Frar 2017 biex jiddiskutu t-tneħħija tat-taxxa fuq ir-reklamar.

(13)

Fil-15 ta’ Mejju 2017, l-Ungerija neħħiet b’mod retroattiv it-taxxa fuq ir-reklamar għall-perjodu sat-30 ta’ Ġunju 2017, u ssostitwietha b’taxxa ġdida fuq ir-reklamar (ara l-premessa 23 hawn taħt). Dik l-emenda għall-Att dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2017 (5).

(14)

Permezz tas-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-20/17 l-Ungerija vs il-Kummissjoni (6), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni Finali, wara li kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet naqset milli tipprova l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(15)

Fit-23 ta’ Lulju 2019, l-Ungerija emendat ukoll l-Att dwar it-taxxa fuq ir-reklamar billi ssospendiet it-taxxa sa Diċembru 2022 (7).

(16)

Fis-6 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissjoni appellat mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Permezz tas-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2021 fil-Kawża C-596/19 P (8), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell tal-Kummissjoni u kkonfermat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

(17)

Wara l-annullament tad-Deċiżjoni Finali mill-Qorti Ġenerali kif ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għadha miftuħa, u trid tingħalaq b’deċiżjoni.

2.   Sfond u Deskrizzjoni tal-miżura

(18)

Il-miżura vvalutata fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ hija t-taxxa fuq ir-reklamar introdotta fl-Ungerija bl-Att dwar it-taxxa fuq ir-reklamar li daħal fis-seħħ fit-18 ta’ Lulju 2014, b’emendi ulterjuri fl-4 ta’ Lulju u fit-18 ta’ Novembru 2014 (minn hawn ’il quddiem: “l-Att”).

(19)

It-taxxa kienet tinkludi struttura progressiva qawwija, b’rati li jvarjaw minn 0 % għal kumpanniji bi dħul baxx mir-reklamar sa 50 % għal kumpanniji bi dħul għoli mir-reklamar, kif ġej (il-“verżjoni tal-2014”):

—

għall-parti tal-fatturat ta’ inqas minn HUF 0,5 biljun: 0 %;

—

għall-parti tal-fatturat bejn HUF 0,5 biljun u 5 biljuni: 1 %;

—

għall-parti tal-fatturat bejn HUF 5 biljun u 10 biljuni: 10 %;

—

għall-parti tal-fatturat bejn HUF 10 biljun u 15-il biljun: 20 %;

—

għall-parti tal-fatturat bejn HUF 15-il biljun u 20 biljun: 30 %;

—

għall-parti tal-fatturat ta’ aktar minn HUF 20 biljun: 50 % (9).

(20)

Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-Ungerija emendat l-Att dwar it-taxxa fuq ir-reklamar bl-Att LXII tal-2015 tal-4 ta’ Ġunju 2015, u ssostitwiet l-iskala progressiva ta’ sitt rati tat-taxxa b’sistema ta’ rati doppji kif ġej (minn hawn ’il quddiem: il-“verżjoni tal-2015”):

—

għall-parti tal-fatturat ta’ inqas minn HUF 100 miljun: 0 %;

—

għall-parti tal-fatturat ta’ aktar minn HUF 100 miljun: 5,3 % (10).

(21)

F’Novembru 2016, il-Kummissjoni għalqet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali billi adottat id-Deċiżjoni Finali negattiva.

(22)

Id-Deċiżjoni Finali evalwat kemm il-verżjoni tal-2014 kif ukoll dik tal-2015 tat-taxxa fuq ir-reklamar. Il-Kummissjoni qieset li l-verżjoni tal-2015 kienet ibbażata fuq l-istess prinċipju ta’ progressività u kellha l-istess effett li tiffavorixxi impriżi iżgħar fuq dawk akbar, bħalma kienet tagħmel il-verżjoni tat-taxxa tal-2014.

(23)

Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Finali, fl-2017, l-Ungerija mmodifikat it-taxxa fuq ir-reklamar b’emenda ulterjuri tal-Att dwar it-taxxa fuq ir-reklamar (11). Il-liġi emendatorja:

—

issostitwiet it-taxxa fuq ir-reklamar iddikjarata inkompatibbli bid-Deċiżjoni Finali (jiġifieri t-taxxa fil-verżjonijiet tagħha tal-2014 u tal-2015) b’verżjoni ġdida tat-taxxa fuq ir-reklamar (12);

—

sakemm it-taxxa ddikjarata u mħallsa bejn it-18 ta’ Lulju 2014 u t-30 ta’ Ġunju 2017 skont it-taxxa fuq ir-reklamar abolita kellha titqies bħala ħlas żejjed ta’ taxxi skont il-Kodiċi tat-Taxxa Ungeriż u kienet suġġetta għar-regoli dwar ir-rimbors tat-taxxa tal-Kodiċi tat-Taxxa (13).

3.   Tħassir tal-miżura

(24)

Fir-rigward tat-taxxa fis-seħħ u diġà mħallsa mid-dħul fis-seħħ tal-Att dwar it-taxxa fuq ir-reklamar, l-Att XLVII tal-2017 ippreveda li, għas-snin tat-taxxa sat-30 ta’ Ġunju 2017:

—

“it-taxxa ddikjarata u mħallsa (…) għandha titqies bħala ħlas żejjed fis-sens tal-Kodiċi tat-Taxxa, li r-rimbors tiegħu huwa suġġett għar-regoli dwar ir-rimbors tat-taxxa tal-Kodiċi tat-Taxxa. L-awtorità tat-taxxa tal-Istat għandha tinnotifika lill-persuni taxxabbli, imsemmija fit-Taqsima 3(1) li huma intitolati għal rifużjoni tat-taxxa skont din it-Taqsima, dwar il-possibbiltà u l-kundizzjonijiet għar-rimborż tat-taxxa fuq ir-reklamar”;

—

“it-taxxa ddikjarata iżda mhux imħallsa għas-snin tat-taxxa kkompletati sat-30 ta’ Ġunju 2017 ma għandhiex titħallas”.

(25)

Id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tat-Taxxa Ungeriż fis-seħħ meta daħal fis-seħħ l-Att XLVII tal-2017 (14) jiddefinixxu “ħlas żejjed” bħala s-sitwazzjoni li fiha l-kontribwent “ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu ammont fil-kont tat-taxxa li jaqbeż l-obbligu tiegħu ta’ ħlas tat-taxxa”.

(26)

Għalhekk, meta t-taxxa fuq ir-reklamar kienet tħallset mill-kontribwent, l-effett tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-premessi 24 u 25 kien li nħoloq kreditu tat-taxxa fil-kont tal-kontribwent.

(27)

Il-Kodiċi tat-Taxxa jistabbilixxi possibbiltajiet differenti għall-kontribwenti biex jużaw il-kreditu tat-taxxa li jirriżulta minn ħlas żejjed.

(28)

L-ewwel, il-kontribwent jista’ jitlob li l-ħlas żejjed jintuża biex ikopri obbligazzjonijiet ta’ taxxa ta’ kategorija ta’ taxxa differenti (15). It-tieni, il-persuna taxxabbli tista’ titlob ir-rimbors tal-ħlas żejjed, sakemm hija ma jkollhiex dejn tat-taxxa u tkun ikkonformat mal-obbligi tagħha tad-dikjarazzjoni tat-taxxa (16). It-tielet, il-ħlas żejjed jista’ jibqa’ għand l-awtoritajiet tat-taxxa biex ikopri obbligazzjonijiet tat-taxxa futuri tal-istess kategorija ta’ taxxa (17).

(29)

L-adozzjoni tal-Att XLVII tal-2017 għalhekk żgura l-kanċellazzjoni tad-dejn tat-taxxa fuq ir-reklamar kollu dovut matul il-perjodu mill-2014 sat-30 ta’ Ġunju 2017, u li t-taxxa fuq ir-reklamar imħallsa matul dak il-perjodu ġiet rimborżata lill-kontribwenti jew użata biex tkopri obbligazzjonijiet tat-taxxa oħra ta’ dawk il-kontribwenti.

(30)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li, fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-596/19 P, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet (18) li l-Att XLVII tal-2017 kien ħassar b’mod retroattiv il-miżura tat-taxxa inkwistjoni (19).

(31)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li, minħabba t-tneħħija retroattiva mill-Ungerija tat-taxxa fuq ir-reklamar suġġetta għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali u, għaldaqstant, l-annullament tad-dejn tat-taxxa rilevanti u r-rimbors tat-taxxa mħallsa, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali saret mingħajr skop.

4.   Konklużjoni

Il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE saret mingħajr skop minħabba t-tħassir tal-miżura mill-Ungerija b’effett retroattiv u għalhekk jenħtieġ li tingħalaq.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċedura mibdija fit-12 ta’ Marzu 2015 skont l-Artikolu 108(2) TFUE fil-kawża SA.39235 saret mingħajr skop u hija b’dan magħluqa.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Viċi President Eżekuttiv


(1)  L-att XXII tal-2014 ġie adottat mill-Parlament Ungeriż fl-11 ta’ Ġunju 2014 u daħal fis-seħħ fit-18 ta’ Lulju 2014.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1999/659/oj), imħassar u sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9., ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1589/oj).

(3)   ĠU C 136, 24.4.2015, p. 7.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/329 tal-4 ta’ Novembru 2016 dwar il-miżura SA.39235 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Ungerija dwar it-tassazzjoni tal-fatturat mir-reklamar (ĠU L 49, 25.2.2017, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/329/oj).

(5)  Il-liġi emendatorja hija l-Att XLVII tal-2017 (adottata fil-15 ta’ Mejju 2017 u fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2017).

(6)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Ġunju 2019, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni, T-20/17, ECLI:EU:T:2019:448.

(7)  L-Att LXXIII tal-2019 tat-23 ta’ Lulju 2019.

(8)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs l-Ungerija, C-596/19 P, ECLI:EU:C:2021:202.

(9)  L-ogħla kategorija żdiedet minn 40 % għal 50 % mill-1 ta’ Jannar 2015 bl-Att LXXIV tal-2014.

(10)  L-emenda introduċiet sistema ta’ applikazzjoni retroattiva fakultattiva: il-kontribwenti setgħu jagħżlu, għall-passat, jew li jkunu soġġetti għas-sistema ta’ rati doppji tal-2015 jew li jibqgħu soġġetti għall-iskala progressiva ta’ sitt rati tal-2014.

(11)  Il-liġi emendatorja hija l-Att XLVII tal-2017 (adottat fil-15 ta’ Mejju 2017 u fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2017).

(12)  It-Taqsima 1 tal-Att XLVII tal-2017]

(13)  It-Taqsima 2 tal-Att XLVII tal-2017.

(14)  L-Att XCII tal-2003 dwar is-sistema tat-tassazzjoni, adottat fl-10 ta’ Novembru 2003 (it-Taqsima 43). Il-Kummissjoni tosserva li l-Kodiċi tat-Taxxa ġie sussegwentement modifikat, iżda mingħajr ma nbidlet is-sustanza tad-dispożizzjonijiet rilevanti (l-Att CL tal-2017 dwar is-sistema tat-tassazzjoni, adottat fl-14 ta’ Novembru 2017 u fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2018 (it-Taqsima 74)).

(15)  L-Att XCII tal-2003 dwar is-sistema tat-tassazzjoni, adottat fl-10 ta’ Novembru 2003 [it-Taqsima 43(5)]: “L-awtorità tat-taxxa għandha, fuq talba, tikkontabbilizza l-ammont tal-ħlas żejjed fil-kont tat-taxxa indikat mill-persuna taxxabbli”.

(16)  L-Att XCII tal-2003 dwar is-sistema tat-tassazzjoni, adottat fl-10 ta’ Novembru 2003 [it-Taqsima 43(6)]: “Jekk il-persuna taxxabbli ma jkollhiex dejn fiskali u tkun ikkonformat mal-obbligi tagħha ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa, hija tista’ titlob rimbors tal-ammont li jifdal” .

(17)  L-Att XCII tal-2003 dwar is-sistema tat-tassazzjoni, adottat fl-10 ta’ Novembru 2003 [it-Taqsima 43(6)]: “Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni, l-awtorità tat-taxxa għandha tikkontabbilizza l-ħlas żejjed għall-ħlas tat-taxxa sussegwentement dovuta. L-awtorità tat-taxxa tista’ tirrimborsa l-ammont li jifdal biss jekk min iħallas ma jkollux dejn irregolat mid-dritt pubbliku li hija tkun irreġistrat u li għandu jiġi rkuprat permezz ta’ taxxi”.

(18)  Ara l-paragrafu 22 tas-sentenza tal-Qorti.

(19)  Ara wkoll, fl-istess sens, il-paragrafu 31 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-20/17 imsemmija hawn fuq.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2674/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)