DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli)

18 ta’ April 2023 ( *1 )

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ammissjoni tal-appelli – Artikolu 170b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Talba li turi n-natura sinjifikattiva ta’ kwistjoni għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni – Ammissjoni tal-appell”

Fil-Kawża C‑751/22 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit‑8 ta’ Diċembru 2022,

Shopify Inc., stabbilita f’Ottawa (il-Kanada), irrappreżentata minn M. Pemsel u S. Völker, Rechtsanwälte,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO),

konvenut fl-ewwel istanza,

Massimo Carlo Alberto Rossi, residenti fi Fiano (l-Italja),

Salvatore Vacante, residenti f’Berlin (il-Ġermanja),

Shoppi Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit),

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli)

komposta minn L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti, D. Gratsias u M. Ilešič (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li qieset il-proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, A. M. Collins,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

Permezz tal-appell tagħha, Shopify Inc. titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑12 ta’ Ottubru 2022, Shopify vs EUIPO – Rossi et (Shoppi) (T‑222/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:633), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat‑18 ta’ Frar 2021 (Każ R 785/2020‑2), dwar proċedura għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn, minn naħa, Massimo Carlo Alberto Rossi, Salvatore Vacante u Shoppi Ltd u, min-naħa l-oħra, Shopify (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Fuq it‑talba għal ammissjoni tal‑appell

2

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-eżami tal-appelli li jiġu ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell indipendenti tal-EUIPO huwa suġġett għall-ammissjoni minn qabel tagħhom mill-Qorti tal-Ġustizzja.

3

Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a ta’ dan l-Istatut, l-appell għandu jiġi ammess, kompletament jew parzjalment, f’konformità mal-proċeduri previsti fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn iqajjem kwistjoni li tkun sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

4

Skont l-Artikolu 170a(1) tar-Regoli tal-Proċedura, fis-sitwazzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58a tal-imsemmi Statut, l-appellant għandu jannetti, mar-rikors tal-appell tiegħu, talba għall-ammissjoni tal-appell li fiha jispjega l-kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni mqajma mill-appell u li tinkludi l-elementi kollha meħtieġa sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi dwar din it-talba.

5

Skont l-Artikolu 170b(1) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar it-talba għall-ammissjoni tal-appell fl-iqsar żmien possibbli permezz ta’ digriet motivat.

L‑argumenti tal‑appellanti

6

Insostenn tat-talba tagħha għall-ammissjoni tal-appell, l-appellanti ssostni li l-appell tagħha jqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

7

Qabelxejn, hija tispjega li l-appell tagħha huwa bbażat fuq aggravju uniku, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan ir-regolament.

8

B’mod partikolari, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punti 96 sa 104 tas-sentenza appellata, warrbet il-provi dwar il-karattru distintiv imsaħħaħ tat-trade mark preċedenti fir-Renju Unit, minħabba li, fil-kuntest ta’ proċedura għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-appellant għandu jkun f’pożizzjoni li jipprojbixxi l-użu tat-trade mark ikkontestata mhux biss fid-data tal-preżentata tagħha, iżda wkoll fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża u li, f’dan il-każ, din tal-aħħar ingħatat wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni previst fl-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-ħruġ”).

9

B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 207/2009, li jipprovdi li l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex il-proċedura għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tirnexxi għandhom jiġu ssodisfatti fid-data tal-preżentata jew fid-data ta’ prijorità tat-trade mark ikkontestata.

10

Sussegwentement, l-appellanti tenfasizza li, kieku l-Qorti Ġenerali kienet qieset li kienet biss id-data tal-preżentata tat-trade mark ikkontestata li kienet rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tirnexxi il-proċedura għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jkunux ġew issodisfatti, hija kellha tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża. Hija żżid li, kieku l-Bord tal-Appell aċċetta l-provi dwar il-karattru distintiv imsaħħaħ tat-trade mark preċedenti fir-rigward tar-Renju Unit, dan il-bord kien jikkonkludi li din it-trade mark kellha karattru distintiv imsaħħaħ u, għaldaqstant, li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti.

11

Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li l-aggravju uniku li hija tinvoka insostenn tal-appell tagħha jqajjem il-kwistjoni tad-data li fiha għandu jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 207/2009 ġewx issodisfatti. B’mod partikolari, għandu jiġi ddeterminat jekk min iressaq it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità huwiex obbligat jistabbilixxi l-eżistenza ta’ raġuni relattiva għal rifjut fid-data ta’ prijorità biss jew f’dik tal-preżentata tat-trade mark ikkontestata jew jekk jistax jintalab jistabbilixxi, apparti minn hekk, l-eżistenza ta’ tali raġuni fid-data li fiha l-EUIPO jagħti d-deċiżjoni tiegħu.

12

Fl-aħħar nett, sabiex turi n-natura sinjifikattiva ta’ din il-kwistjoni għall-unità, għall-koerenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, l-appellanti tagħmel tmien argumenti.

13

Permezz tal-ewwel argument tagħha, hija ssostni li l-imsemmija kwistjoni tqum fil-proċeduri kollha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li fil-kuntest tagħhom it-trade mark preċedenti jew il-portata tal-protezzjoni li tagħti din tal-aħħar tkun affettwata minn avvenimenti li seħħew wara d-data ta’ prijorità jew wara dik tal-preżentata tat-trade mark ikkontestata, bħal telf ta’ karattru distintiv jew ta’ reputazzjoni, emenda tal-liġi li tapplika għall-proċedura jew il-ħruġ ta’ Stat Membru mill-Unjoni, kif inhu l-każ hawnhekk.

14

Skont l-appellanti, il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni ser ikollu effett fuq numru kunsiderevoli ta’ proċeduri oħra għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u ta’ oppożizzjoni relatati kemm ma’ trade marks preċedenti tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll ma’ trade marks nazzjonali preċedenti. Hija meħtieġa, għalhekk, kjarifika mill-Qorti tal-Ġustizzja kemm għall-utenti tas-sistema tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll għall-uffiċċji nazzjonali tat-trade marks u għall-qrati nazzjonali, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-kwistjoni mqajma ma tikkonċernax biss l-effett tal-Ftehim ta’ ħruġ fuq proċeduri li jkunu għadhom għaddejjin, iżda wkoll fuq is-sitwazzjonijiet kollha, li huma spissi fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, ta’ għajbien ta’ dritt preċedenti, b’mod sħiħ jew parti minnu, matul il-proċedura.

15

Permezz tat-tieni argument tagħha, l-appellanti tallega li huwa essenzjali għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati kollha fi ħdan l-Unjoni japplikaw id-dritt tal-Unjoni kif adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Issa, billi tinjora l-kliem inekwivoku tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju fundamentali li l-qrati fi ħdan l-Unjoni huma marbuta bid-dritt tal-Unjoni u li huma obbligati jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni tagħhom fil-limiti ddefiniti mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

16

Permezz tat-tielet argument tagħha, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata hija sors ta’ inċertezza legali. Fil-fatt, kemm-il darba jitqies li d-data tad-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-EUIPO hija wkoll rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ raġuni relattiva għal rifjut fil-kuntest ta’ proċedura għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, dan jippreġudika serjament iċ-ċertezza legali tal-proprjetarji kollha ta’ trade marks preċedenti sa fejn dawn ma jkunux jistgħu jibbażaw ruħhom fuq l-informazzjoni li jkollhom sabiex jiddeċiedu dwar l-opportunità li jressqu jew le talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità peress li huma ma jkunux jistgħu jipprevedu kif is-sitwazzjoni tkun żvolġiet fid-data li fiha d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni jew il-Bord tal-Appell jagħtu d-deċiżjoni tagħhom.

17

Permezz tar-raba’ argument tagħha, l-appellanti ssostni li l-kwistjoni mqajma mill-appell tagħha hija sinjifikattiva għall-unità u għall-konsistenza tad-dritt tal-Unjoni peress li din tirrigwarda kemm il-proċeduri għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li jirrigwardaw trade marks tal-Unjoni, kif ukoll dawk li jirrigwardaw it-trade marks nazzjonali fl-Istati Membri. Fil-fatt, l-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 110, p. 5) u l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn dawn jipprevedu raġunijiet ta’ invalidità identiċi, għandhom, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra b’mod partikolari fil-punt 32 tas-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Deutsches Patent- und Markenamt (#darferdas?) (C‑541/18, EU:C:2019:725, punt 32), jiġu interpretati bl-istess mod.

18

Issa, ma huwiex eskluż li oppożizzjoni jew talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq l-eżistenza ta’ trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea u li tirrigwarda trade mark jew applikazzjoni għal reġistrazzjoni tiġi riżolta b’mod differenti mill-uffiċċji tat-trade marks jew mill-qrati nazzjonali skont id-data rilevanti użata sabiex jiġi evalwat jekk ġewx issodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex tintlaqa’ l-azzjoni għal oppożizzjoni jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, liema fatt jippreġudika ċ-ċertezza legali.

19

Permezz tal-ħames argument tagħha, l-appellanti ssostni li l-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali tiftaħ il-bieb għall-arbitrarjetà tas-setgħa eżekuttiva, sa fejn din tippermetti lill-EUIPO, lill-uffiċċji nazzjonali tat-trade marks u lill-qrati nazzjonali jdewmu apposta proċedura għal dikjarazzjoni ta’ invalidità sakemm jitfaċċaw ċirkustanzi speċifiċi, bħall-ħruġ ta’ Stat Membru mill-Unjoni jew l-iskadenza ta’ trade mark, jew sal-mument li fih il-provi prodotti fid-data ta’ prijorità jew fid-data tal-preżentata tat-trade mark ikkontestata sabiex tintwera r-reputazzjoni ta’ trade mark preċedenti ma jkunux jippermettu iktar li tintwera din ir-reputazzjoni fid-data li fiha tittieħed id-deċiżjoni. Skont l-appellanti, is-sempliċi fatt li tali aġir arbitrarju jkun possibbli huwa biżżejjed sabiex jippreġudika l-fiduċja fl-indipendenza tal-EUIPO, kif ukoll tal-uffiċċji nazzjonali tat-trade marks u tal-qrati nazzjonali.

20

Permezz tas-sitt argument tagħha, l-appellanti tallega li l-kwistjoni mqajma mill-appell tagħha hija ta’ sinjifikat kbir għall-utenti tas-sistema tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonkludi li d-data tad-deċiżjoni hija wkoll rilevanti, dawk li jopponuha u dawk li jitolbu dikjarazzjoni ta’ invalidità jkunu obbligati jipproduċu b’mod kostanti provi dwar iż-żamma tar-reputazzjoni tat-trade mark, tal-użu ġenwin tagħha u/jew tal-karattru distintiv imsaħħaħ tagħha u l-uffiċċji tat-trade marks, kif ukoll il-proprjetarji jew l-applikanti ta’ trade marks, ikollhom imbagħad jeżaminawhom b’mod sistematiku.

21

Permezz tas-seba’ argument tagħha, l-appellanti ssostni li l-kwistjoni mqajma mill-appell tagħha hija wkoll sinjifikattiva fir-rigward tal-prinċipji ta’ territorjalità u tal-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

22

Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk huwiex biżżejjed li kunflitt bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark sussegwenti jkun jeżisti fid-data ta’ prijorità jew fid-data tal-preżentata, jiġifieri f’mument meta t-trade mark preċedenti kienet għadha tagħti protezzjoni fir-Renju Unit, jew jekk tali kunflitt għandux jeżisti wkoll fid-data li fiha l-EUIPO jagħti d-deċiżjoni tiegħu, ikollha effett kunsiderevoli fuq il-prinċipji ta’ territorjalità u tal-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, li huma tnejn mill-pilastri fundamentali tad-dritt tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea.

23

Permezz tat-tmien u l-aħħar argument tagħha, l-appellanti ssostni li l-kwistjoni mqajma mill-appell tagħha tirrigwarda l-effettività tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, li wieħed jeżiġi li t-trade marks ikkonċernati jkunu wkoll kunfliġġenti fid-data ta’ deċiżjoni tal-EUIPO jqajjem dubju dwar l-effettività tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea, sa fejn kull żvilupp sussegwenti taċ-ċirkustanzi jista’ jċaħħad b’mod retroattiv lit-trade mark tal-Unjoni Ewropea mill-effetti tagħha.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

24

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li huwa l-appellant li għandu l-obbligu juri li l-kwistjonijiet imqajma permezz tal-appell tiegħu huma sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni (digriet tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann, C‑382/21 P, EU:C:2021:1050, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Barra minn hekk, kif jirriżulta mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 170a(1) u mat-tieni sentenza tal-Artikolu 170b(4) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tinkludi l-provi kollha neċessarji li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ammissjoni tal-appell u tiddetermina, f’każ ta’ ammissjoni parzjali ta’ dan tal-aħħar, l-aggravji jew il-partijiet tal-appell li fir-rigward tagħhom għandha ssir ir-risposta. Fil-fatt, peress li l-mekkaniżmu ta’ ammissjoni minn qabel tal-appelli previst fl-Artikolu 58a ta’ dan l-Istatut huwa intiż li jillimita l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-kwistjonijiet li jkunu sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, huma biss l-aggravji li jqajmu tali kwistjonijiet u li jkunu stabbiliti mill-appellant li għandhom jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell (digrieti tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann, C‑382/21 P, EU:C:2021:1050, punt 21, u tas‑16 ta’ Novembru 2022, EUIPO vs Nowhere, C‑337/22 P, EU:C:2022:908, punt 24).

26

Għalhekk, talba għall-ammissjoni tal-appell għandha, fi kwalunkwe każ, tiddikjara b’mod ċar u preċiż l-aggravji li fuqhom huwa bbażat l-appell, tidentifika bl-istess preċiżjoni u bl-istess ċarezza l-kwistjoni ta’ liġi mqajma minn kull aggravju, tippreċiża jekk din il-kwistjoni hijiex sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni u tfisser b’mod speċifiku r-raġunijiet għaliex l-imsemmija kwistjoni hija sinjifikattiva fir-rigward tal-kriterju invokat. F’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-aggravji tal-appell, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tippreċiża d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew il-ġurisprudenza li s-sentenza appellata jew id-digriet appellat ikunu allegatament kisru, għandha tfisser b’mod konċiż fiex jikkonsisti l-iżball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet u għandha tindika sa fejn dan l-iżball kellu effett fuq l-eżitu tas-sentenza appellata jew tad-digriet appellat. Fejn l-iżball ta’ liġi invokat jirriżulta minn ksur tal-ġurisprudenza, it-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tfisser, b’mod konċiż iżda ċar u preċiż, l-ewwel, fejn tinsab il-kontradizzjoni allegata, billi tidentifika kemm il-punti tas-sentenza appellata jew tad-digriet appellat li l-appellant qiegħed jikkontesta, kif ukoll dawk tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali li jkunu allegatament ġew miksura, u, it-tieni, ir-raġunijiet konkreti għaliex tali kontradizzjoni tqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni (digriet tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann, C‑382/21 P, EU:C:2021:1050, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-appellanti ssemmi bi preċiżjoni u b’ċarezza l-aggravju uniku, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 207/2009, li fuqu huwa bbażat l-appell tagħha. B’mod partikolari, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 96 sa 104 tas-sentenza appellata, kisret din id-dispożizzjoni billi qieset li, fil-kuntest ta’ proċedura għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-appellant għandu jkun f’pożizzjoni li jipprojbixxi l-użu tat-trade mark ikkontestata kemm fid-data tal-preżentata tagħha, kif ukoll fid-data li fiha l-Bord tal-Appell jagħti d-deċiżjoni tiegħu.

28

L-appellanti tfisser ukoll fiex jikkonsistu l-iżbalji ta’ liġi li allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali.

29

Fil-fatt, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 207/2009, li jipprovdi li l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex il-proċedura għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tirnexxi għandhom jiġu ssodisfatti fid-data tal-preżentata jew fid-data ta’ prijorità tat-trade mark ikkontestata, u żżid tgħid li l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali hija sors ta’ inċertezza legali.

30

L-appellanti ssostni, barra minn hekk, li l-Qorti Ġenerali ħawdet il-proċedura għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u l-azzjoni għal ksur billi eżiġiet li l-persuna li titlob dikjarazzjoni ta’ invalidità tkun f’pożizzjoni li tipprojbixxi l-użu tat-trade mark ikkontestata fid-data li fiha l-EUIPO jagħti d-deċiżjoni tiegħu.

31

Il-Qorti Ġenerali kisret, barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2020, Sky et (C‑371/18, EU:C:2020:45, punt 49), li, fil-kuntest ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea, id-data rilevanti sabiex ikun identifikat id-dritt sostantiv applikabbli hija dik tat-talba għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, kif ukoll il-ġurisprudenza tagħha stess kif tirriżulta mis-sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 2021, Inditex vs EUIPO – Ffauf Italia (ZARA) (T‑467/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:842, punti 59 sa 61), kif ukoll tas‑16 ta’ Marzu 2022, Nowhere vs EUIPO – Ye (APE TEES) (T‑281/21, EU:T:2022:139, punti 28 u 29), dwar proċedura ta’ oppożizzjoni u li tista’ tapplika, mutatis mutandis, għall-proċedura ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità, li l-eżistenza ta’ raġuni relattiva għal rifjut għandha tiġi evalwata fid-data tal-preżentata tat-talba għar-reġistrazzjoni tat-trade mark.

32

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għall-ammissjoni tal-appell għandha tidentifika kemm il-punti tas-sentenza appellata li hija tikkontesta, kif ukoll id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li allegatament ġiet miksura u l-punti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali li ġew miksura.

33

Fit-tieni lok, l-appellanti tindika li l-iżball ta’ liġi li allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali wassal lil din tal-aħħar sabiex ma tannullax id-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha din irrifjutat li taċċetta l-provi dwar il-karattru distintiv imsaħħaħ tat-trade mark preċedenti li jikkonċerna r-Renju Unit, u b’hekk turi li dan l-iżball kellu influwenza fuq l-eżitu tas-sentenza appellata.

34

Fit-tielet lok, l-appellanti tidentifika b’mod preċiż u ċar il-kwistjoni ta’ liġi mqajma mill-aggravju uniku tagħha, f’dan il-każ dik dwar jekk, skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 207/2009, il-persuna li tressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hijiex obbligata tistabbilixxi l-eżistenza ta’ raġuni relattiva għal rifjut biss fid-data ta’ prijorità jew f’dik tal-preżentata tat-trade mark ikkontestata jew jekk jistax jintalab minnha li, apparti minn hekk, tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali raġuni fid-data li fiha l-EUIPO jagħti d-deċiżjoni tiegħu.

35

Fir-raba’ lok, konformement mal-oneru tal-prova li jaqa’ fuq min iressaq talba għal ammissjoni ta’ appell, l-appellant għandu juri li, indipendentement mill-kwistjonijiet ta’ liġi li jinvoka fl-appell tiegħu, dan tal-aħħar iqajjem kwistjoni jew diversi kwistjonijiet li huma sinjifikattivi għall-unità, għall-konsistenza jew għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, billi l-portata ta’ dan il-kriterju tmur lil hinn mill-kuntest tas-sentenza appellata u, fl-aħħar mill-aħħar, dak tal-appell tiegħu (digriet tas‑16 ta’ Novembru 2022, EUIPO vs Nowhere, C‑337/22 P, EU:C:2022:908, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Din il-prova timplika fiha nnifisha li għandhom jiġu stabbiliti kemm l-eżistenza kif ukoll in-natura sinjifikattiva ta’ tali kwistjonijiet, permezz ta’ elementi konkreti u speċifiċi għall-każ inkwistjoni, u mhux sempliċement permezz ta’ argumenti ta’ natura ġenerali (digriet tas‑16 ta’ Novembru 2022, EUIPO vs Nowhere, C‑337/22 P, EU:C:2022:908, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dan il-każ, l-appellanti tfisser ir-raġunijiet konkreti għalfejn hija tqis li l-kwistjoni ta’ dritt imqajma mill-appell tagħha hija, fl-istess ħin, sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

38

B’mod partikolari, hija ssostni li l-imsemmija domanda ma tqumx biss fir-rigward tal-effetti tal-Ftehim dwar il-ħruġ fuq il-proċeduri li għadhom għaddejjin, li jistgħu jinkludu numru kunsiderevoli ta’ proċeduri għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u ta’ oppożizzjoni relatati kemm ma’ trade marks preċedenti tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll ma’ trade marks nazzjonali preċedenti, iżda wkoll kull fejn it-trade mark preċedenti jew il-portata tal-protezzjoni mogħtija minnha hija affettwata minn avvenimenti li seħħew wara d-data ta’ prijorità jew dik tal-preżentata tat-trade mark ikkontestata, bħal telf ta’ karattru distintiv jew ta’ reputazzjoni jew emenda tal-liġi li tapplika għall-proċedura.

39

Għaldaqstant, mit-talba għall-ammissjoni tal-appell jirriżulta li l-kwistjoni mqajma mill-appell ineżami tmur lil hinn mill-kuntest tas-sentenza appellata u, fl-aħħar mill-aħħar, minn dak ta’ dan l-appell.

40

Fid-dawl tal-provi ppreżentati mill-appellanti, din it-talba għall-ammissjoni tal-appell turi sal-grad rikjest mil-liġi li dan l-appell iqajjem kwistjoni sinjifikattiva għall-unità, għall-konsistenza u għall-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, l-appell għandu jiġi ammess fl-intier tiegħu.

Fuq l‑ispejjeż

42

Skont l-Artikolu 170b(4) tar-Regoli tal-Proċedura, fejn l-appell ikun ammess, kompletament jew parzjalment, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-proċedura għandha titkompla skont l-Artikoli 171 sa 190a tal-imsemmija Regoli.

43

Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, li, skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, japplika għall-proċedura ta’ appell, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fid-digriet li jagħlaq l-istanza.

44

Għaldaqstant, peress li t-talba għall-ammissjoni tal-appell intlaqgħet, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla tal-Ammissjoni tal-Appelli) tordna:

 

1)

L-appell huwa ammess.

 

2)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.