|
12.4.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 109/41 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-11 ta' April 2014
dwar il-ħatra tar-Reġistru tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
(2014/207/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 733/2002 tat-22 ta' April 2002 dwar l-implimentazzjoni tal-Qasam tal-Ogħla Livell .eu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Wara li tippubblika sejħa għall-espressjonijiet ta' interess f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha taħtar ir-Reġistru biex jieħu ħsieb l-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-immaniġġjar tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu. |
|
(2) |
Bid-Deċiżjoni 2003/375/KE (2), fl-2003 il-Kummissjoni ħatret ir-Reġistru Ewropew tad-Dominji tal-Internet (EURid) bħala r-Reġistru tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu. Il-Kummissjoni għamlet kuntratt mar-Reġistru Ewropew tad-Dominji tal-Internet (EURid) li jispeċifika l-kundizzjonijiet li skonthom il-Kummissjoni tissorvelja kif ir-Reġistru qed jorganizza, jamministra u jimmaniġġja d-Dominju tal-Ogħla Livell .eu. Dak il-kuntratt ġie ffirmat fit-12 ta' Ottubru 2004 għal ħames snin u fl-2009 reġa' ġġedded għal ħames snin oħra. Issa se jagħlaq fit-12 ta' Ottubru 2014. |
|
(3) |
Fl-14 ta' Mejju 2013 il-Kummissjoni ppubblikat Sejħa għall-espressjonijiet ta' interess (2013/C 134/06) f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea flimkien mad-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-irwol tagħha bħala superviżur tal-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-immaniġġjar ta'.eu TLD mir-Reġistru (2013/C 134/05), li tistieden applikazzjonijiet mingħand organizzazzjonijiet li jixtiequ jintgħażlu bħala r-Reġistru li jieħu ħsieb l-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-immaniġġjar tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu. |
|
(4) |
Is-sejħa għalqet fl-20 ta' Ġunju 2013. L-unika applikazzjoni li waslet kienet mingħand ir-Reġistru Ewropew tad-Dominji tal-Internet (EURid) |
|
(5) |
Fil-25 ta' Lulju 2013 saret evalwazzjoni skont il-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla speċifikati fis-sejħa għall-espressjonijiet ta' interess. |
|
(6) |
L-evalwaturi eżaminaw l-applikazzjoni, ħolqu tabella tal-punteġġ b'marki differenti (individwali u kollettivi) għall-applikazzjoni skont is-sistema tal-marki prevista fit-Taqsima 4 tas-Sejħa, u qiesu l-kwalità ġenerali tagħha skont il-kriterji tal-għażla. L-evalwaturi kkonkludew li l-applikazzjoni mingħand ir-Reġistru Ewropew tad-Dominji tal-Internet (EURid) tissodisfa r-rekwiżiti minimi għal kull kriterju tal-għażla. Il-Kummissjoni eżaminat ir-riżultati li waslu għalihom l-evalwaturi u skonthom tapprova d-deċiżjoni. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Komunikazzjoni stabilit bl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-Reġistru Ewropew tad-Dominji tal-Internet (EURid) għandu jkun ir-Reġistru tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu li jieħu ħsieb l-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-immaniġġjar tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu.
Artikolu 2
Il-Kummissjoni għandha tagħmel kuntratt mar-Reġistru Ewropew tad-Dominji tal-Internet (EURid) li jispeċifika l-kundizzjonijiet li skonthom il-Kummissjoni tissorvelja kif ir-Reġistru qed jorganizza, jamministra u jimmaniġġja d-Dominju tal-Ogħla Livell .eu, skont l-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 733/2002.
Għall-ewwel il-kuntratt għandu jsir għal ħames snin u jista' jiġġedded darbtejn għal mhux aktar minn ħames snin kull darba.
Artikolu 3
Titħassar id-Deċiżjoni 2003/375/KE.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta' April 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 113, 30.4.2002, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/375/KE tal-21 ta' Mejju 2003 dwar il-ħatra tar-Reġistru tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu (ĠU L 128, 24.5.2003, p. 29).
(3) Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks tal-komunikazzjoni u servizzi elettroniċi (OJ L 108, 24.4.2002, p. 33).