|
30.6.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 163/53 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1028
tas-26 ta' Ġunju 2015
li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/88/UE li tissospendi temporanjament l-importazzjonijiet mill-Bangladexx ta' oġġetti tal-ikel li fihom il-weraq Betel (“Piper betle”) jew li jikkonsistu minnu, fir-rigward tal-perjodu ta' applikazzjoni tagħha
(notifikata bid-dokument C(2015) 4187)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (1), u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel, u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(i) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/88/UE (2) ġiet adottata wara għadd kbir ta' notifiki kienu trażmessi lis-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF) minħabba l-preżenza ta' firxa wiesgħa ta' razez tal-mikrobu tas-salmonella, inkluża s-salmonella typhimurium, misjuba f'oġġetti tal-ikel. Dan huwa t-tieni serotip l-aktar irrappurtat f'każijiet fil-bniedem u nstabu prevalenzi għolja f'oġġetti tal-ikel li fihom jew jikkonsistu mill-weraq tal-betel (“Piper betle”, magħrufa b'mod aktar komuni bħala “Paan leaf” jew “Betel quid”) mill-Bangladexx. Mill-2011, ir-Renju Unit irrapporta bosta tifqigħat ta' avvelenament tas-salmonella mill-weraq tal-betel. Barra minn hekk, huwa probabbli li mhux il-każijiet kollha jiġu rrapurtati fl-Unjoni. |
|
(2) |
B'konformità ma' dan, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/88/UE tipprojbixxi l-importazzjoni fl-Unjoni ta' oġġetti tal-ikel li fihom jew jikkonsistu mill-weraq tal-betel mill-Bangladexx sal-31 ta' Lulju 2014. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/510/UE (3) estendiet il-perjodu ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2014/88/UE sat-30 ta' Ġunju 2015. |
|
(4) |
Il-pjan ta' azzjoni ppreżentat mill-Bangladexx f'Mejju 2015 mhix kompluta u ma hemm l-ebda garanzija dwar l-applikazzjoni u l-infurzar effettivi tagħha. Il-projbizzjoni awtoimposta fuq l-esportazzjoni tal-weraq tal-betel introdotta mill-Bangladexx f'Mejju 2013 tibqa' fis-seħħ. Madankollu, din ma tatx prova li hi effettiva għalkollox u mill-adozzjoni tagħha ir-RASFF irċiviet rapporti dwar 25 każ ta' tentattiv ta' importazzjoni tal-weraq tal-betel fl-Unjoni. Għalhekk, ma jistax jiġi konkluż li l-garanziji mogħtija mill-Bangladexx huma biżżejjed biex jindirizzaw ir-riskji serji għas-saħħa tal-bniedem. Il-miżuri ta' emerġenza stabbiliti bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/88/UE għalhekk għandhom jibqgħu fis-seħħ. |
|
(5) |
Il-perjodu ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/88/UE għalhekk għandu jerġa' jiġi estiż. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/88/UE huwa sostitwit b'dan li ġej:
“Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni tapplika sat-30 ta' Ġunju 2016.”
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Ġunju 2015.
Għall-Kummissjoni
Vytenis ANDRIUKAITIS
Membru tal-Kummissjoni
(2) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/88/UE tat-13 ta' Frar 2014 li tissospendi temporanjament l-importazzjonijiet mill-Bangladexx ta' oġġetti tal-ikel li fihom il-weraq Betel (“Piper betle”) jew li jikkonsistu minnu (ĠU L 45, 15.2.2014, p. 34).
(3) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/510/UE tad-29 ta' Lulju 2014 temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/88/EU li tissospendi temporanjament l-importazzjonijiet mill-Bangladexx ta' oġġetti tal-ikel li fihom il-weraq betel (“Piper betle”) jew li jikkonsistu minnu fir-rigward tal-perjodu ta' applikazzjoni tiegħu (ĠU L 228, 31.7.2014, p. 33).