24.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 474/146


P9_TA(2021)0090

Id-drittijiet tat-tfal

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2021 dwar id-drittijiet tat-tfal fid-dawl tal-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (2021/2523(RSP))

(2021/C 474/16)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989,

—

wara li kkunsidra l-Kummenti Ġenerali tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (1),

—

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tan-NU għall-Kura Alternattiva tat-Tfal (2),

—

wara li kkunsidra l-Istudju Globali tan-NU dwar it-Tfal Imċaħħda mil-Libertà ta' Lulju 2019,

—

wara li kkunsidra s-sommarju tal-politika tan-NU tal-15 ta' April 2020 bit-titolu “The impact of COVID-19 on children” (L-impatt tal-COVID-19 fuq it-tfal), u r-rispons pożittiv immexxi b'mod konġunt mill-UE u l-Grupp ta' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew (GRULAC) u ffirmat minn 173 pajjiż,

—

wara li kkunsidra r-rispons ta' politika tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) tad-19 ta' Ottubru 2020 bit-titolu “What is the impact of the COVID-19 pandemic on immigrants and their children?” (X'inhu l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-immigranti u t-tfal tagħhom?),

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tal-1 ta' Frar 2012 dwar iż-żieda fl-anti-Żingariżmu u l-vjolenza razzista kontra r-Rom fl-Ewropa,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) u 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

—

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”),

—

wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija (3) (“Direttiva dwar l-Abbuż Sesswali fuq it-Tfal”),

—

wara li kkunsidra d-direttivi tal-UE dwar id-drittijiet proċedurali (4),

—

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu “L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ” (5),

—

wara li kkunsidra s-Sena Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tat-Tħaddim tat-Tfal 2021 u l-approċċ ta' tolleranza żero tal-Kummissjoni lejn it-tħaddim tat-tfal,

—

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' April 2017 dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti (6),

—

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2017 dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti,

—

wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni adottati bil-għan li tinħoloq Unjoni għall-Ugwaljanza, f'konformità mal-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss għal bejn l-2019 u l-2024 (7),

—

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ġunju 2020 bit-titolu “Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025)” (8),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2019 dwar id-drittijiet tat-tfal fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (9),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti (10),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-ħtieġa li jissaħħaħ il-Qafas Strateġiku tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Inklużjoni tar-Rom wara l-2020 u li tiġi intensifikata l-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu (11),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 bit-titolu "Implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom: nikkumbattu l-attitudnijiet negattivi fil-konfront ta' persuni ta' oriġini Romani fl-Ewropa (12),

—

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar id-drittijiet tat-tfal fid-dawl tal-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (O-000007/2021– B9-0007/2021),

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

A.

billi t-tfal huma l-ewwel u qabel kollox tfal, irrispettivament mill-oriġini etnika, mill-ġeneru, min-nazzjonalità, mill-isfond soċjali u ekonomiku, mill-kapaċità, mill-istatus ta' immigrant jew ta' residenza, jeħtieġu protezzjoni speċjali u huma intitolati għad-drittijiet kollha mnaqqxa fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

B.

billi l-aħjar interessi tat-tfal iridu jkunu kunsiderazzjoni primarja fl-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernawhom u l-benessri fiżiku u mentali tagħhom;

C.

billi t-tfal għandhom id-dritt għal edukazzjoni bikrija tat-tfal inklużiva u għall-but ta' kulħadd, kura ta' kwalità tajba, u divertiment; billi t-tfal, b'mod partikolari t-tfal minn ambjenti żvantaġġati, għandhom id-dritt għall-protezzjoni mill-faqar u għal miżuri speċifiċi biex jissaħħu l-opportunitajiet indaqs u jiġu miġġielda d-diskriminazzjoni u s-segregazzjoni fl-edukazzjoni; billi l-investiment fl-iżvilupp tat-tfulija bikrija jġib miegħu dħul għoli mil-lat ekonomiku u soċjali;

D.

billi qabel it-tifqigħa tal-COVID-19, it-tfal kellhom probabbiltà darbtejn akbar mill-adulti li jkunu qed jgħixu f'faqar estrem (13); billi bħala konsegwenza tal-pandemija, huwa stmat li l-għadd ta' tfal li jgħixu taħt il-limiti tal-faqar nazzjonali rispettivi tagħhom jista' jogħla b'madwar 117-il miljun, u madwar 150 miljun tifel u tifla oħra qed jgħixu f'faqar multidimensjonali (14); billi l-pandemija attwali kompliet taggrava l-inugwaljanzi u żiedet ir-riskju li t-tfal jispiċċaw f'faqar estrem, b'paragun mal-perjodu ta' qabel il-COVID-19, fejn 1 minn kull 4 itfal fl-Ewropa kien jew kienet diġà f'riskju ta' faqar;

E.

billi sa 1,6 biljun tifel u tifla madwar id-dinja ġew affettwati mill-għeluq tal-iskejjel bħala riżultat tal-pandemija attwali tal-COVID-19 u huwa stmat li mill-anqas 24 miljun student jistgħu jitilqu mill-iskola b'riżultat ta' dan (15); billi 370 miljun tifel u tifla madwar id-dinja – li ħafna minnhom jiddependu minn ikliet fl-iskejjel bħala sors ewlieni tan-nutrizzjoni tagħhom ta' kuljum – tilfu 40 % tal-ikliet fl-iskola, bħala medja, peress li r-restrizzjonijiet tal-COVID-19 wasslu għall-għeluq tal-klassijiet (16); billi t-tfal, b'mod partikolari l-bniet u t-tfal b'diżabilità, minn ambjenti soċjoekonomikament żvantaġġati huma affettwati b'mod partikolari mill-impatt tal-għeluq tal-iskejjel u l-miżuri li llimitaw l-aċċess għall-edukazzjoni, kemm fl-iskejjel kif ukoll bl-apprendiment mill-bogħod;

F.

billi d-dritt għall-edukazzjoni ġie milqut b'mod gravi mill-COVID-19; billi, filwaqt li l-politika tal-edukazzjoni tibqa' kompetenza tal-Istati Membri, il-pandemija tal-COVID-19 u l-inugwaljanzi li kkawżat fl-edukazzjoni jippreżentaw sfida komuni li titlob approċċ, politiki u għodod komuni tal-Unjoni;

G.

billi r-riċerka tal-Eurostat (17) turi li fl-2018 88,3 % tat-tfal fl-UE ta' bejn it-tliet snin u l-età minima obbligatorja tal-iskola rċevew kura formali għat-tfal, li juri l-ħtieġa dejjem tikber li jiġu stabbiliti aktar faċilitajiet tal-kura matul il-jum għat-tfal bħala għodda importanti għall-iżvilupp konjittiv u soċjali tat-tfal minn età bikrija;

H.

billi l-edukazzjoni fid-djar għadha mhijiex opzjoni għal aktar minn żewġ terzi tat-tfal madwar id-dinja minħabba nuqqas ta' aċċess għall-internet; billi l-edukazzjoni fid-djar enfasizzat il-qasmiet edukattivi u diġitali f'ħafna Stati Membri tal-UE u madwar id-dinja, li għandhom impatt fuq l-opportunitajiet tal-ħajja tat-tfal kif ukoll fuq is-saħħa fiżika u mentali tagħhom, u billi l-bniet u ż-żgħażagħ f'sitwazzjonijiet vulnerabbli u minn gruppi ddiskriminati minħabba r-razza huma partikolarment affettwati mill-qasma diġitali;

I.

billi madwar id-dinja, waħda minn kull erbat ibniet ta' bejn il-15 u d-19-il sena mhijiex qed tistudja, taħdem jew titħarreġ, meta mqabbla ma' wieħed minn kull 10 subien; billi l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bniet huma ċentrali biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (18);

J.

billi jidher li t-tfal ħelsuha mill-aktar konsegwenzi serji fuq is-saħħa tal-pandemija globali attwali; billi l-kriżi tal-COVID-19, madankollu, qed tkun ta' piż kbir fuq it-tfal, u qed toħloq theddida dejjem akbar u diretta għall-benesseri u l-iżvilupp tagħhom, inkluż fir-rigward tas-saħħa mentali tagħhom; billi t-tfal minn ambjenti żvantaġġati, minorenni mhux akkumpanjati, u tfal li jappartjenu għal minoranzi bħal tfal Rom huma partikolarment affettwati; billi sal-lum, huwa stmat li 1,2 miljun tifel u tifla oħra u 56 700 omm jistgħu jmutu fi żmien 6 xhur minħabba tfixkil f'interventi bażiċi bħall-kopertura tas-servizzi tas-saħħa ta' rutina; billi aċċess insuffiċjenti għas-servizzi tal-kura tas-saħħa jista' jaffettwa l-oqsma kollha tal-ħajja (19);

K.

billi kien hemm żieda fir-rata ta' suwiċidji f'ħafna Stati Membri tal-UE; billi fi stħarriġ riċenti fost iż-żgħażagħ fl-UE, kważi 1 minn kull 5 wieġbu li sofrew minn problemi ta' saħħa mentali jew sintomi bħal dipressjoni jew ansjetà (20); billi n-NU wissew dwar kriżi globali tas-saħħa mentali, u li n-nuqqas ta' azzjoni jista' jwassal għal spiża soċjali u ekonomika devastanti fit-tul għas-soċjetà, bit-tfal u l-adolexxenti fost dawk l-aktar f'riskju (21);

L.

billi n-nuqqasijiet fis-sistemi nazzjonali tal-protezzjoni tat-tfal u n-nuqqas ta' mekkaniżmi ta' kooperazzjoni tranżnazzjonali fost l-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu aktar għall-esklużjoni soċjali, kif ukoll għall-isfruttament tat-tfal, b'mod partikolari t-tfal li jkunu qed jiċċaqilqu; billi ġiet irrappurtata xi diskriminazzjoni bħala riżultat tal-proċeduri u l-prattiki adottati mill-awtoritajiet f'tilwim transfruntier fil-familji li jinvolvi t-tfal (22); billi l-hotlines jirrappurtaw ukoll żieda fin-numru ta' sejħiet relatati ma' każijiet ta' ħtif tat-tfal, speċjalment matul dawn l-aħħar xhur, minħabba l-aggravament ta' kunflitti internazzjonali eżistenti li jinvolvu l-familji;

M.

billi skont l-aktar rapport riċenti tal-Kummissjoni dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin (23), it-tfal kienu jammontaw għal kważi kwart tal-vittmi rreġistrati kollha fl-Istati Membri kollha;

N.

billi 152 miljun tifel u tifla huma involuti fit-tħaddim tat-tfal madwar id-dinja u madwar 73 miljun minn dawn it-tfal huma soġġetti għal waħda mill-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal: skjavitù, xogħol furzat, xogħol perikoluż jew sfruttament sesswali (24); billi l-Kummissjoni ddikjarat it-“tolleranza żero fuq it-tħaddim tat-tfal” bħala prijorità politika li trid tiġi rispettata;

O.

billi waħda minn kull tlett ibniet tesperjenza l-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF) u waħda minn kull ħamsa tiġi miżżewġa waqt li tkun għadha tifla; billi l-MĠF hija rikonoxxuta internazzjonalment bħala ksur tad-drittijiet tal-bniedem; billi ż-żwieġ tat-tfal għadu kwistjoni f'xi Stati Membri u għandu impatt devastanti fuq id-drittijiet u s-saħħa tal-bniet u tan-nisa, filwaqt li huwa riskju serju għall-kumplikazzjonijiet fit-tqala u jesponi lill-bniet għall-abbuż sesswali, il-vjolenza domestika u saħansitra għall-qtil tal-unur;

P.

billi bħala riżultat tal-pandemija u bħala konsegwenza tal-lockdown, il-vjolenza domestika u dik abbażi tal-ġeneru u, skont l-aktar rapport riċenti tal-Europol (25), l-abbuż sesswali tat-tfal u l-isfruttament online kemm fuq is-surface web kif ukoll fuq id-dark web żdiedu fl-UE; billi bejn 70 % u 85 % tat-tfal li sofrew abbuż jafu lill-persuna li abbużathom, u l-maġġoranza l-kbira huma vittmi ta' persuni li jafdaw (26); billi riskji oħra marbuta ma' perjodi itwal ta' żmien imqatta' fuq l-internet, bħall-bullying ċibernetiku, kibru wkoll minħabba dawn il-miżuri;

Q.

billi t-tfal b'diżabilitajiet huma vulnerabbli u jistgħu jiffaċċjaw esklużjoni soċjali, marġinalizzazzjoni, diskriminazzjoni u aċċess imnaqqas għas-servizzi; billi huwa aktar probabbli li dawn jiġu ttraskurati, sfruttati jew abbużati sesswalment; billi t-tfal b'diżabilitajiet għandhom bżonnijiet akbar fil-kura tas-saħħa u dipendenza akbar minn servizzi bbażati fil-komunità (27);

R.

billi fl-2019, 30,3 % tal-applikanti għall-ażil kienu tfal, li jirrappreżentaw 207 215 tifel u tifla fl-UE; billi 7,1 % minn dawn kienu minorenni mhux akkumpanjati (28); billi ħafna tfal huma esposti għal sitwazzjonijiet umanitarji inaċċettabbli fil-fruntieri esterni tal-UE, jew barra mill-UE; billi t-tfal mhux akkumpanjati jirrappreżentaw grupp vulnerabbli ħafna u jiffaċċjaw diversi riskji, inkluż li jkunu vittmi ta' networks kriminali, vjolenza, abbuż u sfruttament tul ir-rotot migratorji lejn l-UE u fiha (29); billi t-tfal migranti spiss jiġu mċaħħda mill-aċċess għal miżuri ta' integrazzjoni u inklużjoni, protezzjoni u sigurtà soċjali; billi t-tfal mhux akkumpanjati li jfittxu ażil li jagħlqu t-18-il sena jiffaċċjaw sfidi partikolari peress li ħafna drabi jkollhom jitilqu mill-akkomodazzjoni tagħhom speċifika għat-tfal; billi t-tfal li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali jistgħu jsofru minħabba dewmien fil-ħruġ tad-deċiżjoni finali;

S.

billi hemm lakuni u nuqqasijiet sinifikanti fl-implimentazzjoni tas-salvagwardji speċjali u l-garanziji proċedurali għat-tfal stabbiliti fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, b'varjazzjonijiet bejn l-Istati Membri, pereżempju fil-possibbiltà li t-tfal jibqgħu mal-membri tal-familja u/jew il-kustodji tagħhom f'kuntest mhux ta' kustodja, u b'mod partikolari fir-riunifikazzjoni tal-familja skont id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE (30), il-kundizzjonijiet ta' akkoljenza, il-ħatra ta' rappreżentanti legali u kustodji, u l-aċċess għal informazzjoni adattata għat-tfal, is-servizzi tas-saħħa u s-servizzi soċjali u l-edukazzjoni;

T.

billi t-tfal għadhom jitwieldu apolidi, inkluż fl-UE, u jkomplu jiġu esklużi mill-aċċess għad-drittijiet bażiċi; billi huwa stmat li madwar 200 miljun tifel u tifla madwar id-dinja ma għandhomx ċertifikat tat-twelid, li jżid ir-riskju ta' apolidija u jpoġġihom fi żvantaġġ serju fl-aċċess għad-drittijiet u s-servizzi; billi d-dritt tat-tfal li jiksbu nazzjonalità u li jiġu rreġistrati immedjatament wara t-twelid huwa minqux fl-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-tfal;

U.

billi t-tfal huma fost l-aktar vulnerabbli għall-impatt tat-tibdil fil-klima, li qed jaffettwa l-istennija tal-għomor tagħhom, saħħithom, id-dritt tagħhom għall-edukazzjoni u d-dritt tagħhom li jiġu protetti, u qed jikkawża spostament f'reġjuni suxxettibbli għal diżastri naturali; billi r-riskji ambjentali huma responsabbli għal mewta waħda ta' tifel jew tifla minn kull erba' (31);

V.

billi l-parteċipazzjoni tat-tfal għadha skarsa fit-tfassil tal-politika interna u esterna tal-UE; billi għandhom jiġu implimentati modi sistematiċi biex il-parteċipazzjoni tat-tfal ibbażata fuq id-drittijiet tiġi inkorporata fit-tfassil tal-politika fil-livell tal-UE, nazzjonali u lokali; billi t-tfal għandhom id-dritt li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika u fid-deċiżjonijiet li jaffettwawhom direttament jew indirettament; billi l-gruppi l-aktar emarġinati u esklużi għandhom saħansitra inqas opportunitajiet biex jipparteċipaw fil-proċessi ta' politika u ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

W.

billi għadd sinifikanti ta' tfal għadhom qed jiġu detenuti fl-UE; billi l-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal ikkjarifika li t-tfal qatt ma għandhom jiġu detenuti għall-finijiet ta' immigrazzjoni, u li d-detenzjoni qatt ma tista' tiġi ġustifikata bħala li ssir fl-aħjar interessi tal-minuri, f'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti tad-19 ta' Settembru 2016; billi l-Istati Membri jridu jipprovdu alternattivi adegwati, umani u mhux ta' kustodja għad-detenzjoni, inkluż l-iżgurar li l-miżuri tal-COVID-19 qatt ma jwasslu għad-detenzjoni tat-tfal; billi l-Istati Membri għandhom jiġbru b'mod sistematiku data diżaggregata dwar id-detenzjoni tat-tfal fil-kuntest tal-migrazzjoni, filwaqt li l-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi l-komparabbiltà ta' tali data permezz tal-Eurostat;

X.

billi t-tfal imqiegħda f'istituzzjonijiet magħluqa ġew affettwati b'mod partikolari mill-pandemija; billi l-miżuri ta' konfinament jaggravaw il-vulnerabbiltà tat-tfal li jgħixu f'istituzzjonijiet tal-kura psikjatrika u soċjali, f'orfanatrofji, f'kampijiet tar-rifuġjati, f'ċentri ta' detenzjoni u f'faċilitajiet magħluqa oħra; billi l-każijiet ta' vjolenza kontra t-tfal ikkonfinati f'dawn il-postijiet x'aktarx li ma jiġux identifikati u s-servizzi soċjali tat-tfal u tal-familja jkunu mgħobbija żżejjed u mfixkla;

Y.

billi r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (32) jirrikonoxxi li t-tfal jistħoqqilhom protezzjoni speċifika fir-rigward tad-data personali tagħhom u li jirrikjedu informazzjoni dwar id-data tagħhom li għandha tiġi ppreżentata lilhom f'lingwa li tkun adattata għat-tfal; billi l-aċċess tat-tfal għall-pjattaformi tal-midja soċjali jrid jimxi id f'id mal-fehim imtejjeb tagħhom tat-teknoloġiji diġitali; billi l-promozzjoni tal-edukazzjoni, il-litteriżmu u l-ħiliet diġitali hija essenzjali biex jiġi mrażżan l-użu ħażin tal-midja soċjali, b'mod partikolari fil-każ ta' utenti taħt l-età li jaċċessaw pjattaformi li ma jirrikjedux verifika tal-età, fl-interess tal-protezzjoni ta' gruppi vulnerabbli, b'mod partikolari t-tfal;

1.

Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tħejji strateġija komprensiva ġdida dwar id-drittijiet tat-tfal, għaxar snin wara l-Aġenda tal-UE tal-2011 dwar id-Drittijiet tat-Tfal; jitlob li jkun hemm proposti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi adegwati u strumenti tal-UE vinkolanti u mhux vinkolanti biex jiġu indirizzati l-isfidi li jiffaċċjaw it-tfal;

2.

Jisħaq li minuri huwa l-ewwel u qabel kollox minuri, irrispettivament mill-oriġini etnika, mill-ġeneru, min-nazzjonalità jew mill-ambjent soċjali u ekonomiku, mill-kapaċità, mill-istatus ta' immigrant jew ta' residenza, u li l-aħjar interessi tal-minuri jridu jkunu mnaqqxa fil-politiki, fil-proċeduri u fl-azzjonijiet kollha tal-UE li jikkonċernaw it-tfal;

3.

Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tinkludi fl-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal id-dispożizzjonijiet kollha stabbiliti fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2019 dwar id-drittijiet tat-tfal fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

4.

Jisħaq li l-Istrateġija tal-UE trid tieħu approċċ ta' bilanċ bejn il-ġeneri, filwaqt li tintegra perspettiva tal-ġeneru fis-setturi kollha ta' programmazzjoni, timmira l-benesseri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bniet, tindirizza l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom u tirrikonoxxi d-drittijiet tagħhom;

5.

Jisħaq li l-Istrateġija għandha tistieden lill-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal; jistieden lill-Istati Membri, barra minn hekk, jindirizzaw l-inugwaljanzi strutturali u jagħtu prijorità lill-investiment pubbliku fl-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni, l-appoġġ għall-familja u l-kura tat-tfal, u jinvestu f'servizzi universali ta' kwalità għolja li jilħqu lit-tfal kollha; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kapaċitajiet tal-forza tax-xogħol tas-servizz soċjali sabiex jappoġġjaw lit-tfal u lill-familji li qed jiffaċċjaw sfidi speċjali u biex jappoġġjaw lill-operaturi tal-ewwel linja fis-servizzi tal-protezzjoni tat-tfal;

6.

Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu d-dritt għall-edukazzjoni għat-tfal kollha u jistabbilixxu miżuri biex jiġi miġġieled u evitat it-tluq bikri mill-iskola u biex jiġi żgurat aċċess ekwu bejn il-ġeneri għal edukazzjoni inklużiva u ta' kwalità mit-tfulija bikrija sal-adolexxenza, inkluż għal tfal Rom, tfal b'diżabilità, tfal apolidi u migranti u dawk li jgħixu f'ambjenti ta' emerġenza umanitarja;

7.

Jenfasizza li l-edukazzjoni diġitali qatt ma għandha tissostitwixxi b'mod permanenti l-apprendiment fuq il-post, b'mod partikolari fejn l-aċċess għat-teknoloġiji huwa limitat, u għandha tintuża biss fi żminijiet ta' diffikultà kbira bħall-pandemiji, jew b'mod li jkun komplementari għall-apprendiment fuq il-post, wiċċ imb wiċċ; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni bir-reqqa ta' kif id-dritt għall-edukazzjoni ġie affettwat mill-kriżi u tipproponi rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri bbażati fuq ir-riżultati ta' din l-analiżi;

8.

Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu operazzjonijiet speċifiċi ta' “skola sikura”, inkluż il-forniment ta' provvisti tal-iġjene u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni b'mod adattat għat-tfal dwar il-ħasil tal-idejn u miżuri oħra ta' iġjene matul il-pandemija tal-COVID-19;

9.

Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu d-dritt għall-edukazzjoni inklużiva u jiżguraw aċċess għal informazzjoni komprensiva u adattata għall-età dwar is-sess u s-sesswalità, u aċċess għall-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva u l-edukazzjoni dwar ir-relazzjonijiet; ifakkar li l-edukazzjoni f'dan il-qasam hija meħtieġa biex tiġi żgurata l-edukazzjoni u l-protezzjoni sħiħa tat-tfal, f'konformità mal-aktar rapport riċenti tal-Kummissjoni;

10.

Itenni t-talba tiegħu lill-UE biex iżżid l-azzjoni tagħha biex ittemm kull forma ta' vjolenza u diskriminazzjoni kontra t-tfal, inkluża vjolenza fiżika, sesswali, ekonomika u psikoloġika, korriment, abbuż, negliġenza, trattament ħażin u sfruttament kemm online kif ukoll offline, żwieġ sfurzat, traffikar, abbuż u sfruttament tat-tfal migranti, tortura, qtil tal-unur, MĠF, inċest, it-tluq furzat mill-iskola u l-użu tat-tfal bħala suldati; jisħaq li, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fir-rigward tal-protezzjoni tat-tfal mill-vjolenza, mit-traffikar u mill-isfruttament, il-proposti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi kollha li jikkonċernaw id-drittijiet tat-tfal għandhom iqisu l-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika skeda dwar proposti bħal dawn, filwaqt li tiżgura l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħha permezz ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ xieraq u effiċjenti;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtemmu, fil-liġi u fil-prattika, it-tħaddim kollu tat-tfal u kull forma oħra ta' xogħol li tista' tkun ta' ħsara għas-saħħa u s-sikurezza tat-tfal; jisħaq li l-ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata din il-kwistjoni, meta jitqies l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq dawk l-aktar vulnerabbli li ġew affettwati minn xokkijiet fl-introjtu u nuqqas ta' aċċess għall-protezzjoni soċjali, li minħabba fih aktar tfal qed jiġu mġiegħla jaħdmu; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tinkorpora d-drittijiet tat-tfal fil-qafas ta' governanza sostenibbli tal-UE li ġej, inklużi r-rekwiżiti obbligatorji tal-UE dwar id-diliġenza dovuta, u tappoġġja lill-pajjiżi terzi fl-eliminazzjoni tat-tħaddim tat-tfal permezz ta' programmi ta' kooperazzjoni; jirrakkomanda l-adozzjoni ta' diliġenza dovuta obbligatorja u transsettorjali u l-iżgurar li l-politiki kollha tal-UE jkunu adattati għat-tfal billi jimpenjaw ruħhom li jwettqu kontrolli ex ante u ex post tad-drittijiet tal-bniedem;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) jintensifikaw l-isforzi biex jiġi evitat u mitmum il-ksur serju kontra t-tfal affettwati minn konflitt armat; jinsab ferm imħasseb mill-fatt li l-assoċjazzjoni tat-tfal ma' gruppi armati u r-reklutaġġ tagħhom fihom spiss isseħħ meta t-tfal ma jkollhomx alternattivi oħra; jisħaq fuq l-importanza li l-aġenda tat-tfal u l-konflitti armati (CAAC) titmexxa 'l quddiem fil-politiki tal-UE dwar l-azzjoni esterna u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u s-sigurtà, f'konformità mal-pjan ta' azzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, li jintegraha fi djalogi politiċi, missjonijiet u operazzjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK), riformi u medjazzjoni fis-settur tas-sigurtà; jistieden lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ jaħtru uffiċjali u jistabbilixxu unitajiet speċjali għall-protezzjoni tat-tfal fid-Delegazzjonijiet tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jipproteġu lit-tfal li huma ċittadini li jistgħu jiġu detenuti għal reati relatati mas-sigurtà jew assoċjazzjoni ma' gruppi armati, u jiffaċilitaw ir-ritorn tagħhom lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom għar-riabilitazzjoni, ir-riintegrazzjoni u/jew il-prosekuzzjoni, kif xieraq, f'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali;

13.

Jisħaq li l-protezzjoni tat-tfal mill-isfruttament u l-abbuż sesswali hija essenzjali; jiddeplora l-fatt li d-Direttiva dwar l-Abbuż Sesswali fuq it-Tfal għadha ma ġietx implimentata minn 23 Stat Membru; jinnota l-enfasi tal-Kunsill tal-Ewropa fuq il-kooperazzjoni bejn diversi partijiet ikkonċernati bħala l-bażi għar-rispons kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online, li tinkludi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet nazzjonali, il-mekkaniżmi tar-rappurtar u l-fornituri tas-servizzi/l-industrija; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi qafas leġiżlattiv li jdum aktar biex jiġi miġġieled l-abbuż sesswali tat-tfal fl-ewwel semestru tal-2021; itenni l-appoġġ tiegħu għall-ħolqien ta' ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal, possibbiltà li bħalissa qed tiġi vvalutata mill-Kummissjoni; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tal-Europol fil-prevenzjoni, jiġifieri l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni tagħha biex jiġi evitat l-isfruttament sesswali tat-tfal online (33), (34);

14.

Jisħaq li l-vjolenza u l-abbuż kontra t-tfal żdiedu b'mod inkwetanti, filwaqt li s-servizzi soċjali u l-istituzzjonijiet protettivi saru ferm inaċċessibbli matul il-pandemija tal-COVID-19; jissottolinja l-importanza li jiġu żviluppati politiki preventivi biex tiġi miġġielda l-vjolenza kontra t-tfal fil-livell tal-UE; jenfasizza r-rwol tal-aġenziji u l-korpi tal-UE fl-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv tal-UE rigward id-drittijiet tat-tfal; jistieden lill-Kummissjoni biex fl-Istrateġija tinkorpora pjan ta' azzjoni tal-UE bi standards u punti ta' riferiment għall-fornituri tas-servizzi online u l-kumpaniji tat-teknoloġija biex it-tfal jinżammu sikuri fuq l-internet, lil hinn mill-protezzjoni tagħhom milli jkunu s-suġġetti għal kontenut illegali u biex jinżammu sikuri minn kontenut ta' ħsara; jistieden lill-Istati Membri kollha li għadhom ma għamlux dan biex jikkriminalizzaw il-grooming online u s-cyberstalking;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istrateġija tal-UE tkun konsistenti mal-prijoritajiet u l-proposti leġiżlattivi stabbiliti fl-Istrateġija riċenti tal-UE għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal, il-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni, l-Istrateġija Ewropea dwar il-Ġeneri kif ukoll l-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ għall-2020-2025;

16.

Jemmen li huwa kruċjali li fl-Istrateġija tal-UE jiġu inklużi miżuri konkreti biex isir investiment fit-tfal sabiex jinqered il-faqar fost it-tfal, inkluż l-istabbiliment ta' Garanzija Ewropea għat-Tfal b'riżorsi xierqa; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposta tagħha għall-istabbiliment tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal fl-ewwel kwart tal-2021, f'konformità mal-impenn tagħha, u jistieden lill-Istati Membri jħaffu l-implimentazzjoni tagħha u jinvestu r-riżorsi kollha possibbli, inklużi l-fondi tal-UE bħall-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), l-Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (ReactEU), il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), l-InvestUE, l-Erasmus+ u l-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil (AMF), fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kemm strateġiji nazzjonali pluriennali biex jiġu indirizzati l-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali kif ukoll pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali ta' Garanzija għat-Tfal;

17.

Huwa jinsab imħasseb li fil-kuntest tal-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19, il-ħtieġa li jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal se tiżdied u li l-faqar se jkollu impatt dejjem akbar fuq it-tfal bħala l-aktar grupp vulnerabbli fost l-aktar żvantaġġati; iħeġġeġ li l-Istrateġija tal-UE tkun ikkomplementata minn strateġija komprensiva kontra l-faqar li tinkludi miżuri li jiżguraw akkomodazzjoni diċenti u għall-but ta' kulħadd u li jindirizzaw il-problema tal-persuni mingħajr dar; ifakkar li kwalunkwe strateġija biex jinqered il-faqar fost it-tfal trid tqis ir-realtà tal-ġenituri waħedhom u l-familji b'għadd kbir ta' tfal, minħabba li l-familji b'ġenitur wieħed u l-unitajiet domestiċi b'ħafna tfal huma fost il-gruppi vulnerabbli fis-soċjetà;

18.

Jisħaq fuq l-importanza li l-Istrateġija tal-UE tintroduċi miżuri li jiżguraw aċċess tajjeb għall-kura tas-saħħa għat-tfal u l-familji, f'konformità mal-programm l-UE għas-Saħħa, filwaqt li jitqiesu d-diffikultajiet li t-tfal għandhom biex jaċċessaw dan id-dritt;

19.

Jisħaq li huwa importanti li l-Istrateġija tal-UE tintroduċi miżuri biex jiġi aġġornat il-qafas eżistenti tal-UE għal azzjoni dwar is-saħħa u l-benesseri mentali, li għandu jkun kompletament inklużiv, sabiex jiġu ssodisfati wkoll il-bżonnijiet tat-tfal f'sitwazzjonijiet vulnerabbli u minn gruppi emarġinati u ddiskriminati minħabba r-razza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-investimenti fis-servizzi tas-saħħa mentali u psikosoċjali għat-tfal u l-familji, b'mod partikolari f'pajjiżi b'introjtu baxx u medju u f'kuntesti fraġli u umanitarji; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi għall-identifikazzjoni bikrija ta' kwistjonijiet ta' saħħa mentali; jitlob l-integrazzjoni sħiħa tal-appoġġ psikosoċjali u mentali fis-sistemi nazzjonali u tranżnazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal, kif ukoll għat-taħriġ tal-professjonisti dwar il-bżonnijiet speċifiċi tat-tfal;

20.

Itenni l-appell tiegħu biex tiġi żgurata sistema ġudizzjarja li tkun adattata għat-tfal bi proċedimenti xierqa u inklużivi li jqisu l-bżonnijiet tat-tfal kollha; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat id-dritt tat-tfal li jinstemgħu, li jkunu assistiti minn rappreżentant legali u li jkunu infurmati b'mod adattat għat-tfal fl-istadji kollha tal-proċedimenti fis-sistema ġudizzjarja, f'konformità mal-Artikoli 4 u 16 tad-Direttiva (UE) 2016/800 u mal-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2012/29/UE (35), inkluż għat-tfal fil-migrazzjoni, b'enfasi partikolari fuq il-minuri mhux akkumpanjati; jistieden lill-Istati Membri jittrasponu malajr u jinfurzaw id-direttivi; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-qrati tat-tfal u tal-familja jiffunzjonaw bħala servizz essenzjali, filwaqt li jkomplu jorganizzaw seduti ta' smigħ ta' emerġenza u jeżegwixxu l-ordnijiet tal-qorti għall-kura u l-protezzjoni tat-tfal li jkunu f'riskju immedjat ta' negliġenza jew abbuż; ifakkar li għandhom jiġu stabbiliti salvagwardji speċifiċi għat-tfal li jiġu f'kuntatt ma' kwalunkwe proċediment ġudizzjarju jew relatat u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi mħarreġ persunal speċjalizzat;

21.

Jinnota b'dispjaċir li 11 mis-27 Stat Membru ma pprovdewx aċċess għal informazzjoni mmirata online għat-tfal dwar is-sistema ġudizzjarja, bħall-edukazzjoni interattiva dwar id-drittijiet ġuridiċi, u jistieden lill-Istati Membri kollha jiżguraw li t-tfal ikunu jistgħu jaċċessaw din l-informazzjoni b'mod adattat għalihom, filwaqt li jqisu kwalunkwe diżabilità li tista' xxekkel l-aċċess (36);

22.

Jenfasizza l-importanza tal-aħjar interessi tat-tfal fit-tilwim transfruntier fil-familji; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jissodisfaw l-obbligi tagħhom kif stipulat fir-Regolament Brussell II Bis (37), u biex l-awtoritajiet nazzjonali jirrikonoxxu u jinfurzaw sentenzi mogħtija fi Stat Membru ieħor f'każijiet relatati mat-tfal, bħal sentenzi ta' kustodja, drittijiet ta' aċċess u obbligi ta' manteniment; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib u komunikazzjoni effiċjenti bejn l-awtoritajiet nazzjonali u lokali differenti involuti fil-proċedimenti għall-kura tat-tfal; jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw id-dritt tat-tfal li jaraw lill-ġenituri tagħhom minkejja l-miżuri restrittivi marbuta mal-pandemija, sakemm dan ma jipperikolax is-sikurezza u s-saħħa tagħhom;

23.

Jitlob lill-UE, lill-aġenziji tagħha u lill-Istati Membri jtemmu l-apolidija fit-tfulija kemm fl-UE kif ukoll barra minnha, inkluż billi jtejbu l-kapaċità tal-uffiċjali tal-ewwel linja li jidentifikaw, jirreġistraw u jirrispondu b'mod xieraq għall-apolidija fil-kuntest tal-migrazzjoni u l-ażil, billi jiġi promoss u żgurat l-aċċess universali għar-reġistrazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tat-twelid irrispettivament mill-istatus tal-ġenituri, inkluż għall-familji LGBTQI+, l-introduzzjoni, it-titjib u l-implimentazzjoni ta' salvagwardji legali għall-prevenzjoni tal-apolidija fit-tfulija, u l-introduzzjoni u t-titjib ta' proċeduri ta' determinazzjoni ta' apolidija bbażata fuq id-drittijiet tat-tfal sabiex jintlaħqu l-obbligi internazzjonali lejn persuni apolidi f'kuntest migratorju, f'konformità mal-aħjar interessi tat-tfal u d-dritt tagħhom li jiksbu nazzjonalità;

24.

Jisħaq li fl-Istrateġija tal-UE jridu jiġu inklużi miżuri biex tittejjeb is-sitwazzjoni tat-tfal fil-migrazzjoni u jiġu protetti l-interessi tagħhom kemm fl-UE kif ukoll barra minnha, u f'kull stadju tal-proċeduri tal-ażil; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni ta' salvagwardji u drittijiet proċedurali għat-tfal fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, b'enfasi partikolari fuq proċessi rapidi ta' riunifikazzjoni tal-familja f'konformità mad-Direttiva 2003/86/KE, aċċess għal kundizzjonijiet ta' akkoljenza adegwati, kura soċjali u medika, il-ħatra f'waqtha ta' rappreżentanti legali kkwalifikati u kustodji għal minorenni mhux akkumpanjati, u l-aċċess għal informazzjoni adattata għat-tfal;

25.

Jisħaq fuq l-importanza tal-integrazzjoni u l-inklużjoni tat-tfal migranti u rifuġjati; itenni l-importanza li jitneħħew l-ostakli kollha għall-aċċess għas-servizzi bażiċi u l-miżuri ta' integrazzjoni u inklużjoni, inkluż l-appoġġ psikosoċjali u għas-saħħa mentali, u li jiġu pprovduti opportunitajiet għat-tfal biex tiżdied l-inklużjoni soċjali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni urġenti biex tqajjem kuxjenza dwar l-importanza li jinbidlu n-narrattivi dwar il-migrazzjoni u li jiġu miġġielda l-istereotipi negattivi;

26.

Huwa tal-fehma li l-Istrateġija għandha tistabbilixxi bħala prijorità d-drittijiet tat-tfal fir-rigward taċ-ċaħda tal-libertà f'konformità ma' dawk deskritti fl-istudju Globali tan-NU dwar it-Tfal Imċaħħda mil-Libertà; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-azzjoni biex tintemm id-detenzjoni tat-tfal, b'mod partikolari fil-kuntest tal-migrazzjoni, u jfasslu alternattivi bbażati fuq il-komunità għal detenzjoni li jissodisfaw l-aħjar interessi tat-tfal u jippermettu lit-tfal jibqgħu mal-membri tal-familja u/jew mal-kustodji tagħhom f'kuntest mhux ta' kustodja waqt li jkun qed jiġi solvut l-istatus ta' immigrant tagħhom;

27.

Huwa tal-fehma li l-Istrateġija tal-UE għandha tintegra u tippromwovi d-drittijiet tat-tfal vulnerabbli fl-oqsma kollha tal-politika u tadotta approċċ intersezzjonali li jqis il-forom multipli ta' diskriminazzjoni li, fost l-oħrajn, isofru tfal minn gruppi ddiskriminati minħabba r-razza, tfal b'diżabilitajiet, tfal mingħajr jew f'riskju li jitilfu l-kura tal-ġenituri, tfal fil-kura istituzzjonali, tfal LGBTIQ, tfal minn gruppi ta' minoranza etnika, tfal migranti u rifuġjati, tfal apolidi u mhux iddokumentati, tfal vittmi ta' vjolenza u abbuż sesswali, tfal milquta direttament jew indirettament minn sistemi ġudizzjarji, tfal li jesperjenzaw problemi ta' saħħa mentali, tfal bla dar, bniet u tfal ta' ġenituri l-ħabs; ifakkar li s-servizzi soċjali u l-appoġġ tal-familja huma essenzjali sabiex jiġu evitati s-separazzjoni tal-familja u l-esklużjoni soċjali;

28.

Jisħaq li t-tfal Rom, b'mod partikolari l-bniet Rom, madwar l-Ewropa jiffaċċjaw il-piż addizzjonali tar-razziżmu kif ukoll id-diskriminazzjoni sesswali, li jpoġġuhom fil-marġnijiet tas-soċjetajiet tagħhom; jissottolinja li l-kisba edukattiva baxxa, ir-rati għoljin ta' attendenza irregolari u ta' tluq bikri mill-iskola, is-sistemi tal-iskola mhux inklużivi, ir-rati għolja ta' qgħad u l-opportunitajiet ta' impjieg ħżiena jċaħħdu lis-subien u lill-bniet Rom minn possibbiltajiet realistiċi għall-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà; ifakkar fil-fatt li nuqqas ta' dokumenti personali jfixkel l-kapaċità ta' ħafna bniet Rom li jkollhom aċċess għall-edukazzjoni, għall-kura tas-saħħa u għal servizzi oħra relatati, u jfakkar ukoll li żieda fir-razziżmu u fl-anti-Żingariżmu taffettwa s-sikurezza tal-bniet Rom, u b'hekk tagħmilhom dejjem aktar vulnerabbli għall-esklużjoni soċjali, l-isfruttament, it-traffikar u l-vjolenza (38);

29.

Huwa tal-fehma li l-Istrateġija tal-UE għandha tipproponi approċċ inklużiv għall-protezzjoni tat-tfal l-aktar vulnerabbli f'konformità mal-Karta, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Kummenti Ġenerali tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u l-SDGs u l-miri tagħhom relatati mat-tfal, u b'hekk ħadd ma jitħalla jibqa' lura; itenni l-importanza li jinħoloq ambjent sikur għat-tfal vulnerabbli u l-familji tagħhom permezz ta' investiment soċjali u jirrikonoxxi li l-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni għat-tfal u l-familji għandhom jiġu rikonoxxuti u integrati fid-definizzjoni tal-vulnerabbiltà; jisħaq fuq l-importanza tal-iżvilupp u t-tisħiħ ta' sistemi nazzjonali integrati u tranżnazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal bi skemi ta' riżorsi, implimentazzjoni u monitoraġġ;

30.

Jisħaq li l-importanza li l-UE tindirizza l-ostakli fiżiċi (infrastruttura u ġeografija diffiċli), teknoloġiċi (apparat b'funzjonalità baxxa), kulturali (normi tal-ġeneri u soċjali, prattiki kulturali, u l-istatus ta' diżabilità jew ta' minoranza) u ekonomiċi u soċjali għat-teknoloġiji diġitali fil-politiki interni u esterni tagħha;

31.

Jenfasizza l-importanza għall-UE li tinvesti fil-litteriżmu diġitali sabiex tiggarantixxi aċċess liberu għal-litteriżmu diġitali u l-edukazzjoni diġitali għat-tfal kollha, b'mod partikolari t-tfal minn komunitajiet li mhumiex moqdija tajjeb jew emarġinati, filwaqt li tiffoka fuq il-bini tar-reżiljenza tagħhom u toffri appoġġ psikosoċjali; jinnota li dawn l-investimenti jistgħu jsiru bħala parti mill-aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, u jistgħu jibbenefikaw mill-fondi tal-UE għall-iżvilupp u dawk umanitarji; jirrimarka li l-investimenti fl-iżgurar li s-sistemi edukattivi jistgħu jipprovdu edukazzjoni, litteriżmu u ħiliet diġitali lit-tfal kollha huma kruċjali għall-promozzjoni tal-fehim tat-tfal tat-teknoloġiji diġitali, għall-għelib tal-inugwaljanzi, għat-titjib tal-inklużjoni diġitali u l-emanċipazzjoni u l-protezzjoni tat-tfal u tad-drittijiet tagħhom online u offline; ifakkar li l-iżvilupp tal-edukazzjoni diġitali, il-litteriżmu u l-ħiliet għandhom jgħammru lit-tfal biex jiġġieldu kontra l-perikli tal-ispazju diġitali kif ukoll biex jimmaniġġjaw ir-responsabilitajiet tagħhom meta jinteraġixxu fih;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-ilħna tat-tfal billi tistabbilixxi mekkaniżmi formali għad-djalogu u l-konsultazzjoni u tiżgura l-parteċipazzjoni sħiħa u sinifikattiva tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet, b'enfasi partikolari fuq kunsiderazzjoni akbar tal-ilħna ta' dawk l-aktar vulnerabbli, bħall-bniet, it-tfal li jgħixu fil-faqar, tfal spostati u migranti u dawk b'diżabilità;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE jistabbilixxu mekkaniżmi speċifiċi biex jivvalutaw l-impatt tal-COVID-19 fuq it-tfal kollha sabiex tinġabar data għat-tfassil aħjar tal-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li jaffettwaw lit-tfal abbażi tal-fehmiet tat-tfal; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu approċċ dwar id-drittijiet tat-tfal fid-definizzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru tagħhom;

34.

Jistieden lill-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar l-Istrateġija tal-UE li tistabbilixxi qafas obbligatorju ġdid għall-Istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, billi jsegwi l-eżempju tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, u jiżgura l-implimentazzjoni ta' sistemi nazzjonali u tranżazzjonali integrati għall-protezzjoni tat-tfal imfassla tajjeb, komprensivi u ffinanzjati tajjeb;

35.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li d-drittijiet tat-tfal jingħataw prijorità fil-politiki, l-azzjonijiet u l-programmi interni u esterni kollha tal-UE, li jaffettwaw lit-tfal b'mod dirett jew indirett, kif ukoll li dawn li jiġu integrati fihom, u jiżguraw il-konsistenza fost l-istrumenti differenti kollha;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa indikatur għat-tfal fl-allokazzjoni tal-baġits tagħha biex tippermetti lill-istituzzjonijiet u lis-sħab tal-UE jkejlu u jimmonitorjaw l-investiment tal-UE fit-tfal, permezz tal-ġbir ta' data diżaggregata u speċifika, biex ikunu jistgħu jiġu identifikati lakuni bejn l-impenji politiċi u finanzjarji, u b'hekk tiġi pprovduta stima tal-iskala tal-appoġġ tal-UE għad-drittijiet tat-tfal;

37.

Jistieden lill-Istati Membri jfasslu pjan ta' azzjoni annwali biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal u jintegraw il-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tagħhom fil-Pjan tal-UE għall-Irkupru u r-Reżiljenza;

38.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal tkun iffinanzjata b'mod adegwat filwaqt li jiġi żgurat li l-istrumenti ta' finanzjament intern u estern tal-UE, kif ukoll il-baġits nazzjonali, jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet stabbiliti fl-Istrateġija;

39.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE mill-Istati Membri; ifakkar fil-ħtieġa li tiġi żgurata parteċipazzjoni sinifikanti u inklużiva tat-tfal ibbażata fuq id-drittijiet matul il-proċess kollu tal-ħolqien u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija, u li jintużaw punti ta' riferiment u indikaturi biex il-progress jiġi mmonitorjat aħjar;

40.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  B'mod partikolari, l-Kumment Ġenerali Nru 5 dwar il-miżuri ġenerali ta' implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal; Nru 6 dwar it-trattament ta' tfal mhux akkumpanjati u separati barra mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom; Nru 10 dwar id-drittijiet tat-tfal fil-ġustizzja għall-minorenni; Nru 12 dwar id-dritt tat-tfal li jinstemgħu; Nru 13 dwar id-dritt tat-tfal li jkunu liberi minn kull forma ta' vjolenza; Nru 14 dwar id-dritt tat-tfal li jkollhom l-aħjar interessi tagħhom meqjusa bħala kunsiderazzjoni primarja; Nru 15 dwar id-dritt tat-tfal għat-tgawdija tal-ogħla standard ta' saħħa li jista' jinkiseb; u Nru 16 dwar l-obbligi tal-Istat rigward l-impatt tas-settur tan-negozju fuq id-drittijiet tat-tfal.

(2)  Kif minqux fir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU A/Res/64/142 tal-24 ta' Frar 2010.

(3)  ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.

(4)  B'mod partikolari d-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1), id-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1), u d-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU L 142, 1.6.2012, p. 1).

(5)  ĠU L 59, 2.3.2013, p. 5.

(6)  COM(2017)0211.

(7)  B'mod partikolari l-komunikazzjonijiet tal-24 ta' Novembru 2020 bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027” (COM(2020)0758), tat-18 ta' Settembru 2020 bit-titolu “Unjoni ta' ugwaljanza: Pjan ta' azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025” (COM(2020)0565), tal-5 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija ta' Ugwaljanza Bejn is-Sessi għall-2020-2025” (COM(2020)0152), u tat-12 ta' Novembru 2020 bit-titolu “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025” (COM(2020)0698).

(8)  COM(2020)0258.

(9)  Testi adottati, P9_TA(2019)0066.

(10)  ĠU C 41, 6.2.2020, p. 41.

(11)  ĠU C 449, 23.12.2020, p. 2.

(12)  Testi adottati, P9_TA(2020)0229.

(13)  L-aħbarijiet tal-Eurostat, “EU children at risk of poverty or social exclusion” (It-tfal tal-UE f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali), il-5 ta' Marzu 2020.

(14)  Fuljett tal-UNICEF, "Impact of COVID-19 on multidimensional child poverty (L-impatt tal-COVID-19 fuq il-faqar multidimensjonali fost it-tfal), Settembru 2020; https://data.unicef.org/resources/impact-of-covid-19-on-multidimensional-child-poverty/

(15)  https://data.unicef.org/topic/education/covid-19/

(16)  L-Uffiċċju tar-Riċerka tal-UNICEF – Innocenti u l-Programm Dinji tal-Ikel, dokument ta' ħidma "COVID-19: Missing More than a Classroom. The impact of school closures n children's nutrition (Il-COVID-19: Tlifna Ħafna aktar minn Klassi. L-impatt tal-għeluq tal-iskejjel fuq in-nutrizzjoni tat-tfal), Jannar 2021.

(17)  Il-Eurostat, “Living conditions in Europe” (Il-kundizzjonijiet tal-għajxien fl-Ewropa), 2018.

(18)  UNICEF, “Global annual results report 2019: Gender equality” (Rapport dwar ir-riżultati annwali globali għall-2019: L-ugwaljanza bejn il-ġeneri).

(19)  Il-FAO, l-IFAD, il-UNICEF, id-WFP u d-WHO, “The State of Food Security and Nutrition in the World 2020” (L-Istat tas-Sigurtà tal-Ikel u n-Nutrizzjoni fid-Dinja 2020), 2020.

(20)  ChildFund Alliance, Eurochildren, Save the Children, UNICEF u World Vision, “Our Europe. Our Rights. Our Future”, (L-Ewropa Tagħna. Id-Drittijiet Tagħna. Il-Futur Tagħna), Jannar 2021.

(21)  https://news.un.org/en/story/2020/05/1063882

(22)  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Novembru 2018 dwar ir-rwol tal-Uffiċċju Ġermaniż għall-Benesseri taż-Żgħażagħ (Jugendamt) f'tilwim transfruntier li jinvolvi l-familji, (ĠU C 363, 28.10.2020, p. 107).

(23)  COM(2020)0661.

(24)  ILO, “Global estimates of child labour: Results and trends” (Stimi globali tat-tħaddim tat-tfal: Riżultati u xejriet), 2012-2016", 2017.

(25)  https://www.europol.europa.eu/publications-documents/exploiting-isolation-offenders-and-victims-of-online-child-sexual-abuse-during-covid-19-pandemic

(26)  https://www.coe.int/en/web/human-rights-channel/stop-child-sexual-abuse-in-sport

(27)  https://data.unicef.org/resources/children-with-disabilities-ensuring-inclusion-in-covid-19-response/

(28)  https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Asylum_statistics

(29)  Iċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta' Dħul Klandestin ta' Migranti, Ir-raba' Rapport Annwali tal-Attività.

(30)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta' Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU L 251, 3.10.2003, p. 12).

(31)  UNICEF, “Reimagining our Future: Building Back Better from COVID-19” (Nimmaġinaw mill-ġdid il-Futur tagħna: Nirkupraw Aħjar mill-COVID-19), Ġunju 2020.

(32)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(33)  https://www.europol.europa.eu/activities-services/public-awareness-and-prevention-guides/online-sexual-coercion-and-extortion-crime

(34)  https://www.europol.europa.eu/stopchildabuse

(35)  Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57).

(36)  https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/justice_scoreboard_2019_en.pdf

(37)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1).

(38)  https://rm.coe.int/16800c0a86