KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fil‑11 ta’ Frar 2021 ( 1 )

Kawża C‑579/19

R (fuq talba tal-Association of Independent Meat Suppliers et)

vs

Food Standards Agency

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 854/2004 – Regolament (KE) Nru 882/2004 – Kontrolli uffiċjali ta’ ikel li ġej mill-annimali – Dritt għal stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) essenzjalment tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman ( 2 ), kif ukoll tal-Artikolu 54(3) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mas-saħħa ta’ l-annimali u mar-regoli dwar il-welfare ta’ l-annimali ( 3 ). L-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004 jikkonċerna l-applikazzjoni minn veterinarji uffiċjali ta’ marki tas-saħħa meta huma jqisu laħam xieraq għall-konsum mill-bniedem, filwaqt li l-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004 jikkonċerna informazzjoni dwar id-drittijiet għal rikors kontra deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bħala riżultat ta’ tali kontrolli uffiċjali.

2.

Ir-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004 jagħmlu parti mill-kuntest ġuridiku li jirregola s-sigurtà tal-ikel fl-Unjoni Ewropea ( 4 ). B’mod ġenerali, dawn ir-regolamenti jistabbilixxu regoli armonizzati dwar kontrolli uffiċjali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jiżguraw li l-operaturi ta’ negozji tal-ikel jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, il-veterinarji uffiċjali huma persuni bi kwalifiki speċjali li, bl-għajnuna ta’ awżiljarji uffiċjali, iwettqu kompiti f’isem dawn l-awtoritajiet fis-sistema tal-kontrolli uffiċjali fuq il-laħam.

3.

Din il-kawża tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq dak li jirriżulta mid-“dritt ta’ appell [rikors] kontra id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità kompetenti bħala riżultat tal-kontrolli uffiċjali”, imsemmi fil-premessa 43 tar-Regolament Nru 882/2004 u żviluppat fl-Artikolu 54(3) ta’ dan ir-regolament.

4.

L-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mar-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004 ta’ sistema legali li kienet teżisti fil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regolamenti, jiġifieri l-Artikolu 9 tal-Food Safety Act 1990 (il-Liġi dwar is-Sigurtà tal-Ikel tal‑1990, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑1990”) ( 5 ). Il-qorti tar-rinviju għamlet dan fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Cleveland Meat Company (iktar ’il quddiem “CMC”) u l-Association of Independent Meat Suppliers, u, min-naħa l-oħra, il-konvenuta, il-Food Standards Agency (iktar ’il quddiem il-“FSA”), fuq liema rotta disponibbli fid-dritt nazzjonali għal evalwazzjoni ġudizzjarja ta’ deċiżjoni meħuda minn veterinarju uffiċjali li ma japplikax marka tas-saħħa għal laħam meqjus mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990, li huwa proċedura quddiem Justice of the Peace (membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali) li tinvolvi stħarriġ fuq il-mertu tal-kawża, hija l-unika rotta li tissodisfa d-dritt għal rikors deskritt iktar ’il fuq stabbilit mid-dritt tal-Unjoni, kif jallegaw ir-rikorrenti, jew rikors għal stħarriġ ġudizzjarju skont id-dritt tar-Renju Unit (“claim for judicial review”, iktar ’il quddiem “rikors għal stħarriġ ġudizzjarju”), li huwa proċedura quddiem qorti li ma tinvolvix stħarriġ fuq il-mertu tal-kawża, jipprovdi mezz effettiv u xieraq sabiex jiġu infurzati r-rekwiżiti ta’ sigurtà tal-ikel tar-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004 u b’mod iktar speċifiku r-rifjut tal-veterinarju uffiċjali li japplika marka tas-saħħa, kif allegat mill-FSA? Din il-kwistjoni timplika neċessarjament teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri sabiex jistabbilixxu r-regoli applikabbli għal azzjonijiet intiżi sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-Unjoni, bla ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività kif ukoll għad-dritt għal rimedju effettiv kif iggarantit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

5.

It-tieni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, sabiex tikkonforma ruħha ma’ dawn ir-regolamenti u mad-dritt tal-Unjoni b’mod iktar ġenerali, ir-Regolament Nru 882/2004 jipprovdix għal rikors kontra deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali li tirrifjuta l-applikazzjoni ta’ marka tas-saħħa taħt l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004, li jinkludi l-istħarriġ ġudizzjarju fuq il-mertu. Din id-domanda, hija wkoll, għandha tingħata risposta fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, peress li jirrigwarda l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju.

6.

Konsegwentement, din il-kawża tqajjem kwistjonijiet ġodda dwar il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva għal individwi fid-dritt tal-Unjoni dwar l-ikel u r-relazzjoni bejn ir-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004 f’dan ir-rigward. Hija għandha wkoll implikazzjonijiet potenzjalment usa’ għall-iżvilupp tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet amministrattivi mill-qrati nazzjonali abbażi tal-Artikolu 47 tal-Karta.

II. Il-kuntest ġuridiku

7.

L-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004 jipprovdi:

“L-immarkar tas-saħħa tal-karkassi ta’ annimali domestiċi bid-dwiefer mgħawwġa, mammali tal-kaċċa mrobbija minbarra lagomorfi, u annimali kbar tal-kaċċa, kif ukoll nofs karkassi, kwarti u qatgħat li jirriżultaw mill-qtugħ ta’ nofs karkassi fi tlett qatgħat bl-ingrossa, għandu jitwettaq fil-biċċeriji u fl-istabbilimenti li jimmaniġġaw il-kaċċa skond it-Taqsima I, il-Kapitolu III, ta’ l-Anness I. Il-marki tas-saħħa għandhom jiġu applikati minn, jew taħt ir-responsabbiltà ta’ veterinarju uffiċjali fejn kontrolli uffiċjali ma jkunu identifikaw ebda defiċjenzi li jirrendu l-laħam mhux tajjeb għall-konsum uman”.

8.

Skont il-premessa 43 tar-Regolament Nru 882/2004:

“L-operaturi għandu jkollhom id-dritt ta’ appell kontra id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità kompetenti bħala riżultat tal-kontrolli uffiċjali, u għandhom ikunu informati b’dak id-dritt”.

9.

L-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004 jipprovdi:

“L-awtorità kompetenti għandha tipprovdi lill-operatur konċernat, jew rappresentant tiegħu,:

(a)

b’notifka bil-miktub tad-deċiżjoni tagħha dwar l-azzjoni li għandha tittieħed skond il-paragrafu 1, flimkien mar-raġunijiet għad-deċiżjoni;

(b)

informazzjoni dwar id-drittijiet ta’ appell kontra dawk id-deċiżjonijiet u dwar il-proċeduri applikabbli u l-limiti ta’ żmien”.

III. Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10.

Fil‑11 ta’ Settembru 2014, CMC xtrat barri ħaj għal madwar GBP 1400 (lira sterlina) (madwar EUR 1700). Huwa tqies li kien xieraq sabiex jinqatel mill-veterinarju uffiċjali stazzjonat fil-biċċerija ta’ CMC. L-ispezzjoni post-mortem tal-karkassa u tal-ġewwieni twettqet minn awżiljarju uffiċjali, imsejjaħ spettur tal-iġjene tal-laħam, li identifika tliet axxessi fil-ġewwieni ( 6 ). Iktar tard dakinhar, il-veterinarju uffiċjali spezzjona l-karkassa u, wara diskussjoni ma’ dan l-ispettur, iddikjara l-laħam mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem minħabba li l-axxessi taw lok għas-suspett li l-barri kien isofri minn pijemija, forma ta’ avvelenament tad-demm ( 7 ). Għalhekk, il-veterinarju uffiċjali ma applikax marka tas-saħħa fuq il-karkassa, li kieku kienet tiċċertifika li kienet xierqa għall-konsum mill-bniedem. Konsegwentement, CMC ġiet ipprojbita milli tbigħ il-karkassa skont ir-Regola 19 tal-Food Safety and Hygiene (England) Regulations 2013 (ir-Regoli tal‑2013 dwar is-Sigurtà u l-Iġjene tal-Ikel (l-Ingilterra)) ( 8 ).

11.

CMC talbet il-parir ta’ kirurgu veterinarju ieħor u kkontestat l-opinjoni tal-veterinarju uffiċjali. Hija sostniet li, fil-każ ta’ kontroversja u tar-rifjut tiegħu li jirrilaxxa volontarjament il-karkassa, il-veterinarju uffiċjali, skont l-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990, ikollu jissekwestra l-karkassa u jressaqha quddiem membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali sabiex tingħata deċiżjoni dwar jekk għandhiex tiġi kkundannata. Il-FSA, li hija l-awtorità kompetenti għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u nazzjonali dwar is-sigurtà tal-ikel u li hija responsabbli għall-kontrolli uffiċjali fil-biċċeriji, qieset li ma kienx hemm bżonn li wieħed jirrikorri għal din il-proċedura u li, peress li l-veterinarju uffiċjali qiesha bħala mhux xierqa għall-konsum mill-bniedem, il-karkassa kellha tintrema bħala prodott sekondarju tal-annimali.

12.

Fit‑23 ta’ Settembru 2014, il-veterinarju uffiċjali, li kien qiegħed jaġixxi għall-FSA, innotifika lil CMC avviż li kien jitlobha tarmi l-karkassa bħala prodott sekondarju tal-annimali skont ir-Regola 25(2)(a) tal-Animal By‑Products (Enforcement) (England) Regulations 2013 (ir-Regoli tal‑2013 dwar il-Prodotti Sekondarji tal-Annimali (Infurzar) (l-Ingilterra) ( 9 )) u r-Regolament Nru 1069/2009. Dan l-avviż kien jgħid dan li ġej: “Inti għandek dritt għal rikors kontra d-deċiżjoni tiegħi, u dan permezz ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Applikazzjoni għal tali rikors għandha tiġi ppreżentata rapidament u, fi kwalunkwe każ, ġeneralment fi żmien tliet xhur mid-data li fiha dehret għall-ewwel darba r-raġuni għall-applikazzjoni”.

13.

Rikors għal stħarriġ ġudizzjarju ġie effettivament ippreżentat quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (l-Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench) (ir-Renju Unit), minn CMC u mill-Association of Independent Meat Suppliers (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rikorrenti”) sabiex jikkontestaw id-dikjarazzjoni tal-FSA li tgħid li ma kienx neċessarju li wieħed jirrikorri għall-proċedura prevista fl-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990 u sabiex isostnu, sussidjarjament, li r-Renju Unit kellu jipprovdi mezzi sabiex tiġi kkontestata deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali rigward jekk laħam huwiex xieraq għall-konsum mill-bniedem. Peress li din il-proċedura sfat mingħajr suċċess quddiem dik il-qorti ( 10 ) u quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (l-Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)) (ir-Renju Unit) ( 11 ), ir-rikorrenti appellaw quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit).

14.

Il-qorti tar-rinviju indikat, inter alia, li l-proċedura prevista fl-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990 ma hijiex strutturata f’termini ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali rigward jekk laħam huwiex xieraq għall-konsum mill-bniedem. Skont dik il-proċedura, jekk uffiċjal awtorizzat ta’ awtorità tal-ikel jew ta’ awtorità tal-infurzar, bħalma hija l-FSA, jidhirlu li ikel intiż għall-konsum mill-bniedem ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ sigurtà tal-ikel, dan l-uffiċjal jista’ jissekwestra l-ikel sabiex il-kwistjoni tiġi ttrattata mill-membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali, li jista’ jkun membru tal-ġudikatura onorarju jew imħallef tad-distrett legalment ikkwalifikat u li huwa aċċessibbli faċilment f’kull mument. Jekk il-membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali, abbażi ta’ tali provi li huwa jqis xierqa, jikkonstata li l-ikel ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ sigurtà tal-ikel, huwa għandu jikkundannah u jordna l-qerda tiegħu bi spejjeż għall-proprjetarju, filwaqt li, jekk il-membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali jirrifjuta li jikkundanna l-ikel, l-awtorità kompetenti għandha tikkumpensa lill-proprjetarju għal kull deprezzament fil-valur tiegħu li jirriżulta mill-azzjoni tal-uffiċjal.

15.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju rrilevat li, skont ir-rikorrenti, il-proċedura prevista fl-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990, li ilha tagħmel parti mil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit sa mis-seklu 19 u tkompli topera taħt is-sistema ta’ sigurtà tal-ikel tal-Unjoni, tipprovdi mezz kemm għall-infurzar ta’ deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali dwar jekk laħam huwiex xieraq għall-konsum mill-bniedem kif ukoll għall-operaturi sabiex jissuġġettaw din id-deċiżjoni għal skrutinju ġudizzjarju u sabiex jitolbu lil membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali sabiex jiddeċiedi jekk il-karkassa kinitx fil-fatt konformi mar-rekwiżiti ta’ sigurtà tal-ikel. Ir-rikorrenti jaċċettaw li l-membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali ma jistax jordna lil veterinarju uffiċjali japplika marka tas-saħħa, iżda jsostnu li veterinarju uffiċjali jista’ jiġi mistenni li josserva d-deċiżjoni u japplika marka tas-saħħa konsegwentement, u li jista’ jingħata kumpens. Bil-kontra, il-FSA ma taċċettax li din il-proċedura hija xierqa, u wisq inqas obbligatorja, sabiex tiġi solvuta tilwima dwar jekk karkassa hijiex xierqa għall-konsum mill-bniedem, peress li l-membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali ma għandux is-setgħa li jordna lil veterinarju uffiċjali sabiex japplika marka tas-saħħa jew jagħmel ħaġa oħra għajr dik li jikkundanna għar-rimi karkassa li ma għandhiex tali marka. Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tassumi li l-interpretazzjoni tar-rikorrenti hija korretta u li l-membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali għandu s-setgħa li jagħti deċiżjoni li tista’ tirriżulta fl-għoti ta’ kumpens jekk huwa jqis li marka tas-saħħa kellha tiġi applikata fuq karkassa.

16.

Il-qorti tar-rinviju rrilevat ukoll il-possibbiltà għal operatur ta’ biċċerija, bħal CMC, li jippreżenta rikors għal stħarriġ ġudizzjarju sabiex jikkontesta d-deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali li l-laħam ma jkunx xieraq għall-konsum mill-bniedem, u għalhekk li jirrifjuta li japplika marka tas-saħħa, jew li jannulla avviż ta’ rimi, bħal dak li ġie nnotifikat lil CMC fit‑23 ta’ Settembru 2014, kif imsemmi fil-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’din il-proċedura, il-qorti tista’ tannulla din id-deċiżjoni għal kwalunkwe raġuni li tirrendiha illegali, inkluż jekk il-veterinarju uffiċjali jaġixxi għal skop mhux xieraq, jonqos milli japplika t-test legali korrett jew jieħu deċiżjoni irrazzjonali jew nieqsa minn bażi probatorja suffiċjenti. Barra minn hekk, il-qorti kultant tisma’ provi orali u tagħti digrieti obbligatorji, u għandha s-setgħa li tordna kumpens għal ksur tad-drittijiet taħt il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Madankollu, il-qorti tar-rinviju rrilevat li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jikkostitwixxix rikors fuq il-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni.

17.

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

Ir-Regolamenti [Nru 854/2004 u Nru 882/2004] jipprekludu proċedura li permezz tagħha, skont l-Artikolu 9 tal-Food Safety Act 1990 (il-Liġi dwar is-Sigurtà tal-Ikel tal‑1990), Justice of the Peace (imħallef f’qorti distrettwali) jiddeċiedi fuq il-mertu tal-każ u abbażi tal-evidenza ta’ esperti mressqa minn kull wieħed mill-partijiet jekk karkassa tissodisfax ir-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti tal-ikel?

(2)

Ir-Regolament [Nru 882/2004] jeżiġi dritt għal azzjoni legali minn deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali, skont il-punt 2 tal-Artikolu 5 tar-Regolament [Nru 854/2004] li ddikjarat li l-laħam ta’ karkassa ma kienx xieraq għall-konsum mill-bniedem u, fl-affermattiv, x’approċċ għandu jiġi adottat fl-eżami tal-fondatezza tad-deċiżjoni meħuda mill-veterinarju uffiċjali fil-kuntest ta’ azzjoni legali f’tali każ?”

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mir-rikorrenti, mir-Renju Unit u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet wieġbu wkoll għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula lilhom mill-Qorti tal-Ġustizzja.

19.

Filwaqt li din il-kawża kienet pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni fil‑31 ta’ Jannar 2020. Skont l-Artikolu 86(2) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ( 12 ), il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkompli jkollha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjonijiet preliminari dwar talbiet mill-qrati tar-Renju Unit magħmula qabel it-tmiem tal-perijodu tranżitorju, li, kif iddefinit fl-Artikolu 126 tiegħu, huwa fil-prinċipju l‑31 ta’ Diċembru 2020. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 89(1) ta’ dan il-ftehim, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm jekk tingħata qabel it-tmiem ta’ dan il-perijodu tranżitorju jew f’data futura, ikollha saħħa vinkolanti fl-intier tagħha fuq u fir-Renju Unit.

20.

Konsegwentement, peress li din it-talba għal deċiżjoni preliminari saret fil‑31 ta’ Lulju 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja jkompli jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar din it-talba u s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) hija marbuta bis-sentenza li tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-proċedura.

V. Sunt tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

21.

Ir-rikorrenti jsostnu li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun fin-negattiv, peress li r-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004 ma jipprekludux proċedura, bħall-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990. Huma jsostnu li l-fatt li, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 854/2004, flimkien mal-Anness 1 tiegħu, il-veterinarju uffiċjali jieħu deċiżjonijiet dwar l-immarkar tas-saħħa tal-laħam abbażi tat-taħriġ u tal-kwalifiki tiegħu ma jipprekludix stħarriġ ġudizzjarju effettiv tal-fondatezza ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Fil-fatt, imkien f’din il-leġiżlazzjoni ma huwa prekluż id-dritt li jiġu kkontestati dawn id-deċiżjonijiet fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali.

22.

Ir-rikorrenti jsostnu li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun fis-sens li r-Regolament Nru 882/2004 jistabbilixxi dritt għal rikors kontra d-deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004, li l-laħam tal-karkassa ma kienx xieraq għall-konsum mill-bniedem u li, fl-istħarriġ tal-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni, qorti tal-appell għandha twettaq stħarriġ sħiħ tal-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti relatati ma’ din id-deċiżjoni u tiddeċiedi, fuq il-mertu tal-każ u fuq il-bażi tal-provi, inklużi l-provi tal-esperti msejħa minn kull naħa, dwar jekk il-laħam ta’ karkassa jonqosx milli jikkonforma mar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-ikel. Fil-fehma tagħhom, ir-Regolament Nru 854/2004 japplika fil-kuntest tar-Regolament Nru 882/2004, u l-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004, moqri flimkien mal-premessa 43 tiegħu, jistabbilixxi dritt ġenerali għal rikors applikabbli għal din id-deċiżjoni. Huma jikkontestaw li l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 854/2004 japplika biss għall-kompiti tal-veterinarju uffiċjali taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 854/2004, iżda mhux taħt l-Artikolu 5 tiegħu, b’mod partikolari peress li dan ma huwiex konsistenti mad-definizzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 882/2004 u t-tipi ta’ miżuri ta’ rimedju msemmija fl-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 882/2004.

23.

Ir-rikorrenti jsostnu li rikors għal stħarriġ ġudizzjarju ma jipprovdix għal tali stħarriġ tal-fondatezza u jinvokaw l-Artikolu 47 tal-Karta u l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt għal rimedju effettiv ( 13 ). Fil-fehma tagħhom, id-dritt ta’ operatur tal-biċċerija li jikkontesta l-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali taħt l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004 huwa previst mill-Artikolu 17, moqri flimkien mal-Artikolu 47, tal-Karta. Huma jsostnu li l-qerda ta’ karkassa bħala prodott sekondarju mill-annimali hija ndħil mhux ġustifikat fid-dritt għall-proprjetà tal-operatur taħt l-Artikolu 17 tal-Karta, li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”) dwar l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB ( 14 ), jimponi obbligi proċedurali fuq l-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-operatur ikun jista’ jikkontesta b’mod effettiv il-miżura kkonċernata. Huma jenfasizzaw li, peress li t-tilwima tirrigwarda l-punt dwar jekk laħam huwiex xieraq għall-konsum mill-bniedem, il-proċedura għandha tkun rapida u aċċessibbli, bħal fil-każ tal-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990, u li rikors għal stħarriġ ġudizzjarju huwa ta’ spiża projbittiva. Huma jżidu li s-soluzzjoni amministrattiva possibbli msemmija fl-osservazzjonijiet tar-Renju Unit hija irrilevanti, peress li hija sussegwenti għat-tilwima fil-kawża prinċipali u, fi kwalunkwe każ, hija ma tikkostitwixxix rimedju effettiv, b’mod partikolari peress li ma għandhiex saħħa legalment vinkolanti u ma tinvolvix proċedura kontradittorja.

24.

Ir-Renju Unit isostni li l-ewwel domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv, peress li r-Regolament Nru 854/2004 jipprekludi proċedura, bħall-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990, għall-kontestazzjoni tal-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali taħt l-Artikolu 5(2) ta’ din il-liġi. Fil-fehma tiegħu, is-sistema stabbilita mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 854/2004, li, b’mod differenti mill-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, ma tikkonċernax ir-rettifika tal-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, kif ukoll l-Anness I tiegħu, tafda d-deċiżjoni dwar jekk laħam ikunx xieraq għall-konsum mill-bniedem f’idejn il-veterinarju uffiċjali, skont l-esperjenza professjonali u l-ġudizzju mħarreġ tiegħu, u teżiġi li din id-deċiżjoni tkun definittiva. L-użu tal-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990 imur kontra dan ir-regolament, peress li din id-deċiżjoni ma tkunx definittiva u s-setgħa deċiżjonali mogħtija lill-veterinarju uffiċjali tiġi ttrasferita lil membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali li ma jkollux kwalifiki speċjali u li jibbaża ruħu fuq perizji. Ir-Renju Unit isostni li r-Regolament Nru 882/2004 ma jistax jistabbilixxi proċedura ta’ rikors li tkun inkompatibbli mar-Regolament Nru 854/2004, peress li dan ir-regolament huwa lex specialis li minnha r-Regolament Nru 882/2004 ma jistax jidderoga.

25.

Ir-Renju Unit isostni li t-tieni domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv, peress li r-Regolament Nru 882/2004 ma jagħtix lok għal dritt għal rikors kontra d-deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali taħt l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004 u ebda approċċ li jippermetti rikors fuq il-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni ma huwa kompatibbli mar-Regolament Nru 854/2004. Fil-fehma tiegħu, l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 882/2004 ma japplikax għal deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali dwar jekk japplikax marka tas-saħħa, minħabba li din ma tinvolvix azzjoni ta’ infurzar kontra operaturi identifikati bħala mhux konformi mal-leġiżlazzjoni dwar l-ikel, u li l-Artikolu 54(3) tiegħu jeżiġi biss li l-informazzjoni dwar id-drittijiet għal rikors tiġi pprovduta lill-operatur ikkonċernat. Hija ssostni li rikors għal stħarriġ ġudizzjarju joffri lill-operatur ta’ biċċerija rimedju adegwat kompatibbli mar-Regolament Nru 854/2004 u mad-drittijiet fundamentali. Hija tispjega li tali talba tippermetti lil ċerti qrati nazzjonali jiddikjaraw bħala illegali kwalunkwe deċiżjoni ta’ korp pubbliku, li jannullaw din id-deċiżjoni u li jiddeċiedu liema azzjoni għandha tittieħed minflokha, u jekk il-veterinarju uffiċjali ikun wettaq żball ta’ liġi, wasal għal deċiżjoni irrazzjonali jew injora l-provi materjali, il-qorti tista’ tannulla d-deċiżjoni u tordna li tittieħed mill-ġdid.

26.

Ir-Renju Unit isostni li interpretazzjoni tar-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004 fis-sens li deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali li jirrifjuta li japplika marka tas-saħħa ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors fuq il-fondatezza hija kompatibbli mad-dritt għall-proprjetà ta’ operatur ta’ biċċerija taħt l-Artikolu 17 tal-Karta u l-analogu tiegħu fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB. Huwa jqis li tali ndħil f’dan id-dritt huwa proporzjonat u ġġustifikat mill-interess ġenerali tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-QEDB dwar l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB ( 15 ), ma jeżiġi ebda dritt għal rikors li jmur lil hinn minn rikors għal stħarriġ ġudizzjarju.

27.

Ir-Renju Unit iżid li, minn Jannar 2018, il-FSA adottat soluzzjoni amministrattiva possibbli ( 16 ), li skontha, f’każijiet fejn operatur ma jaqbilx mad-determinazzjoni inizjali tal-veterinarju uffiċjali li laħam ma jkunx xieraq għall-konsum mill-bniedem, huwa jista’ jitlob l-opinjoni ta’ veterinarju kompetenti ieħor u l-veterinarju uffiċjali jista’ wkoll jitlob l-opinjoni ta’ kollegi iktar anzjani. Il-veterinarju uffiċjali jista’ mbagħad jikkunsidra dawn l-opinjonijiet qabel ma jieħu d-deċiżjoni dwar l-immarkar tas-saħħa. Fil-fehma tiegħu, dan il-proċess isaħħaħ rikors għal stħarriġ ġudizzjarju, peress li jippermetti lil operatur jeżiġi li l-veterinarju uffiċjali jieħu inkunsiderazzjoni l-oġġezzjonijiet għall-opinjoni inizjali tiegħu, u b’hekk joħloq eventwali motivi addizzjonali sabiex jintalab l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ eventwali deċiżjoni dwar rifjut ta’ marka tas-saħħa.

28.

Il-Kummissjoni, filwaqt li tindirizza d-domandi fl-ordni inversa, issostni li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun fis-sens li l-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004 u fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, jeżiġi li l-Istati Membri jipprevedu proċedura ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali li ma japplikax marka tas-saħħa, u r-regoli proċedurali u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru b’mod konformi mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Hija ssostni li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fir-Regolament Nru 854/2004, japplikaw id-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolament Nru 882/2004, u li d-deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali taħt l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004 taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004, peress li din id-deċiżjoni tikkonċerna sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità u l-veterinarju uffiċjali jaġixxi f’isem l-awtorità kompetenti. Fil-fehma tagħha, l-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 43 tiegħu, jeżiġi li l-Istati Membri jipprovdu dritt għal rikors kontra din id-deċiżjoni.

29.

Il-Kummissjoni ssostni li, f’dan il-każ, l-Istati Membri ma humiex meħtieġa li jipprovdu proċedura ta’ rikors li tinkludi stħarriġ sħiħ tal-fondatezza, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004 u tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika segwit mir-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004. Fil-fehma tagħha, huwa wkoll essenzjali li jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol tal-veterinarju uffiċjali li jiżgura dan l-għan fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu taħt ir-Regolament Nru 854/2004, li jinvolvu numru ta’ determinazzjonijiet fattwali speċifiċi ħafna fir-rigward tal-ispezzjonijiet u tal-marki tas-saħħa.

30.

Il-Kummissjoni tqis li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun fis-sens li r-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004 ma jipprekludux proċedura, bħal dik prevista fl-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990, li tinkludi deċiżjoni fuq il-mertu tal-każ dwar jekk karkassa tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ sigurtà tal-ikel. Hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha, li għandha tiddetermina jekk u sa fejn din il-proċedura tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti b’risposta għat-tieni domanda, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

VI. Analiżi

31.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara jekk ir-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004 jipprekludux proċedura nazzjonali, bħall-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990, intiża għall-kontestazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali li jirrifjuta li japplika marka tas-saħħa għal laħam meqjus bħala mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem. Din id-domanda hija marbuta mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri sabiex jindikaw il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni biex jisimgħu kawżi bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni, bla ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Hija tirrigwarda wkoll id-dritt ta’ aċċess għal qorti, li huwa wieħed mill-elementi tad-dritt għal rimedju effettiv taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

32.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004, jeżiġix li l-Istati Membri jipprovdu dritt għal rikors fuq il-fondatezza kontra deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali li jirrifjuta li japplika marka tas-saħħa għal laħam meqjus mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem, jew jekk il-portata iktar limitata tal-kontestazzjoni ta’ din id-deċiżjoni permezz ta’ rikors għal stħarriġ ġudizzjarju hijiex suffiċjenti sabiex tikkonforma ma’ dawn ir-regolamenti. Din id-domanda tirrigwarda l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju kif jeżiġi l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u hija marbuta wkoll mad-dritt ta’ aċċess għal qorti. Bl-istess mod, għandha tiġi kkunsidrata l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

33.

Ninnota li d-domandi magħmula f’din il-kawża għadhom ma ġewx ittrattati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandhom, qabel kollox, jingħataw ċerti osservazzjonijiet preliminari dwar ir-rabta bejn l-Artikolu 47 tal-Karta u l-kawża prinċipali, flimkien mas-sistema ta’ sigurtà tal-ikel tal-Unjoni u r-rwol tal-veterinarju uffiċjali f’dan il-kuntest (Taqsima A). Għal raġunijiet loġiċi u legali, sussegwentement ser neżamina, fl-ordni inversa, it-tieni (Taqsima B) u l-ewwel (Taqsima C) domanda, minħabba li l-interpretazzjoni tal-kuntest ġuridiku stabbilit mir-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004 għall-finijiet tat-tieni domanda hija rilevanti għall-ewwel domanda.

34.

Abbażi ta’ din l-analiżi, wasalt għall-konklużjoni, fir-rigward tal-ewwel domanda, li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ir-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività u mal-Artikolu 47 tal-Karta, jipprekludu proċedura nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990. Fir-rigward tat-tieni domanda, jiena kkonkludejt li l-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004 jeżiġi li l-Istati Membri jipprovdu dritt għal rikors kontra deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali taħt l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004 u li dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, ma jipprekludux proċedura stabbilita mid-dritt nazzjonali, bħal rikors għal stħarriġ ġudizzjarju, skont liema l-qorti nazzjonali li twettaq l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali deċiżjoni ma tkunx tista’ tistħarreġ il-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni.

A.   Osservazzjonijiet preliminari

1. L-Artikolu 47 tal-Karta u l-kawża prinċipali

35.

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Unjoni hija unjoni bbażata fuq l-istat tad-dritt li fiha l-individwi għandhom id-dritt li jikkontestaw quddiem il-qrati l-legalità ta’ kull deċiżjoni jew miżura nazzjonali oħra marbuta mal-applikazzjoni fir-rigward tagħhom ta’ miżura tal-Unjoni ( 17 ). Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, huma l-qrati tal-Istati Membri li għandhom jiżguraw li d-drittijiet ta’ persuna jgawdu minn protezzjoni ġudizzjarja taħt id-dritt tal-Unjoni, u l-Artikolu 19(1) TUE, barra minn hekk, jeżiġi li l-Istati Membri jipprovdu rimedji suffiċjenti biex tiġi żgurata protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Dan ir-rekwiżit min-naħa tal-Istati Membri jikkorrispondi għad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, li huwa affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 18 ). Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jinkisru għandu jkollha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-artikolu ( 19 ).

36.

Kif jidher mill-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati lill-Istati Membri biss meta dawn jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni ( 20 ). Id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta huma applikabbli fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni u għalhekk għandhom jiġu rrispettati, inter alia, fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 21 ).

37.

Barra minn hekk, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja ( 22 ), id-dritt għal rimedju effettiv jista’ jiġi invokat biss abbażi tal-Artikolu 47 tal-Karta, mingħajr ma jkun neċessarju li l-kontenut tiegħu jkun ippreċiżat minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni jew minn dispożizzjonijiet tad-dritt intern tal-Istati Membri. Ir-rikonoxximent ta’ dan id-dritt f’każ speċifiku jippreżupponi li l-persuna li tinvoka dan id-dritt tibbaża ruħha fuq drittijiet jew libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi kontra interventi arbitrarji jew sproporzjonati tal-awtoritajiet pubbliċi fl-isfera ta’ attività privata ta’ dawn il-persuni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jista’ jiġi invokat minn tali persuni bħala dritt iggarantit mid-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, sabiex jiġi kkontestat quddiem qorti att li jikkawża preġudizzju lil dik il-persuna.

38.

Fil-kawża prinċipali, operatur ta’ biċċerija qiegħed jipprova jikkontesta d-deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali li jirrifjuta li japplika marka tas-saħħa għal laħam meqjus bħala mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004. Huwa paċifiku li l-veterinarju uffiċjali ħa din id-deċiżjoni f’isem l-awtorità kompetenti rilevanti, f’dan il-każ il-FSA, abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fehma tiegħi, huwa ċar li l-Karta hija applikabbli f’dawn iċ-ċirkustanzi. Barra minn hekk, persuna ppreġudikata minn din id-deċiżjoni, bħal operatur ta’ biċċerija li l-laħam tiegħu ma jkunx irċieva marka tas-saħħa peress li jkun tqies bħala mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem, għandha d-dritt li tinvoka l-Artikolu 47 tal-Karta quddiem qorti fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 854/2004.

2. Is-sistema ta’ sigurtà tal-ikel tal-Unjoni

39.

Kif imsemmi fl-osservazzjonijiet introduttorji tiegħi, ir-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004 huma strumenti legali ewlenin fil-kontrolli uffiċjali fi ħdan is-sistema ta’ sigurtà tal-ikel tal-Unjoni, li tinkludi ċerti regoli ġenerali applikabbli għall-ikel kollu, flimkien ma’ regoli speċifiċi dwar l-iġjene tal-ikel ( 23 ).

40.

Ir-Regolament Nru 178/2002 jistabbilixxi l-prinċipji bażiċi rigward il-liġi dwar l-ikel u l-għalf, u b’mod partikolari s-sigurtà tal-ikel, fl-Istati Membri u fuq il-livell tal-Unjoni ( 24 ), li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-interessi tal-konsumatur fir-rigward tal-prodotti tal-ikel ( 25 ). Ir-rekwiżiti tas-sigurtà tal-ikel huma stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 178/2002, li, inter alia, jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ ikel li mhux sigur, inkluż dak li mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem ( 26 ). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, ir-responsabbiltà primarja biex jiġi żgurat li l-ikel ikun sigur taqa’ fuq l-operaturi ta’ negozji tal-ikel ( 27 ). L-Istati Membri huma meħtieġa jissorveljaw u jivverifikaw li dawn l-operaturi jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-ikel u tal-għalf, u jżommu sistema ta’ kontrolli uffiċjali għal dan il-għan ( 28 ).

41.

Ir-Regolament Nru 882/2004 jistabbilixxi regoli ġenerali għall-kontrolli uffiċjali dwar kull tip ta’ ikel u għalf ( 29 ). L-għan ta’ dan ir-regolament, kif jidher mill-Artikolu 1 tiegħu, huwa, inter alia, li jipprevjeni, jelimina jew inaqqas ir-riskji għall-bnedmin u għall-annimali għal livelli aċċettabbli permezz tat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali ( 30 ). Għal dan il-għan, skont l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 882/2004, moqrija fid-dawl tal-premessi 4 u 6 ta’ dan ir-regolament, huma l-Istati Membri li għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali sabiex jivverifikaw li l-leġiżlazzjoni dwar l-għalf u l-ikel tiġi osservata mill-operaturi tul l-istadji kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni ( 31 ). Kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit li l-kontrolli uffiċjali jkunu effettivi, kif jissemma repetutament fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 882/2004, huwa ta’ tħassib ewlieni għal-leġiżlatur tal-Unjoni, li jiddependi primarjament fuq il-kwalità tax-xogħol tal-ispezzjoni mwettaq mill-veterinarji uffiċjali u mill-awżiljarji uffiċjali ( 32 ).

42.

Flimkien mar-Regolament Nru 882/2004, ir-regoli dwar il-kontrolli uffiċjali jinsabu fir-Regolament Nru 854/2004, li huwa parti mill-“pakkett tal-Unjoni dwar l-iġjene tal-ikel” – li jinkludi wkoll ir-Regolamenti Nru 852/2004 u Nru 853/2004 – bl-għan li tiġi kkonsolidata, issemplifikata u aġġornata l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar ir-rekwiżiti tal-iġjene tal-ikel ( 33 ). Ir-Regolament Nru 852/2004 jirrigwarda regoli ġenerali dwar l-iġjene ta’ prodotti tal-ikel ( 34 ), filwaqt li r-Regolament Nru 853/2004 jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar l-iġjene ta’ ikel li ġej mill-annimali ( 35 ), u l-għan ewlieni tagħhom huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel ( 36 ). L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 853/2004 għandu importanza speċjali hawnhekk, peress li ġeneralment jipprojbixxi lill-operaturi milli jqiegħdu fis-suq prodott li ġej mill-annimali, bħal-laħam, sakemm ma jkollux marka tas-saħħa applikata skont ir-Regolament Nru 854/2004 ( 37 ). Dak ir-regolament jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar kontrolli uffiċjali rigward il-laħam u prodotti oħra mill-annimali ( 38 ). Kif indikat mill-premessa 4 tar-Regolament Nru 854/2004, wieħed mill-għanijiet ewlenin tiegħu huwa li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa pubblika u, skont il-premessi 8 u 9 tiegħu, huma meħtieġa kontrolli uffiċjali fuq il-laħam sabiex jiġi vverifikat li l-operaturi jikkonformaw mar-regoli ta’ iġjene u, fid-dawl tal-perizja speċifika tagħhom, il-veterinarji uffiċjali huma fdati l-kompitu li jwettqu spezzjonijiet u kompiti oħra fil-biċċeriji ( 39 ).

43.

B’mod partikolari, f’termini ta’ emendi tad-dritt tal-Unjoni li saru wara l-fatti fil-kawża prinċipali iżda rilevanti għal din il-kawża, ir-Regolament (UE) 2017/625 ( 40 ) jintegra l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kontrolli uffiċjali f’qafas leġiżlattiv wieħed ( 41 ), u b’hekk jissostitwixxi, inter alia, ir-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004. Barra minn hekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/627 ( 42 ) jinkludi dispożizzjonijiet simili għal dawk tar-Regolament Nru 854/2004 inkwistjoni f’din il-kawża.

3. Ir-rwol tal-veterinarju uffiċjali

44.

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, kif diġà ssemma, il-veterinarju uffiċjali għandu rwol ċentrali fis-sistema tal-kontrolli uffiċjali tal-laħam ( 43 ), kif stabbilit fir-Regolament Nru 854/2004 u fl-annessi tiegħu li jakkumpanjawh. Veterinarju uffiċjali huwa ddefinit fir-Regolament Nru 854/2004 bħala veterinarju kkwalifikat, skont dan ir-regolament, biex jaġixxi f’tali kariga u maħtur mill-awtorità kompetenti ( 44 ). L-Anness I, Taqsima III, Kapitolu IV tar-Regolament Nru 854/2004 jispeċifika l-kwalifiki professjonali tal-veterinarju uffiċjali, f’termini ta’ għarfien u taħriġ speċjalizzat, li għandhom jiġu ssodisfatti f’dan ir-rigward. Minħabba l-istatus u l-esperjenza professjonali tiegħu, il-veterinarju uffiċjali jista’ jitqies bħala l-persuna l-aħjar ikkwalifikata sabiex twettaq spezzjonijiet fl-Istati Membri u toffri, għalhekk, garanziji xierqa ta’ kompetenza u uniformità tar-rekwiżiti sanitarji applikabbli għal-laħam ( 45 ).

45.

F’dan ir-rigward, l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 854/2004, flimkien mal-Anness I, Taqsima I tiegħu, jiddefinixxu l-kompiti, ġeneralment marbuta mal-verifika, l-ispezzjonijiet ante-mortem u post-mortem u l-immarkar tas-saħħa, li jitwettqu mill-veterinarju uffiċjali, li jista’ jkun assistit minn oħrajn, bħal awżiljarji uffiċjali, li huma wkoll imħarrġa apposta ( 46 ). L-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-veterinarju uffiċjali għandu jiżgura li marka tas-saħħa tiġi applikata għal laħam “fejn kontrolli uffiċjali ma jkunu identifikaw ebda defiċjenzi li jirrendu l-laħam mhux tajjeb għall-konsum uman” ( 47 ). Barra minn hekk, l-Anness I, Taqsima II, Kapitolu V tar-Regolament Nru 854/2004 jistabbilixxi d-deċiżjonijiet dwar il-laħam meħuda mill-veterinarju uffiċjali wara kontrolli uffiċjali, li jinvolvu lista ta’ 21 raġuni li abbażi tagħhom il-laħam għandu jiġi ddikjarat mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem, inkluż fejn, bħal f’dan il-każ, il-laħam ikun ġej minn annimali affettwati minn marda ġġeneralizzata, bħal pijemija, jew fejn, fl-opinjoni tal-veterinarju uffiċjali wara eżami tal-informazzjoni rilevanti kollha, il-laħam jista’ jikkostitwixxi riskju għas-saħħa pubblika jew tal-annimali jew, għal kwalunkwe raġuni oħra, ma jkunx adatt għall-konsum mill-bniedem ( 48 ).

46.

Konsegwentement, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 854/2004 jidher li l-leġiżlatur tal-Unjoni inkariga lill-veterinarju uffiċjali bir-responsabbiltà li jiżgura li l-laħam imqiegħed fis-suq ikun xieraq għall-konsum mill-bniedem u b’hekk li jiżgura l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika segwit minn dan ir-regolament ( 49 ), kif ukoll b’mod ġenerali mis-sistema ta’ sigurtà tal-ikel tal-Unjoni ( 50 ). Barra minn hekk, il-veterinarju uffiċjali għandu setgħa diskrezzjonali skont ir-Regolament Nru 854/2004 ( 51 ), ibbażata fuq il-perizja speċjali tiegħu, sabiex jiddeċiedi dwar jekk laħam ikunx xieraq għall-konsum mill-bniedem. Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jiġu eżaminati d-domandi mqajma minn din il-kawża.

B.   Domanda 2

47.

Kif issemma fil-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-tieni domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja hija dwar jekk l-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004, jeżiġix li l-Istati Membri jipprovdu dritt għal rikors fuq il-fondatezza kontra d-deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali li jirrifjuta li japplika marka ta’ saħħa għal laħam meqjus bħala mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem. Konsegwentement, l-ewwel ser neżamina jekk l-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004 huwiex applikabbli għal deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali taħt l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004 (Taqsima 1). Imbagħad ser neżamina l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din id-deċiżjoni (Taqsima 2).

1. Applikabbiltà tal-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004

48.

Skont l-argumenti mressqa mir-Renju Unit, l-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004 ma huwiex applikabbli għal deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004, u din id-dispożizzjoni lanqas ma timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprovdu dritt għal rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti meħuda skont l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 882/2004, iżda sempliċement tobbliga lil dawn l-awtoritajiet jipprovdu informazzjoni dwar tali dritt sa fejn ikun jeżisti. Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni huma ta’ fehma differenti.

49.

Għandi nippreċiża qabel kollox li naqbel mar-rikorrenti u mal-Kummissjoni li l-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004 jipprovdi dritt għal rikors kontra deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali taħt l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004. Ir-raġunijiet li għalihom wasalt għal din il-konklużjoni huma s-segwenti.

50.

Għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 854/2004 ma jinkludi l-ebda regola dwar id-drittijiet għal rikors f’dak li jirrigwarda deċiżjonijiet ta’ veterinarji uffiċjali. Mill-Artikolu 1(1a) ta’ dan ir-regolament huwa ċar li dan japplika flimkien mar-Regolament Nru 882/2004 u li, skont l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 882/2004, dan ir-regolament ma jaffettwax id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni dwar il-kontrolli uffiċjali. Konsegwentement, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fir-Regolament Nru 854/2004 dwar id-drittijiet għal rikors kontra deċiżjonijiet ta’ veterinarji uffiċjali, għandu jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolament Nru 882/2004.

51.

L-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004 jirrigwarda l-azzjoni li l-awtorità kompetenti għandha tieħu, skont l-Artikolu 54(1) ta’ dan ir-regolament, sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità. Skont din id-dispożizzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi lill-operatur ikkonċernat notifika bil-miktub tad-deċiżjoni tagħha dwar l-azzjoni li għandha tittieħed u dwar il-motivi ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll “informazzjoni dwar id-drittijiet ta’ appell kontra dawk id-deċiżjonijiet u dwar il-proċeduri applikabbli u l-limiti ta’ żmien”.

52.

Fil-fehma tiegħi, deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali li tirrifjuta l-applikazzjoni ta’ marka tas-saħħa għal laħam meqjus bħala mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004 tista’ tiġi kkaratterizzata bħala sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità fis-sens tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 882/2004.

53.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-terminu “nuqqas ta’ konformità” huwa ddefinit b’mod wiesa’ fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 882/2004 bħala “nuqqas ta’ konformità mal-liġi dwar l-għalf u l-ikel u mar-regoli dwar is-saħħa ta’ l-annimali u l-welfare”. Barra minn hekk, is-subparagrafu (b) tal-Artikolu 54(2) ta’ dan ir-regolament isemmi, b’mod partikolari, miżuri li jillimitaw jew jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ ikel, u din id-dispożizzjoni għandha wkoll kamp ta’ applikazzjoni wiesa’, għaliex is-subparagrafu (h) tagħha jirreferi għal “kwalunkwe miżura oħra li l-awtorità kompetenti tqis xierqa”. Skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 178/2002 (ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet), l-ebda ikel ma jista’ jitqiegħed fis-suq jekk jitqies li ma huwiex xieraq għall-konsum mill-bniedem. Mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004 jirriżulta li r-rifjut ta’ veterinarju uffiċjali li japplika marka tas-saħħa għandu preċiżament l-effett li jiddikjara laħam bħala mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem u li jwaqqfu milli jitqiegħed fis-suq. Kif tenfasizza l-Kummissjoni, huwa wkoll paċifiku li d-deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali dwar il-marka tas-saħħa ttieħdet f’isem l-awtorità kompetenti, jiġifieri l-FSA, f’dan il-każ.

54.

Kuntrarjament għall-argumenti mressqa mir-Renju Unit, jidhirli li din hija sitwazzjoni li għandha tiġi rrimedjata permezz ta’ miżura ta’ infurzar. Hawnhekk, din hija kwistjoni ta’ tneħħija ta’ laħam li huwa ta’ perikolu għas-saħħa pubblika billi jiġi deċiż li ma tiġix applikata marka tas-saħħa. Kif jindikaw ir-rikorrenti, ma hemmx distinzjoni bejn l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 854/2004 fir-rigward tad-deċiżjonijiet meħuda minn awtoritajiet kompetenti li huma suġġetti għall-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 882/2004, b’mod partikolari peress li dan imur kontra l-kunċett wiesa’ ta’ nuqqas ta’ konformità fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 882/2004 u tal-miżuri previsti fl-Artikolu 54(2) tiegħu. L-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 854/2004 jgħid ukoll li l-kontrolli uffiċjali għall-finijiet tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jinkludu dawk speċifikati fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament.

55.

Nirrikonoxxi li l-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004 jirreferi għal obbligu tal-awtorità kompetenti sabiex tipprovdi informazzjoni dwar id-drittijiet għal rikors. Madankollu, il-premessa 43 ta’ dan ir-regolament tipprovdi “[l]-operaturi għandu jkollhom id-dritt ta’ appell kontra id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità kompetenti bħala riżultat tal-kontrolli uffiċjali, u għandhom ikunu informati b’dak id-dritt” ( 52 ). Għaldaqstant, abbażi ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004 fid-dawl tal-premessa 43 tiegħu, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din id-dispożizzjoni teżiġi li l-Istati Membri jipprovdu dritt għal rikors kontra deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità kompetenti, li jinkludu deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004.

56.

Din l-analiżi tidher konformi mal-oriġini tar-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004. B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-proposta tal-Kummissjoni tar-Regolament Nru 854/2004 ma kien fiha ebda dispożizzjoni dwar id-dritt għal rikors ( 53 ), fl-ewwel qari tagħha, il-Parlament Ewropew ippropona li tiġi inkluża dispożizzjoni, li tgħid: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li proċeduri adegwati ta’ rikors ikunu disponibbli għall-operaturi ta’ negozji tal-ikel. L-użu minn din il-possibbiltà ta’ rikors ma jistax jirriżulta fi kwalunkwe dewmien jew posponiment tal-implimentazzjoni tal-miżuri stabbiliti f’dan ir-regolament” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 54 ). Il-ġustifikazzjoni kienet li “[i]l-produtturi għandu jkollhom l-opportunità li jippreżentaw rikors kontra kwalunkwe deċiżjoni li huma jqisu li ma hijiex iġġustifikata” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 55 ). Bl-istess mod, il-Kunsill żied dispożizzjoni mat-test propost, li kienet prattikament identika għall-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004 ( 56 ). Fir-risposta, il-Kummissjoni qieset li d-drittijiet għal rikors għandhom jiġu ttrattati fir-regolament propost dwar il-kontrolli uffiċjali tal-għalf u tal-ikel ( 57 ), li rriżulta fir-Regolament Nru 882/2004. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet proposti dwar id-dritt għal rikors ma dehrux fit-test finali tar-Regolament Nru 854/2004 kif ġie adottat.

57.

Konsegwentement, mill-ftehim ta’ esklużjoni tad-dispożizzjonijiet proposti dwar id-drittijiet għal rikors fir-Regolament Nru 854/2004 jista’ jiġi dedott favur dawk li jinsabu fir-Regolament Nru 882/2004 li l-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004 huwa applikabbli għad-deċiżjonijiet tal-awtorità kompetenti fil-kuntest tar-Regolament Nru 854/2004. Mill-proposta tal-Parlament jidher ukoll li tali dispożizzjoni ma kinitx tirrigwarda biss dritt li tiġi rċevuta informazzjoni, iżda kienet intiża sabiex tiggarantixxi li l-operaturi jkollhom dritt għal rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-awtorità kompetenti li jikkawżawlhom preġudizzju.

58.

Għandu jingħad ukoll li din l-analiżi tidher li hija konformi mar-Regolament 2017/625 u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/627, li ssostitwixxew ir-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004 (ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Minbarra dispożizzjonijiet li jikkorrispondu għall-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004 ( 58 ), kif ukoll l-Artikolu 54(3) u l-premessa 43 tar-Regolament Nru 882/2004 ( 59 ), ir-Regolament Nru 2017/625 jinkludi dispożizzjoni speċifika, l-Artikolu 7, intitolat “Dritt għal appell [rikors]”, li jipprovdi li deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti, kif imsemmija fih, li jikkonċernaw persuni fiżiċi u ġuridiċi għandhom ikunu suġġetti għad-dritt għal rikors ta’ tali persuni skont id-dritt nazzjonali, u li tali dritt ma jaffettwax l-obbligu ta’ dawn l-awtoritajiet li jieħdu azzjoni immedjata skont l-imsemmi regolament. L-Artikolu 45 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/627 jindika barra minn hekk b’mod espliċitu li l-“miżuri f’każijiet ta’ nonkonformità mar-rekwiżiti għal-laħam frisk” jindikaw dawk relatati mad-diversi raġunijiet li abbażi tagħhom il-veterinarju uffiċjali jiddikjara laħam bħala mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem, bħal meta l-laħam ikun ġej minn annimali affettwati mill-pijemija ( 60 ).

59.

Għalhekk inqis li l-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004 huwa applikabbli għal deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004. Fi kwalunkwe każ, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004 ma huwiex applikabbli għal tali deċiżjoni, dan bl-ebda mod ma jikkontesta d-dritt għal rikors ta’ operatur ta’ biċċerija kontra din id-deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 47 tal-Karta f’dawn iċ-ċirkustanzi (ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

2. Il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju

60.

Kif jidher mill-osservazzjonijiet tagħhom, ir-rikorrenti u r-Renju Unit ma jaqblux dwar il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004. Essenzjalment, ir-rikorrenti jsostnu li, sabiex id-dritt tagħhom għal rimedju effettiv jiġi rrispettat, tali stħarriġ għandu jirrigwarda l-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni, kif previst mill-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990, filwaqt li r-Renju Unit isostni li dan it-tip ta’ stħarriġ ma huwiex awtorizzat mir-Regolament Nru 854/2004 u li rikors għal stħarriġ ġudizzjarju huwa suffiċjenti. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-istħarriġ ġudizzjarju fuq il-mertu ma huwiex meħtieġ mill-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004 u fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, u li dan huwa suġġett f’idejn l-Istati Membri, bla ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

61.

Konsegwentement, nirrileva li l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex dwar jekk hemmx nuqqas ta’ xi dritt għal rikors disponibbli għal operatur ta’ biċċerija f’dawn iċ-ċirkustanzi, iżda pjuttost dwar l-effettività tar-rimedju li għandu dan l-operatur skont id-dritt nazzjonali sabiex jikkontesta deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004 quddiem qorti nazzjonali, jiġifieri jekk dan ir-rimedju għandux iwassal għal stħarriġ ġudizzjarju tal-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni sabiex ikun konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

62.

Jiena kkonkludejt li l-portata iktar limitata tal-istħarriġ ta’ deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali li tirrifjuta l-applikazzjoni ta’ marka tas-saħħa għal laħam meqjus bħala mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem minn qorti nazzjonali, bħal dik ikkonċernata f’rikors għal stħarriġ ġudizzjarju, hija konformi mal-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004 u fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, u li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni ma huwiex meħtieġ. Jiena wasalt għal din il-konklużjoni abbażi tar-raġunijiet li ġejjin.

63.

Għandu jiġi rrilevat li, kif rajna fil-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004 ma jinkludi ebda regola dwar l-eżerċizzju tad-dritt għal rikors imsemmi fih.

64.

Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, hija s-sistema legali ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li għandha tindika l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u li għandha tistabbilixxi r-regoli proċedurali ddettaljati applikabbli għar-rikorsi intiżi għall-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt tal-Unjoni. Madankollu, dawn ir-regoli ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili interni (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 61 ). Barra minn hekk, kif irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja l-assenza ta’ regoli tal-Unjoni dwar il-proċeduri sabiex jitressqu azzjonijiet quddiem il-qrati nazzjonali, u sabiex tiġi ddeterminata l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet nazzjonali adottati skont miżura tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-iskop ta’ din il-miżura u għandu jiġi żgurat li l-effikaċja tagħha ma tiġix ippreġudikata ( 62 ).

65.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat domandi dwar il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet amministrattivi mill-qrati nazzjonali fil-kuntest tal-ġurisprudenza tagħha dwar il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Pereżempju, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, East Sussex County Council ( 63 ), kienet tikkonċerna talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti tar-Renju Unit dwar jekk kienx hemm nuqqas ta’ kompatibbiltà ma’ direttiva tal-Unjoni dwar id-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali jekk in-natura raġonevoli tat-tariffa għall-provvista ta’ din l-informazzjoni kienet suġġetta għal stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju limitat kif previst mid-dritt tar-Renju Unit.

66.

Fis-sentenza tagħha ( 64 ), il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għal din id-domanda fin-negattiv. B’mod partikolari, hija rrilevat li d-direttiva tal-Unjoni ma kinitx tispeċifika l-portata tal-istħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju meħtieġ u għalhekk kien id-dritt nazzjonali li kellu jiddetermina din il-portata, bla ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività ( 65 ). Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat ukoll li, skont id-dritt nazzjonali, l-istħarriġ kien limitat għall-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni meħuda mill-awtorità pubblika kinitx irrazzjonali, illegali jew inġusta, b’portata limitata għall-istħarriġ tal-konklużjonijiet fattwali rilevanti li waslet għalihom dik l-awtorità ( 66 ). Filwaqt li bbażat ruħha fuq ġurisprudenza preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li proċedura għal stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet amministrattivi li tkun limitata fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ fatt ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ effettività, sakemm tippermetti lill-qorti nazzjonali adita b’rikors għall-annullament ta’ tali deċiżjoni tapplika b’mod effettiv il-prinċipji u r-regoli rilevanti tad-dritt tal-Unjoni hija u tistħarreġ il-legalità ta’ dik id-deċiżjoni ( 67 ).

67.

Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat ukoll regoli proċedurali nazzjonali relatati mal-portata ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet amministrattivi abbażi tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta f’diversi kuntesti ( 68 ). Fil-fatt, kawżi, bħal din preżenti, li jinvolvu rimedji mogħtija lil persuni li jfittxu protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet tagħhom ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni jorbtu direttament mal-Artikolu 47 tal-Karta, minħabba li koordinazzjoni mal-ġurisprudenza tal-QEDB dwar l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 13 tal-KEDB hija tal-ogħla importanza ( 69 ).

68.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta jinkludi diversi elementi, inklużi d-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, id-dritt ta’ aċċess għal qorti u d-dritt li wieħed jingħata parir, jiġi difiż u jiġi rrappreżentat ( 70 ). Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dritt ta’ aċċess għal qorti skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tali qorti tkun tista’ tiddeċiedi dwar tilwima rigward drittijiet u obbligi skont id-dritt tal-Unjoni, hija għandu jkollha s-setgħa li tikkunsidra l-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi li huma rilevanti għall-kawża quddiemha ( 71 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jimplika li deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva li ma tissodisfax hija stess il-kundizzjonijiet ta’ indipendenza u imparzjalità għandha tkun suġġetta għal kontroll sussegwenti minn korp ġudizzjarju li għandu, b’mod partikolari, ikollu ġurisdizzjoni biex jikkunsidra l-kwistjonijiet rilevanti kollha ( 72 ).

69.

Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-konformità mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva abbażi tal-Artikolu 47 tal-Karta għandha tiġi eżaminata skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, inklużi n-natura tal-att inkwistjoni, il-kuntest li fih ġie adottat u r-regoli legali li jirregolaw il-materja kkonċernata ( 73 ). Għalhekk, kif jirrilevaw il-kummentaturi, ma jeżistix standard uniformi wieħed għall-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet amministrattivi mill-qrati nazzjonali f’kawżi li jinvolvu l-Artikolu 47 tal-Karta ( 74 ).

70.

Gwida ulterjuri tista’ tiġi dedotta mill-ġurisprudenza tal-QEDB dwar l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 13 tal-KEDB, li fid-dawl tagħhom għandu jiġi interpretat l-Artikolu 47 tal-Karta ( 75 ). Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, il-QEDB ddeċidiet li r-rekwiżit li qorti għandu jkollha “ġurisdizzjoni sħiħa” huwa ssodisfatt fejn hija eżerċitat “ġurisdizzjoni suffiċjenti” jew ipprovdiet “stħarriġ suffiċjenti” fil-proċeduri quddiemha. Dan jirrifletti l-fatt li ta’ spiss jiġri, fir-rigward ta’ rikorsi tad-dritt amministrattiv fl-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, li l-portata ta’ stħarriġ ġudizzjarju fuq il-fatti tal-kawża tkun limitata u li huwa karatteristiku tal-proċeduri ta’ stħarriġ li l-awtoritajiet kompetenti jistħarrġu l-proċeduri preċedenti pjuttost milli jieħdu deċiżjonijiet fattwali. Għalhekk, l-Artikolu 6 tal-KEDB ma għandux, fil-prinċipju, ir-rwol li jiggarantixxi aċċess għal qorti li tista’ tissostitwixxi l-evalwazzjoni jew l-opinjoni tagħha stess għal dik tal-awtoritajiet amministrattivi, u l-QEDB insistiet b’mod partikolari fuq ir-rispett li għandu jingħata lid-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet amministrattivi għal raġunijiet ta’ konvenjenza u li ta’ spiss jimplikaw oqsma legali speċjalizzati ( 76 ).

71.

Fl-evalwazzjoni dwar jekk il-portata tal-istħarriġ imwettaq minn qorti hijiex biżżejjed, il-QEDB tieħu inkunsiderazzjoni s-setgħat tal-korp ġudizzjarju inkwistjoni, flimkien ma’ tali fatturi bħal: (a) is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari, jekk kinitx tikkonċerna jew le kwistjoni speċjalizzata li teħtieġ għarfien jew esperjenza professjonali u jekk kinitx tinvolvi l-eżerċizzju ta’ diskrezzjoni amministrattiva u, jekk iva, sa liema punt; (b) il-mod li bih ġiet adottata din id-deċiżjoni, b’mod partikolari, il-garanziji proċedurali disponibbli fil-proċedura quddiem il-korp ġudizzjarju; u (c) il-kontenut tat-tilwima, inklużi l-aggravji mixtieqa u attwali ( 77 ). Jekk l-istħarriġ huwiex suffiċjenti jew le għalhekk jiddependi fuq iċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku ( 78 ). Il-prinċipju ta’ “ġurisdizzjoni sħiħa” ġie interpretat b’mod flessibbli, b’mod partikolari f’kawżi ta’ dritt amministrattiv fejn il-ġurisdizzjoni tal-qorti kienet ristretta minħabba n-natura teknika tas-suġġett tat-tilwima ( 79 ).

72.

Pereżempju, fl-applikazzjoni ta’ dawn il-fatturi, il-QEDB ma kkonstatat ebda ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB f’ċirkustanzi fejn il-qorti ma setgħetx tissostitwixxi d-deċiżjoni tagħha stess flok dik tal-awtorità amministrattiva u l-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-fatti kienet limitata, iżda setgħet tannulla d-deċiżjoni għal diversi raġunijiet u s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata kien “eżerċizzju klassiku ta’ diskrezzjoni amministrattiva” f’qasam legali speċjalizzat imwettaq fil-kuntest tal-garanzija tal-iffissar ta’ normi u tal-osservanza tal-leġiżlazzjoni applikabbli skont għanijiet ta’ interess ġenerali ( 80 ). Barra minn hekk, il-QEDB ikkonstatat diversi drabi li r-rimedju ta’ stħarriġ ġudizzjarju previst mid-dritt tar-Renju Unit kien joffri stħarriġ suffiċjenti skont l-Artikolu 6(1) tal-KEDB ( 81 ).

73.

Min-naħa l-oħra, il-QEDB ikkonstatat ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB meta l-qorti qieset lilha nnifisha marbuta mill-konstatazzjonijiet preċedenti tal-awtorità amministrattiva li kienu determinanti għas-soluzzjoni tal-kawża mingħajr ma eżaminat il-kwistjonijiet b’mod indipendenti ( 82 ), jew kienet prekluża milli tiddeċiedi l-kwistjoni ċentrali inkwistjoni, li kienet tinvolvi sempliċi kwistjoni ta’ fatt li la kienet teħtieġ ċertu livell ta’ għarfien jew ta’ esperjenza professjonali u lanqas l-eżerċizzju ta’ diskrezzjoni amministrattiva skont għanijiet politiċi iktar wiesgħa u għalhekk setgħet tiġi deċiża minn qorti mhux speċjalizzata ( 83 ).

74.

Abbażi ta’ dan, nosserva b’mod partikolari li l-ġurisprudenza tal-QEDB dwar l-Artikolu 6(1) tal-KEDB tippermetti stħarriġ limitat tal-fondatezza tad-deċiżjonijiet amministrattivi mill-qrati nazzjonali, b’mod konformi mat-trattament ta’ rikorsi amministrattivi fl-Istati Membri. Barra minn hekk, din il-ġurisprudenza tieħu inkunsiderazzjoni l-perizja speċifika u d-diskrezzjoni tal-awtorità amministrattiva kkonċernata. Inqis li dawn il-punti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta u l-applikazzjoni tiegħu fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża.

75.

Fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004 ma jeħtieġx li l-Istati Membri jipprovdu stħarriġ ġudizzjarju tal-fondatezza ta’ deċiżjonijiet tal-awtorità kompetenti. Minn dan isegwi li din hija kwistjoni għall-Istati Membri, sakemm huma josservaw l-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività kif ukoll mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva abbażi tal-Artikolu 47 tal-Karta. Għalhekk, jidhirli li r-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004 ma jidhrux, bħala prinċipju, li jipprekludu lil Stat Membru milli jistabbilixxi regoli proċedurali li jipprovdu għal stħarriġ minn qorti nazzjonali tal-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004, bħall-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990, jew li jipprevedu l-portata iktar limitata tal-kontestazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, bħalma huwa l-każ ta’ rikors għal stħarriġ ġudizzjarju.

76.

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni ma jidhirx li huwa neċessarju, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punti 64 sa 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sabiex jiġu ggarantiti l-għanijiet u l-effettività tar-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004. Għall-kuntrarju, jidhirli li l-portata iktar limitata tal-kontestazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, bħal dik f’rikors għal stħarriġ ġudizzjarju, tkun tippreżerva l-perizja speċifika tal-veterinarju uffiċjali fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar jekk laħam huwiex xieraq għall-konsum mill-bniedem, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004 sabiex jiġi żgurat li laħam mhux xieraq ma jitqigħedx fis-suq u b’hekk tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika mfittex minn dan ir-regolament (ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma għandha informazzjoni quddiemha li tindika li rikors għal stħarriġ ġudizzjarju jipprevjeni lill-qorti nazzjonali milli tapplika l-prinċipji u r-regoli rilevanti tad-dritt tal-Unjoni hija u tistħarreġ din id-deċiżjoni.

77.

Fir-rigward tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva abbażi tal-Artikolu 47 tal-Karta, jidher li, fis-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004 ma tistax tiġi mistħarrġa fuq il-fondatezza, la quddiem awtorità amministrattiva u lanqas quddiem qorti. Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-QEDB dwar l-Artikolu 6(1) tal-KEDB (ara l-punti 70 sa 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet), dan jista’ jitqies li jirrifletti s-sistemi legali tal-Istati Membri sa fejn jista’ jkun hemm stħarriġ limitat ta’ deċiżjonijiet amministrattivi fuq il-fondatezza minn qorti nazzjonali, u ma jeżisti ebda dritt għal livell ta’ ġurisdizzjoni li tista’ tissostitwixxi l-opinjoni tagħha flok dik tal-awtorità kompetenti, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet li jinvolvu perizja speċifika u l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali minn din l-awtorità. Fil-fehma tiegħi, dan huwa l-każ hawnhekk, li jirrigwarda deċiżjoni dwar l-immarkar ta’ saħħa ta’ laħam meqjus bħala mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem, meħuda abbażi ta’ spezzjoni ddettaljata tal-laħam kif ukoll tal-għarfien u tat-taħriġ professjonali estiż tal-veterinarju uffiċjali kif jipprevedi r-Regolament Nru 854/2004 (ara l-punti 44 sa 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

78.

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, kif indikat mid-deċiżjoni tar-rinviju (ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet), fil-kuntest ta’ rikors għal stħarriġ ġudizzjarju, il-qorti tista’ teżamina jekk il-konstatazzjonijiet magħmula mill-veterinarju uffiċjali humiex sostnuti minn provi u tista’ tannulla d-deċiżjoni li ġiet adottata. Għalhekk, jidher li l-qorti tista’ tagħmel evalwazzjoni awtonoma mingħajr ma tkun marbuta bil-konstatazzjonijiet preliminari tal-veterinarju uffiċjali u għandha s-setgħa li tannulla d-deċiżjoni meħuda minn dan il-veterinarju uffiċjali għal diversi raġunijiet.

79.

Fir-rigward tas-soluzzjoni amministrattiva eventwali msemmija fl-osservazzjonijiet tar-Renju Unit (ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet), din is-soluzzjoni hija stabbilita f’test maħruġ mill-FSA u tidher li hija prassi amministrattiva. Huwa paċifiku li hija ma ntużatx fit-tilwima fil-kawża prinċipali, peress li ġiet adottata mill-FSA wara li qamet din it-tilwima. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li dan il-proċess jippermetti lil veterinarju uffiċjali jikkunsidra mill-ġdid, fid-dawl tat-tieni opinjoni maħruġa minn veterinarji kompetenti oħra, l-evalwazzjoni tiegħu ta’ laħam bħala mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem qabel ma jieħu d-deċiżjoni skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004. Abbażi ta’ dan, jidhirli li, għalkemm tali proċess jista’ jkun rilevanti għall-finijiet tat-tressiq ta’ azzjoni sabiex tiġi kkontestata din id-deċiżjoni fil-każ li jsir użu minnu, huwa ma jikkostitwixxix mezz ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ din id-deċiżjoni u għalhekk ma huwiex suffiċjenti, minnu nnifsu, sabiex jiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva abbażi tal-Artikolu 47 tal-Karta.

80.

Għandu jingħad ukoll li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti dwar l-obbligi proċedurali imposti fuq l-Istati Membri fil-kuntest tad-dritt għall-proprjetà protett mill-Artikolu 17 tal-Karta ma jinvalidawx din l-analiżi. Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-QEDB dwar l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB ( 84 ), li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tal-Karta ( 85 ), il-portata iktar limitata tal-kontestazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004, bħal dik involuta f’rikors għal stħarriġ ġudizzjarju, tista’ titqies, fil-fehma tiegħi, li toffri lil operatur ta’ biċċerija opportunità raġonevoli li jressaq il-każ tiegħu quddiem qorti sabiex jikkontesta b’mod effettiv din id-deċiżjoni, sa fejn dan id-dritt għall-proprjetà skont dan l-artikolu ġie involut.

81.

Nikkonkludi għalhekk li l-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004 u fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, ma jipprekludix proċedura stabbilita mid-dritt nazzjonali, bħal rikors għal stħarriġ ġudizzjarju, li tipprovdi għal stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali li tirrifjuta l-applikazzjoni ta’ marka tas-saħħa għal laħam meqjus bħala mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem skont liema l-qorti nazzjonali li twettaq dan l-istħarriġ ma tkunx awtorizzata tistħarreġ il-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni.

C.   Domanda 1

82.

Kif issemma fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-ewwel domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda l-punt dwar jekk ir-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004 jipprekludux proċedura nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990.

83.

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, din id-domanda tqajmet fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali bejn ir-rikorrenti u l-FSA dwar il-proċedura korretta taħt id-dritt nazzjonali għal evalwazzjoni ġudizzjarja ta’ deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004 u dwar il-konformità tal-FSA mar-regoli previsti mid-dritt intern.

84.

Jiena kkonkludejt li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, proċedura nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990, ma hijiex kompatibbli mar-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività u mal-Artikolu 47 tal-Karta. Ir-raġunijiet li għalihom wasalt għal din il-konklużjoni huma s-segwenti.

85.

Għandu jitfakkar mill-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni, hija s-sistema legali ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li għandha tindika l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni għal azzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi huma mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, bla ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar ukoll li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk regola proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jsir riferiment, fejn xieraq, għall-prinċipji bażiċi tas-sistema legali nazzjonali kkonċernata, inkluż il-prinċipju ta’ ċertezza legali ( 86 ). Barra minn hekk, meta jistabbilixxu r-regoli proċedurali li jirregolaw tali azzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-osservanza tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 87 ).

86.

Minn dan isegwi li miżuri nazzjonali li jindikaw il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ azzjonijiet li jikkontestaw deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004 jaqgħu fl-ambitu tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, sakemm dawn josservaw l-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni, fosthom il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva abbażi tal-Artikolu 47 tal-Karta. Kif issemma fil-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004 ma jidhrux, fil-prinċipju, li jipprekludu lil Stat Membru milli jistabbilixxi regoli proċedurali li jipprovdu għall-istħarriġ minn qorti nazzjonali tal-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004, bħall-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990, jew li jipprevedu l-portata iktar limitata tal-kontestazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, bħal dik li jimplika rikors għal stħarriġ ġudizzjarju.

87.

Madankollu, jidhirli li l-aspetti segwenti tas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali huma partikolarment rilevanti.

88.

Kif indikat mill-qorti tar-rinviju (ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet), il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990 tissuġġetta d-deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali għal stħarriġ minn membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali, li jista’ jikkunsidra, abbażi ta’ provi xierqa, li l-laħam ma jikkonformax mar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-ikel. Madankollu, ma huwiex l-operatur tal-biċċerija, li l-interessi tiegħu huma ppreġudikati minn din id-deċiżjoni, li jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-membru tal-ġudikatura f’qorti distrettwali, iżda pjuttost l-uffiċjal tal-FSA. Fil-fehma tiegħi, il-fatt li din il-proċedura ma tistax tiġi invokata minn operatur ta’ biċċerija sabiex jinvoka d-drittijiet tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni, u tiddependi fuq azzjoni meħuda minn awtoritajiet nazzjonali, bħall-FSA, jidher, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li jirrendi l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli.

89.

Bl-istess mod, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990 ma tiggarantixxix lill-operatur ta’ biċċerija dritt ta’ aċċess għal qorti skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, peress li dan l-operatur ma jingħatax possibbiltà reali li jressaq proċeduri legali quddiem qorti sabiex jikkontesta din id-deċiżjoni ( 88 ).

90.

Barra minn hekk, is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju skont id-dritt tar-Renju Unit tidher problematika għal raġunijiet ta’ ċertezza legali. Kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li joħolqu sitwazzjoni legali suffiċjentement preċiża, ċara u prevedibbli sabiex tippermetti lill-individwi jkunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom ( 89 ). Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ir-regoli proċedurali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhrux li jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali u għalhekk ma humiex konformi mal-prinċipju ta’ effettività minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza dwar jekk il-mod korrett ta’ kontestazzjoni tad-deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004 huwiex permezz tal-proċedura prevista fl-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990 jew permezz ta’ rikors għal stħarriġ ġudizzjarju.

91.

Nikkonkludi għalhekk li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ir-Regolamenti Nru 854/2004 u Nru 882/2004, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività u l-Artikolu 47 tal-Karta, jipprekludu proċedura nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990.

VII. Konklużjoni

92.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) kif ġej:

1.

Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman, u r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mas-saħħa ta’ l-annimali u mar-regoli dwar il-welfare ta’ l-annimali, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività u mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu proċedura nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑1990.

2.

L-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004 jeżiġi li l-Istati Membri jipprovdu dritt għal rikors kontra deċiżjoni ta’ veterinarju uffiċjali li tirrifjuta l-applikazzjoni ta’ marka tas-saħħa għal laħam meqjus mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 854/2004. Dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux proċedura stabbilita mid-dritt nazzjonali, bħal rikors għal stħarriġ ġudizzjarju, skont liema l-qorti nazzjonali li twettaq l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali deċiżjoni ma tkunx tista’ tistħarreġ il-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 75.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 200, rettifika fil-ĠU 2015, L 187, p. 91.

( 4 ) Dan jinkludi wkoll: ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 6, p. 463, rettifiki fil-ĠU 2014, L 327, p. 9, u fil-ĠU 2016, L 227, p. 5); ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 319); ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 14, rettifika fil-ĠU 2019, L 282, p. 35); u r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU 2009, L 300, p. 1). Ara, barra minn hekk, il-punti 39 sa 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 5 ) UK Public General Acts 1990 c. 16.

( 6 ) Hekk kif jidher mid-deċiżjoni tar-rinviju, karkassa hija użata fis-sens ta’ “karkassa”, iddefinita fil-punt 1.9 tal-Anness I tar-Regolament Nru 853/2004 bħala “il-ġisem ta’ annimal wara l-qatla u t-tindif”, filwaqt li l-kelma “ġewwieni” tfisser, skont il-punt 1.11 tiegħu, “laħam frisk barra mill-karkassa, inklużi l-interjuri u d-demm”.

( 7 ) Il-pijemija hija l-avvelenament tad-demm (septicaemia) ikkawżat mill-firxa fid-demm ta’ batterji li jifformaw materja rrilaxxati minn axxess.

( 8 ) UK Statutory Instruments 2013/2996 (l-Istrumenti Statutorji tar-Renju Unit 2013/2996). Kif jidher mill-informazzjoni sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja, dawn ir-regoli jipprevedu l-eżekuzzjoni u l-infurzar fl-Ingilterra tar-Regolamenti Nru 178/2002, Nru 852/2004, Nru 853/2004 u Nru 854/2004.

( 9 ) UK Statutory Instruments 2013/2952 (l-Istrumenti Statutorji tar-Renju Unit 2013/2952).

( 10 ) R (on the application of Association of Independent Meat Suppliers, Cleveland Meat Company Ltd) vs Food Standards Agency [2015] EWHC 1896 (Admin).

( 11 ) R (on the application of Association of Independent Meat Suppliers & Anor) vs Food Standards Agency [2017] EWCA Civ 431.

( 12 ) ĠU 2020, L 29, p. 7. Skont l-Artikolu 86(3) ta’ dan il-ftehim, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jitqiesu li tressqu fil-mument li fih l-att promotur ġie rreġistrat mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan il-każ, it-talba ġiet irreġistrata mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Lulju 2019.

( 13 ) Ir-rikorrenti jirreferu, inter alia, għas-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684), u tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373).

( 14 ) Ir-rikorrenti jirreferu għas-sentenzi tal‑1 ta’ April 2010, Denisova u Moiseyeva vs Ir-Russja (CE:ECHR:2010:0401JUD001690303), u tat‑28 ta’ Ġunju 2018, G.I.E.M. et vs L-Italja (CE:ECHR:2018:0628JUD000182806).

( 15 ) Ir-Renju Unit jirreferi, inter alia, għas-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 1986, AGOSI vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:1986:1024JUD000911880), u tal‑4 ta’ Marzu 2014, Microintelect OOD vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2014:0304JUD003412903).

( 16 ) FSA, “Process for red meat carcases rejected at post mortem inspection – Approach to considering rejection of red meat carcases at a post mortem inspection’, disponibbli fuq is-sit internet tagħha, https://www.food.gov.uk/business-guidance/process-for-red-meat-carcases-rejected-at-post-mortem-inspection.

( 17 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 31).

( 18 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2020, GAEC Jeanningros (C‑785/18, EU:C:2020:46, punti 32 u 33).

( 19 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Bank Refah Kargaran vs Il-Kunsill (C‑134/19 P, EU:C:2020:793, punt 36).

( 20 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Edukazzjoni għolja) (C‑66/18, EU:C:2020:792, punt 212).

( 21 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, NK (Pensjonijiet tax-xogħol tal-persunal maniġerjali) (C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 78).

( 22 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Protezzjoni ġudizzjarja minn talbiet għal informazzjoni fid-dritt fiskali) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punti 54 sa 59).

( 23 ) Għal diskussjoni ġenerali, ara B. M. van der Meulen, “The Structure of European Food Law”, Laws, Vol. 2, 2013, pp. 69‑98.

( 24 ) Ara r-Regolament Nru 178/2002, l-Artikolu 1(2); il-premessi 3 sa 5, 10 sa 12. Ara, barra minn hekk, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, L-evalwazzjoni ta’ REFIT tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel (Regolament Nru 178/2002) (SWD(2018) 38 final, Parti I), 15 ta’ Jannar 2018, b’mod partikolari l-punti 1.2 u 2.

( 25 ) Ara r-Regolament Nru 178/2002, l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 5(1), l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8; il-premessi 2 u 8.

( 26 ) Ara r-Regolament Nru 178/2002, l-Artikolu 14(1) u (2). Ara, ukoll, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Berger (C‑636/11, EU:C:2013:227, punt 34).

( 27 ) Ara r-Regolament Nru 178/2002, l-Artikolu 17(1); il-premessa 30.

( 28 ) Ara r-Regolament Nru 178/2002, l-Artikolu 17(2).

( 29 ) Ara r-Regolament Nru 882/2004, l-Artikolu 1(1); il-premessi 6, 7 u 45. Għad-definizzjoni ta’ “kontroll uffiċjali”, ara l-Artikolu 2(1)(c) tiegħu. Ara, barra minn hekk, ir-Rapport mill-Kummissjoni dwar l-operazzjoni kumplessiva ta’ kontrolli uffiċjali fl-Istati Membri dwar is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa tal-annimali u l-benessri tal-annimali, u s-saħħa tal-pjanti (COM(2012) 122 final) tat‑23 ta’ Marzu 2012.

( 30 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Kødbranchens Fællesråd (C‑112/15, EU:C:2016:185, punt 37).

( 31 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Pollo del Campo et (C‑199/18, C‑200/18 u C‑343/18, EU:C:2019:718, punt 33).

( 32 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Exportslachterij J. Gosschalk et (C‑477/18 u C‑478/18, EU:C:2019:1126, punti 57 u 60).

( 33 ) Ara r-Rapport mill-Kummissjoni dwar l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tar-Regolamenti dwar l-iġjene (KE) Nru 852/2004, (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004, (KUMM(2009) 403 final), tat‑28 ta’ Lulju 2009, b’mod partikolari l-punt 2.

( 34 ) Ara r-Regolament Nru 852/2004, l-Artikolu 1(1); il-premessa 8.

( 35 ) Ara r-Regolament Nru 853/2004, l-Artikolu 1(1); il-premessa 2.

( 36 ) Ara r-Regolament Nru 852/2004, il-premessa 7, ir-Regolament Nru 853/2004, il-premessi 9 u 10. Ara, ukoll, is-sentenzi tat-2 ta’ Mejju 2019, T. Boer & Zonen (C‑98/18, EU:C:2019:355, punt 44), u tat-12 ta’ Settembru 2019, A et (C‑347/17, EU:C:2019:720, punt 43).

( 37 ) Jew, f’każijiet rilevanti, marka ta’ identifikazzjoni. Ara r-Regolament Nru 853/2004, l‑Artikolu 5(1); il-premessa 15. Id-definizzjoni ta’ “prodotti li ġejjin mill-annimali” u tat-termini marbuta mal-laħam jinsabu fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, punti 1 u 8.

( 38 ) Ara r-Regolament Nru 854/2004, l-Artikolu 1(1); il-premessa 2.

( 39 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2014, Cypra (C‑402/13, EU:C:2014:2333, punt 17).

( 40 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU 2017, L 95, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 137, p. 40).

( 41 ) Ara r-Regolament 2017/625, l-Artikolu 1; il-premessi 19, 20, 43 u 92. Skont l-Artikolu 167 tiegħu, huwa japplika mill‑14 ta’ Diċembru 2019 suġġett għal ċerti eċċezzjonijiet.

( 42 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal‑15 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem skont ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali (ĠU 2019, L 131, p. 51, rettifika fil-ĠU 2019, L 325, p. 183). Skont l-Artikolu 75 tiegħu, huwa japplika mill‑14 ta’ Diċembru 2019.

( 43 ) Ara l-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (COM(2002) 377 final), 11 ta’ Lulju 2002 (iktar ’il quddiem il-“Proposta”), Memorandum ta’ Spjegazzjoni, punti 5 u 8. Ara wkoll il-punti 41 u 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 44 ) Ara r-Regolament Nru 854/2004, l-Artikolu 2(1)(f). Għad-definizzjoni ta’ “awtorità kompetenti”, ara l-Artikolu 2(1)(c) tagħha; ir-Regolament Nru 882/2004, l-Artikolu 2(4).

( 45 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ April 1997, Bakers of Nailsea (C‑27/95, EU:C:1997:188, punti 35 u 36).

( 46 ) Ara r-Regolament Nru 854/2004, l-Artikolu 5(4) sa (7); l-Anness I, it-Taqsima III. Ara, ukoll, is-sentenzi tal‑5 ta’ Novembru 2014, Cypra (C‑402/13, EU:C:2014:2333, punt 19), u tas‑17 ta’ Marzu 2016, Kødbranchens Fællesråd (C‑112/15, EU:C:2016:185, punt 29).

( 47 ) Ara wkoll ir-Regolament Nru 854/2004, Anness I, Taqsima I, Kapitolu III, punt 2(a).

( 48 ) Ara r-Regolament Nru 854/2004, Anness I, Taqsima II, Kapitolu V, punt 1(f) u (u).

( 49 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ April 1997, Daut (C‑105/95, EU:C:1997:189, punt 20).

( 50 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet; ara wkoll, pereżempju, il-premessa 1 tar-Regolament Nru 852/2004; is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Reindl (C‑443/13, EU:C:2014:2370, punt 28).

( 51 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, A et (C‑347/17, EU:C:2019:720, punti 65 sa 69), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża A et (EU:C:2018:974, punti 82 u 83 kif ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 25).

( 52 ) Għandu jiġi rrilevat li, kif indikat mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tal-premessa 43 (“Unternehmer sollten […] Rechtsmittel einlegen können”) u b’mod partikolari tal-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004 (“sein Widerspruchsrecht”) tidher li hija differenti mill-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra li jużaw formulazzjoni simili għall-verżjoni bil-lingwa Ingliża ta’ dawn id-dispożizzjonijiet; ara, pereżempju, il-verżjoni bil-lingwa Franċiża tal-premessa 43 (“Les exploitants devraient avoir un droit de recours”) u tal-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 882/2004 (“des informations sur ses droits de recours contre de telles décisions, ainsi que sur la procédure et les délais applicables”).

( 53 ) Ara l-Proposta, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 54 ) Ara l-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari dwar il-Proposta, 5 ta’ Ġunju 2003, Anness I, Kapitolu 1, Taqsima II.A, abbozz tal-punt 5.

( 55 ) Ara r-rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-Proposta, A5–0156/2003, 7 ta’ Mejju 2003, emenda proposta 70.

( 56 ) Ara, pereżempju, Dok 11104/03 ADD 3, 11 ta’ Lulju 2003, p. 15, Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 3/2004 dwar il-Proposta, tas‑27 ta’ Ottubru 2003 (ĠU 2004, C 48 E, p. 82), abbozz tal-Artikolu 9(3) u d-Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet tal-Kunsill, Parti III.B.

( 57 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-Proposta emendata tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (COM(2003) 577 final), 21 ta’ Ottubru 2003, Memorandum ta’ Spjegazzjoni, punt 11.

( 58 ) Ara r-Regolament 2017/625, l-Artikolu 18(4); ara wkoll l-Artikolu 3(51) u l-Artikolu 18(5) tiegħu; ir-Regolament 2019/627, l-Artikolu 1(d) u l-Artikolu 48(2)(a); il-premessa 17.

( 59 ) Ara r-Regolament 2017/625, l-Artikolu 138(3); il-premessa 30.

( 60 ) Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/627, l-Artikolu 45(f). Enfasi miżjuda.

( 61 ) Ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Vueling Airlines (C‑86/19, EU:C:2020:538, punt 39), u tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 223).

( 62 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Craeynest et (C‑723/17, EU:C:2019:533, punt 46).

( 63 ) C‑71/14, EU:C:2015:656, punti 17 sa 26 u 46.

( 64 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, East Sussex County Council (C‑71/14, EU:C:2015:656, punt 61).

( 65 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, East Sussex County Council (C‑71/14, EU:C:2015:656, punti 50, 51 u 53).

( 66 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, East Sussex County Council (C‑71/14, EU:C:2015:656, punt 57).

( 67 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, East Sussex County Council (C‑71/14, EU:C:2015:656, punt 58) (li tirreferi għas-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 1999, Upjohn (C‑120/97, EU:C:1999:14, punti 30, 35 u 36), u tad‑9 ta’ Ġunju 2005, HLH Warenvertrieb u Orthica (C‑211/03, C‑299/03 u C‑316/03 sa C‑318/03, EU:C:2005:370, punti 75 sa 77 u 79)).

( 68 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, b’mod partikolari l-punti 75 sa 89); tat‑12 ta’ Lulju 2018, Banger (C‑89/17, EU:C:2018:570, punti 42 sa 52); u tal‑24 ta’ Novembru 2020, Minister van Buitenlandse Zaken (C‑225/19 u C‑226/19, EU:C:2020:951, punti 40 sa 56). Għal diskussjoni usa’ dwar l-interazzjoni bejn il-prinċipju ta’ effettività u l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-Artikolu 47 tal-Karta, ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Banger (C‑89/17, EU:C:2018:225, punti 99 sa 103) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Braathens Regional Aviation (C‑30/19, EU:C:2020:374, punti 66 sa 69).

( 69 ) Ara, f’dan ir-rigward, S. Prechal, u R. Widdershoven, “Redefining the Relationship between ‘Rewe-effectiveness’ and Effective Judicial Protection”, Review of European Administrative Law, Vol. 4, 2011, pp. 31‑50, f’pp. 47‑48; Widdershoven, R., “National Procedural Autonomy and General EU Law Limits”, Review of European Administrative Law, Vol. 12, 2019, pp. 5‑34, f’pp. 21‑27.

( 70 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko (C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 32).

( 71 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 49). Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, dan huwa aspett tal-essenza tal-Artikolu 47 tal-Karta għall-finijiet tal-Artikolu 52(1) tagħha: ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Protezzjoni ġudizzjarja minn talbiet għal informazzjoni fid-dritt fiskali) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 66).

( 72 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani (C‑403/16, EU:C:2017:960, punt 39). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dikjarazzjonijiet u konstatazzjonijiet ta’ awtoritajiet amministrattivi ma jistgħux jorbtu lill-qrati: ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary (C‑189/18, EU:C:2019:861, punti 65 sa 69).

( 73 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko (C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 41); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Banger (C‑89/17, EU:C:2018:225, punti 104 sa 107).

( 74 ) Ara, f’dan ir-rigward, R. Widdershoven, “The European Court of Justice and the Standard of Judicial Review”, f’J. de Poorter et al. (edituri), Judicial Review of Administrative Discretion in the Administrative State, Asser Press, 2019, pp. 39‑62, f’p. 58.

( 75 ) Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Horațiu-Vasile Cruduleci (C‑205/15, EU:C:2016:499, punti 40 u 41). Skont l-ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 47 tal-Karta, il-protezzjoni prevista fl-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni hija iktar estiża minn dik prevista fl-Artikolu 13 tal-KEDB, peress li tiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti, u t-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni ma huwiex limitat għat-tilwim dwar id-drittijiet u l-obbligi tad-dritt ċivili, kif huwa l-każ fl-Artikolu 6 tal-KEDB.

( 76 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Ramos Nunes De Carvalho e Sá vs Il-Portugall (CE:ECHR:2018:1106JUD005539113, punti 176 sa 178).

( 77 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2015, Fazia Ali vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2015:1020JUD004037810, punt 78).

( 78 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Ramos Nunes De Carvalho e Sá vs Il-Portugall (CE:ECHR:2018:1106JUD005539113, punt 181).

( 79 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2016, Al‑Dulimi u Montana Management Inc. vs L-Isvizzera (CE:ECHR:2016:0621JUD000580908, punt 130).

( 80 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Sigma Radio Television Ltd vs Ċipru (CE:ECHR:2011:0721JUD003218104, punti 158 sa 169, b’mod partikolari l-punti 159 u 161).

( 81 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2009, Crompton vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2009:1027JUD004250905, punti 72, 79 u 80). Dwar l-Artikolu 13 tal-KEDB, ara s‑sentenza tat‑30 ta’ Ottubru 1991, Vilvarajah et vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:1991:1030JUD001316387, punti 122 sa 127).

( 82 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Sigma Radio Television Ltd vs Ċipru (CE:ECHR:2011:0721JUD003218104, punt 157).

( 83 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2006, Tsfayo vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2006:1114JUD006086000, punti 46 sa 49, b’mod partikolari l-punt 46).

( 84 ) Ara s-sentenzi tat‑3 ta’ April 2012, Kotov vs Ir-Russja (CE:ECHR:2012:0403JUD005452200, punt 114), u tat‑12 ta’ Lulju 2016, Vrzić vs Il-Kroazja (CE:ECHR:2016:0712JUD004377713, punt 110).

( 85 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli) (C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 72).

( 86 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2017, Euro Park Service (C‑14/16, EU:C:2017:177, punt 37).

( 87 ) Ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 65), u tal-14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendézeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 142).

( 88 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Aktiva Finants (C‑433/18, EU:C:2019:1074, punt 36). Ta’ min jinnota li l-QEDB iddeċidiet, fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 6(1) tal-KEDB, li d-dritt ta’ aċċess għal qorti għandu jkun “prattiku u effettiv”, u mhux “teoretiku jew illużorju”: ara s-sentenza tal‑5 ta’ April 2018, Zubac vs Il-Kroazja (CE:ECHR:2018:0405JUD004016012, punt 77). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Samba Diouf (C‑69/10, EU:C:2011:102, punt 43), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali General Hogan fil-kawża B. M. M. u B. S. (Riunifikazzjoni tal-familja – wild minuri) (C‑133/19, EU:C:2020:222, punt 44).

( 89 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑456/08, EU:C:2010:46, punt 61).