Brussell, 27.2.2024

COM(2024) 89 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-ħżin tal-gass abbażi tar-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill






1.Introduzzjoni

L-Artikolu 17a tar-Regolament (UE) 2017/1938, kif imdaħħal bl-Artikolu 1(5) tar-Regolament (UE) 2022/1032, minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass”, jiddikjara li l-Kummissjoni trid tippreżenta rapporti annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sabiex kull rapport jikkontribwixxi għat-twessigħ tal-bażi tal-għarfien dwar l-aħjar prattiki għall-mili tas-siti tal-ħżin tal-gass fl-Unjoni.

Il-ħażniet tal-gass taħt l-art (UGS) huma strumentali għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE. Dawn jipprovdu flessibbiltà staġunali essenzjali għas-sistema tal-gass tal-UE fix-xitwa. F’perjodi kesħin, il-ħażniet tal-gass jistgħu jkunu s-sors ewlieni tal-provvista tal-gass. Il-ħażniet tal-gass jipprovdu wkoll lis-sistema tal-elettriku b’sors ta’ enerġija konsenjabbli għall-ġenerazzjoni tal-enerġija. Tipikament, il-ħażniet jipprovdu 25–30 % tal-gass ikkunsmat fl-UE matul ix-xitwa. Barra minn hekk, il-ħażniet tal-gass jippermettu disinn effiċjenti tas-sistema tal-gass tal-UE billi jnaqqsu l-ħtieġa ta’ flussi għoljin ta’ importazzjoni matul ix-xhur tax-xitwa u jipprevjenu infrastruttura ta’ importazzjoni u trażmissjoni ta’ daqs eċċessiv. L-importazzjonijiet tal-gass għalhekk huma pjuttost stabbli matul is-sena b’eċċess ta’ importazzjonijiet injettati matul il-perjodu tas-sajf (April sa Ottubru/Novembru) filwaqt li l-irtirar mill-ħżin jikkomplementa l-importazzjonijiet tal-gass matul il-perjodu tax-xitwa (Ottubru/Novembru sa Marzu). Il-ħażniet tal-gass għalhekk jikkontribwixxu għall-istabbiltà fil-prezzijiet bis-saħħa tal-kapaċitajiet tal-ħżin fit-tul tagħhom, u jikkontribwixxu għall-assorbiment tax-xokkijiet fil-provvista bil-kapaċità sinifikanti tagħhom (1100 TWh jew 100 bcm).

Fl-2021, l-UE esperjenzat perjodu twil ta’ prezzijiet volatili u għoljin tal-enerġija minħabba livelli ta’ mili tal-ħażniet aktar baxxi mis-soltu, fost fatturi oħra. Iż-żieda fit-tensjonijiet ġeopolitiċi wara l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna fil-bidu tal-2022 amplifikat l-inċertezzi u enfasizzat il-ħtieġa għal ħażna tal-gass mimlija tajjeb għal xtiewi futuri.

L-emendi introdotti mir-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass, jirrikjedu li l-Istati Membri kollha b’kapaċità ta’ ħżin tal-gass jiżguraw li l-ħażniet tal-gass taħt l-art tagħhom jimtlew sa 90 % sal-1 ta’ Novembru ta’ kull sena. L-Istati Membri mingħajr ħażniet tal-gass ukoll jintalbu jikkontribwixxu għall-objettivi ġenerali tal-ħżin billi jiżguraw li 15 % tal-konsum annwali tagħhom jinħażen fi Stati Membri oħra.

Il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass huma infrastruttura kritika skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2022/2557 dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi u l-operaturi tas-sistemi tal-ħżin jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva. 1 Barra minn hekk, l-Operaturi tas-Sistemi tal-Ħżin (SSOs) kollha fl-UE jridu jgħaddu minn proċess ta’ ċertifikazzjoni sa mhux aktar tard mill-bidu tal-2024, biex jitnaqqsu r-riskji ta’ interferenza esterna negattiva. Is-servizzi tal-Kummissjoni diġà rċevew ċertifikazzjonijiet minn diversi Stati Membri u qed joħorġu l-opinjonijiet relatati. Dan ir-rapport iqis l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass fl-2023 u l-bidu tal-2024 abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri rigward il-miżuri għall-ħżin tal-gass u l-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni tagħhom, f’konformità mal-Artikolu 17a tar-Regolament (UE) 2017/1938.

2.Bażi ġuridika u kuntest

Fl-1 ta’ Novembru 2023, il-ħażniet tal-gass fl-UE kienu mimlija 99,4 % , ferm ogħla mill-mira ta’ 90 %. L-Istati Membri kollha laħqu l-miri regolatorji tagħhom 2 individwalment. Fi tmiem l-2023, jiġifieri fil-15 ta’ Diċembru 2023, il-ħażniet tal-gass kienu għadhom mimlija 89 %. L-UE daħlet għax-xitwa 2023/2024 ippreparata tajjeb, meta wieħed iqis li l-ħażniet tal-gass jipprovdu 25–30 % tad-domanda għall-gass tal-UE matul ix-xitwa.

L-Artikolu 17a tar-Regolament (UE) 2017/1938, imdaħħal bl-Artikolu 1(5) tar-Regolament dwar il-Ħżin, jiddikjara li l-Kummissjoni trid tippreżenta rapporti annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dawn ir-rapporti jridu jinkludu:

-ħarsa ġenerali lejn il-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligi tal-ħżin;

-ħarsa ġenerali lejn iż-żmien meħtieġ għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 3a tar-Regolament (KE) Nru 715/2009;

-ħarsa ġenerali lejn il-miżuri mitluba mill-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata l-konformità mat-trajettorji għall-mili u għall-miri tal-mili;

-analiżi tal-effetti potenzjali ta’ dan ir-Regolament fuq il-prezzijiet tal-gass u l-iffrankar potenzjali tal-gass fir-rigward tal-Artikolu 6b(4).

Ir-rapport jikkontribwixxi għat-twessigħ tal-bażi tal-għarfien dwar l-aħjar prattiki għall-mili tas-siti tal-ħżin.

3.Ħarsa ġenerali lejn il-miżuri meħuda mill-Istati Membri

L-emendi introdotti mir-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass jistipulaw li l-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jilħqu l-miri tal-mili. Dawn għandu jkollhom l-għan li meta possibbli jużaw miżuri bbażati fuq is-suq biex jevitaw tfixkil bla bżonn fis-suq. Madankollu, il-miżuri jistgħu jinkludu miżuri regolatorji, inċentivi finanzjarji jew kumpens lill-parteċipanti fis-suq.

Ir-Regolament dwar il-Ħżin jipprovdi lista illustrattiva u mhux eżawrjenti ta’ miżuri u għodod potenzjali. Il-Kummissjoni bagħtet stħarriġ lill-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-ħarifa tal-2023, biex tiġbor il-miżuri u l-għodod li użaw biex jiżguraw li s-siti tal-ħżin tagħhom ikunu mimlija. Il-miżuri adottati mill-Istati Membri kienu jinkludu wkoll ftehimiet, Memoranda ta’ Qbil (MtQ), jew mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni tal-piżijiet iffirmati mill-Istati Membri mingħajr UGS li jinkludu arranġamenti għall-użu tal-faċilitajiet tal-ħżin taħt l-art.

L-Istati Membri bi ħżin tal-gass taħt l-art ikkonfermaw li l-biċċa l-kbira tal-miżuri fis-seħħ fl-2022 komplew fl-2023. Uħud mill-miżuri kienu jeżistu qabel ir-Regolament dwar il-ħżin tal-gass tal-2022, filwaqt li oħrajn ġew stabbiliti wara r-Regolament dwar il-ħżin tal-gass. It-tnaqqis fid-domanda kkontribwixxa għal kundizzjonijiet tas-suq favorevoli matul l-istaġun tal-mili tal-2023, bi prezzijiet tal-gass aktar baxxi meta mqabbla mal-2022 u firxa pożittiva bejn is-sajf u x-xitwa, li ffaċilitat il-mili effettiv tas-siti tal-ħżin f’waqtu mingħajr il-ħtieġa li jiġu infurzati l-miżuri tal-aħħar istanza li ntużaw matul l-istaġun tal-mili fl-2022. L-Istati Membri b’mod ġenerali enfasizzaw ukoll l-importanza li l-miri intermedji tal-mili jkunu flessibbli biex jipprovdu bilanċ bejn li jiżguraw il-fattibbiltà teknika tat-trajettorja u joffru l-flessibbiltà tas-suq lill-utenti tal-ħżin.

Fost l-aktar miżuri komuni implimentati mill-Istati Membri kien hemm:

-Volum minimu fil-ħżin tal-gass: l-impożizzjoni ta’ obbligu fuq l-SSOs fuq il-livell minimu tal-mili li għandu jinkiseb, f’konformità mal-objettiv nazzjonali;

-Kapaċitajiet tal-offerta: il-ħtieġa li l-SSOs joffru l-kapaċitajiet lill-parteċipanti fis-suq (permezz ta’ rkantijiet tal-kapaċità fil-biċċa l-kbira tal-każijiet);

-Ħatra ta’ entità ddedikata: il-ħatra ta’ entità biex tipprovdi servizz tal-aħħar istanza għall-ħżin;

-Ħżin strateġiku: l-adozzjoni ta’ strumenti effettivi għax-xiri u l-ġestjoni ta’ stokkijiet strateġiċi minn entitajiet pubbliċi jew privati;

-Kapaċitajiet ipprenotati mhux użati: l-iżgurar li l-kapaċitajiet ipprenotati jintużaw b’mod effettiv billi jiġu applikati mekkaniżmi ta’ konġestjoni tużah jew titilfu biex jiġu rilaxxati kapaċitajiet ta’ ħżin ipprenotati iżda mhux użati.

Dwar l-implimentazzjoni tal-ħżin tal-gass, fl-opinjoni tagħha dwar il-Prospettiva tal-Provvista għax-xitwa 2023–2024 tal-ENTSOG 3 , l-ACER ukoll “tesprimi sodisfazzjon li l-objettiv tar-rata kollettiva tal-UE tal-mili tal-ħżin ta’ 90 % diġà ntlaħaq f’nofs Awwissu, kważi xahrejn qabel l-iskadenza tal-1 ta’ Novembru. Meta possibbli, l-NRAs ivverifikaw l-akkuratezza tal-livelli tal-mili tal-ħżin irrapportati fil-Prospettiva tax-Xitwa tal-ENTSOG.” L-ACER tirrapporta wkoll li “L-istudju ta’ konsulenza tal-ACER li ġie ppubblikat dan l-aħħar “Dwar l-impatt tar-regolamenti tal-UE u nazzjonali dwar il-ħżin tal-gass” juri li l-miżuri implimentati fl-Istati Membri għenu b’mod effettiv biex jintlaħqu l-livelli tal-mili tal-ħżin fil-livell nazzjonali u Ewropew.

Aktar dettalji dwar il-miżuri ta’ implimentazzjoni ngħataw fit- Tab e l la   1 u l-Anness.

Tabella 1 — Miżuri dwar l-implimentazzjoni tal-miri tal-mili mill-Artikolu 6b tar-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass għal kull Stat Membru bi Ħżin tal-Gass taħt l-Art (UGS)

T tfisser miżura temporanja

Sors: It-tweġibiet tal-Istati Membri għall-istħarriġ tal-KE u r- rapport tal-ACER u l-VIS dwar il-ħżin tal-gass tal-2023

Il-mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tal-piżijiet, kif identifikat mill-Artikolu 6c tar-Regolament, jipprevedi li l-Istati Membri mingħajr faċilitajiet ta’ ħżin fit-territorji tagħhom jaħżnu volumi ta’ gass fi Stati Membri oħra li jikkorrispondu għal mill-anqas 15 % tal-konsum annwali tagħhom.

L-istħarriġ tal-Kummissjoni jindika li fl-2023 il-mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tal-piżijiet ġie applikat f’mill-anqas tliet Stati Membri mingħajr faċilitajiet għall-ħżin tal-gass. L-Estonja rranġat ix-xiri ta’ 1 TWh (30 % tal-konsum annwali) bħala riżerva strateġika nazzjonali li għandha tinħażen fil-Latvja. Il-Litwanja kkonfermat li ħażnet madwar 2,05 TWh maħżuna fil-Latvja, ekwivalenti għall-użu medju tal-5 snin preċedenti. Is-Slovenja kkonfermat ukoll li l-fornituri tagħha jaħżnu l-gass fuq bażi kummerċjali li jikkorrispondi għal 15 % tal-konsum tal-5 snin preċedenti.

Fi tmiem ix-xitwa 2022–2023, il-ħażniet tal-UE kienu mimlija 56 %. Dan il-livell ogħla mill-medja kien appoġġat b’mod sinifikanti minn tnaqqis fid-domanda għall-gass ta’ 18 % li kkontribwixxa għall-kundizzjonijiet favorevoli tas-suq li jiffaċilitaw il-mili mill-ġdid. Fl-2023, inħażnu 505 TWh (madwar 45 bcm) ta’ gass bħala riżultat tal-miżuri tal-ħżin. Madwar 60 % tal-gass maħżun matul is-sajf tal-2023 imtela fix-xhur ta’ Mejju–Lulju (ara l-Illustrazzjoni 1), probabbilment inċentivat mit-tnaqqis fil-prezzijiet tal-gass fil-bidu tal-istaġun tal-mili. Din l-injezzjoni bikrija kienet deċiżiva biex tintlaħaq il-mira tal-mili ta’ 90 % sa nofs Awwissu, aktar minn xahrejn qabel. Sal-1 ta’ Novembru 2023, il-ħażniet tal-gass tal-UE kienu 99,4 % mimlija, u l-Istati Membri kollha qabżu l-mira tal-mili ta’ 90 % (Illustrazzjoni 2).

Illustrazzjoni 1 — Injezzjonijiet netti fil-ħażniet tal-gass tal-UE skont ix-xahar



Illustrazzjoni 2 — Gass fil-ħażniet taħt l-art tal-UE fis-sena 2022 u s-sena 2023, meta mqabbla mal-medja u mal-firxa preċedenti ta’ 6 snin. 

4.Ħarsa ġenerali lejn il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni

Skont l-Artikolu 3a tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, kif imdaħħal mir-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull operatur tas-sistema tal-ħżin, inkluż kwalunkwe operatur tas-sistema tal-ħżin ikkontrollat minn operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, ikun iċċertifikat. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet ta’ ċertifikazzjoni tal-Istati Membri jridu joħorġu abbozz ta’ deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni fir-rigward tal-operaturi tas-sistemi tal-ħżin li joperaw faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art b’kapaċità ta’ aktar minn 3,5 TWh meta, irrispettivament mill-għadd ta’ operaturi tas-sistemi tal-ħżin, il-faċilitajiet totali tal-ħżin kienu mtlew fil-31 ta’ Marzu 2021 u fil-31 ta’ Marzu 2022 f’livell li, bħala medja, kien anqas minn 30 % tal-kapaċità massima tagħhom sal-1 ta’ Frar 2023. L-awtorità ta’ ċertifikazzjoni trid tinnotifika l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni tagħha lill-Kummissjoni mingħajr dewmien, flimkien mal-informazzjoni kollha rilevanti, sabiex il-Kummissjoni tagħti opinjoni dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni lill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni.

Fl-2023, diversi Stati Membri ssottomettew abbozzi ta’ deċiżjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni tal-Operaturi tas-Sistemi tal-Ħżin tal-Gass (SSOs) lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni adottat għaxar opinjonijiet ta’ ċertifikazzjoni li, wara l-verifika tal-kunfidenzjalità mill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni, ġew ippubblikati fir- Reġistru tat-Trasparenza tal-Kummissjoni u fuq is-sit web tad-DĠ ENER . Il-Kummissjoni għadha qed tirċievi abbozzi ta’ deċiżjonijiet ta’ ċertifikazzjoni u tinsab f’kuntatt mill-qrib mal-Istati Membri li qed jesperjenzaw dewmien fis-sottomissjoni tal-abbozzi ta’ deċiżjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni tinnota li ħafna Stati Membri, b’mod partikolari dawk b’għadd kbir ta’ siti, qed jaħdmu b’mod attiv fuq il-proċess ta’ ċertifikazzjoni. Huwa importanti li jsir progress f’waqtu biex tiġi żgurata implimentazzjoni xierqa tar-Regolament dwar il-Ħżin u tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-UE.

Tabella 2 — Ħarsa ġenerali lejn il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni fi tmiem l-2023 4 , 5

 

Abbozzi ta’ ċertifikazzjonijiet innotifikati minn

Nru ta’ Operaturi (Nru ta’ siti )

Abbozzi ta’ ċertifikazzjonijiet pendenti
Nru ta’ Operaturi (Nru ta’ siti
 )

Total
Nru ta’ Operaturi (Nru ta’ siti)
[2]

AT

1 (1)

3 (7)

4 (8)

BE

1 (1)

1 (1)

BG

1 (1)

1 (1)

CZ

4 (9)

4 (9)

DE

25 (50)

25 (50)

DK

1 (2)

1 (2)

ES

2 (4)

2 (4)

FR

3 (16)

3 (16)

HR

1 (1)

1 (1)

HU

2 (5)

2 (5)

IT

3 (13)

3 (13)

LV

1 (1)

1 (1)

NL

3 (4)

1 (3)

4 (7)

PL

1 (7)

1 (7)

PT

1 (1)

1 (1)

RO

2 (6)

2 (6)

SE

1(1)

1 (1)

SK

2 (2)

2 (2)

TOTAL

22(52)

37 (83)

59 (135)

Biex tappoġġa lill-Istati Membri fil-ħruġ tal-abbozzi ta’ ċertifikazzjonijiet, il-Kummissjoni organizzat sessjonijiet speċjali tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass biex tipprovdi gwida prattika għaċ-ċertifikazzjoni tal-SSOs u s-sidien tal-ħżin. Il-Kummissjoni fakkret li ċ-ċertifikazzjoni għandha tnaqqas ir-riskju għas-sigurtà tal-provvista tal-gass fil-livell reġjonali, nazzjonali jew tal-Unjoni kollha li jirriżulta, inter alia, minn:

a)sjieda, provvista jew relazzjonijiet kummerċjali oħra li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv l-inċentivi u l-abilità tal-operatur tas-sistema tal-ħżin li jimla l-faċilità tal-ħżin tal-gass taħt l-art;

b)id-drittijiet u l-obbligi tal-Unjoni fir-rigward ta’ pajjiż terz li jirriżultaw mid-dritt internazzjonali, inkluż kwalunkwe ftehim konkluż ma’ xi pajjiż terz wieħed jew aktar li l-Unjoni tagħmel parti minnu, u li jindirizza l-kwistjoni tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija;

c)id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri kkonċernati fir-rigward ta’ pajjiż terz li jirriżultaw minn ftehimiet konklużi mill-Istati Membri kkonċernati ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar, sa fejn dawk il-ftehimiet ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni; jew

d)kwalunkwe fatt u ċirkostanza speċifika oħra tal-każ.

5.Konformità mal-objettivi tal-mili tal-ħażniet

Sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-gass matul is-snin u biex ikun hemm konformità mal-mira tal-ħżin tal-gass ta’ 90 % fl-1 ta’ Novembru ta’ kull sena, ir-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass ta setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi t-trajettorja għall-mili għal kull Stat Membru li għandu faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art mill-2023 u s-snin ta’ wara, kif ibbażat fuq l-abbozz tat-trajettorja għall-mili ppreżentat minn kull Stat Membru minn dawn. Fl-2023, skont l-Artikolu 6a tar-Regolament (UE) 2017/1938, kif imdaħħal mir-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass, l-Istati Membri kollha kkonformaw mal-miri intermedji stabbiliti għall-2023 mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE/2022/2301), adottat fit-23 ta’ Novembru 2022. Diversi Stati Membri laħqu 100 % (jew qabżu l-kapaċità ddikjarata tagħhom 6 ) qabel l-1 ta’ Novembru 2023. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn tieħu miżuri fl-2023 biex tiżgura l-konformità mat-trajettorji għall-mili u mal-miri tal-mili.



Tabella 3 — Konformità mal-miri tal-mili tar-Regolament dwar il-ħżin għall-2023

Sors: il-livelli tal-mili bbażati fuq GIE AGSI+

Fl-20 ta’ Novembru 2022, permezz ta’ Regolament ta’ Implimentazzjoni 7 , il-Kummissjoni stabbiliet il-miri intermedji tal-mili tal-ħażniet tal-gass li l-Istati Membri jridu jissodisfaw fl-2024. Kif previst skont l-Artikolu 6a(7) tar-Regolament (UE) 2017/1938, kif imdaħħal mir-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jiddefinixxi l-miri intermedji għall-1 ta’ Frar, għall-1 ta’ Mejju, għall-1 ta’ Lulju u għall-1 ta’ Settembru 2024 għal dawk l-Istati Membri b’ħażna taħt l-art fit-territorju tagħhom u konnessa maż-żona tas-suq tagħhom. Dawn il-miri kienu bbażati fuq il-proposti li saru mill-Istati Membri, ir-rati tal-mili tal-5 snin preċedenti u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tas-sitwazzjoni ġenerali tas-sigurtà tal-provvista u għandhom l-għan li jiżguraw li l-mira kumplessiva tal-mili tal-ħżin ta’ 90 % tintlaħaq sal-1 ta’ Novembru 2024.



Tabella 4 — Miri intermedji għall-2024 għall-Istati Membri b’faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art, kif adottati mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2633 8 .

6.Implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass fl-2024

Il-miri intermedji tat-trajettorji għall-mili huma bbażati fuq l-input mill-Istati Membri u valutazzjoni mill-Kummissjoni tas-sitwazzjoni ġenerali tas-sigurtà tal-provvista.
It-trajettorji għall-mili tal-Istati Membri proposti għall-2024 kienu simili għat-trajettorji adottati fl-2023. Il-valutazzjoni tas-sigurtà tal-provvista tal-gass għas-sena tal-gass 2023–2024 (mill-1 ta’ Ottubru 2023 sat-30 ta’ Settembru 2024), ibbażata primarjament fuq ir-riżultati tal- Prospettiva tal-Provvista għax-xitwa 2023/24 tal-ENTSOG , tindika li l-miri intermedji kif oriġinarjament proposti mill-Istati Membri jistgħu jkunu jeħtieġu aġġustament ’il fuq jekk il-kundizzjonijiet tal-provvista u d-domanda jinbidlu fir-rigward tas-sena preċedenti. Barra minn hekk, meta segwiet il-parir tal-Membri tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass biex il-miri intermedji jinżammu allinjati mal-2022–2023 kif propost mill-Istati Membri u jingħata massimu ta’ flessibbiltà tas-suq, il-Kummissjoni kienet għamlitha ċara li l-isforzi għat-tnaqqis tad-domanda għandhom ikomplu sabiex jiġi pprovdut l-istess livell ta’ sigurtà tal-provvista.

Abbażi ta’ analiżi bl-użu tal-prospettiva tal-ENTSOG 9 , il-Kummissjoni stmat (ara l-premessa 8 tal-Att ta’ Implimentazzjoni ta’ Novembru 2023) li l-UE għandha tilħaq mill-anqas 45 % f’Mejju 2024 biex tiffaċilita l-mili mill-ġdid tal-ħażniet fil-każ ta’ domanda ogħla u/jew provvista mnaqqsa matul is-sajf tal-2024. Jekk din il-mira ma tintlaħaqx jista’ jinħoloq riskju serju li ma tintlaħaqx il-mira ta’ ħżin ta’ 90 % tal-1 ta’ Novembru 2024. Din il-mira intermedja tiżgura l-flessibbiltà meħtieġa biex tintlaħaq il-mira tal-mili ta’ 90 % sal-1 ta’ Novembru 2024, anke mingħajr provvisti Russi matul is-sajf, dment li provvisti oħra jinżammu fil-livelli kurrenti u bi tnaqqis sostnut fid-domanda għall-gass (Illustrazzjoni 3).

Illustrazzjoni 3: L-evoluzzjoni tal-livell ta’ mili tal-UGS Ewropea taħt interruzzjoni sħiħa fil-provvista Russa f’xenarju ta’ referenza b’potenzjal tal-provvista tal-LNG kif osservat fl-2022–2023 u miri baxxi tal-LNG (tnaqqis ta’ 40 %) għal Frar u Mejju, bl-għan li jintlaħaq kollettivament livell ta’ mili ta’ 45 % f’Mejju.

Sors: Prospettivi tal-ENTSOG għax-Xitwa 2023–2024

Prospettiva tal-Komunità tal-Enerġija

F’konformità mal-iżviluppi fl-UE, il-Komunità tal-Enerġija ttrasponiet ir-Regolament (UE) 2022/1032 dwar il-Ħżin b’ħeffa bħal qatt qabel. Dan jirrikjedi li l-Partijiet Kontraenti jiżguraw li l-ħażna tagħhom timtela sa mill-inqas 90 % tal-kapaċità tagħha sal-1 ta’ Novembru. Ir-Regolament jimponi wkoll l-obbligu li l-Partijiet Kontraenti jiżguraw li l-operaturi tas-sistemi tal-ħżin li jinsabu fit-territorji tagħhom ikunu ċċertifikati.

Skont ir- rapport mis-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Ħżin , tal-1 ta’ Ġunju 2023, is-Serbja u l-Ukrajna li huma Partijiet Kontraenti b’faċilitajiet għall-ħżin tal-gass, laħqu l-miri li jinkludu l-miri intermedji. Ir-Rapport jitlob lill-Partijiet Kontraenti mingħajr ħażniet biex jagħmlu sforzi addizzjonali biex jimplimentaw l-obbligi tal-ħżin u jużaw l-istrumenti disponibbli fis-seħħ, bħal jiffirmaw Ftehimiet dwar il-Kondiviżjoni tal-Piżijiet u jiżguraw li jkollhom kapaċitajiet ta’ ħżin għal parti mid-domanda annwali tagħhom (mill-anqas 15 %) fil-pajjiżi ġirien.

L-Ukrajna ttrasponiet il-maġġoranza tar-rekwiżiti mir-Regolament (UE) 2022/1032, issodisfat l-obbligi li jikkonċernaw l-operatur tas-sistema tal-ħżin u l-livelli tat-trajettorja tal-gass fil-ħażniet. Fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tal-SSOs fil-Komunità tal-Enerġija, l-Ukrajna u s-Serbja biss għandhom il-kapaċitajiet tal-ħżin. Fl-Ukrajna, l-Ukrtransgaz ġie ċċertifikat f’April 2023 u s-Serbja għadha ma ttrasponietx ir-Regolament bħala l-bażi ġuridika għaċ-ċertifikazzjoni. Barra minn hekk, l-operaturi tas-sistemi ta’ ħżin u trażmissjoni tal-Ukrajna wettqu test tal-istress fuq il-ħżin, ibbażat fuq sett ta’ xenarji magħżula bil-għan li jiġi identifikat jekk il-gass maħżun minn kummerċjanti barranin taħt reġim doganali ta’ maħżen jistax jiġi evakwat lis-sidien fi kriżi.

Fit-13 ta’ Novembru 2023, is-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija adotta trajettorji komprensivi għall-mili tal-ħażniet għall-2024.

7.Analiżi tal-effetti potenzjali fuq il-prezzijiet tal-gass

Il-ħażniet huma kruċjali biex tittaffa t-tensjoni fis-swieq peress li jistgħu jipprovdu kwantitajiet kbar lis-suq meta l-provvista tkun stretta, u għalhekk itaffu l-varjazzjonijiet u ż-żidiet f’daqqa fil-prezzijiet.

Id-domanda għall-gass għandha t-tendenza li tkun inelastika fil-prezz fuq żmien qasir. Konsegwentement, is-sitwazzjoni stretta tas-suq minħabba l-iskarsezza tal-provvista tista’ tissarraf malajr f’żidiet sinifikanti fil-prezzijiet. F’dan il-kuntest, id-disponibbiltà tas-sorsi tal-flessibbiltà, bħall-ħżin, hija ta’ importanza kbira biex tiżdied il-provvista disponibbli għal żmien qasir u jiġi ppreservat il-bilanċ bejn id-domanda u l-provvista fis-sistema.

Ir-rwol tal-ħżin biex tittaffa l-pressjoni tal-prezzijiet huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ fl-industrija u fil-letteratura ekonomika.

Pereżempju, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija nnotat fir- Rapport tat-Terminu Medju dwar il-Gass 2023 li l-livell għoli tal-ħżin, flimkien mad-domanda mrażżna, “għafsu fuq il-prezzijiet spot tal-gass fl-Ewropa” fit-tielet trimestru tal-2023. Bl-istess mod, fir- rapport tagħha ta’ Ġunju 2023, l-ACER indikat li “il-livelli tal-mili tal-ħażniet huma ferm ogħla mill-medja tas-snin li għaddew u taw sehemhom għat-tnaqqis fil-prezzijiet.”

Diversi artikoli ekonomiċi vvalutaw l-impatt tal-ħżin tal-gass fuq il-prezzijiet. Pereżempju, Brown u Yücel (What Drives Natural Gas Prices, 2008) eżaminaw id-data tal-gass tal-Istati Uniti bejn l-1997 u l-2007 u sabu li l-ħżin ogħla min-norma staġunali jnaqqas il-prezzijiet tal-gass naturali. Hulshof et al. (2015) 10  analizzaw il-prezz spot ta’ jum bil-quddiem tat-TTF matul il-perjodu 2011–2014 u sabu wkoll li meta l-grad tal-mili tal-faċilitajiet tal-ħżin ikun taħt il-medja, il-prezzijiet spot għandhom it-tendenza li jkunu ogħla. Obadi u Korcek (2020) 11 eżaminaw ukoll il-prezzijiet tat-TTF bejn l-2016 u l-2019 u kkonkludew li l-livelli tal-ħżin taħt il-medja storika jirriżultaw fi swieq aktar stretti li inevitabbilment iwasslu għal pressjoni li tgħolli l-prezzijiet. 

Kif jidher fil-graff ta’ hawn taħt, il-prezzijiet tal-gass bl-ingrossa varjaw bejn EUR 30 u EUR 50/MWh f’dawn l-aħħar xhur. Filwaqt li għadhom ogħla b’mod sinifikanti minn qabel il-kriżi, il-prezzijiet naqsu b’mod konsiderevoli mill-ogħla livell tal-kriżi fis-sajf tal-2022 meta l-prezzijiet laħqu livelli bla preċedent ta’ aktar minn EUR 300/MWh.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni implimentaw pakkett komprensiv ta’ miżuri li flimkien ikkontribwew biex itejbu s-sitwazzjoni tas-suq u għenu biex tittaffa l-pressjoni fuq il-prezz. L-impenn li jinħażnu volumi minimi ta’ gass qabel ix-xitwa, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2022/1032 kellu rwol importanti f’dan is-sett ta’ inizjattivi u l-livell għoli ħafna ta’ mili tal-ħażniet li kien osservat mill-aħħar tal-Ħarifa 2022 kien fattur determinanti ewlieni (filwaqt li mhux l-uniku) fit-tnaqqis tat-tensjoni tas-suq u fit-tnaqqis tal-prezzijiet tal-gass.

Illustrazzjoni 4 — Prezzijiet xahar bil-quddiem tat-TTF — Jannar 2021 – Settembru 2023

Sors: ENER ibbażat fuq id-data ta’ S&P Global

8.Konklużjoni

Fl-2023, l-objettivi kollha stabbiliti mir-Regolament dwar il-Ħżin intlaħqu jew inqabżu. Il-mira tal-ħżin ta’ 90 % intlaħqet sa nofs Awwissu, u fl-1 ta’ Novembru ġew irrapportati livelli ta’ ħżin tal-gass ogħla minn 99 %. Fi tmiem l-2023, il-livell medju kien għadu qrib il-livelli għoljin rekord, ’il fuq minn 85 % 12 . Il-miżuri implimentati mill-Istati Membri, appoġġati mit-tnaqqis fid-domanda għall-gass, kemm f’termini ta’ livell kif ukoll f’termini ta’ żmien, kienu effiċjenti għall-parteċipanti fis-suq biex iżommu l-livelli tal-ħżin f’livell adegwat matul l-2023 u jissodisfaw il-mira tal-ħżin. L-ilħuq tal-objettivi qabel l-iskeda regolatorja saħansitra ppermetta li jiġu injettati 2,5 bcm addizzjonali fil-ħażniet tal-Ukrajna matul is-sajf li saħħu b’mod reċiproku s-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE u tal-Ukrajna.

Il-mekkaniżmu tal-miri intermedji minimi jħalli biżżejjed lok li l-Istati Membri jistabbilixxu l-miżuri u l-iskedi tagħhom stess. Il-kisba tal-objettivi stabbiliti mir-Regolament dwar il-ħżin għenet ħafna biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista fix-xitwa 2023/24, li min-naħa tagħha naqqset il-primjum tar-riskju fis-suq tal-gass fl-aħħar tas-sena.

Bl-obbligu li jiġi ċċertifikat il-ħżin tal-gass, ir-Regolament dwar il-Ħżin għandu l-għan li jevita kwalunkwe influwenza detrimentali ta’ pajjiżi mhux tal-UE fuq il-mili tas-siti tal-ħżin. Għadd sostanzjali ta’ operaturi u siti tal-ħżin għamlu avvanz kbir fil-proċess ta’ ċertifikazzjoni. Il-Kummissjoni tinsab f’kuntatt mal-Istati Membri li għad iridu jissottomettu l-abbozzi tad-deċiżjonijiet ta’ ċertifikazzjoni. Filwaqt li għadd ta’ ċertifikazzjonijiet għadhom pendenti, bħalissa ma hemm l-ebda evidenza disponibbli li s-sjieda tal-ħżin jew l-operaturi tal-ħżin jistgħu jpoġġu s-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE f’riskju immedjat.

Huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ li l-livelli tal-ħżin kellhom effett pożittiv fir-rigward tal-prezzijiet tal-gass għalkemm huwa diffiċli li jiġi vvalutat b’mod preċiż kemm. It-trajettorji u l-miri stabbiliti mir-Regolament għalhekk ikkontribwew biex tittaffa l-pressjoni fuq il-prezzijiet tal-gass billi stabbilew livelli minimi ta’ ħżin li fil-biċċa l-kbira tagħhom inqabżu fl-2023. Il-volatilità tas-suq tal-gass u l-prezzijiet tal-gass kienu ferm aktar baxxi fl-2023, meta mqabbla mal-2022. Barra minn hekk, huwa essenzjali li jitqiesu l-effetti tal-ħżin flimkien mat-tnaqqis fid-domanda. It-tnaqqis fid-domanda se jkompli jkun fattur kruċjali biex jinkiseb livell suffiċjenti ta’ mili tal-ħażniet, li huwa parti mill-istess arkitettura tas-sigurtà tal-provvista bħall-miżuri min-naħa tad-domanda.



ANNESS — Tabella dettaljata tal-miżuri implimentati għal kull Stat Membru li għandu l-UGS

Miżura (kif issuġġerit f’6b tar-Regolament)

Stat Membru

Deskrizzjoni

Volum minimu fil-ħżin tal-gass

AT

Il-fornituri tal-gass ta’ klijenti protetti huma meħtieġa jissodisfaw l-Istandard tal-Provvista (l-Artikolu 6 tar-Regolament SoS)

BG

Il-parteċipanti fis-suq bi klijenti b’konsum irregolari huma obbligati jżommu riżerva strateġika relatata mas-sigurtà tal-provvista u l-fluttwazzjoni staġunali

CZ

Il-kummerċjanti tal-gass li jfornu l-gass direttament huma obbligati jżommu stokkijiet tal-gass li jikkorrispondu għal 30 jum fejn id-domanda għall-gass tkun eċċezzjonalment għolja

ES

Il-fornituri huma obbligati jżommu stokkijiet tal-gass li jikkorrispondu għal 27,5 jum tal-konsum tagħhom fis-sena ta’ qabel

HU

Il-fornituri universali tal-gass huma obbligati jżommu stokkijiet ta’ sigurtà bbażati fuq l-ogħla konsum tax-xitwa tal-aħħar 120 xahar

PT

Il-parteċipanti fis-suq huma obbligati jżommu riżervi ta’ sigurtà u riżervi addizzjonali

RO

Il-fornituri tal-gass u l-produtturi tas-sħana huma obbligati jistabbilixxu u jżommu stokkijiet tal-gass sal-aħħar ta’ Ottubru ta’ kull sena

SK

Volumi siguri tal-gass biex jiġi ssodisfat l-istandard tal-provvista. Il-Ministeru jiddeċiedi jekk dawn il-volumi jridux jinħażnu jew jiġu assigurati b’mod kuntrattwali

2.Offerta tal-kapaċitajiet

BE

L-SSOs għandhom joffru l-kapaċitajiet lill-parteċipanti fis-suq permezz ta’ rkantijiet

DK

Il-kapaċitajiet jiġu offruti permezz ta’ rkantijiet*

ES

L-obbligu tal-kapaċità huwa assenjat direttament, u l-bqija jiġi rkantat

FR

Id-detenturi tal-ħżin għandhom l-obbligu li jaħżnu 85 % tal-kapaċità prenotata sal-1 ta’ Novembru ta’ kull sena

IT

Żieda fl-għadd ta’ rkantijiet għal prodotti tal-kapaċità tal-ħżin ta’ kull xahar.

PT

Il-parteċipanti fis-suq għandhom jirriżervaw il-kapaċità esklussivament għar-riżervi ta’ sigurtà u r-riżervi addizzjonali

3.1. Ibbilanċjar tal-istokk ġestit mit-TSO

IT

Akkwist tal-gass u injezzjoni għat-tħaddim tat-trażmissjoni u tal-ħżin

3.2. Obbligi imposti fuq l-entitajiet innominati

CZ

L-utenti tal-ħżin huma obbligati jaħżnu gass suffiċjenti f’konformità mat-trajettorji għall-mili

DE

Obbligi li t-THE twettaq offerti għall-opzjonijiet tal-ħżin

DK

L-Energinet hija responsabbli għall-akkwist tar-rekwiżiti tal-mili u għall-ħżin ta’ emerġenza

IT

F’każ ta’ livell ta’ kriżi attivat biss

PL

Il-fornituri tal-gass u l-konsumaturi finali li jimportaw il-gass iridu jżommu stokkijiet obbligatorji ta’ gass li jkopru 30 jum ta’ importazzjonijiet

4.Strumenti kkoordinati

5.Mekkaniżmi volontarji ta’ akkwist konġunt

6.Inċentivi finanzjarji għall-parteċipanti fis-suq

BE

Il-parteċipanti fis-suq jingħataw inċentivi biex jimlew il-gass fil-ħażniet*

CZ

Inċentivi finanzjarji pprovduti lis-CEZ għat-twassil tal-gass mit-terminal Olandiż tal-LNG ta’ Eemshaven lill-VTP Ċek (3 bcm/sena)

DK

Il-parteċipanti fis-suq jingħataw inċentivi biex jimlew il-gass fil-ħażniet*

ES

Il-kostijiet tal-maniġer tekniku jiġu rkuprati mill-baġit tal-Istat u mill-parteċipanti fis-suq

IT

Kuntratti għad-differenzi. Għoti ta’ primjum għall-istokk. Penali għal stokkijiet taħt il-livell assenjat mill-operatur tal-ħżin.*

NL

L-iskema tas-sussidji estiża għall-2023–2024 (tip ta’ assigurazzjoni f’każ li l-kundizzjonijiet tas-suq ma jkunux favorevoli matul l-istaġun tal-mili). Il-UGS Bergermeer ma huwiex inkluż.

7. Kapaċitajiet prenotati mhux użati

AT

Id-detenturi tal-kapaċità jkunu meħtieġa jużaw jew jirrilaxxaw il-kapaċitajiet prenotati mhux użati

BE

Miżura approvata mill-NRA (tużah jew titilfu)

CZ

Ir-rilaxx tal-kapaċità prenotata lura fis-suq jekk din ma tintużax biżżejjed minn utent tal-ħżin

DE

L-SSOs jirrilaxxaw lit-THE il-kapaċità prenotata iżda mhux użata

ES

Mekkaniżmu ta’ sottoskrizzjoni żejda u xiri lura

HR

Ċessjoni awtomatika tal-kapaċità mhux użata lil kumpaniji oħra tal-ħżin, jew lill-kumpanija tal-enerġija tal-Istat HEP*

8.Ħżin strateġiku

AT

20 TWh ta’ riżervi strateġiċi tal-gass maħsuba għall-finijiet ta’ sigurtà tal-provvista biss

BG

Bulgartransgaz huwa obbligat iżomm sa massimu ta’ 70 mcm relatat mas-sigurtà tal-provvisti

CZ

L-ASMR għandha żżomm stokkijiet tal-gass li għandhom jintużaw f’każ ta’ kriżi

DE

Parti mill-opzjonijiet tal-ħżin huma offruti mit-THE u maħżuna b’opzjoni ta’ rtirar

DK

It-TSO tal-Istat għandu stokkijiet strateġiċi* 

ES

Stokkijiet tal-gass tal-20 jum mis-27,5 li huma l-obbligu minimu

HU

Żamma ta’ żewġ riżervi tal-gass distinti: l-istokkijiet ta’ sigurtà tal-gass naturali u l-istokkijiet speċjali tal-gass naturali

IT

Riżervi strateġiċi ta’ 49,3 TWh (4,62 bcm) li jistgħu jiġu rtirati biss f’każ ta’ emerġenza

LV

Riżerva strateġika għall-2023 definita fil-Liġi: 1,8–2,2 TWh

9.Ħatra ta’ entità ddedikata

ES

Il-maniġer tas-sistema teknika (Enagás GTS) għandu jkopri l-obbligi tal-istokkijiet tal-gass

DE

THE għandha tixtri u tinjetta l-gass tagħha stess biex tilħaq il-miri tal-mili

IT

Snam u GSE huma inkarigati biex jiżguraw li jkun hemm biżżejjed gass maħżun matul il-perjodu tax-xitwa

FR

L-SSOs huma responsabbli biex jimlew id-distakk biex jintlaħqu l-miri tal-mili, fuq talba tal-gvern

NL

Ħatra ta’ parti nominata biex timla sa 20 TWh ta’ UGS Bergermeer (ħżin attwali ta’ 14,1 TWh)

SE

Swedegas hija responsabbli biex tiżgura li jintlaħqu l-miri tal-mili

10. Skontijiet fuq it-tariffi tal-ħżin

BE

L-offerta tal-kapaċità bi prezzijiet ta’ riżerva bi skont meta mqabbla mat-tariffa regolata

ES

Skontijiet offruti għall-parteċipanti fis-suq li jissodisfaw l-obbligu tagħhom għall-istokks minimi u għall-utenti tal-ħżin li akkwistaw il-kapaċità permezz ta’ rkantijiet u mlew 90 % tal-kapaċità prenotata tagħhom fl-1 ta’ Novembru

11. Nefqa kapitali u operazzjonali

BE

Soluzzjoni tal-aħħar istanza*

IT

Fis-seħħ jekk xi kost jibqa’ mhux kopert. Inkella, is-sistema tnaqqas l-iskema tat-tariffi fuq il-klijenti finali li jużaw l-extras mid-dħul mill-irkant tal-ħżin.

*Miżura miġbura mill-Kummissjoni li ma hijiex parti mir- rapport tal-ACER dwar il-ħżin tal-gass tal-2023

Sors: It-tweġibiet tal-Istati Membri għall-istħarriġ tal-KE u r-rapport tal-ACER dwar il-ħżin tal-gass tal-2023.

(1)

Kif definit mid-Direttiva (UE) 2022/2557 dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi, “infrastruttura kritika” tfisser assi, faċilità, tagħmir, network jew sistema, jew parti minn assi, faċilità, tagħmir, network jew sistema, li huma meħtieġa għall-forniment ta’ servizz essenzjali; skont l-Anness tad-Direttiva, l-operaturi tas-sistema tal-ħżin (SSOs) jaqgħu, barra minn hekk, fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha bħala tipi ta’ entitajiet fis-settur tal-enerġija, fis-subsettur tal-gass.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2022/1032 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1938 u (KE) Nru 715/2009.

(3)

OPINION No 11/2023 OF THE EUROPEAN UNION AGENCY FOR THE COOPERATION OF ENERGY REGULATORS of 14 December 2023 on ENTSOG’s Winter Supply Outlook 2023/2024, ACER_Opinion_11-2023_on_ENTSOG_Winter_Supply_Outlook_2023-2024.pdf (europa.eu) .

(4)

 Iċ-ċertifikazzjonijiet jinħarġu mill-operatur u/jew mis-sit tal-ħżin.

(5)

 Abbażi tal-iskambju mal-Istati Membri, il-GIE AGSI+ u r- Rapport dwar il-Ħżin tal-Gass ta’ ACER u VIS 2023 .

(6)

 Il-kapaċità fiżika tal-ħżin ta’ xi faċilitajiet tal-ħżin tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, tkun ogħla mill-volum tal-gass operattiv irrapportat mill-operaturi tal-ħżin.

(7)

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2633.

(8)

It-tabella hija soġġetta għall-obbligi pro rata ta’ kull Stat Membru skont ir-Regolament (UE) 2017/1938, b’mod partikolari l-Artikoli 6a, 6b u 6c tiegħu.

(9)

entsog.eu/sites/default/files/2023-10/SO0052-23_Winter Supply Outlook 2023-24 with Summer 2024 Overview.pdf .

(10)

  What Drives Natural Gas Prices? fuq il-JSTOR .

(11)

  EconPapers: Examining the Drivers of Natural Gas Price in Europe - Focus on the Role of Speculators (repec.org) .

(12)

 86,40 % fil-livell tal-UE minn Gas Infrastructure Europe - AGSI (gie.eu) .