DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

10 ta’ Jannar 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi, għal provvisti u għal xogħlijiet – Direttiva 2014/24/UE – Tmexxija tal-proċedura – Għażla ta’ parteċipanti u għoti ta’ kuntratti – Artikolu 63 – Operatur ekonomiku li jagħmel użu mill-kapaċitajiet ta’ entità oħra sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tal-awtorità kontraenti – Obbligu ta’ dan l-operatur ekonomiku li jibgħat id-dokumenti ta’ kapaċità ta’ subappaltatur wara l-għoti tal-kuntratt – Inkompatibbiltà”

Fil-Kawża C‑469/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Lulju 2022, fil-proċedura

Ambisig – Ambiente e Sistemas de Informação Geográfica SA

vs

Fundação do Desporto,

ANO – Sistemas de Informática e Serviços Lda,

Link Consulting – Tecnologias de Informação SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, N. Piçarra u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Ambisig – Ambiente e Sistemas de Informação Geográfica SA (iktar ’il quddiem “Ambisig”) u Fundação do Desporto, dwar id-deċiżjoni li permezz tagħha din tal-aħħar eskludietha mill-parteċipazzjoni fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi u tat il-kuntratt ikkonċernat lil Link Consulting – Tecnologias de Informação SA (iktar ’il quddiem “Link”).

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessa 84 tad-Direttiva 2014/24 tipprovdi:

“Ħafna mill-operaturi ekonomiċi, u b’mod speċjali [l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs)], iqisu li l-piżijiet amministrattivi li jinħolqu mill-ħtieġa li jiġu prodotti għadd sostanzjali ta’ ċertifikati jew dokumenti oħra relatati mal-kriterji ta’ esklużjoni u għażla huma ostaklu kbir għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkwist pubbliku. Il-limitazzjoni ta’ tali rekwiżiti, pereżempju permezz tal-użu ta’ Dokument ta’ Akkwist Uniku Ewropew (DAUE) li jikkonsisti f’awtodikjarazzjoni aġġornata, tista’ twassal għal simplifikazzjoni konsiderevoli li minnha jibbenefikaw kemm l-awtoritajiet kontraenti kif ukoll l-operaturi ekonomiċi.

L-offerent li lilu ġie deċiż li jingħata l-kuntratt għandu, madanakollu, jintalab jipprovdi l-evidenza rilevanti u l-awtoritajiet kontraenti ma għandhomx jikkonkludu kuntratti mal-offerenti li mhumiex kapaċi jagħmlu dan. L-awtoritajiet kontraenti għandhom ukoll ikollhom il-jedd li jitolbu id-dokumenti ta’ appoġġ kollha jew parti minnhom fi kwalnunkwe mument fejn huma jikkunsidraw dan neċessarju fid-dawl tat-twettiq korrett tal-proċedura. Dan jista’ jkun partikolarment il-każ fi proċeduri b’żewġ stadji - proċeduri restrittivi, proċeduri kompetittivi b’negozjati, djalogi kompetittivi u sħubiji innovattivi - fejn l-awtoritajiet kontraenti jagħmlu użu mill-possibbiltà li jillimitaw l-għadd ta’ kandidati mistednin biex jissottomettu l-offerta. Il-ħtieġa għas-sottomissjoni tad-dokumenti ta’ appoġġ fil-mument tal-għażla tal-kandidati li għandhom jiġu mistiedna tista’ tkun iġġustifikata sabiex jiġi evitat li l-awtoriatjiet kontraenti jistiednu kandidati li aktar tard ma jkunux jistgħu jissottomettu dokumenti ta’ appoġġ fl-istadju ta’ għoti, li altrimenti jippriva kandidati kwalifikati milli jipparteċipaw.

Għandu jkun stabbiliti b’mod espliċitu li d-Dokument ta’ Akkwist Uniku Ewropew għandu wkoll jipprovdi l-informazzjoni rilevanti fir-rigward tal-entitajiet li fuq il-kapaċitajiet tagħhom jiddependi operatur ekonomiku, sabiex il-verifika tal-informazzjoni dwar dawn l-entitajiet tista’ ssir flimkien mal-verifika fir-rigward tal-operatur ekonomiku prinċipali u fuq l-istess kondizzjonijiet.”

4

L-Artikolu 57 ta’ din id-direttiva jelenka d-diversi raġunijiet għall-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku.

5

Skont l-Artikolu 59 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku”:

“1.   Fil-mument tas-sottomissjoni ta’ talbiet għall-parteċipazzjoni jew tal-offerti, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jaċċettaw id-[DEAU] li jikkonsisti minn awtodikjarazzjoni aġġornata bħala evidenza preliminari b’sostituzzjoni għal ċertifikati maħruġin minn awtoritajiet pubbliċi jew terzi persuni li jikkonfermaw li l-operatur ekonomiku rilevanti jissodisfa kwalunkwe waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

mhuwiex f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 57 li fihom l-operaturi ekonomiċi għandhom jew jistgħu jiġu esklużi;

(b)

jissodisfa l-kriterji rilevanti ta’ għażla li ġew stabbiliti skont l-Artikolu 58;

(c)

fejn applikabbli, jissodisfa r-regoli u l-kriterji oġġettivi li ġew stabbiliti skont l-Artikolu 65.

Fejn l-operatur ekonomiku jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra skont l-Artikolu 63, id-Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku għandu jkun fih ukoll l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu fir-rigward tat-tali entitajiet.

Id-Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku għandu jikkonsisti f’dikjarazzjoni formali mill-operatur ekonomiku li r-raġuni rilevanti għall-esklużjoni ma tapplikax u/jew li l-kriterju rilevanti ta’ għażla huwa ssodisfat u għandu jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kif meħtieġa mill-awtorità kontraenti. Id-Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku għandu wkoll jidentifika l-awtorità pubblika jew it-terza persuna responsabbli għall-ħruġ tad-dokumenti ta’ sostenn u għandu jkun fih dikjarazzjoni formali li jgħid li l-operatur ekonomiku ser ikun jista’, fuq talba u mingħajr dewmien, jipprovdi dawk id-dokumenti ta’ sostenn.

[…]

4.   Awtorità kontraenti tista’, fi kwalunkwe mument matul il-proċedura, titlob lill-offerenti u lill-kandidati jissottomettu d-dokumenti ta’ sostenn kollha jew parti minnhom fejn dan huwa meħtieġ sabiex tiġi żgurata t-tmexxija korretta tal-proċedura.

Qabel ma tagħti l-kuntratt, l-awtorità kontraenti għandha, ħlief fir-rigward tal-kuntratti bbażati fuq ftehimiet qafas meta tali kuntratti jkunu konklużi f’konformità mal-Artikolu 33(3) jew il-punt (a) tal-Artikolu 33(4), tobbliga lill-offerent li lilu tkun iddeċidiet li tagħti l-kuntratt li jippreżenta dokumenti ta’ sostenn aġġornati skont l-Artikolu 60 u, fejn adegwat, l-Artikolu 62. L-awtorità kontraenti tista’ tistieden lill-operaturi ekonomiċi sabiex jissupplimentaw jew jiċċaraw iċ-ċertifikati riċevuti skont l-Artikoli 60 u 62.

5.   Minkejja l-paragrafu 4, l-operaturi ekonomiċi ma għandhomx jiġu obbligati jissottomettu dokumenti ta’ sostenn jew informazzjoni dokumentarja oħra fejn u jekk l-awtorità kontraenti għandha l-possibbiltà li tikseb iċ-ċertifikati jew l-informazzjoni rilevanti direttament permezz ta’ aċċess għal database nazzjonali fi kwalunkwe Stat Membru li jkun disponibbli mingħajr ħlas, bħal reġistru nazzjonali tal-akkwisti, dossier tal-kumpanniji virtwali, sistema elettronika għall-ħażna tad-dokumenti jew sistema ta’ prekwalifikazzjoni.

[…]”

6

Intitolat “Mezzi ta’ prova”, l-Artikolu 60 tal-istess direttiva jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu ċ-ċertifikati, id-dikjarazzjonijiet u l-mezzi l-oħra ta’ prova imsemmijin fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu u l-Anness XII bħala evidenza tan-nuqqas ta’ raġunijiet għall-esklużjoni kif imsemmi fl-Artikolu 57 u għall-issodisfar tal-kriterji ta’ għażla skont l-Artikolu 58.

L-awtoritajiet kontraenti ma għandhomx jitolbu mezzi ta’ prova għajr dawk imsemmija f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 62. Fir-rigward tal-Artikolu 63, l-atturi ekonomiċi jistgħu jiddependu fuq kwalunkwe mezz adegwat sabiex jagħtu prova lill-awtorità kontraenti li ser jkollhom ir-riżorsi meħtieġa għad-dispożizzjoni tagħhom.”

7

L-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Dipendenza fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Fir-rigward tal-kriterji relatati mal-qagħda ekonomika u finanzjarja kif stabbilit skont l-Artikolu 58(3), u l-kriterji relatati mal-abbiltà teknika jew professjonali kif stabbilit skont l-Artikolu 58(4), operatur ekonomiku jista’, fejn dan ikun adegwat u għal kuntratt partikolari, jiddependi fuq il-kapaċitjiet ta’ entitajiet oħra, irrilevanti min-natura legali tar-rabtiet li għandu magħhom. Fir-rigward tal-kriterji relatati mal-kwalifiki edukattivi u professjonali kif jinsabu fil-punt (f) tal-Anness XII Parti II jew l-esperjenza professjonali rilevanti, l-operaturi ekonomiċi jistgħu madankollu jiddependu biss fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra meta dawn tal-aħħar ser iwettqu l-ħidmiet jew is-servizzi li għalihom huma meħtieġa dawn il-kapaċitajiet. Meta operatur ekonomiku jkun irid jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, dan għandu jagħti prova lill-awtorità kontraenti li huwa ser ikollu r-riżorsi meħtieġa għad-dispożizzjoni tiegħu, pereżempju, billi jippreżenta impenn minn dawk l-entitajiet għal dan il-għan.

L-awtorità kontraenti għandha, f’konformità mal-Artikoli 59, 60 u 61, tivverifika jekk l-entitajiet li fuq il-kapaċità tagħhom l-operatur ekonomiku għandu l-intenzjoni li jiddependi, jissodisfawx il-kriterji ta’ għażla rilevanti u jekk hemmx raġunijiet għal esklużjoni skont l-Artikolu 57. L-awtorità kontraenti għandha tesiġi li l-operatur ekonomiku jissostitwixxi entità li ma tissodisfax kriterju ta’ għażla rilevanti, jew li fir-rigward tagħha hemm raġunijiet obbligatorji għal esklużjoni. L-awtorità kontraenti tista’ tesiġi jew tintalab minn Stat Membru biex tesiġi li l-operatur ekonomiku jissostitwixxi entità li fir-rigward tagħha hemm raġunijiet mhux obbligatorji għal esklużjoni.

Fejn operatur ekonomiku jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħrajn fir-rigward ta’ kriterji relatati mal-pożizzjoni ekonomika u finanzjarja, l-awtorità kontraenti tista’ tesiġi li l-operatur ekonomiku u dawk l-entitajiet ikunu responsabbli b’mod konġunt għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

Taħt l-istess kondizzjonijiet, grupp ta’ operaturi ekonomiċi kif imsemmi fl-Artikolu 19(2) jista’ jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ parteċipanti fil-grupp jew ta’ entitajiet oħra.

2.   Fil-każ ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet, kuntratti ta’ servizzi u operazzjonijiet ta’ tqegħid fil-post jew ta’ istallazzjoni fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ provvista, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu li ċerti kompiti kritiċi jitwettqu direttament mill-offerent stess jew, fejn l-offerta tkun sottomessa minn grupp ta’ operaturi ekonomiċi kif imsemmi fl-Artikolu 19(2), minn parteċipant f’dak il-grupp.”

Id‑dritt Portugiż

8

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, bis-saħħa tal-Artikolu 77(2)(a) u (c) tal-Código dos Contratos Públicos (il-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi), moqri flimkien mal-Artikoli 81, 92 u 93 ta’ dan il-kodiċi, meta operatur ekonomiku jagħmel użu mill-kapaċitajiet ta’ terz għall-eżekuzzjoni tal-provvista ta’ servizzi kkonċernata u sakemm l-avviż ta’ kuntratt ma jipprovdix mod ieħor, kemm id-dokumenti ta’ kapaċità ta’ dan it-terz kif ukoll il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ impenn ta’ dan it-terz għandhom ikunu meħtieġa biss wara l-għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni. Konsegwentement, huwa biss fil-kuntest ta’ proċedura ristretta b’għażla minn qabel li tali rekwiżit ikun impost fil-mument tal-preżentazzjoni tal-kandidatura, bis-saħħa tal-Artikolu 168(4) tal-imsemmi kodiċi.

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

9

Abbażi tal-osservazzjonijiet ifformulati minn Ambisig insostenn tal-appell tagħha, kif riprodotti fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jidher li Fundação do Desporto organizzat proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi. Il-kuntratt ikkonċernat ingħata lil Link.

10

Ambisig ippreżentat rikors kontenzjuż prekuntrattwali quddiem it-Tribunal Administrativo e Fiscal de Leiria (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Leiria, il-Portugall) intiż sabiex tikkontesta kemm l-esklużjoni tagħha mill-parteċipazzjoni f’din il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku kif ukoll l-għoti ta’ dan il-kuntratt lil Link.

11

Ambisig ikkritikat, essenzjalment, lill-Fundação do Desporto talli qieset li l-offerta tagħha kienet ġiet ippreżentata minn grupp ta’ offerenti, minkejja li hija kellha l-intenzjoni li tuża subappaltatur u, għalhekk, hija ma kinitx obbligata li tehmeż mal-offerta tagħha dikjarazzjoni ta’ impenn ta’ dan is-subappaltatur. F’dan ir-rigward, skont Ambisig, l-applikazzjoni b’analoġija għall-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 168(4) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, li jittrasponu fl-ordinament ġuridiku Portugiż l-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24, hija illegali, peress li l-fatt li hija ġiet eskluża mill-parteċipazzjoni f’din il-proċedura skont l-Artikolu 70(2)(a) u (b) ta’ dan il-kodiċi jikkostitwixxi żball ta’ liġi.

12

Permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2021, it-Tribunal Administrativo e Fiscal de Leiria (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Leiria) ċaħdet ir-rikors ta’ Ambisig. Dik il-qorti kkunsidrat li, ċertament, ir-rekwiżit ta’ impenji ta’ terzi ma kienx espressament previst fl-avviż ta’ kuntratt u li dan kien kundizzjoni ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt li tista’, bħala tali, tiġi ssodisfatta wara l-għoti tiegħu. Madankollu, ir-riferiment magħmul minn Ambisig għas-subappaltar ta’ parti mis-servizzi kkonċernati jaqa’ taħt il-klawżola Nru 12 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li tipprovdi li s-subappalt kien suġġett għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-entità kontraenti. Barra minn hekk, l-assenza ta’ preżentazzjoni ta’ din l-awtorizzazzjoni minn qabel kien jikkostitwixxi raġuni għall-esklużjoni tal-operatur ikkonċernat mill-parteċipazzjoni f’din il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku. Din l-esklużjoni rriżultat ukoll mill-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 168(4) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi.

13

Dik is-sentenza ġiet ikkonfermata fl-appell permezz ta’ sentenza tat-Tribunal Central Administrativo Sul (il-Qorti Amministrattiva Ċentrali tan-Nofsinhar, il-Portugall), mogħtija fit‑3 ta’ Frar 2022. Dik il-qorti rrilevat li s-subappalt kellu jiġi awtorizzat minn qabel mill-entità kontraenti, konformement mal-klawżola Nru 12 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, u li l-preżentazzjoni mill-operatur ekonomiku inkwistjoni tad-dokumenti ta’ kapaċità tas-subappaltatur potenzjali tiegħu kienet tikkostitwixxi prerekwiżit indispensabbli għall-ħruġ ta’ tali awtorizzazzjoni.

14

Ambisig, li tqis li dik is-sentenza hija żbaljata abbażi ta’ tliet aggravji, ippreżentat appell kontriha quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall). L-ewwel, il-preżentazzjoni ta’ dokumenti ta’ kapaċità tat-terz ikkonċernat ma tistax tkun meħtieġa, minħabba li din ma tirriżulta la mill-avviż ta’ kuntratt u lanqas mill-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, peress li l-Artikolu 168(4) ta’ dan il-kodiċi ma huwiex applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. It-tieni, il-klawżola Nru 12 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma hijiex applikabbli fil-kuntest tal-fażi prekuntrattwali tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku inkwistjoni. It-tielet, l-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24 ma jimponix fuq offerent l-obbligu li jehmeż, fil-mument tal-preżentazzjoni tal-offerta tiegħu, dikjarazzjoni ta’ impenn tas-subappaltaturi.

15

Għas-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema), li tirreferi għall-fatti kif ġew stabbiliti fis-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2022 u li l-espożizzjoni tagħha hija kkunsidrata bħala li hija riprodotta kompletament, skont l-Artikolu 663(6) tal-Código de Processo Civil (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), l-ewwel żewġ argumenti ta’ Ambisig imsemmija fil-punt preċedenti huma fondati.

16

Il-kwistjoni li għad trid tiġi deċiża hija dwar jekk, meta, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, offerent jippreżenta terz li jkun biħsiebu juża l-kapaċitajiet tekniċi tiegħu sabiex jipprovdi parti minn dan il-kuntratt, l-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24 jobbligahx jippreżenta, flimkien mal-offerta tiegħu, id-dokumenti ta’ kapaċità ta’ dan it-terz u d-dikjarazzjoni ta’ dan tal-aħħar li dan it-terz jintrabat li jeżegwixxi din il-parti tal-imsemmi kuntratt.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 63 tad-Direttiva [2014/24] is-soluzzjoni prevista mid-dritt nazzjonali, li tipprovdi li, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi fejn jintużaw il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra għall-eżekuzzjoni tas-servizz ikkonċernat, kemm id-dokumenti ta’ kapaċità tas-subappaltatur kif ukoll il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ impenn tiegħu għandhom jiġu meħtieġa biss wara l-għoti tal-kuntratt ikkonċernat?”

Fuq it‑talba għal proċedura mħaffa

18

Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura mħaffa bis-saħħa tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

19

Madankollu, fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar din it-talba (digriet tas‑17 ta’ Mejju 2022, Estaleiros Navais de Peniche, C‑787/21, mhux ippubblikat, EU:C:2022:414, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq id‑domanda preliminari

20

Bis-saħħa tal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għal tali domanda ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

21

Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata f’din il-kawża.

22

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-premessa 84 ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li operatur ekonomiku li għandu l-intenzjoni li juża l-kapaċitajiet ta’ entità oħra sabiex jeżegwixxi kuntratt pubbliku għandu jibgħat id-dokumenti ta’ kapaċità ta’ din l-entità u d-dikjarazzjoni ta’ impenn tagħha biss wara l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni.

23

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi d-dritt għal operatur ekonomiku li juża, għal kuntratt partikolari, il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, tkun xi tkun in-natura legali tar-rabtiet li jgħaqqduh ma’ dawn l-entitajiet, sabiex jissodisfa kemm il-kriterji dwar il-kapaċità ekonomika u finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 58(3) ta’ din id-direttiva kif ukoll il-kriterji relatati mal-kapaċitajiet tekniċi u professjonali, imsemmija fl-Artikolu 58(4) tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Swm Costruzioni 2 u Mannocchi Luigino, C‑94/12, EU:C:2013:646, punti 29 u 33, kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punt 150).

24

L-operatur ekonomiku li jixtieq jagħmel użu minn dan id-dritt jista’, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2014/24, juża kull mezz xieraq sabiex jipprova lill-awtorità kontraenti li ser ikollu l-mezzi neċessarji. F’dan ir-rigward, it-tielet sentenza tal-Artikolu 63(1) ta’ din id-direttiva ssemmi, bħala eżempju, il-possibbiltà għal dan l-operatur ekonomiku li jipproduċi l-impenn ta’ dawn l-entitajiet f’dan ir-rigward. L-imsemmi operatur ekonomiku jista’ wkoll, konformement mat-tieni u mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 59(1) tal-imsemmija direttiva, moqrija fid-dawl tat-tielet paragrafu tal-premessa 84 tagħha, jibgħat DEAU lill-awtorità kontraenti, meta jressaq it-talba tiegħu għal parteċipazzjoni jew l-offerta tiegħu, intiż, inter alia, sabiex jikkonferma li, minn naħa, la huwa stess u lanqas ebda waħda mill-entitajiet li l-kapaċitajiet tagħhom huwa għandu l-intenzjoni li juża ma jinsabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 57 tal-istess direttiva, li għandha jew tista’ twassal għall-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku, u, min-naħa l-oħra, il-kriterju jew il-kriterji ta’ selezzjoni kkonċernati huma ssodisfatti. Fi kwalunkwe każ, kull operatur ekonomiku li jixtieq juża l-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra għandu jipproduċi l-prova lill-awtorità kontraenti li huwa ser ikollu l-mezzi neċessarji sabiex jissodisfa l-kriterji ta’ selezzjoni stabbiliti fl-Artikolu 58 tad-Direttiva 2014/24.

25

Għalhekk, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24, hija l-awtorità kontraenti li għandha tivverifika, konformement mal-Artikoli 59 sa 61 tagħha, l-ewwel, li l-entitajiet li l-operatur ekonomiku għandu l-intenzjoni li juża jissodisfaw il-kriterji ta’ selezzjoni applikabbli u, it-tieni, jekk jeżistux raġunijiet għal esklużjoni, imsemmija fl-Artikolu 57 ta’ din id-direttiva, fir-rigward ta’ dawn l-entitajiet.

26

Dawn il-verifiki għandhom ikunu jistgħu jitwettqu mill-awtorità kontraenti qabel l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-premessa 84 tad-Direttiva 2014/24, li tiċċara l-portata tal-Artikolu 63 ta’ din id-direttiva, tipprovdi espressament, fit-tieni u fit-tielet paragrafu tagħha, li l-fatt li jintalab li d-dokumenti ġustifikattivi jiġu prodotti fil-mument tal-għażla tal-kandidati li għandhom jiġu mistiedna jista’ jiġi ġġustifikat sabiex jiġi evitat li l-awtoritajiet kontraenti jistiednu kandidati li sussegwentement juru li ma humiex kapaċi jippreżentaw id-dokumenti ġustifikattivi fl-istadju tal-għoti tal-kuntratt, u b’hekk tipprekludi kandidati li barra minn hekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa milli jipparteċipaw.

27

Għalhekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-Artikolu 59 u mal-premessa 84 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li operatur ekonomiku li għandu l-intenzjoni li juża l-kapaċitajiet ta’ entità oħra sabiex jeżegwixxi kuntratt pubbliku għandu jibgħat id-dokumenti ta’ kapaċità ta’ din l-entità u d-dikjarazzjoni ta’ impenn tagħha biss wara l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni.

Fuq l‑ispejjeż

28

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 63 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 59 u mal-premessa 84 ta’ din id-direttiva,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li operatur ekonomiku li għandu l-intenzjoni li juża l-kapaċitajiet ta’ entità oħra sabiex jeżegwixxi kuntratt pubbliku għandu jibgħat id-dokumenti ta’ kapaċità ta’ din l-entità u d-dikjarazzjoni ta’ impenn tagħha biss wara l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.