European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2250

13.10.2026

DIRETTIVA TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2250

tat-12 ta’ Ottubru 2026

li temenda d-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2014/21/UE fir-rigward tal-produzzjoni tal-patata taż-żrigħ prebażika miż-żerriegħa vera tal-patata ta’ varjetajiet ta’ patata propagata miż-żerriegħa u l-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/56/KE fir-rigward tar-rekwiżiti tat-tikkettar tal-patata taż-żrigħ

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/56/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-bejgħ fis-suq tal-patata taż-żerriegħa (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18, il-punt (c) u l-Artikolu 24 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/56/KE tistabbilixxi r-regoli tal-Unjoni dwar il-produzzjoni tal-patata taż-żerriegħa. Dawn ir-regoli jipprevedu sistema ta’ multiplikazzjoni veġetattiva tat-tuberi tal-patata fuq għadd limitat ta’ ġenerazzjonijiet, li l-ewwel waħda minnhom tissejjaħ “patata taż-żrigħ prebażika”.

(2)

Il-progress reċenti fit-tnissil ippermetta l-iżvilupp ta’ varjetajiet ta’ patata li jistgħu jiġu riprodotti miż-żerriegħa botanika (“varjetajiet propagati miż-żerriegħa”). Dik iż-żerriegħa hija komunement imsemmija fil-bibljografija xjentifika u teknika bħala “żerriegħa vera tal-patata”.

(3)

Fit-28 ta’ Novembru 2023, l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti adotta reviżjoni tal-protokoll tiegħu għat-testijiet dwar id-distintività, l-uniformità u l-istabbiltà tal-varjetajiet tal-patata (Solanum tuberosum L.) (2). Wara dik ir-reviżjoni sar possibbli li jitwettqu testijiet fuq patata taż-żrigħ ta’ varjetajiet ta’ patata propagati biż-żerriegħa. Għalhekk, il-produzzjoni tal-patata taż-żrigħ miż-żerriegħa vera tal-patata titqies li saret prattika aċċettata għaż-żamma tal-varjetà u tas-saħħa.

(4)

Madankollu, il-kultivazzjoni kummerċjali tal-patata fl-Unjoni tiddependi ħafna fuq l-użu tal-patata taż-żrigħ bħala materjal ta’ propagazzjoni, filwaqt li l-użu dirett taż-żerriegħa vera tal-patata bħalissa huwa limitat ħafna. Għalhekk huwa meħtieġ li fis-suq issir disponibbli patata taż-żrigħ ta’ varjetajiet ta’ patata propagati biż-żerriegħa, sabiex il-kultivaturi jibbenefikaw mill-vantaġġi li dawn il-varjetajiet jistgħu joffru.

(5)

Għalhekk huwa xieraq li jiġu introdotti rekwiżiti għall-produzzjoni ta’ patata taż-żrigħ prebażika ta’ varjetajiet ta’ patata propagati biż-żerriegħa miż-żerriegħa vera tal-patata.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/21/UE (3) tiġi emendata kif xieraq.

(7)

Sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-patata taż-żrigħ prodotta miż-żerriegħa vera tal-patata u sabiex l-utenti ta’ dik il-patata taż-żrigħ ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati, jenħtieġ li dik il-patata taż-żrigħ tiġi ttikkettata b’mod ċar bħala li tappartjeni għal varjetajiet propagati biż-żerriegħa.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness III tad-Direttiva 2002/56/KE jiġi emendat kif xieraq.

(9)

Il-miżuri previsti f’din ir-Direttiva huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emenda tad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2014/21/UE

Id-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2014/21/UE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘żerriegħa vera tal-patata’ tfisser żerriegħa, fis-sens botaniku, tas-Solanum tuberosum L.;

(2)

‘pjanta omm’ tfisser pjanta identifikata, inkluża pjanta mkabbra minn żerriegħa vera tal-patata, li minnha jittieħed il-materjal għall-propagazzjoni;

(3)

‘mikropropagazzjoni’ tfisser il-prattika tal-multiplikazzjoni malajr tal-materjal tal-pjanti għall-produzzjoni ta’ għadd kbir ta’ pjanti, bl-użu tal-kultura in vitro ta’ għejun jew meristemi veġetattivi differenzjati meħuda minn pjanta.”

(2)

Fl-Artikolu 2(3), jiżdied ir-raba’ subparagrafu li ġej:

“Meta jitkabbru pjanti omm miż-żerriegħa vera tal-patata, għandha tiġi stabbilita l-konformità mal-punt (a) tal-paragrafu 1 permezz ta’ ttestjar uffiċjali, jew ittestjar taħt sorveljanza uffiċjali, tal-pjanti omm.”

(3)

Fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-paragrafi 4 u 5 li ġejjin:

“4.   Meta l-pjanti omm jitkabbru miż-żerriegħa vera tal-patata, dik iż-żerriegħa vera tal-patata għandha tinstab ħielsa mill-virojde tad-deformazzjoni fusiformi tat-tuberi tal-patata permezz ta’ ttestjar uffiċjali, jew ittestjar taħt superviżjoni uffiċjali, fuq kampjun rappreżentattiv u bl-użu ta’ metodi xierqa.

5.   Il-patata taż-żrigħ miż-żerriegħa vera tal-patata għandha tappartjeni biss għal varjetajiet li ġew inklużi fil-“Katalgu Komuni ta’ Varjetajiet ta’ Speċijiet ta’ Pjanti Agrikoli” msemmi fl-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE (*1), wara l-eżami tagħhom bħala varjetajiet propagati biż-żerriegħa skont il-protokoll tas-CPVO għal testijiet dwar id-distintività, l-uniformità u l-istabbiltà tal-varjetajiet tal-patata (Solanum tuberosum L.) (*2).

(*1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-varjetajiet komuni ta’ katalgi ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 1, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/dir/2002/53/oj)."

(*2)  CPVO-TP/023/4 – Protokoll għal testijiet dwar id-distintività, l-uniformità u l-istabbiltà tal-varjetajiet tal-patata (Solanum tuberosum L.).”"

()  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-varjetajiet komuni ta’ katalgi ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 1, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/dir/2002/53/oj).

()  CPVO-TP/023/4 – Protokoll għal testijiet dwar id-distintività, l-uniformità u l-istabbiltà tal-varjetajiet tal-patata (Solanum tuberosum L.).”

Artikolu 2

Emenda tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/56/KE

It-Taqsima 5 tal-Parti A tal-Anness III tad-Direttiva 2002/56/KE hija sostitwita b’dan li ġej:

“5.

Varjetà, indikata għall-anqas b’karattri Rumani, u, fejn applikabbli, segwita bl-indikazzjoni ‘varjetà taż-żerriegħa vera tal-patata’.”

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2027, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2028.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-dritt nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 193, 20.7.2002, p. 60, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/56/oj.

(2)  CPVO-TP/023/4 — Protokoll għal testijiet dwar id-distintività, l-uniformità u l-istabbiltà tal-varjetajiet tal-patata (Solanum tuberosum L.).

(3)  Id-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/21/UE tas-6 ta’ Frar 2014 li tiddetermina l-kundizzjonijiet minimi u l-klassijiet tal-Unjoni għal patata taż-żrigħ prebażika (ĠU L 38, 7.2.2014, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_impl/2014/21/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_impl/2026/2250/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)