|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/5351 |
2.9.2024 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2), punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(C/2024/5351)
Wara din il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, tista’ tippreżenta, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) oppożizzjoni lill-Kummissjoni fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
DOKUMENT UNIKU
“Oli de Menorca / Aceite de Menorca”
Nru tal-UE: PGI-ES-03012 — 9.10.2023
DOP ( ) IĠP (X)
1. Isem/Ismijiet [tad-DOP jew tal-IĠP]
“Oli de Menorca / Aceite de Menorca”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
Spanja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott [bħal fl-Anness XI]
Klassi 1.5. Żjut u xaħmijiet (butir, marġerina, żejt, eċċ.)
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
L-“Oli de Menorca / Aceite de Menorca” huwa żejt taż-żebbuġa ekstra verġni li huwa organiku jew f’konverżjoni, miksub biss permezz ta’ proċessi mekkaniċi mill-frotta tas-siġra taż-żebbuġ (Olea europaea L.). Huwa żejt b’togħma ta’ frott b’intensità medja jew qawwija u fuq il-palat għandu togħma morra u qawwija minn ħafifa sa medja. Dawn il-karatteristiċi jippermettu li jiġi kklassifikat bħala żejt ibbilanċjat.
Karatteristiċi fiżikokimiċi:
Aċidità (espressa bħala aċidu olejku): ≤ 0,5 %
Valur tal-perossidu: ≤ 15 meq O2/kg
K232 ≤ 2,00
K270 ≤ 0,18
Karatteristiċi organolettiċi:
|
Attribut |
Valur medjan |
|
Togħma ta’ frott aħdar |
≥ 3,5 |
|
Imrar |
≥ 2 ≤ 6 |
|
Pikkanti |
≥ 2,5 ≤ 6 |
|
Bilanċ |
Il-valur medjan tal-attribut tat-togħma morra u l-valur medjan tal-attribut tat-togħma punġenti ma humiex aktar minn żewġ punti ogħla mill-medjan tat-togħma tal-frott aħdar. |
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Il-passi kollha fil-produzzjoni tal-“Oli de Menorca / Aceite de Menorca”, mit-tkabbir taż-żebbuġ sal-ipproċessar tiegħu, iridu jsiru fil-gżira ta’ Menorca.
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Il-passi kollha fil-produzzjoni tal-“Oli de Menorca / Aceite de Menorca”, mit-tkabbir taż-żebbuġ sal-ipproċessar tiegħu, iridu jsiru fil-gżira ta’ Menorca.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-imballaġġ, eċċ.
Il-kontenituri tal-“Oli de Menorca / Aceite de Menorca” iridu jipproteġu ż-żejt taż-żebbuġa mid-dawl.
Il-kapaċità massima tal-kontenituri hija ta’ 5 litri.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
Fuq it-tikketta jrid ikun hemm il-kliem “Oli de Menorca / Aceite de Menorca”, segwit mill-inizjali “IĠP”. L-operatur jista’ jagħżel il-verżjoni “Oli de Menorca” (bil-Katalan) u/jew “Aceite de Menorca” (bl-Ispanjol).
It-tikkettar irid jinkludi kodiċi ta’ numerazzjoni alfanumeriku sekwenzjali biex jiġu ffaċilitati l-verifiki tat-traċċabbiltà tal-prodott.
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona fejn jitkabbar iż-żebbuġ u jiġi prodott l-“Oli de Menorca / Aceite de Menorca” hija limitata esklussivament għall-gżira ta’ Menorca, li tappartjeni għall-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi.
Il-gżira ta’ Menorca tinsab bejn il-latitudnijiet 39° 47′ 55′′ u 40° 05′ 17′ N u l-lonġitudnijiet 3° 47′ 26′′ u 4° 19′ 40′′ E fil-Baħar Mediterran. Hija l-aktar gżira fil-Lvant tal-arċipelagu Baleariku.
Għandha erja tas-superfiċje ta’ madwar 701 km2, u hija twila 48 km fl-itwal punt tagħha u wiesgħa 20 km fl-aktar punt wiesa’ tagħha.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Ir-rabta mal-ambjent hija bbażata fuq ir-reputazzjoni tal-prodott.
Reputazzjoni attwali
Ir-reputazzjoni miksuba mill-“Oli de Menorca / Aceite de Menorca” hija evidenti mill-għadd kbir ta’ premjijiet internazzjonali li rċieva, il-preżenza tiegħu fuq il-menus ta’ ristoranti prestiġjużi, il-parteċipazzjoni tiegħu f’bosta fieri u l-pubblikazzjonijiet li jirreferu għall-kwalità tal-“Oli de Menorca / Aceite de Menorca”.
Fir-rigward tal-premjijiet internazzjonali, bosta produtturi reċentament rebħu premjijiet f’kompetizzjonijiet. Eżempji notevoli jinkludu: il-London International Olive Oil Competition (2021 u 2022) u l-“BIOFACH 2022 Olive Oil Award”, fejn iż-żejt taż-żebbuġa minn Menorca ġie kklassifikat mal-aqwa 10 żjut taż-żebbuġa organiċi madwar id-dinja fil-fiera prestiġjuża BIOFACH għall-prodotti organiċi (Nuremberg).
Il-karatteristika organolettika li kkontribwiet l-aktar għar-reputazzjoni tal-“Oli de Menorca / Aceite de Menorca” hija l-kwalità “ħadra” tat-togħma tal-frott. It-togħma tal-frott aħdar hija marbuta mal-fattur uman u kkundizzjonata minnu, peress li tinkiseb mill-ħsad taż-żebbuġ meta jkun aħdar jew fl-istadji bikrija tal-maturazzjoni; għal dan l-għan, l-Ispeċifikazzjoni tal-prodott tiddikjara li l-ħsad taż-żebbuġ irid jibda fl-aħħar ta’ Settembru u meta ż-żebbuġ ikun laħaq indiċi tal-maturazzjoni ta’ bejn 1 u 4 fuq l-iskala Ferreira (1979).
It-togħma tal-frott aħdar tiddistingwi ż-żejt, iżda tfisser li r-rendiment mill-ipproċessar taż-żebbuġ f’żejt huwa ferm aktar baxx. Fil-każ tal-“Oli de Menorca / Aceite de Menorca”, l-Ispeċifikazzjoni tal-prodott tistabbilixxi rendiment massimu ta’ 17-il litru għal kull 100 kg ta’ żebbuġ. Għalhekk, it-togħma ta’ frott aħdar tinvolvi tnaqqis fil-profittabbiltà għall-produtturi, li huma jaċċettaw minħabba li l-esperti u l-konsumaturi jirrikonoxxu u japprezzaw dan il-fattur ta’ distinzjoni.
Huwa fatt pruvat li t-togħma ta’ frott aħdar għandha influwenza fuq ir-reputazzjoni, u ż-żjut “Oli de Menorca / Aceite de Menorca” li rċevew premjijiet f’kompetizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali wrew dik il-karatteristika.
L-“Oli de Menorca / Aceite de Menorca” jidher fuq il-menus ta’ bosta ristoranti prestiġjużi lokali, nazzjonali u internazzjonali, bħal Gaig u Igueldo f’Barċellona. Fi bliet bħal Londra, Pariġi u Ġinevra, l-“Oli de Menorca / Aceite de Menorca” jidher fuq il-menus tar-ristoranti, tradotti fil-lingwi uffiċjali tal-pajjiżi korrispondenti.
Fatt ieħor li jixhed ir-reputazzjoni li jgawdi minnha l-“Oli de Menorca / Aceite de Menorca” hija l-preżenza tiegħu f’fieri lokali, Spanjoli u internazzjonali. Dawn jinkludu l-Fira Arrels [Fiera ta’ Arrels] għall-prodotti lokali u l-kċina ta’ Menorca, u l-ġranet gastronomiċi annwali Menorca en el Plato [Menorca fuq platt]. Barra mill-gżira, nixtiequ nenfasizzaw il-parteċipazzjoni fil-fiera gastronomika nazzjonali ta’ Madrid Fusión (2021), f’“Taste of Paris” (2022) u f’BIOFACH, Nuremberg (2022).
Għandu jiġi nnotat ukoll li, wara proċedura rigoruża, l-“Oli de Menorca / Aceite de Menorca” ġie rreġistrat fl-2020 fil-Katalogu tal-Oġġetti tal-Ikel Tradizzjonali tal-Gżejjer Baleariċi, li huwa ġestit mill-awtorità responsabbli għall-agrikoltura fil-Gżejjer Baleariċi. Din il-kisba ġiet irrapportata fl-istampa lokali.
L-“Oli de Menorca / Aceite de Menorca” jgawdi minn viżibbiltà sinifikanti fil-midja lokali, nazzjonali u internazzjonali, fejn ġie mfaħħar bil-Katalan, bl-Ispanjol, bil-Franċiż u bl-Ingliż (skont il-lingwa tal-pajjiż ta’ oriġini).
Fost dawn il-midja hemm is-suppliment El Viajero għall-gazzetta El País, El Económico [gazzetta online] u, f’bosta okkażjonijiet, fid-Diario de Menorca u f’Arabalears [gazzetti]
Hemm ukoll pubblikazzjonijiet internazzjonali li jsemmu l-“Oli de Menorca / Aceite de Menorca” fil-lingwi li fihom jiġu ppubblikati, pereżempju Yonder.fr, li huwa sit web Franċiż li jispeċjalizza fl-ivvjaġġar u fil-gastronomija. Il-pubblikazzjoni online tar-rivista Forbes tenfasizza l-preżenza tal-prodott fuq il-gżira.
Reputazzjoni storika
L-isfond storiku huwa prova ulterjuri tar-reputazzjoni attwali tal-“Oli de Menorca / Aceite de Menorca”.
Fix-xogħol tiegħu Die Balearen f’Wort und Bild geschildert [Il-Gżejjer Baleariċi murija fi kliem u stampi] (1867-1891), l-Arċiduka Ludwig Salvator tal-Awstrija jikteb: “Iż-żejt taż-żebbuġa ta’ Menorca ... jista’ faċilment jilħaq il-kwalità taż-żejt taż-żebbuġa minn Mallorca.” Huwa jiddeskrivi fid-dettall il-produzzjoni eżistenti fil-gżira, filwaqt li jenfasizza l-importanza u l-kwalità tal-prodotti ta’ ċerti azjendi agrikoli fis-suq lokali.
Wara l-adozzjoni tas-sistema metrika deċimali fi Spanja, is-Sindku ta’ Mahón ħareġ regolament fl-1871 li fih stabbilixxa l-ekwivalenzi, fis-sistema metrika l-ġdida, tal-miżuri tradizzjonali użati għall-prodotti l-aktar rilevanti preżenti fil-gżira. Għalhekk, il-“miżuri dwar iż-żejt taż-żebbuġa ta’ Menorca” ġew adottati u ġew ippubblikati fil-Boletín de Anuncios [Ġurnal ta' Notifiki] tal-gazzetta El Menorquín.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
https://www.caib.es/sites/qualitatagroalimentaria/es/oli_de_menorca/
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11.4.2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5351/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)