|
4.5.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 140/46 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/601
tat-30 ta’ April 2020
dwar miżuri ta’ emerġenza li jidderogaw mill-Artikoli 62 u 66 tar-Regolament (UE) Nru 1038/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-validità tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil tad-dwieli u l-qlugħ tad-dwieli fil-każ ta’ tħawwil mill-ġdid antiċipat
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 221(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Minħabba l-pandemija attwali tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet estensivi fuq il-moviment implimentati mill-Istati Membri, il-produtturi tal-inbid fl-Istati Membri kollha ħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet eċċezzjonali. B’mod partikulari, il-produtturi tal-inbid qegħdin iġarrbu problemi loġistiċi u nuqqas ta’ ħaddiema, li jolqtu bil-qawwi l-kulturi li jeħtieġu ħidma intensiva, bħad-dwieli, fejn jeħtieġu bosta interventi bl-idejn matul l-istaġun kollu tat-tkabbir, speċjalment fir-rebbiegħa meta tipikament jitħawlu dwieli ġodda. Minħabba r-restrizzjonijiet attwali, il-produtturi tal-inbid qegħdin isibu diffikultajiet bla preċedent biex jimmobilizzaw il-ħaddiema meħtieġa biex iwettqu l-ħidma ta’ kuljum fil-vinji tagħhom, u s-sitwazzjoni hija saħansitra agħar fejn tidħol l-organizzazzjoni tal-ħaddiema addizzjonali meħtieġa għat-tħawwil ta’ vinji ġodda. |
|
(2) |
L-Artikolu 62(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li l-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil tad-dwieli huma validi għal tliet snin mid-data li fihom ingħataw. F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/274 (2), l-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil għandhom jingħataw lill-applikanti mistħoqqa mhux aktar tard mill-1 ta’ Awwissu. Dan jippermetti lill-produtturi tal-inbid iħejju l-ħamrija fil-ħarifa u jiksbu d-dwieli l-ġodda, li mbagħad tipikament jitħawlu fir-rebbiegħa. Ir-rebbiegħa hija l-iktar staġun favorevoli għat-tħawwil tad-dwieli, ladarba biż-żieda fit-temperaturi u bil-miġja tas-sajf, il-ħamrija tibda tinxef b’mod li l-pjanti mħawla f’dan iż-żmien ibatu u kapaċi ma jniżżlux l-għeruq. |
|
(3) |
Minħabba l-kriżi kkaġunata mill-pandemija tal-COVID-19, il-produtturi tal-inbid li jkollhom awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil li jiskadu sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Awwissu 2020 bħalissa ma jistgħux jinqdew b’dawk l-awtorizzazzjonijiet fl-aħħar sena tal-validità tagħhom kif ippjanat. Minħabba l-inċertezza fir-rigward tat-tul ta’ żmien tal-miżuri meħudin biex jindirizzaw il-pandemija, mhuwiex ċert jekk dawk il-produtturi tal-inbid hux se jkollhom il-possibbiltà li jużaw l-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil tagħhom qabel l-1 ta’ Awwissu. Madankollu, anki fil-każ fejn il-pandemija tal-COVID-19 tieħu żvolta pożittiva u r-restrizzjonijiet jitneħħew qabel is-sajf, il-produtturi tal-inbid se jkollhom iħawlu d-dwieli matul l-istaġun ta’ sħana, u b’hekk f’mument inqas propizju taċ-ċiklu ta’ tkabbir, f’kundizzjonijiet diffiċli u b’kost addizzjonali, u dan kollu f’mument fejn is-settur tal-inbid diġà qiegħed ibati minn kundizzjonijiet tas-suq mhux favorevoli. |
|
(4) |
Għaldaqstant, u sabiex jiġu evitati t-telf tal-awtorizzazzjoni għat-tħawwil jew deterjorament rapidu tal-kundizzjonijiet li fihom ikollu jsir it-tħawwil, jeħtieġ li jingħata lok, mingħajr dewmien, għal estensjoni tal-validità tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil li se jiskadu fis-sena 2020. Għaldaqstant, kull awtorizzazzjoni li tiskadi fl-2020 jenħtieġ li tiġi estiża bi 12-il xahar, mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, sabiex il-produtturi tal-inbid ikunu jistgħu jħawlu d-dwieli f’kundizzjonijiet favorevoli fir-rebbiegħa tal-2021. |
|
(5) |
Fid-dawl tad-diffikultajiet prattiċi u ekonomiċi mhux mistennija li l-produtturi tal-inbid iħabbtu wiċċhom magħhom minħabba l-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li jitħallew jirrinunzjaw l-awtorizzazzjoni għat-tħawwil tagħhom li tiskadi fis-sena 2020 mingħajr ma jġarrbu l-penali amministrattiva msemmija fl-Artikolu 89(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jekk ma jkunux għadhom jixtiequ jespandu ż-żona tal-vinji tagħhom. |
|
(6) |
Fir-rigward tal-produtturi tal-inbid li jkollhom awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil mill-ġdid mogħtija mill-Istati Membri peress li jkunu qalgħu żona korrispondenti ta’ dwieli f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, id-deroga mogħtija b’dan ir-Regolament jenħtieġ li tapplika b’mod simili bħalma tapplika għall-produtturi tal-inbid li jkunu ngħataw awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil ġdid. Dan jiżgura li l-produtturi tal-inbid ma jkunux soġġetti għal tnaqqis taż-żona tal-vinji tagħhom peress li ma jkunux jistgħu jħawlu mill-ġdid f’żona li jkunu qalgħu minħabba ċirkustanzi mhux mistennija u nuqqas ta' ħaddiema, ikkaġunati minn restrizzjonijiet fuq il-moviment fil-kriżi tal-pandemija tal-COVID-19. |
|
(7) |
Fejn l-Istati Membri jkunu taw awtorizzazzjoni għat-tħawwil mill-ġdid lill-produtturi tal-inbid li jkunu ntrabtu li jaqilgħu żona mħawla bid-dwieli sa mhux aktar tard minn tmiem ir-raba’ sena mid-data li fiha jkunu tħawlu dwieli ġodda, il-produtturi tal-inbid jistgħu jiffaċċaw problemi speċifiċi fl-2020 biex jagħmlu dan, minħabba restrizzjonijiet fuq il-moviment u nuqqas ta’ ħaddiema. Għaldaqstant, meta dawn il-produtturi jistgħu jiġġustifikaw li l-qlugħ kien impossibbli għalihom fis-sena 2020 minħabba raġunijiet marbutin mal-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jagħtuhom aktar żmien biex iwettqu l-qlugħ billi jestendu l-iskadenza b’sa 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddeċiedu, fi żmien xahrejn wara t-tressiq ta’ applikazzjoni, jekk l-estensjoni tingħatax u għal kemm żmien, jew f’każ ta’ rifjut, jenħtieġ li jinformaw l-applikant bir-raġunijiet għalih. Jekk il-qlugħ ma jsirx sa tmiem l-estensjoni mogħtija, il-produttur tal-inbid jenħtieġ li jkun soġġett għall-penali rispettivi applikabbli skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/273 (4). |
|
(8) |
Fejn il-produtturi tal-inbid jitħallew idewmu l-qlugħ ta’ vinja li kienet soġġetta għal tħawwil mill-ġdid antiċipat mill-Istati Membri, kemm il-vinja l-antika li tkun se tinqala’ u kemm il-vinja mħawla mill-ġdid jenħtieġ li jkunu ineliġibbli għall-appoġġ għall-ħsad bikri, sabiex jiġi evitat il-finanzjament doppju. |
|
(9) |
Ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment fis-seħħ, u minħabba fihom il-problemi loġistiċi u n-nuqqas ta’ forza tax-xogħol biex iwettqu l-ħidma bl-idejn fuq il-vinja, speċifikament it-tħawwil mill-ġdid tad-dwieli u l-qlugħ, jikkostitwixxu problema speċifika fit-tifsira tal-Artikolu 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Din il-problema speċifika ma tistax tiġi indirizzata b’miżuri meħuda skont l-Artikolu 219 jew 220 ta’ dak ir-Regolament. Minn naħa, mhijiex marbuta ma’ tfixkil fis-suq diġà eżistenti, jew ma’ theddida sinifikanti biżżejjed ta’ tfixkil fis-suq. Min-naħa l-oħra, din il-problema speċifika lanqas mhi marbuta ma’ miżuri li jiġġieldu t-tixrid tal-mard tal-annimali jew telf ta’ fiduċja tal-konsumatur minħabba riskji għas-saħħa pubblika, tal-annimali jew tal-pjanti, kif meħtieġ mill-Artikolu 220 ta’ dak ir-Regolament. |
|
(10) |
Jenħtieġ li l-miżura tkun strettament limitata għal dak li huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet attwali minħabba l-pandemija tal-COVID-19, kemm fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll tal-perjodu tal-applikazzjoni. |
|
(11) |
Jenħtieġ li l-miżuri jittieħdu b’mod urġenti sabiex jiġi evitat li l-produtturi tal-inbid jitilfu l-awtorizzazzjonijiet ta’ tħawwil tagħhom, jew ikunu penalizzati talli ma qdewx l-obbligu tagħhom li jaqilgħu ż-żona li wegħdu li jaqilgħu, minħabba l-problemi loġistiċi u n-nuqqas ta’ ħaddiema mhux mistennija. |
|
(12) |
Jenħtieġ li l-miżuri ta’ emerġenza previsti f’dan ir-Regolament ikunu limitati għal perjodu massimu ta’ 12-il xahar, li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Dan il-perjodu huwa meħtieġ biex jagħti lill-produtturi tal-inbid żmien biżżejjed biex iħawlu d-dwieli ġodda matul l-istaġun xieraq, u biex jagħti lill-Istati Membri ċerta flessibbiltà f’każijiet fejn il-qlugħ tad-dwieli ma jkunx possibbli minħabba l-pandemija tal-COVID-19. |
|
(13) |
Fid-dawl tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(14) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Estensjoni tal-validità ta’ awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil jew għat-tħawwil mill-ġdid li jiskadu fl-2020
1. B’deroga mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-validità tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil mill-ġdid mogħtija f’konformità mal-Artikoli 62 u 64 ta’ dak ir-Regolament li jkunu skadew jew li se jiskadu fis-sena 2020, għandhom jiskadu biss 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
2. B’deroga mit-tieni sentenza tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawk il-produtturi tal-inbid li jkollhom awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil li jkunu skadew jew li se jiskadu fis-sena 2020, ma għandhomx ikunu soġġetti għall-penali amministrattiva msemmija fl-Artikolu 89(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, bil-kundizzjoni li jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti sal-31 ta’ Diċembru 2020 li mhux beħsiebhom jużaw l-awtorizzazzjoni tagħhom u ma jixtiqux igawdu mill-estensjoni tal-validità tagħhom kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
3. B’deroga mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-validità tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil mill-ġdid mogħtija f’konformità mal-Artikolu 62 u mal-Artikolu 66(1) ta’ dak ir-Regolament li jkunu skadew jew li se jiskadu fis-sena 2020, għandhom jiskadu biss 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
4. B’deroga mit-tieni sentenza tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawk il-produtturi tal-inbid li jkollhom awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil mill-ġdid li jkunu skadew jew li se jiskadu fis-sena 2020, ma għandhomx ikunu soġġetti għall-penali amministrattiva msemmija fl-Artikolu 89(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, bil-kundizzjoni li jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti sal-31 ta’ Diċembru 2020 li mhux beħsiebhom jużaw l-awtorizzazzjoni tagħhom u ma jixtiqux igawdu mill-estensjoni tal-validità tagħhom kif imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 2
Estensjoni tal-iskadenza għall-qlugħ f’każ ta’ tħawwil mill-ġdid antiċipat tal-vinji
1. B’deroga mill-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, fejn l-Istati Membri jkunu taw awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil mill-ġdid antiċipat lill-produtturi tal-inbid, u l-qlugħ ikun se jsir mhux aktar tard mis-sena 2020, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-iskadenza għall-qlugħ b’sa 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, f’każijiet fejn, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, il-qlugħ tad-dwieli kien impossibbli, u fejn issir applikazzjoni ġustifikata kif suppost mingħand il-produttur tal-inbid.
2. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-applikant fi żmien xahrejn mit-tressiq tal-applikazzjoni għall-estensjoni tal-iskadenza għall-qlugħ msemmija fil-paragrafu 1, u fejn applikazzjoni tkun ġiet rifjutata, l-applikanti għandhom ikunu infurmati bir-raġunijiet tar-rifjut.
3. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/273 għandu japplika jekk il-qlugħ tad-dwieli ma jsirx mill-produttur tal-inbid sa tmiem l-estensjoni mogħtija skont il-paragrafi 1 u 2.
4. Il-produtturi tal-inbid li jgawdu mill-estensjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-appoġġ għall-ħsad bikri msemmi fl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, la fuq iż-żona mħawla mill-ġdid u lanqas fuq iż-żona li tkun se tinqala’.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu japplika matul perjodu ta’ 12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/274 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-iskema tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil tad-dwieli, ir-reġistru tal-vinji, id-dokumenti ta’ akkumpanjament u ċ-ċertifikazzjoni, ir-reġistru tad-dħul u l-ħruġ, u d-dikjarazzjonijiet obbligatorji, u tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontrolli rilevanti, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/561 (ĠU L 58, 28.2.2018, p. 60).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/273 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fejn jidħlu l-iskema tal-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil tad-dwieli, ir-reġistru tal-vinji, id-dokumenti ta' akkumpanjament u ċ-ċertifikazzjoni, ir-reġistru tad-dħul u l-ħruġ, id-dikjarazzjonijiet obbligatorji, in-notifiki u l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni notifikata, u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli u penali rilevanti, li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008, (KE) Nru 606/2009 u (KE) Nru 607/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 436/2009 kif ukoll ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/560 (ĠU L 58, 28.2.2018, p. 1).