SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
18 ta’ Diċembru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 45 TFUE – Moviment liberu tal-ħaddiema – Ugwaljanza fit-trattament – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7(2) – Vantaġġi soċjali – Allowance tal-familja – Kundizzjoni għall-għoti ta’ din l-allowance lil ħaddiem mhux residenti għal wild tal-konjuġi tiegħu jew tas-sieħeb irreġistrat tiegħu – Rekwiżit li dan il-ħaddiem għandu ‘jmantni’ lil dan il-wild – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Preżunzjoni bbażata fuq il-fatt li jgħixu fl-istess dar – Direttiva 2004/38/KE – Punt (2)(ċ) tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘membru tal-familja’”
Fil-Kawżi magħquda C‑296/24 (Jouxy) sa C‑307/24 (Momeut) ( i ),
li għandhom bħala suġġett tnax-il talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑25 ta’ April 2024, li waslu l-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ April 2024, fil-proċeduri
SM,
PX (C‑296/24),
CY (C‑297/24),
LK,
MF (C‑298/24),
OP,
TD (C‑299/24),
MY,
IX (C‑300/24),
AH,
CJ (C‑301/24),
AE (C‑302/24),
BF,
CG (C‑303/24),
LH (C‑304/24),
TB,
MV (C‑305/24),
KN,
PE (C‑306/24),
NB (C‑307/24),
vs
Caisse pour l’avenir des enfants,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President ta’ Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tar-Raba’ Awla, M. Condinanzi, N. Jääskinen (Relatur) u R. Frendo, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: R. Norkus,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal SM, PX, u NB, minn V. Bolard, avukat, |
|
– |
għal CY, LK, MF, OP, TD, MY, IX, AH, CJ, AE, BF, CG, LH, TB, MV, KN u PE, minn P. Peuvrel, avukat, |
|
– |
għall-Caisse pour l’avenir des enfants, minn R. Jazbinsek, avukata, |
|
– |
għall-Gvern Ċek, minn J. Benešová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Delaude u B.-R. Killmann, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Ġunju 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “imantni lill-wild”, iċċarat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), tal-Artikolu 1(i) u tal-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif ukoll tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1). |
|
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tnax-il tilwima bejn ħaddiema fruntalieri kif ukoll il-konjuġi jew l-imsieħba rreġistrati ta’ wħud minnhom u l-Caisse pour l’avenir des enfants (il-Fond għall-Futur tat-Tfal, il-Lussemburgu) (iktar ’il quddiem iċ- “CAE”), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħti allowances tal-familja lil dawn il-ħaddiema għall-ulied tal-konjuġi tagħhom jew tal-imsieħba rreġistrati tagħhom. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2004/38
|
3 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 huwa fformulat kif ġej: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…]” |
Ir-Regolament Nru 883/2004
|
4 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 883/2004 jistipula: “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament: […]
[…]” |
|
5 |
L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Oqsma koperti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali: […]
|
|
6 |
L-Artikolu 67 tal-imsemmi regolament, intitolat “Membri tal-familja li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor”, jipprevedi: “Persuna għandha tkun intitolata għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, inklużi l-membri tal-familja tagħha li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħallikieku dawn kellhom ir-residenza tagħhom fl-Istat Membru kompetenti. […]” |
Ir-Regolament Nru 492/2011
|
7 |
L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011, intitolat “Impjieg u ugwaljanza fit-trattament”, jipprovdi: “1. Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid. 2. Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali. […]” |
Id‑dritt Lussemburgiż
|
8 |
Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Lussemburgiż, kif kienu applikabbli meta seħħew il-fatti fil-kawżi prinċipali, huma l-Artikoli 269 u 270 tal-code de la sécurité sociale (il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali), kif jirriżultaw mil-loi du 23 juillet 2016, portant modification du code de la sécurité sociale (il-Liġi tat‑23 ta’ Lulju 2016 li Temenda l-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali), li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Awwissu 2016, mil-loi modifiée du 4 décembre 1967 concernant l’impôt sur le revenu, et abrogeant la loi modifiée du 21 décembre 2007 concernant le boni pour enfant (il-Liġi Emendata tal‑4 ta’ Diċembru 1967 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul u li Tħassar il-Liġi Emendata tal‑21 ta’ Diċembru 2007 dwar il-Bonus għall-Wild) (Mémorial A 2016, p. 2348, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi”). |
|
9 |
L-Artikolu 269(1) tal-Kodiċi, intitolat “Kundizzjonijiet għall-għoti”, jipprovdi: “Qiegħda tiġi introdotta allowance għall-futur tal-ulied, iktar ’il quddiem ‘allowance tal-familja’. Għandhom dritt għall-allowance tal-familja:
|
|
10 |
L-Artikolu 270 ta’ dan il-kodiċi jistipula: “Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 269(1)(b), huma kkunsidrati bħala membri tal-familja ta’ persuna u għandhom dritt għall-allowance tal-familja, l-ulied imwielda fiż-żwieġ, l-ulied imwielda barra ż-żwieġ u l-ulied adottivi ta’ din il-persuna.” |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
|
11 |
Permezz ta’ deċiżjonijiet taċ-CAE bbażati fuq l-Artikoli 269 u 270 tal-Kodiċi, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, li huma ħaddiema fruntalieri residenti l-Belġju, il-Ġermanja jew Franza u li jeżerċitaw attività bħala persuna impjegata fil-Lussemburgu, ġew jew irrifjutati l-għoti tal-allowances tal-familja għall-ulied tal-konjuġi tagħhom jew tal-imsieħba rreġistrati tagħhom (Kawżi C‑299/24 u C‑301/24), jew ġie rtirat, b’effett mill‑1 ta’ Awwissu 2016, il-benefiċċju tal-allowances irċevuti għal tali ulied (Kawżi C‑296 sa C‑298/24, C‑300/24 u C‑302/24 sa C‑307/24). |
|
12 |
Skont iċ-CAE, peress li dawn l-ulied ma kellhomx rabta ta’ filjazzjoni mal-ħaddiema fruntalieri kkonċernati, huma ma kellhomx il-kwalità ta’ “membru tal-familja” fis-sens tal-Artikolu 270 tal-Kodiċi. |
|
13 |
Il-conseil arbitral de la sécurité sociale (il-Kunsill Arbitrali tas-Sigurtà Soċjali, il-Lussemburgu) laqa’ r-rikorsi ta’ dawn il-ħaddiema intiżi għall-għoti tal-allowance tal-familja jew għall-istabbiliment mill-ġdid tiegħu. |
|
14 |
Madankollu, il-conseil supérieur de la sécurité sociale (il-Kunsill Superjuri tas-Sigurtà Soċjali, il-Lussemburgu) ikkonferma, billi rriformahom, id-deċiżjonijiet taċ-CAE, imsemmija fil-punt 11 ta’ din is-sentenza. |
|
15 |
Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali appellaw fil-kassazzjoni quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Lussemburgu), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
16 |
Dik il-qorti tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier) (C‑802/18, EU:C:2020:269), abbażi ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 1(i) u tal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 u mal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, issuġġettat id-dritt tal-ħaddiem fruntalier li jibbenefika mill-ħlas tal-allowance tal-familja fir-rigward ta’ wild il-konjuġi tiegħu jew is-sieħeb irreġistrat tiegħu, li miegħu ma jkollu ebda rabta ta’ filjazzjoni, għall-prova li huwa jmantni lil dan il-wild. |
|
17 |
Peress li fit-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, il-conseil supérieur de la sécurité sociale (il-Kunsill Superjuri tas-Sigurtà Soċjali) qies li l-kontribuzzjoni tal-ħaddiem fruntalier għall-manteniment tal-wild tal-konjuġi tiegħu jew tas-sieħeb irreġistrat tiegħu ma ġietx ipprovata, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, billi tirreferi wkoll għas-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Depesme et (C‑401/15 sa C‑403/15, EU:C:2016:955) dwar l-elementi oġġettivi li jistgħu jipprovaw dan il-manteniment. |
|
18 |
Għalhekk, dik il-qorti tistaqsi, b’mod partikolari, jekk il-prova ta’ dar komuni bejn il-ħaddiem fruntalier u l-wild ikkonċernat hijiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li dan il-ħaddiem imantni dan il-wild jew jekk elementi oġġettivi oħra, bħall-metodu ta’ finanzjament ta’ din id-dar, għandhomx ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni. F’dan il-kuntest, tqum ukoll il-kwistjoni tal-importanza li għandha tingħata għall-età tal-wild, sa fejn minn dik is-sentenza jsegwi li, fi kwalunkwe każ, l-ulied huma preżunti dipendenti sal-età ta’ 21 sena. Barra minn hekk, hija tistaqsi x’importanza għandha tingħata lill-kontribut tal-ġenituri tal-wild għall-bżonnijiet tiegħu, bħala obbligu alimentari fuq il-ġenituri jew dritt ta’ aċċess u ta’ akkomodazzjoni. |
|
19 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, ifformulati f’termini identiċi fil-Kawżi C‑296/24 sa C‑307/24:
|
|
20 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ Ġunju 2024, il-Kawżi C‑296/24 sa C‑307/24 ingħaqdu għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll tas-sentenza. |
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
|
21 |
Mingħajr ma jqajjem espliċitament eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, iċ-CAE rrileva fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha “tiċħad” id-domandi preliminari għar-raġuni li dawn jirreferu għall-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ fatt li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-awtoritajiet u, skont il-każ, tal-qrati nazzjonali kompetenti. |
|
22 |
F’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, li hija bbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta u tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja biss hija awtorizzata tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni, abbażi tal-fatti li jkunu indikati lilha mill-qorti nazzjonali (sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 1978, Oehlschläger,104/77, EU:C:1978:69, punt 4 kif ukoll tas‑7 ta’ Novembru 2024, ERB New Europe Funding II,C‑178/23, EU:C:2024:943, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
23 |
Fir-rigward tal-argumenti taċ-CAE, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 45 TFUE, l-Artikolu 1(i) u l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 u mal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, kif interpretati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier) (C‑802/18, EU:C:2020:269, punti 64 u 70), u, b’mod partikolari, li tagħti preċiżazzjonijiet dwar il-mod kif għandha tiġi interpretata l-kundizzjoni ta’ għoti lill-ħaddiem mhux residenti, fl-Istat Membru ta’ impjieg, ta’ allowance tal-familja għall-wild tal-konjuġi jew tas-sieħeb irreġistrat tiegħu, stabbilita minn din il-ġurisprudenza, li tipprovdi li dan il-ħaddiem għandu “imantni” lil dan il-wild. |
|
24 |
Għalkemm, fl-aħħar mill-aħħar, huma l-amministrazzjoni u, skont il-każ, il-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw jekk, għall-finijiet tal-għoti tal-allowance tal-familja f’każ partikolari, dan ir-rekwiżit huwiex osservat, hija, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma s-suġġett tad-domandi preliminari. |
|
25 |
Minn dan isegwi li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli. |
Fuq iż-żewġ domandi
|
26 |
Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45 TFUE, l-Artikolu 1(i) u l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 u mal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjoni ta’ għoti lill-ħaddiem mhux residenti, fl-Istat Membru ta’ impjieg, ta’ allowance tal-familja għall-wild tal-konjuġi jew tas-sieħeb irreġistrat tiegħu, jiġifieri li dan il-ħaddiem huwa obbligat li “imantni” lil dan il-wild, hija ssodisfatta bis-sempliċi fatt li dawn tal-aħħar jgħixu fl-istess dar, jew jekk għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi oġġettivi oħra sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali manteniment. |
|
27 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li skont ġurisprudenza stabbilita, ħaddiem mhux residenti jista’ jibbenefika mill-ħlas ta’ benefiċċju mill-Istat abbażi ta’ vantaġġ soċjali, bħal għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni ogħla, mhux biss għall-wild tiegħu stess iżda wkoll għall-wild tal-konjuġi jew għas-sieħeb irreġistrat tiegħu, li miegħu dan il-ħaddiem ma għandux rabta ta’ filjazzjoni, meta l-imsemmi ħaddiem imantni lil dan il-wild (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Depesme et, C‑401/15 sa C‑403/15, EU:C:2016:955, punti 57 sa 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
Sussegwentement, fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-allowance tal-familja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier) (C‑802/18, EU:C:2020:269), minn naħa, li tali allowance tal-familja tikkostitwixxi benefiċċju tas-sigurtà soċjali li jaqa’ taħt il-benefiċċji tal-familja msemmija fl-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004. Peress li din hija marbuta mal-eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata minn ħaddiem fruntalier fi Stat Membru, hija tikkostitwixxi wkoll vantaġġ soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 li minnu jsegwi li l-ħaddiema mhux residenti għandhom jibbenefikaw, konformement mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, mill-istess vantaġġi soċjali u fiskali bħall-ħaddiema nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier) (C‑802/18, EU:C:2020:269, punti 24, 31 u 40). |
|
29 |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat, b’mod partikolari, il-ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għat-tkomplija tal-edukazzjoni ogħla lill-membri tal-familja ta’ tali ħaddiema, imsemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, sabiex tikkonkludi li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, li huwa l-espressjoni partikolari, fil-qasam speċifiku tal-għoti ta’ vantaġġi soċjali, tar-regola ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 45(2) TFUE, jipprekludi dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħhom il-ħaddiema mhux residenti jistgħu jirċievu l-allowance tal-familja inkwistjoni fil-kawżi prinċipali biss għall-ulied tagħhom stess, bl-esklużjoni ta’ dawk tal-konjuġi tagħhom li magħhom ma għandhomx rabta ta’ filjazzjoni, iżda li jmantnuhom, filwaqt li l-ulied kollha residenti f’dan l-Istat Membru għandhom id-dritt li jirċievu din l-allowance (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier), C‑802/18, EU:C:2020:269, punti 64 u 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li, wara dik is-sentenza, il-conseil supérieur de la sécurité sociale (il-Kunsill Superjuri tas-Sigurtà Soċjali), permezz ta’ riforma, iddeċieda li ċ-CAE, wara li wettaq eżami mill-ġdid, in concreto, tal-kawżi prinċipali, kien, ġustament, irrifjuta l-allowance tal-familja inkwistjoni fil-kawżi prinċipali lill-ħaddiema mhux residenti għall-ulied tal-konjuġi jew tas-sieħeb irreġistrat tagħhom, għar-raġuni li l-imsemmija ħaddiema ma kinux jipprovdu l-manteniment kollu tal-imsemmija wlied. |
|
31 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li, skont il-ġurisprudenza, id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-moviment liberu tal-ħaddiema, li jikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Depesme et, C‑401/15 sa C‑403/15, EU:C:2016:955, punti 58 sa 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
Fit-tieni lok, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-definizzjoni ta’ “membru tal-familja” li tinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “membru tal-familja” tal-ħaddiem fruntalier li jista’ jibbenefika indirettament mill-ugwaljanza fit-trattament, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, jikkorrispondi għal dak ta’ “membru tal-familja”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, li jinkludi l-konjuġi jew is-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun daħal f’unjoni rreġistrata, id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti, u d-dixxendenti diretti tal-konjuġi jew tas-sieħeb (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier) (C‑802/18, EU:C:2020:269, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-ulied huma, fi kwalunkwe każ, preżunti dipendenti sal-età ta’ 21 sena, bħalma jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punt 2(ċ) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 (sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Depesme et, C‑401/15 sa C‑403/15, EU:C:2016:955, punt 62) u li l-kwalità bħala membru tal-familja dipendenti tal-wild tal-konjuġi jew tas-sieħeb irreġistrat ta’ ħaddiem fruntalier tista’ tirriżulta oġġettivament mill-fatt li l-ħaddiem u l-wild ikkonċernat jgħixu fl-istess dar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Depesme et, C‑401/15 sa C‑403/15, EU:C:2016:955, punti 59 u 60). |
|
34 |
F’dan l-aħħar rigward, minn din il-ġurisprudenza jista’ jiġi dedott li, meta l-ħaddiem mhux residenti u l-wild tal-konjuġi jew tas-sieħeb irreġistrat ta’ dan tal-aħħar jgħixu fl-istess dar, dan l-element oġġettiv huwa biżżejjed, bħala prinċipju, waħdu sabiex juri li dan il-ħaddiem imantni lil dan il-wild, peress li d-dar komuni tikkaratterizza rabta stabbli bejn dawn il-persuni. |
|
35 |
Kwalunkwe interpretazzjoni oħra mhux biss tkun tmur kontra l-prinċipju ta’ interpretazzjoni wiesgħa tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-moviment liberu tal-ħaddiema, bħalma ġie indikat fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, iżda tkun tikser ukoll il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, li timponi l-obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni d-definizzjoni ta’ “membru tal-familja” prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 fil-kuntest tal-evalwazzjoni intiża sabiex jiġu ddeterminati l-persuni li jistgħu jibbenefikaw indirettament mill-ugwaljanza fit-trattament, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011. |
|
36 |
Għaldaqstant, sabiex jiġi stabbilit jekk ir-rekwiżit li l-ħaddiem mhux residenti għandu jmantni lill-wild tal-konjuġi tiegħu jew tas-sieħeb irreġistrat tiegħu huwiex osservat f’każ partikolari, għandu jitqies li hija suffiċjenti, indipendentement mill-età tal-wild, il-prova tal-fatt li dan il-ħaddiem u dan il-wild jgħixu fl-istess dar, sakemm dan il-wild jissodisfa, għall-bqija, il-kriterji previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg, f’dan il-każ il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża, li tirregola l-għoti tal-allowance tal-familja inkwistjoni. |
|
37 |
Fil-fatt, jista’ jiġi preżunt, abbażi tal-fatt li jgħixu fl-istess dar, li ħaddiem mhux residenti li jeżerċita attività bħala persuna impjegata jikkontribwixxi sabiex ikopri għall-inqas parti mill-ispejjeż tal-familja, jiġifieri, b’mod partikolari, l-ispejjeż marbuta mal-akkomodazzjoni u l-ħajja tad-dar u, għalhekk, sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tal-membri tad-dar, inklużi dawk tal-wild tal-konjuġi jew tas-sieħeb irreġistrat. Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza li l-ħaddiem mhux residenti jgħix fl-istess dar ma’ dan il-wild hija suffiċjenti sabiex jintwera li r-rekwiżit dwar il-fatt tal-manteniment ta’ dan il-wild huwa osservat. |
|
38 |
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li din id-dar komuni ma għandhiex neċessarjament tkun il-ħin kollu. Minn naħa, fid-dawl tal-importanza tal-fenomenu tal-familji mħallta, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 58 u 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-wild ikkonċernat jista’ wkoll jgħix parti mill-ħin mal-ġenitur bijoloġiku jew adottiv l-ieħor tiegħu, li ma huwiex il-konjuġi jew is-sieħeb irreġistrat tal-ħaddiem mhux residenti. Min-naħa l-oħra, ir-rabta bejn dan il-ħaddiem u dan il-wild ma tistax titqies li nkisret minħabba s-sempliċi fatt li dan tal-aħħar, minħabba t-tkomplija tal-istudji tiegħu, jgħix parti mill-ħin barra minn din id-dar. |
|
39 |
Fid-dawl tal-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju, għandu jingħad ukoll, l-ewwel nett, li, peress li l-fatt li jgħixu fl-istess dar jikkostitwixxi kundizzjoni suffiċjenti tal-osservanza tar-rekwiżit dwar il-manteniment tal-wild, l-amministrazzjoni, jew skont il-każ, il-qrati nazzjonali, ma jistgħux jeżiġu li l-ħaddiem mhux residenti jistabbilixxi b’mod iktar speċifiku, lil hinn mill-prova ta’ tali fatt li jgħixu fl-istess dar, li huwa jikkontribwixxi għall-ispejjeż ta’ kuljum jew għas-sodisfar tal-bżonnijiet partikolari tal-wild ikkonċernat. |
|
40 |
Madankollu, meta dar komuni bejn il-ħaddiem mhux residenti u l-wild ikkonċernat tkun kompletament nieqsa, minħabba b’mod partikolari l-istudji segwiti minn dan il-wild, elementi oġġettivi oħra ta’ ċerta stabbiltà bħal, b’mod partikolari, il-parteċipazzjoni fl-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni, ta’ trasport u/jew tal-ħajja ta’ kuljum tal-imsemmi wild, għandhom ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex dan il-ħaddiem ikun jista’ juri li għadu jmantnih. |
|
41 |
It-tieni, l-eżistenza ta’ kontribuzzjoni ta’ manteniment, responsabbiltà tal-ġenitur bijoloġiku jew adottiv l-ieħor tal-wild tal-konjuġi jew tas-sieħeb irreġistrat tal-ħaddiem mhux residenti, ipoteżi prevista fil-punt 52 tas-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier) (C‑802/18, EU:C:2020:269), jew anki l-eżistenza ta’ dritt ta’ aċċess u ta’ akkomodazzjoni ta’ dan il-ġenitur, ma jistgħux jitqiesu li huma ċirkustanzi li jippermettu li jiġi eskluż li dan il-ħaddiem imantni lil dan il-wild, li miegħu jgħix fl-istess dar. |
|
42 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, li f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet l-assenza, f’dan il-każ, ta’ tali kontribuzzjoni bl-għan wieħed li tassisti lill-qorti tar-rinviju fl-evalwazzjoni tagħha tal-punt dwar jekk il-ħaddiem fruntalier kienx imantni lil dan il-wild. Konsegwentement, l-eżistenza ta’ kontribuzzjoni ta’ manteniment, responsabbiltà tal-ġenitur l-ieħor tal-wild tal-konjuġi jew tas-sieħeb irreġistrat tal-ħaddiem mhux residenti, ma tistax titqies li hija kriterju li jippermetti li jiġi eskluż li dan il-ħaddiem imantni lill-wild tal-konjuġi jew tas-sieħeb irreġistrat tiegħu, li jgħixu fl-istess dar. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-eżistenza ta’ tali kontribuzzjoni ta’ manteniment ma tikkostitwixxix kundizzjoni li teskludi l-benefiċċju ta’ allowance tal-familja favur il-wild tal-konjuġi jew tas-sieħeb irreġistrat ta’ ħaddiem residenti li jgħixu fl-istess dar. |
|
43 |
Min-naħa l-oħra, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi msemmija fil-punt 41 ta’ din is-sentenza sabiex jiġi eskluż li l-ħaddiem mhux residenti jmantni lill-wild tal-konjuġi tiegħu jew tas-sieħeb irreġistrat tiegħu jwassal sabiex ir-rekwiżit dwar il-manteniment tal-wild jiġi interpretat bi ksur tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni wiesgħa tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-moviment liberu tal-ħaddiema, kif imfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza. |
|
44 |
It-tielet, għandu jiġi ppreċiżat, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, li mill-preżunzjoni ta’ manteniment mill-ħaddiem mhux residenti tal-wild tal-konjuġi tiegħu jew tas-sieħeb irreġistrat tiegħu bbażata fuq il-fatt li joqogħdu fl-istess dar, isegwi li l-amministrazzjoni, jew skont il-każ il-qrati nazzjonali, jistgħu jirrifjutaw l-għoti tal-allowance tal-familja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, lil dan il-ħaddiem f’ċirkustanzi eċċezzjonali biss. Tali rifjut jista’ jiġi ġġustifikat biss jekk mill-proċess ikun isegwi li l-imsemmi ħaddiem għamel dikjarazzjonijiet foloz jew, fir-realtà, bl-ebda mod ma kien involut fl-ispejjeż marbuta mal-manteniment tal-wild, liema spejjeż huma kompletament taħt ir-responsabbiltà ta’ terz. |
|
45 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 45 TFUE, l-Artikolu 1(i) u l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 u mal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjoni ta’ għoti lill-ħaddiem mhux residenti, fl-Istat Membru ta’ impjieg, ta’ allowance tal-familja għall-wild tal-konjuġi tiegħu jew tas-sieħeb irreġistrat tiegħu, jiġifieri li dan il-ħaddiem huwa obbligat li “jmantni” lil dan il-wild, hija ssodisfatta meta jkun hemm komunità ta’ familja bejn l-imsemmi ħaddiem u l-wild bijoloġiku jew adottiv tal-konjuġi tiegħu jew tas-sieħeb irreġistrat tiegħu, li hija kkaratterizzata mill-fatt li l-istess ħaddiem u dan il-wild jgħixu fl-istess dar. |
Fuq l-ispejjeż
|
46 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 45 TFUE, l-Artikolu 1(i) u l-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni u flimkien mal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
il-kundizzjoni ta’ għoti lill-ħaddiem mhux residenti, fl-Istat Membru ta’ impjieg, ta’ allowance tal-familja għall-wild tal-konjuġi tiegħu jew tas-sieħeb irreġistrat tiegħu, jiġifieri li dan il-ħaddiem huwa obbligat li “jmantni” lil dan il-wild, hija ssodisfatta meta jkun hemm komunità ta’ familja bejn l-imsemmi ħaddiem u l-wild bijoloġiku jew adottiv tal-konjuġi tiegħu jew tas-sieħeb irreġistrat tiegħu, li hija kkaratterizzata mill-fatt li l-istess ħaddiem u dan il-wild jgħixu fl-istess dar. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.