|
22.5.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 130/43 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-16 ta’ Mejju 2007
li tagħti deroga mitluba minn Franza skond id-Deċiżjoni 2006/804/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-ispektrum tal-frekwenzi tar-radju għal apparat għall-identifikazzjoni bil-frekwenzi tar-radju (RFID) u li joperaw fil-medda UHF (ultra high frequency)
(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 2084)
(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)
(2007/346/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispektrum tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispektrum tar-Radju) (1), u partikolarment l-Artikolu 4(5) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/804/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-ispektrum tal-frekwenzi tar-radju għal apparat għall-identifikazzjoni bil-frekwenzi tar-radju (RFID - radio frequency identification) u li joperaw fil-medda UHF (ultra high frequency) (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 3(2) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Peress li d-Deċiżjoni 2006/804/KE se tafettwa il-medda ta’ frekwenzi 865.6-867.6 MHz, Franza introduċiet talba għal deroga tranżizzjonali għal din id-Deċiżjoni abbażi tal-fatt li din il-medda hija attwalment użata esklussivament u direttament għal apparat iddedikat għas-sgurtà pubblika u għad-difiża li ma jittollerax livelli għoljin ta’ emissjonijiet f'ċertu żoni ġeografiċi. |
|
(2) |
Għalhekk Franza talbet għall-possibbiltà li tillimita l-livelli ta’ l-emissjonijiet fuq dik il-medda f'ċertu żoni, taħt il-livelli definiti mid-Deċiżjoni 2006/804/KE. |
|
(3) |
Franza pprovdiet biżżejjed ġustifikazzjoni teknika għat-talba tagħha, bbażata b'mod partikolari fuq studji ta’ kompatibilità mill-Agence Nationale des Fréquences u mis-CEPT u billi tat każ ta’ fatturi ta’ interferenza li tagħmel ħsara bejn apparat tal-RFID u apparat militari bħal qawwa ta’ emissjoni, densità u duty cycles. |
|
(4) |
Għalkemm it-talba tfittex protezzjoni minima għall-apparat militari, ma timponix restrizzjonijiet żejda fejn jidħlu meded ta’ frekwenzi jew kopertura ġeografika. Parti limitata ferm tat-territorju ta’ Franza biss hija kkonċernata; ma żżommx milli jsiru attivitajiet madwar żoni urbani u ż-żoni involuti se jkunu rurali u ma jidħlux fi bliet ewlenin. L-RFID xorta se jkun permess fiż-żoni maħsuba, għalkemm b'livell ta’ qawwa mnaqqsa. Fuq kollox, id-deroga, effettivament ma għandux ikollha impatt sinifikanti fuq l-użu tat-teknoloġija RFID fi Franza. |
|
(5) |
Il-limitazzjoni għandha tibqa' eċċezzjoni u permessa għal perjodu ta’ żmien limitat. Franza għandha tirrapporta dwar l-evoluzzjoni tat-teknoloġija u l-użu mill-militar tagħha u dwar l-implimentazzjoni tal-limitazzjoni wara tliet snin. Ir-rapport għandu jinkludi kull fatt jew kejl tul il-periodu ta’ tliet snin. |
|
(6) |
Franza indikat li se taddotta apparat ġdid militari li jkun kompatibbli mal-livelli ta’ emissjoni tad-Deċiżjoni 2006/804/KE malli tasal it-teknoloġija; fid-dawl taż-żmien meħtieġ għall-iżvilupp tat-teknoloġija, Franza indikat li tista' tapplika għal tiġdidiet ta’ tliet snin ta’ din id-deroga, sa mhux aktar mill-2020. Madankollu, jibqa' l-fat li deroga bħal din hija eċċezzjoni u kull tiġdid tagħha għandu jkun ġustifikat u meħtieġ. |
|
(7) |
Il-membri tal-Kumitat ta’ l-Ispektrum tar-Radju indikaw, fil-laqgħa tal-Kumitat ta’ l-4–5 ta’ Diċembru 2006, li huma ma joġġezzjonawx għal deroga tranżizzjonali. |
|
(8) |
Il-limitazzjoni mitluba ma għandhiex tiddeferixxi bla ħtieġa l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/804/KE jew toħloq differenzi għalxejn f'sitwazzjonijiet kompetittivi jew regolatorji bejn l-Istati Membri. It-talba hija ġustifikata u deroga tranżizzjonali tkun xierqa biex tiffaċilita l-implimentazzjoni sħiħa tad-Deċiżjoni 2006/804/KE. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
It-talba ta’ Franza permezz ta’ ittra fit-23 ta’ Frar 2007 (SG/CDC/2007/A/1821) biex tillimita aktar il-qawwa ta’ l-emissjonijiet għall-użu tal-medda ta’ frekwenzi 865.6-867.6 MHz għal apparat li juża l-frekwenzi tar-radju għall-identifikazzjoni (RFID) li jopera fit-territorju ta’ Franza, bħala deroga għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/804/KE, hija hawnhekk approvata, suġġetta għal-kundizzjonijet imniżżla f'din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Fil-medda ta’ frekwenzi 865.6-867.6 MHz, il-qawwa massima tal-medda ma għandhiex tkun aktar minn 500mW e.r.p. (effective radiated power) fiż-żoni kif definiti fl-Anness.
Artikolu 3
Franza għandha tissottometti sat-30 ta’ Ġunju 2010 rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2010.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Franza.
Magħmul fi Brussell, 16 ta’ Mejju 2007.
Għall-Kummissjoni
Viviane REDING
Membru tal-Kummissjoni
ANNESS
|
|
Koordinati ġeografiċi |
Dipartment: |
Raġġ taż-żona bil-qawwa massima tal-medda ta' 500 mW e.r.p. |
|
Avon-les-Roches (camp Le Ruchard) |
47° 12′ 04″ N — 000° 28′ 48″ E |
37 — Indre-et-Loire |
20 km |
|
Beignon (camp de Coëtquidan) |
47° 56′ 56″ N — 002° 09′ 26″ W |
56 — Morbihan |
15 km |
|
Bitche |
49° 03′ 09″ N — 007° 28′ 43″ E |
57 — Moselle |
20 km (fuq territorju Franċiż biss) |
|
Caylus |
44° 16′ 42″ N — 001° 44′ 57″ E |
82 — Tarn-et-Garonne |
20 km |
|
La Cavalerie (camp du Larzac) |
44° 00′ 40″ N — 003° 10′ 16″ E |
12 — Aveyron |
10 km |
|
La Courtine |
45° 42′ 40″ N — 002° 15′ 18″ E |
23 — Creuse |
20 km |
|
Mailly-le-Camp |
48° 39′ 55″ N — 004° 13′ 04″ E |
10 — Aube |
20 km |
|
Montferrat (camp de Canjuers) |
43° 38′ 47″ N — 006° 28′ 05″ E |
83 — Var |
10 km |
|
Mourmelon |
49° 07′ 30″ N — 004° 21′ 59″ E |
51 — Marne |
15 km |
|
Sissonne |
49° 34′ 08″ N — 003° 54′ 57″ E |
02 — Aisne |
20 km |
|
Suippes |
49° 07′ 37″ N — 004° 33′ 05″ E |
51 — Marne |
20 km |
|
Valdahon Lyautey |
47° 09′ 24″ N — 006° 19′ 25″ E |
25 — Doubs |
20 km |