|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1258 |
2.5.2024 |
REGOLAMENT (UE) 2024/1258 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-24 ta’ April 2024
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward tar-rekwiżiti minimi dwar il-pawżi minimi u l-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa fis-settur tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri u fir-rigward tas-setgħa tal-Istati Membri li jimponu penali fuq il-ksur tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 imwettaq fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1) |
Kundizzjonijiet tax-xogħol tajba għax-xufiera u kundizzjonijiet ġusti ta’ negozju għall-impriżi tat-trasport bit-triq huma tal-ogħla importanza għall-ħolqien ta’ settur tat-trasport bit-triq effiċjenti, sikur u soċjalment responsabbli, biex tiġi żgurata n-nondiskriminazzjoni u jiġu attirati ħaddiema kwalifikati. Għalhekk huwa essenzjali li r-regoli soċjali tal-Unjoni dwar it-trasport bit-triq ikunu ċari, proporzjonati, xierqa għall-iskop tagħhom, faċli biex jiġu applikati u infurzati, u implimentati b’mod effettiv u konsistenti fl-Unjoni kollha. |
|
(2) |
Ir-regoli dwar il-ħinijiet massimi tas-sewqan ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) japplikaw għall-operaturi tat-trasport bit-triq u għax-xufiera tagħhom, irrispettivament minn jekk humiex involuti fit-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija jew jekk, fir-rigward tat-trasport ta’ passiġġieri, it-trasport huwiex regolari jew okkażjonali. |
|
(3) |
L-ispeċifiċitajiet tas-settur tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri bit-triq ma humiex kondiviżi mis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq jew mis-settur tat-trasport regolari tal-passiġġieri bit-triq. It-trasport okkażjonali tal-passiġġieri bit-triq huwa kkaratterizzat minn staġjonalità għolja u tulijiet ta’ ħin differenti mqatta’ fuq sewqan kif ukoll distanzi ta’ sewqan differenti li jiddependu fuq l-attivitajiet turistiċi li jwettqu l-passiġġieri. Jeħtieġ li jakkomoda l-ħtiġijiet tal-passiġġieri bħal rikjesti mhux skedati u għall-għarrieda għal waqfiet addizzjonali u bidliet fir-rotta jew fl-iskeda, fejn ikun fattibbli. It-trasport okkażjonali tal-passiġġieri bit-triq ġeneralment jinvolvi inqas ħin tas-sewqan meta mqabbel mat-trasport tal-merkanzija jew mas-servizzi regolari tax-xarabank. Barra minn hekk, ix-xufiera normalment jorqdu fil-lukandi, u rari jsuqu billejl. Min-naħa l-oħra, ix-xufiera matul il-ħin tax-xogħol jistgħu jkunu soġġetti għal xi attivitajiet addizzjonali, li spiss jirriżultaw minn interazzjonijiet mal-passiġġieri. |
|
(4) |
L-evalwazzjoni ex post tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 ikkonkludiet li xi wħud mir-regoli uniformi relatati mal-pawżi minimi u l-perjodi ta’ mistrieħ ma jissodisfawx l-ispeċifiċitajiet tas-servizzi tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri bit-triq. Valutazzjonijiet ulterjuri mwettqa mill-Kummissjoni f’dak ir-rigward urew li wħud mir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 dwar il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa la huma xierqa u lanqas prattiċi għax-xufiera u għall-operaturi involuti fit-trasport okkażjonali tal-passiġġieri bit-triq, peress li għandhom impatt negattiv fuq il-kapaċità li jiġu organizzati servizzi tal-passiġġieri okkażjonali effiċjenti u ta’ kwalità għolja, fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera, u konsegwentement fuq is-sikurezza fit-toroq. |
|
(5) |
Huwa għalhekk xieraq li r-rekwiżiti dwar il-pawżi minimi u l-perjodi ta’ mistrieħ jiġu adattati għar-rekwiżiti speċifiċi ta’ servizzi tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri bit-triq. Huwa xieraq ukoll li jiġu allinjati r-regoli applikabbli għas-servizzi nazzjonali u internazzjonali tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri bit-triq. |
|
(6) |
Jenħtieġ li regoli aktar flessibbli dwar l-iskedar tal-pawżi u tal-perjodi ta’ mistrieħ tax-xufiera involuti fis-servizzi tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri bit-triq bl-ebda mod ma jipperikolaw is-sikurezza tax-xufiera, is-sikurezza fit-toroq, iżidu l-livell ta’ għeja tax-xufiera jew iwasslu għal deterjorament fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Għalhekk, jenħtieġ li tali flessibbiltà ma tibdilx ir-regoli attwali dwar il-pawżi minimi totali, dwar il-perjodi massimi ta’ sewqan kuljum u fil-ġimgħa, dwar il-ħin massimu ta’ sewqan kull ġimagħtejn u dwar il-ħin tax-xogħol massimu f’konformità mal-liġi applikabbli, inkluż id-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
|
(7) |
Sabiex tiġi żgurata definizzjoni uniformi tas-servizzi okkażjonali tal-passiġġieri, jeħtieġ li jiġi ċċarat li d-definizzjoni stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tkopri kemm is-servizzi nazzjonali kif ukoll dawk internazzjonali. Huwa xieraq ukoll li tiġi aġġornata d-definizzjoni ta’ servizz regolari tal-passiġġieri biex tirreferi għar-Regolament (KE) Nru 1073/2009, li ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 684/92 (6). |
|
(8) |
Jenħtieġ li aktar flessibbiltà fl-iskedar tal-pawżi għax-xufiera involuti f’servizzi tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri bit-triq ma tikkawża bl-ebda mod aktar għejja jew stress għax-xufiera. Jenħtieġ li jiġi żgurat li x-xufiera jieħdu pawżi tad-durata minima meħtieġa biex ikunu jistgħu jistrieħu kif xieraq u b’mod suffiċjenti. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi stabbilita durata minima għal kull pawża. Ix-xufiera involuti f’servizzi tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri bit-triq jenħtieġ li jitħallew jaqsmu l-pawża mandatorja tagħhom f’żewġ pawżi ta’ mill-inqas 15-il minuta kull waħda, filwaqt li jirrispettaw id-durata minima totali ta’ pawża meħtieġa ta’ 45 minuta. Jenħtieġ li aktar flessibbiltà fl- iskedar ta’ dawn il-pawżi, madankollu, ma tipprevjenix lix-xufiera milli jkollhom pawżi itwal mid-durata minima meħtieġa jew milli jieħdu pawżi addizzjonali. |
|
(9) |
Sabiex jiġi żgurat li flessibbiltà akbar fl-iskedar tal-perjodi ta’ mistrieħ tax-xufiera involuti f’servizzi tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri bit-triq ma tiġix abbużata, huwa essenzjali li jiġi ddefinit b’mod ċar l-ambitu ta’ tali flessibbiltà. Għalhekk, jenħtieġ li x-xufiera jkunu jistgħu jipposponu l-bidu tal-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum tagħhom għal perjodu massimu ta’ siegħa, f’każijiet fejn il-perjodu ta’ sewqan għal dak il-jum ma jkunx qabeż is-seba’ sigħat, u jenħtieġ li jkunu jistgħu jipposponu l-bidu tal-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum tagħhom biss meta jwettqu servizzi ta’ passiġġieri okkażjonali ta’ darba ta’ sitt ijiem jew aktar. Jenħtieġ li tali flessibbiltà tiġi limitata ulterjorment sabiex ikun possibbli li tintuża dik id-deroga mir-regoli dwar il-perjodi ta’ mistrieħ darba biss matul id-durata tal-vjaġġ, jew darbtejn f’servizzi ta’ passiġġieri okkażjonali ta’ darba ta’ tmint ijiem jew aktar. L-użu ta’ dik id-deroga ma jaffettwax l-aħħar ħin tal-bidu ta’ perjodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa. Bil-ħsieb ta’ infurzar effettiv u effiċjenti, sakemm formola tal-vjaġġ diġitali tkun disponibbli, jenħtieġ li tintuża kopja tal-formola tal-vjaġġ f’format stampat jew elettroniku, flimkien mar-rekords tat-takografu. |
|
(10) |
Il-kontrolli mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ ser jiġu appoġġati, kif xieraq, mill-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA). |
|
(11) |
Il-limitazzjoni tal-possibbiltà li l-perjodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa jiġi pospost għal massimu ta’ 12-il perjodu konsekuttiv ta’ 24 siegħa esklużivament għal servizzi okkażjonali internazzjonali tal-passiġġieri għandha impatt negattiv f’termini ta’ trattament ugwali u ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni u ġusta bejn l-operaturi, speċjalment l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Is-servizzi okkażjonali nazzjonali tal-passiġġieri jistgħu jipprovdu wkoll is-servizzi tagħhom bl-istess kundizzjonijiet tas-servizzi okkażjonali internazzjonali tal-passiġġieri f’termini tad-distanza vvjaġġata, id-durata tal-vjaġġ jew is-servizzi mogħtija lill-passiġġieri. Għalhekk, jenħtieġ li s-servizzi okkażjonali nazzjonali tal-passiġġieri jibbenefikaw ukoll minn tali possibbiltà li jipposponu l-perjodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa. |
|
(12) |
Sabiex jiġi ffaċilitat l-infurzar, jenħtieġ li x-xufiera jġorru, abbord il-vettura u matul il-vjaġġ kollu, formola tal-vjaġġ li jkun fiha informazzjoni ewlenija dwar il-vjaġġ. Tali formola tal-vjaġġ diġà tintuża għal servizzi okkażjonali internazzjonali tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009. F’allinjament mad-dispożizzjonijiet fir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) dwar iż-żamma ta’ rekords manwali, jenħtieġ li x-xufiera jġorru abbord ukoll kopji stampati jew elettroniċi tal-formoli tal-vjaġġ li jkopru s-servizzi tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri bit-triq mwettqa fit-28 jum ta’ qabel u, mill-31 ta’ Diċembru 2024, fis-56 jum ta’ qabel. |
|
(13) |
Sabiex tittejeb l-effettività u l-effiċjenza tal-infurzar, jenħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri u rekwiżiti ta’ kontroll li jisfruttaw bis-sħiħ l-għodod diġitali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta liema miżuri huma adegwati għad-diġitalizzazzjonital-formola tal-vjaġġ. |
|
(14) |
Sabiex jiġu żgurati servizzi okkażjonali tal-passiġġieri effiċjenti u ta’ kwalità għolja kif ukoll kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol u tas-sewqan għax-xufiera, jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa l-infurzar tar-regoli applikabbli għas-servizzi okkażjonali tal-passiġġieri u l-effett tagħhom fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera u l-attraenza tas-settur. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, b’mod partikolari, timmonitorja l-użu tad-derogi introdotti b’dan ir-Regolament billi tivvaluta jekk it-total tal-ħin akkumulat tas-sewqan matul il-perjodu kopert minn deroga huwiex eċċessiv, jikkontribwixxix għall-għejja u l-istress tax-xufier, jew jaffettwax is-sikurezza fit-toroq. |
|
(15) |
Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dak ir-Regolament u tar-Regolament (UE) Nru 165/2014, u jiżguraw li dawk ir-regoli jiġu implimentati. Fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Settembru 2021 fil-kawża C-906/19 (8), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ċara li l-Istati Membri huma preklużi milli jimponu penali wara li jinqabad ksur tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 imwettaq fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li fuqu tkun għadha ma ġietx imposta penali,. Il-Qorti rrikonoxxiet li sa fejn dak l-aspett tar-regoli tal-Unjoni fis-seħħ jista’ jkollu effetti negattivi fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sewwieqa u fuq is-sigurtà tat-toroq, hija l-leġislatura tal-Unjoni li għandha jiddeċiedi dwar kwalunkwe emenda eventwali. Billi l-ksur tarRegolamenti (KE) Nru 561/2006 u (UE) Nru 165/2014 sikwit jitwettaq simultanjament, u l-fini tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 huwa li jiżgura l-konformità mar-Regolament (KE) Nru 561/2006, huwa xieraq li jistgħu jiġu imposti penali fuq impriża jew xufier għall-ksur taż-żewġ Regolamenti fejn tali ksur jinqabad fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed iżda jkun twettaq fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż terz. |
|
(16) |
Billi l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-sikurezza fit-toroq permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ għax-xufiera involuti f’servizzi tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri bit-triq, u li jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jimponu penali għall-ksur tar-regoli tat-takografu li jinqabad fit-territorju tagħhom irrispettivament minn fejn twettaq dak il-ksur, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda minflok, minħabba n-natura tal-objettivi, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi. |
|
(17) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippromwovi, bl-involviment sħiħ tas-sħab soċjali u tal-Istati Membri, approċċ komuni dwar l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament, inkluż billi tiżviluppa linji gwida u trawwem il-kooperazzjoni bejn il-partijiet kkonċernati kollha. |
|
(18) |
Sabiex ikun jista’ jsir infurzar xieraq ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinkludi, mal-ewwel okkażjoni tar-rieżami tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/799 (9) jew kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni li jissostitwih, u mhux aktar tard minn 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, speċifikazzjonijiet tekniċi għal takografi intelliġenti li jiffaċilitaw kontrolli fuq il-konformità mill-awtoritajiet ta’ kontroll, sabiex it-takografi intelliġenti jirreġistraw ukoll jekk il-vettura hijiex involuta f’servizzi regolari jew okkażjonali tal-passiġġieri. |
|
(19) |
Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
fl-Artikolu 4, il-punt (n) huwa sostitwit b’dan li ġej:
(*1) Ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 88).”;" |
|
(2) |
fl-Artikolu 7, wara t-tieni paragrafu jiddaħħal il-paragrafu li ġej: “Għal xufier involut f’servizz okkażjonali tal-passiġġieri, il-pawża msemmija fl-ewwel paragrafu tista’ tiġi sostitwita wkoll b’żewġ pawżi, ta’ mill-inqas 15-il minuta kull waħda, imqassma matul il-perjodu ta’ sewqan imsemmi fl-ewwel paragrafu, b’tali mod li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu.” ; |
|
(3) |
l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:
|
|
(4) |
fl-Artikolu 16, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin: “4. Għall-fini tal-kontrolli fit-triq, sakemm formola tal-vjaġġ diġitali tkun disponibbli, ix-xufier għandu jkunu jista’ jiġġustifika l-użu tad-derogi skont l-Artikolu 7, it-tielet subparagrafu, u l-Artikolu 8(2a) u (6a) billi:
L-obbligu fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandu jieqaf japplika l-aktar tard meta l-vettura tuża takografu li jippermetti r-reġistrazzjoni tat-tip ta’ servizz tal-passiġġieri msemmi fil-paragrafu 5. Għas-servizzi nazzjonali, tista’ tintuża l-formola tal-vjaġġ għal servizzi internazzjonali, filwaqt li tindika l-użu tagħha għal servizz nazzjonali. Il-Kummissjoni tista’, tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-format tal-formola tal-vjaġġ għal servizzi nazzjonali biex jiġu ssimplifikati l-kontrolli fuq il-konformità, jekk ikun xieraq. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 24(2a). Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2026, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-għażliet għad-diġitalizzazzjoni tal-formola tal-vjaġġ għax-xufiera involuti f’servizzi okkażjonali tal- passiġġieri f’termini ta’ fattibbiltà, kosteffettività u l-impatt tagħha fuq l-infurzabbiltà u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera u, jekk ikun xieraq, tippreżenta proposta leġislattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rigward tali diġitalizzazzjoni. Dik il-valutazzjoni għandha tkopri l-iżvilupp ta’ formola tal-vjaġġ diġitali li jkun fiha l-informazzjoni meħtieġa f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 biex tali informazzjoni tkun tista’ tiġi rreġistrata b’mod elettroniku qabel il-bidu tal-vjaġġ f’interfaċċa multilingwa li l-operaturi jkollhom aċċess għaliha. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tista’ tesplora wkoll il-possibbiltà li tiżviluppa modulu ġdid wieħed jew aktar għas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2). 5. Sabiex tiżgura l-applikazzjoni u l-infurzar uniformi tal-Artikolu 7, it-tielet paragrafu, u l-Artikolu 8(2a) u (6a), il-Kummissjoni għandha, mal-ewwel okkażjoni li jkollha biex tirrieżamina r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/799 (*3) jew kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni li jissostitwixxih, u l-aktar tard sat-23 ta’ Novembru 2025, tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw speċifikazzjonijiet tekniċi xierqa li jippermettu r-reġistrazzjoni u l-ħżin fit-takografu tad-data marbuta mat-tip tas-servizz tal-passiġġieri, jiġifieri servizz regolari jew okkażjonali tal-passiġġieri. Id-data tal-applikazzjoni ta’ dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandha tiġi stabbilita wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 24(2a). (*2) Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (‘ir-Regolament tal-IMI’) (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1)." (*3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/799 tat-18 ta’ Marzu 2016 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-kostruzzjoni, l-ittestjar, l-istallazzjoni, l-operazzjoni u t-tiswija ta’ takografi u l-komponenti tagħhom (ĠU L 139, 26.5.2016, p. 1).”;" |
|
(5) |
Jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 17a Sal-31 ta’ Diċembru 2028, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport li jivvaluta l-konsegwenzi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament relatati mas-settur tas-servizzi okkażjonali tal-passiġġieri fir-rigward tas-sikurezza fit-toroq u l-aspetti soċjali, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Jekk tqis li jkun xieraq, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposti leġiżlattivi rilevanti. |
|
(6) |
fl-Artikolu 19(2), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej: “2. Stat Membru għandu jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jimponu penali fuq impriża u/jew xufier għal ksur ta’ dan ir-Regolament jew tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 li jinqabad fit-territorju tiegħu u li għalih tkun għadha ma ġietx imposta penali, anki fejn dak il-ksur twettaq fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż terz.”. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, l-24 ta’ April 2024.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
M. MICHEL
(1) ĠU C, C/2023/882, 8.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/882/oj.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ April 2024.
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1).
(4) Id-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35).
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 88).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 684/92 tas-16 ta’ Marzu 1992 dwar regoli komuni għat-trasport internazzjonali ta’ passiġġieri bil-coach u bix-xarabank (ĠU L 74, 20.3.1992, p. 1).
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1).
(8) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 2021, Proċeduri kriminali kontra FO, C-906/19, ECLI:EU:C:2021:715, il-paragrafu 45.
(9) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/799 tat-18 ta’ Marzu 2016 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-kostruzzjoni, l-ittestjar, l-istallazzjoni, l-operazzjoni u t-tiswija ta’ takografi u l-komponenti tagħhom (ĠU L 139, 26.5.2016, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1258/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)